EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0295

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/295 tal-20 ta' Frar 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1011/2014 fir-rigward tal-bidliet lill-mudell għall-applikazzjoni għal ħlas rigward strumenti finanzjarji u lill-mudell għall-kontijiet

C/2019/1300

ĠU L 50, 21.2.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/295/oj

21.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/295

tal-20 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1011/2014 fir-rigward tal-bidliet lill-mudell għall-applikazzjoni għal ħlas rigward strumenti finanzjarji u lill-mudell għall-kontijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41(4), l-Artikolu 131(6) u l-Artikolu 137(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness VI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1011/2014 (2) jistabbilixxi mudell għall-applikazzjoni għal ħlas li jinkludi informazzjoni addizzjonali rigward strumenti finanzjarji b'konformità mal-Artikolu 131(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Fir-rigward tal-ħlasijiet bil-quddiem magħmula fil-kuntest ta' għajnuna mill-Istat, l-Appendiċi 2 ta' dak l-Anness jispeċifika x'ammont minn dawk il-ħlasijiet bil-quddiem li saru u li mbagħad ġew koperti jew le minn nefqa mħallsa mill-benefiċjarji f'perjodu partikolari jenħtieġ li jiġi inkluż fl-applikazzjonijiet għal ħlas.

(2)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda d-definizzjoni ta' “benefiċjarju” fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Huwa emenda wkoll l-Artikolu 131(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li issa jistipula li f'każ ta' għajnuna mill-Istat, il-kontribuzzjoni pubblika li tikkorrispondi għan-nefqa inkluża f'applikazzjoni għal ħlas trid tkun tħallset lill-benefiċjarji mill-entità li tagħti l-għajnuna jew, meta l-Istati Membri jkunu ddeċidew li l-benefiċjarju jkun l-entità li tagħti l-għajnuna skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(10) ta' dak ir-Regolament, tkun tħallset mill-benefiċjarju lill-entità li tirċievi l-għajnuna. Minħabba dawn il-bidliet, jenħtieġ li l-Appendiċi 2 tal-Anness VI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1011/2014 jiġu emendati skont dan.

(3)

L-Anness VII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1011/2014 jistabbilixxi mudell għall-kontijiet b'konformità mal-Artikolu 137(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Fir-rigward tal-ħlasijiet bil-quddiem magħmula fil-kuntest ta' għajnuna mill-Istat, l-Appendiċi 7 ta' dak l-Anness jispeċifika x'ammont minn dawk il-ħlasijiet bil-quddiem li saru u li mbagħad ġew koperti jew le minn nefqa mħallsa mill-benefiċjarji f'perjodu partikolari jrid jiġi inkluż fil-kontijiet.

(4)

Fir-rigward tal-ammont totali ta' nefqa eliġibbli mdaħħla fis-sistemi kontabilistiċi tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni li kienet ġiet inkluża fl-applikazzjonijiet għal ħlas, il-punt (a) tal-Artikolu 137(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jirreferi lura għall-Artikolu 131 tiegħu. Minħabba l-bidliet fl-Artikolu 131(3) ta' dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-Appendiċi 7 tal-Anness VII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1011/2014 jiġu emendati skont dan.

(5)

Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza tad-dritt u biex d-diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet emendati tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li japplikaw mit-2 ta' Awwissu 2018 jew qabel skont l-Artikolu 282 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunu limitati għall-minimu, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Koordinament għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1011/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi VI u VII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1011/2014 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1011/2014 tat-22 ta' Settembru 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli għall-preżentazzjoni ta' ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni u r-regoli dettaljati rigward l-iskambji ta' informazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta' ġestjoni, l-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni, l-awtoritajiet ta' verifika u l-korpi intermedji (ĠU L 286, 30.9.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

L-Annessi VI u VII huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness VI, l-Appendiċi 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura tal-kolonna (B) tinbidel b'dan li ġej:

“Ammont li ġie kopert min-nefqa mħallsa mill-benefiċjarji jew, meta l-Istati Membri jkunu ddeċidew li l-benefiċjarju jkun l-entità li tagħti l-għajnuna skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, mill-entità li tirċievi l-għajnuna, fi żmien tliet snin mill-ħlas tal-avvanz”;

(b)

l-intestatura tal-kolonna (C) tinbidel b'dan li ġej:

“Ammont li ma ġiex kopert min-nefqa mħallsa mill-benefiċjarji jew, meta l-Istati Membri jkunu ddeċidew li l-benefiċjarju jkun l-entità li tagħti l-għajnuna skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, mill-entità li tirċievi l-għajnuna, u li l-perjodu ta' tliet snin għalih ma jkunx għadu skada”;

(2)

fl-Anness VII, l-Appendiċi 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura tal-kolonna (B) tinbidel b'dan li ġej:

“Ammont li ġie kopert min-nefqa mħallsa mill-benefiċjarji jew, meta l-Istati Membri jkunu ddeċidew li l-benefiċjarju jkun l-entità li tagħti l-għajnuna skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, mill-entità li tirċievi l-għajnuna, fi żmien tliet snin mill-ħlas tal-avvanz”;

(b)

l-intestatura tal-kolonna (C) tinbidel b'dan li ġej:

“Ammont li ma ġiex kopert min-nefqa mħallsa mill-benefiċjarji jew, meta l-Istati Membri jkunu ddeċidew li l-benefiċjarju jkun l-entità li tagħti l-għajnuna skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, mill-entità li tirċievi l-għajnuna, u li l-perjodu ta' tliet snin għalih ma jkunx għadu skada”.


Top