Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0099

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/99 tat-22 ta' Jannar 2019 li jittermina r-riinvestigazzjoni ta' assorbiment rigward l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ

    C/2019/184

    ĠU L 20, 23.1.2019, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/99/oj

    23.1.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 20/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/99

    tat-22 ta' Jannar 2019

    li jittermina r-riinvestigazzjoni ta' assorbiment rigward l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 12 tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Il-miżuri fis-seħħ

    (1)

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (2), kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 (3).

    (2)

    Il-prodott ikkonċernat huwa wkoll suġġett għal dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 (4). Madankollu, id-dazju kompensatorju mhuwiex suġġett għal din ir-riinvestigazzjoni.

    1.2.   It-talba għal riinvestigazzjoni ta' assorbiment

    (3)

    Il-Kummissjoni rċeviet talba għal riinvestigazzjoni ta' assorbiment tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku.

    (4)

    It-talba ġiet ippreżentata fis-16 ta' Marzu 2018 minn Saint-Gobain PAM, Saint-Gobain PAM Deutschland GmbH, Saint-Gobain PAM España S.A. u Duktus (Production) GmbH (l-“Applikant”), erba' produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw iktar minn 90 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid duttili.

    (5)

    L-Applikant kien ippreżenta biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping. L-Applikant sostna li l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni kienu naqsu wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u wara l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping u li dan impedixxa l-effetti ta' rimedju intenzjonati tal-miżuri fis-seħħ. L-evidenza li kien hemm fit-talba indikat li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid ma setax jiġi spjegat minn fatturi oħra bħal bidliet fil-prezzijiet tal-materja prima.

    1.3.   Il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping

    (6)

    Fit-30 ta' April 2018, il-Kummissjoni ħabbret il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (in-“Notifika ta' Ftuħ mill-Ġdid”) (5).

    (7)

    Ir-riinvestigazzjoni kienet tikkonċerna d-dazju attwali ta' anti-dumping ta' 14,1 % impost fuq Jindal Saw Limited (“Jindal”), u l-kumpanniji relatati tagħha, u fuq il-“Kumpaniji l-oħra kollha” kif stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388.

    1.4.   Il-partijiet interessati

    (8)

    Fin-Notifika ta' Ftuħ mill-Ġdid, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fir-riinvestigazzjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-Applikant, lill-produtturi esportaturi u lill-importaturi magħrufa li huma kkonċernati u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar ir-riinvestigazzjoni ta' assorbiment u stednithom biex jipparteċipaw.

    (9)

    Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. Jindal talbet u ngħatat smigħ mal-Kummissjoni.

    1.5.   Ir-riinvestigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    (10)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil Jindal u lill-kumpaniji relatati tagħha u stiednet produtturi esportaturi oħra biex jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifika ta' Ftuħ mill-Ġdid.

    (11)

    Produttur esportatur Indjan minnhom, Electrosteel Castings Limited, ippreżenta ruħu sad-data tal-iskadenza iżda ma kienx milqut mir-riinvestigazzjoni, peress li mhuwiex suġġett għal dazju anti-dumping definittiv abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388.

    (12)

    Żewġ produtturi esportaturi Indjani oħrajn, Electrotherm (India) Ltd u Tata Metaliks Limited, ippreżentaw ruħhom wara l-iskadenza. Dawn il-kumpaniji huma suġġetti għar-rata applikabbli għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388, li ġiet stabbilita fil-livell tad-dazju anti-dumping individwali ta' 14,1 % għal Jindal fl-investigazzjoni oriġinali. Iż-żewġ kumpaniji kellhom bejgħ negliġibbli fl-Unjoni fil-perjodu tar-riinvestigazzjoni ta' assorbiment. Minħabba li dawn il-kumpaniji ppreżentaw ruħhom tard wisq, il-Kummissjoni ma bagħtitilhomx kwestjonarju.

    1.6.   Il-kampjunar ta' importaturi mhux relatati

    (13)

    Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Ftuħ mill-Ġdid. Ħadd ma ppreżenta ruħu.

    1.7.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju

    (14)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil Jindal, li rrispondiet għalih.

