EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L0692

Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/58/2019/REV/1

ĠU L 117, 3.5.2019, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/692/oj

3.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/1


DIRETTIVA (UE) 2019/692 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Is-suq intern tal-gass naturali, li ilu jiġi implimentat progressivament mill-1999 fl-Unjoni kollha, għandu l-għan li jipprovdi għażla reali lill-klijenti finali kollha fl-Unjoni, kemm jekk huma ċittadini jew jekk huma negozji, opportunitajiet ġodda ta' negozju, kondizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni, prezzijiet kompetittivi, sinjali ta' investiment effiċjenti u standard ogħla ta' servizz, u li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà.

(2)

Id-Direttivi 2003/55/KE (4) u 2009/73/KE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għamlu kontribut sinifikanti għall-ħolqien tas-suq intern tal-gass naturali.

(3)

Din id-Direttiva tfittex li tindirizza l-ostakli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali li jirriżultaw min-nuqqas ta' applikazzjoni tar-regoli tas-suq tal-Unjoni għal-linji ta' trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi. L-emendi introdotti minn din id-Direttiva huma maħsuba biex jiżguraw li r-regoli applikabbli għal-linji tat-trasmissjoni tal-gass li jgħaqqdu żewġ Stati Membri jew aktar ikunu applikabbli wkoll, fl-Unjoni, għal-linji ta' trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi. Dan ser jistabbilixxi l-konsistenza tal-qafas legali fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li jevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern tal-enerġija fl-Unjoni u impatti negattivi fuq is-sigurtà tal-provvista. Dan ser isaħħaħ ukoll it-trasparenza u jipprovdi ċertezza legali għall-parteċipanti fis-suq, b'mod partikolari l-investituri fl-infrastruttura tal-gass u l-utenti tas-sistemi, fir-rigward tar-reġim legali applikabbli.

(4)

Biex jittieħed kont tan-nuqqas ta' regoli speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal-linji ta' trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73/KE għal tali linji ta' trasmissjoni tal-gass li jkunu tlestew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li d-data rilevanti għall-applikazzjoni ta' mudelli ta' separazzjoni differenti mis-separazzjoni tas-sjieda (ownership unbundling) tiġi adattata għal-linji ta' trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi.

(5)

Jenħtieġ li l-pipelines li jgħaqqdu proġett ta'produzzjoni taż-żejt jew tal-gass ta' pajjiż terz ma' impjant tal-ipproċessar jew ma' terminal kostali ta' ħatt l-art finali fi Stat Membru jkunu kkunsidrati bħala netwerks ta' pipelines upstream. Jenħtieġ li l-pipelines li jgħaqqdu proġett ta' produzzjoni taż-żejt jew tal-gass fi Stat Membru ma' impjant ta' proċessar jew ma' terminal kostali ta' ħatt l-art finali ġewwa pajjiż terz ma jkunux ikkunsidrati bħala netwerks ta' pipelines upstream għall-fini ta' din id-Direttiva, peress li tali pipelines probabbilment m'jkollhomx impatt sinifikanti fuq is-suq intern tal-enerġija.

(6)

Jenħtieġ li operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jkunu liberi li jikkonkludu ftehimiet tekniki ma' operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jew entitajiet oħra f'pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet marbuta mal-operazzjoni u l-interkonnessjoni tas-sistemi ta' trasmissjoni, dment li l-kontenut ta' tali ftehim ikun kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ ftehimiet tekniċi rigward l-operazzjoni tal-linji ta' trasmissjoni, bejn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jew entitajiet oħra, dment li dawn ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-awtorità regolatorja nazzjonali.

(8)

Meta tali ftehimiet tekniċi jkunu fis-seħħ, il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali bejn Stat Membru u pajjiż terz jew ta' ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz rigward l-operazzjoni tal-linja ta' trasmissjoni tal-gass ikkonċernata mhijiex meħtieġa minn din id-Direttiva.

(9)

L-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/73/KE għal-linji ta' trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi tibqa' limitata għat-territorju tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-linji ta' trasmissjoni tal-gass offshore, jenħtieġ li tkun applikabbli d-Direttiva 2009/73/KE fir-rigward tal-baħar territorjali tal-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta' interkonnessjoni man-netwerk tal-Istati Membri.

(10)

Għandu jkun possibbli li ftehimiet eżistenti konklużi bejn Stat Membru u pajjiż terz dwar l-operazzjoni tal-linji ta' trasmissjoni jibqgħu fis-seħħ, f'konformità ma' din id-Direttiva.