    1.8.   Iż-żjarat ta' verifika

    (15)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-għan ta' din ir-riinvestigazzjoni. Fl-uffiċċji tal-kumpanija li ġejja saret żjara ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku: Jindal Saw Italia SpA, Trieste, l-Italja (“Jindal l-Italja”). Jindal l-Italja hija l-unika kumpanija relatata ta' Jindal fl-Unjoni (ara t-Taqsima 3.1).

    1.9.   L-iżvelar

    (16)

    Fl-24 ta' Ottubru 2018, il-Kummissjoni bagħtet dokument ta' żvelar lill-partijiet interessati kollha; dan kien jinkludi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni pproponiet it-terminazzjoni tar-riinvestigazzjoni. Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar l-iskadenza sa meta setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar. Żewġ entitajiet, l-Applikant u Jindal, irreaġixxew għall-iżvelar. L-Applikant talab u ngħata smigħ mal-Kummissjoni. Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u meqjusa fejn kien ġustifikat.

    1.10.   Il-perjodi koperti mir-riinvestigazzjoni ta' assorbiment

    (17)

    Il-perjodu tar-riinvestigazzjoni ta' assorbiment (“RIP”) kien mill-1 ta' April 2017 sal-31 ta' Marzu 2018. Il-perjodu kkonċernat kien mill-1 ta' April 2016 sal-31 ta' Marzu 2018. Il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali (“OIP”, original investigation period) kien mill-1 ta' Ottubru 2013 sat-30 ta' Settembru 2014.

    2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

    (18)

    Il-prodott ikkonċernat huwa definit bħala tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), bl-esklużjoni ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili mingħajr kisi fuq ġewwa u fuq barra (“pajpijiet mikxufin”), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7303 00 10 u ex 7303 00 90 (il-kodiċijiet TARIC 7303001010, 7303009010), li joriġinaw mill-Indja (il-“prodott ikkonċernat”).

    3.   IS-SEJBIET

    (19)

    Riinvestigazzjoni ta' assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-prezzijiet ta' esportazzjoni naqsux jew le jew jekk ma kienx hemm moviment jew jekk kienx hemm moviment insuffiċjenti fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat mindu saret l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. Bħala t-tieni pass, jekk jiġi konkluż li l-miżura kellha twassal għal movimenti f'tali prezzijiet, mela allura, biex jitneħħa d-dannu stabbilit preċedentement skont l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet tal-esportazzjoni għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u l-marġnijiet tad-dumping għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid biex jitqiesu l-prezzijiet tal-esportazzjoni vvalutati mill-ġdid.

    3.1.   Il-bidliet fil-mudell tan-negozju ta' Jindal u fil-bejgħ fl-Unjoni

    (20)

    Wara l-impożizzjoni tal-miżuri, il-bejgħ ta' Jindal lil pajjiżi tal-Unjoni waqa' b'madwar 90 % meta mqabbel mal-OIP. B'[inqas minn 2 000 tunnellata metrika], il-bejgħ ta' Jindal lil pajjiżi tal-Unjoni issa jammonta għal [inqas minn 0,5 %] tal-konsum tal-Unjoni.

    (21)

    Barra minn hekk, sa mill-OIP kien hemm bidliet fl-istruttura tal-bejgħ ta' Jindal. Fl-OIP, Jindal kellha tliet kumpaniji tal-bejgħ relatati fir-Renju Unit, fi Spanja u fl-Italja rispettivament, filwaqt li fl-RIP fadal biss il-kumpanija relatata Taljana. Jindal l-Italja tirrappreżenta l-maġġoranza l-kbira tal-bejgħ ta' Jindal lill-Unjoni, b'ammont limitat biss ta' esportazzjonijiet diretti.

    (22)

    Barra minn hekk, meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali, fl-RIP Jindal biegħet lil numru sostanzjalment inqas ta' klijenti ([inqas min-nofs meta mqabbel mal-OIP]) f'inqas Stati Membri ([inqas min-nofs meta mqabbel mal-OIP]). Jindal biegħet ukoll numru ħafna iktar baxx ta' tipi tal-prodotti (PCNs): [inqas min-nofs meta mqabbla mal-OIP].

    3.2.   L-analiżi tal-iżviluppi tal-prezzijiet

    (23)

    Meta tistabbilixxi jekk kienx hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni normalment tistabbilixxi, għal kull produttur esportatur eżaminat, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tiegħu matul l-RIP u tqabbel dawn il-prezzijiet mal-prezzijiet korrispondenti tal-esportazzjoni ddeterminati fl-OIP. Madankollu, peress li l-volumi tal-bejgħ dirett għall-esportazzjoni huma baxxi ħafna, kif deskritt fil-premessa (21), il-prezz tal-esportazzjoni diretta minn Jindal lill-Unjoni u dak lil konsumaturi indipendenti ma setax jiġi kkomparat b'mod sinifikanti. Peress li l-analiżi tal-prezzijiet jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prezz mogħti lill-ewwel konsumatur indipendenti, u peress li l-kumpaniji relatati ta' Jindal fi Spanja u fir-Renju Unit ma għadhomx jeżistu, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid biss li Jindal l-Italja tat lill-ewwel konsumatur mhux relatat.

    (24)

    Minħabba l-volumi baxxi ħafna li ġew ikkunsidrati u minħabba l-bidliet fit-tipi ta' prodotti, kif indikati fit-Taqsima 3.1, kwalunkwe tqabbil abbażi tal-PCN ma kienx rappreżentattiv u għalhekk ma setax iwassal għal analiżi sinifikanti.

    (25)

    Għall-finijiet ta' analiżi indikattiva, il-Kummissjoni qabblet prezz medju ponderat b'mod globali għal kull kilogramma għat-tipi kollha tal-prodotti li Jindal l-Italja ffatturat lill-ewwel konsumatur mhux relatat. Din ikkonstatat li bħala medja l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ta' Jindal żdied b'[iktar minn 10 %] bejn l-RIP u l-OIP, u b'hekk jirrifletti [iktar minn 80 %] tad-dazju anti-dumping ta' 14,1 %.

    (26)

    Barra minn hekk, parti mill-bejgħ ta' Jindal fl-RIP seħħ fuq il-bażi ta' prezzijiet iffissati f'offerti qabel l-impożizzjoni tal-miżuri. Ma jistax jiġi mistenni li l-prezz tal-bejgħ għal tali bejgħ ikun inbidel, u għaldaqstant tqabbil tal-prezzijiet ftit li xejn għandu rilevanza.

    (27)

    Wara l-iżvelar l-Applikant ippreżenta diversi talbiet. L-ewwel nett, l-Applikant argumenta li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis tliet fatturi esterni: id-dazju kompensatorju ta' 8,7 %, id-dazju doganali konvenzjonali ta' 3,2 %, u r-rata tal-kambju bejn INR u EUR.

    (28)

    F'dak li għandu x'jaqsam mad-dazju kompensatorju, l-Applikant argumenta li ż-żieda fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid sa livell ta' 8,7 % l-ewwel nett trid tiġi attribwita lid-dazju kompensatorju. Il-Kummissjoni nnotat li r-riinvestigazzjoni hija limitata għall-assorbiment allegat tad-dazju anti-dumping. Fi kwalunkwe każ, ir-riżultati ta' din l-investigazzjoni juru li Jindal l-Italja żiedet il-prezzijiet tagħha lil hinn mil-livell tad-dazju kompensatorju impost fl-2016. Bħala konsegwenza, din it-talba ġiet irrifjutata.

    (29)

    F'dak li għandu x'jaqsam mad-dazju doganali konvenzjonali, l-Applikant innota li d-dazju doganali konvenzjonali għall-prodott ikkonċernat inbidel minn 0 % għal 3,2 % bejn l-OIP u l-RIP. Tabilħaqq, il-prodotti li jikkorrispondu mal-kategorija S-15a tal-iskema ġeneralizzata ta' preferenzi, li tinkludi prodotti koperti mill-Kapitolu 73 inkluż il-prodott ikkonċernat, attwalment huma suġġetti għal dazju doganali konvenzjonali ta' 3,2 %. L-Applikant argumenta li din il-bidla jenħtieġ li titqies fil-valutazzjoni taż-żieda fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid. Il-Kummissjoni kkonfermat li d-dazju kien diġà tqies fl-analiżi żvelata lill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni, madankollu, innotat li ż-żieda fil-prezz ikkonstatata kienet tkun iktar għolja li kieku ż-żieda fid-dazju doganali konvenzjonali ma tqisitx. Peress li ż-żewġ approċċi ma jibdlu xejn fil-konstatazzjonijiet dwar iż-żieda suffiċjenti fil-prezzijiet, il-Kummissjoni ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk iż-żieda fid-dazju doganali konvenzjonali jenħtieġx li tiġi kkunsidrata jew le f'dan il-każ għall-finijiet tat-tqabbil tal-prezzijiet.

    (30)

    F'dak li għandu x'jaqsam mar-rata tal-kambju, l-Applikant argumenta li jenħtieġ li titqies il-bidla fir-rata tal-kambju bejn EUR u INR. Huwa argumenta li, peress li l-valur tal-INR żdied meta mqabbel mal-EUR, il-kompetittività tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Indjani naqset. Il-Kummissjoni qieset li l-bidliet fir-rati tal-kambju jistgħu jkunu fattur li għandu jitqies f'sitwazzjonijiet fejn il-fatturazzjoni ssir f'munita barranija. Madankollu, f'dan il-każ it-tqabbil sar abbażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid li ġie ffatturat f'EUR, kemm fl-OIP kif ukoll fl-RIP, u għalhekk intużat l-istess munita biex jiġi stmat l-ammont taż-żieda fil-prezz. Għaldaqstant, kwalunkwe aġġustament dovut għall-bidliet fir-rata tal-kambju bejn INR u EUR ma kienx ġustifikat u t-talba ġiet irrifjutata.

    (31)

    It-tieni nett, l-Applikant argumenta wkoll li l-bejgħ li sar fil-kuntest ta' offerti mhuwiex atipiku u jenħtieġ li jiġi inkluż. Il-Kummissjoni ċċarat li dan il-bejgħ ma ġiex eskluż fit-tqabbil tal-prezzijiet (ara l-premessa (26) iktar 'il fuq).

    (32)

    It-tielet nett, l-Applikant argumenta li, biex jitqies bħala sinifikanti, il-moviment fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid kellu jkun mill-inqas ekwivalenti għal-livell tad-dazju impost. Il-Kummissjoni nnotat li l-valutazzjoni hija speċifika għall-każ u li l-kriterju legali għall-konstatazzjoni ta' assorbiment mhuwiex jekk il-moviment fil-prezz kienx sinifikanti iżda pjuttost jekk naqas milli jkun hemm xi moviment jew jekk ma kienx hemm biżżejjed moviment fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, bil-konsegwenza li l-effett tad-dazju anti-dumping jiġi annullat. F'dan il-każ il-Kummissjoni kkonstatat li żieda fil-prezz ta' iktar minn 10 % ma setgħetx titqies insuffiċjenti.

    (33)

    Ir-raba' nett, l-Applikant talab lill-Kummissjoni tinvestiga l-prodotti importati minn Jindal l-Italja mill-fabbrika ta' Jindal fl-Emirati Għarab Magħquda jew kwalunkwe sors ieħor, biex tikkonferma li dawn l-importazzjonijiet ma kinux joriġinaw mill-Indja jew inkella ġew ikklassifikati ħażin. Il-Kummissjoni nnotat li din it-talba iktar tirreferi għall-allegata ċirkomvenzjoni, li madankollu mhijiex is-suġġett tar-riinvestigazzjoni ta' assorbiment.

    (34)

    Il-ħames nett, l-Applikant argumenta li l-Kummissjoni ma kellhiex tqabbel biss il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ta' Jindal l-Italja fl-RIP ma' dak ta' Jindal l-Italja fl-OIP, iżda anke mal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tas-sussidjarji preċedenti ta' Jindal fi Spanja u fir-Renju Unit waqt l-OIP. L-Applikant argumenta li dan l-approċċ ikun ġustifikat peress li d-dazju anti-dumping jirreferi għall-bejgħ kollu ta' Jindal.

    (35)

    Il-Kummissjoni qieset li tali tqabbil ma jkunx xieraq u ma jkunx jirrendi riżultati sinifikanti, b'mod partikolari minħabba t-taħlita differenti tal-prodotti, it-termini tal-kunsinna u l-muniti użati fil-fatturazzjoni. Għaldaqstant sostniet li l-punt ta' riferiment adegwat ikun tqabbil tal-prezzijiet tal-bejgħ ta' Jindal l-Italja biss. Madankollu, għall-finijiet ta' kompletezza, il-Kummissjoni wettqet simulazzjoni li fiha qabblet il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ta' Jindal l-Italja fl-RIP mal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tas-sussidjarji kollha ta' Jindal fl-OIP. Din is-simulazzjoni wriet li bħala medja l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid kien jiżdied (b'[iktar minn 13 %]) bejn l-RIP u l-OIP. Għaldaqstant, tali analiżi, minkejja r-rilevanza limitata tagħha, kienet issaħħaħ il-konklużjoni tal-Kummissjoni f'din ir-riinvestigazzjoni.

    (36)

    Finalment, l-Applikant staqsa dwar il-bejgħ dirett ta' Jindal lill-Unjoni. Il-Kummissjoni nnotat li l-volumi ma setgħux jitqiesu sinifikanti ([inqas minn 300 tunnellata]) u prinċipalment inbiegħu b'termini tal-kunsinna differenti milli fl-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk ma setax isir tqabbil sinifikanti. Konsegwentement, dan il-bejgħ ġie eskluż mit-tqabbil tal-prezzijiet.

    3.3.   Konklużjoni

    (37)

    Fid-dawl tal-volumi baxxi u n-nuqqas ta' kumparabbiltà, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq analiżi tal-prezzijiet dettaljata u konklużiva għal Jindal. Madankollu, kif indikat fil-premessa (25), il-Kummissjoni sabet li, b'mod ġenerali, il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ta' Jindal l-Italja żdied meta mqabbel mal-OIP u, għalhekk, il-miżuri wasslu għal moviment pożittiv fil-prezzijiet, b'mod simili għad-dazju kkonċernat. Barra minn hekk, minħabba t-tnaqqis sinifikanti fil-volumi, il-Kummissjoni sabet li l-effett tal-miżuri ma ġiex imminat.

    (38)

    Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni u fid-dawl tal-volumi negliġibbli ([inqas minn 0,1 %] tal-konsum tal-Unjoni) mibjugħa minn produtturi esportaturi Indjani oħra suġġetti għal din ir-riinvestigazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-konstatazzjonijiet ta' hawn fuq japplikaw ukoll għall-“Kumpaniji l-oħra kollha”. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni osservat li d-data statistika disponibbli għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” ma setgħetx titqies sinifikanti fid-dawl tal-volumi baxxi u tan-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-kanali tal-bejgħ ta' produtturi esportaturi Indjani oħra suġġetti għal din ir-riinvestigazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni indikat li d-data tal-prezzijiet li tirrigwarda l-volum ta' bejgħ negliġibbli, li nġabret skont il-bażi ta' data bl-istatistika tal-importazzjonijiet, stabbilita fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku, kienet turi prezz medju għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” li kien simili għall-prezz medju ta' Jindal.

    (39)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kellhom effett f'dak li għandu x'jaqsam ma' Jindal u mal-“Kumpaniji l-oħra kollha” msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388.

    (40)

    Fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni ħasset li mhuwiex neċessarju li tipproċedi b'kalkolu mill-ġdid tad-dazju.

    4.   ŻVELAR U KONKLUŻJONI

    (41)

    Kif imfisser fit-Taqsima 1.9 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet biħsiebha tittermina r-riinvestigazzjoni ta' assorbiment. Il-kummenti ġew analizzati u kkunsidrati fejn ġustifikat.

    (42)

    Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riinvestigazzjoni ta' assorbiment jenħtieġ li tiġi tterminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ.

    (43)

    Dan ir-Regolament huwa konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-riinvestigazzjoni ta' assorbiment rigward l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali) li joriġinaw mill-Indja skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/1036 hija b'dan itterminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri anti-dumping fis-seħħ.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Jannar 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/388 tas-17 ta' Marzu 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 53).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 tal-11 ta' Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet ta' ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 4).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 tas-17 ta' Marzu 2016 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta' ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 1).

    (5)  ĠU C 151, 30.4.2018, p. 57.


    Top