(11)

Fir-rigward ta' ftehimiet jew partijiet ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jistgħu jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura koerenti u trasparenti li permezz tagħha Stat Membru jiġi awtoriżżat, fuq talba tiegħu, jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz dwar l-operazzjoni ta' linja ta' trasmissjoni jew netwerk ta' pipeline upstream bejn l-Istat Membru u pajjiż terz. Jenħtieġ li l-proċedura ma ddewwimx l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni ta' kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, u għandha tapplika għal ftehimiet eżistenti u ġodda.

(12)

Fejn ikun jidher li s-suġġett ta' ftehim jaqa' parzjalment taħt il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea, u parzjalment taħt dik ta' Stat Membru, huwa essenzjali li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn dak l-Istat Membru u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(13)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703 (6), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 (7), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/490/UE (8), kif ukoll il-Kapitoli III, V, VI u IX, u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 (9) japplikaw għal punti ta' dħul minn, u għal punti ta' ħruġ lejn, pajjiżi terzi, soġġett għad-deċiżjonijiet rilevanti tal-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti, waqt li Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 (10) japplika esklużivament għaż-żoni ta' bbilanċjar ġewwa l-konfini tal-Unjoni.

(14)

Sabiex jiġu adottati deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew jirrifjutaw li jawtorizzaw lil Stat Membru jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(15)

Ladarba l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi stabbilita konsistenza tal-qafas legali fi ħdan l-Unjoni filwaqt li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern tal-enerġija fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, din tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(16)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni (12), l-Istati Membri impenjaw rwieħhom li jehmżu, f'każijiet ġustifikati, man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(17)

Id-Direttiva 2009/73/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/73/KE

Id-Direttiva 2009/73/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punt (17) jinbidel b'dan li ġej:

“(17)

‘interkonnettur’ tfisser linja ta' trasmissjoni li taqsam jew tinfirex tul fruntiera bejn l-Istati Membri għall-finijiet li tgħaqqad is-sistema ta' trasmissjoni nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri jew linja ta' trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali ta' dak l-Istat Membru;”;

(2)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“8.   Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema ta' trasmissjoni kienet il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1. Fir-rigward tal-parti tas-sistema ta' trasmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma' pajjiż terz bejn il-fruntiera ta' dak l-Istat Membru u l-ewwel punt ta' konnessjoni man-netwerk ta' dak l-Istat Membru, fejn fit-23 ta' Mejju 2019 is-sistema ta' trasmissjoni tkun il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1.”;

(b)

il-paragrafu 9 jinbidel b'dan li ġej:

“9.   Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema ta' trasmissjoni kienet il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment u jkun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiggarantixxu indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Fir-rigward tal-parti tas-sistema ta' trasmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma' pajjiż terz bejn il-fruntiera ta' dak l-Istat Membru u l-ewwel punt ta' konnessjoni man-netwerk ta' dak l-Istat Membru, fejn fit-23 ta' Mejju 2019, is-sistema ta' trasmissjoni tkun il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, u jkun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiggarantixxu indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, dak l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”;

(3)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema ta' trasmissjoni kienet il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax l-Artikolu 9(1) u li jaħtar operatur tas-sistema indipendenti fuq proposta mill-proprjetarju tas-sistema tat-trasmissjoni:

Fir-rigward tal-parti tas-sistema ta' trasmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma'pajjiż terz, bejn il-fruntiera ta' dak l-Istat Membru u l-ewwel punt ta' konnessjoni man-netwerk ta' dak l-Istat Membru, fejn fit-23 ta' Mejju 2019 is-sistema ta' trasmissjoni tkun il-proprjetà ta' impriża integrata vertikalment, dak l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax l-Artikolu 9(1) u li jaħtar operatur tas-sistema indipendenti fuq proposta mill-proprjetarju tas-sistema tat-trasmissjoni.

Il-ħatra ta' operatur tas-sistema indipendenti għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.”;

(4)

fl-Artikolu 34, il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   F'każ ta' disputi transkonfinali, għandhom jiġu applikati l-arranġamenti ta' riżoluzzjoni ta' disputi għall-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni fuq fuq in-netwerk ta' pipeline upstream li jirrifjuta l-aċċess. Fejn, f'disputi transkonfinali, aktar minn Stat Membru wieħed ikopri n-network konċernat, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jiġu applikati b'mod konsistenti Fejn in-netwerk ta' pipeline upstream joriġina minn pajjiż terz u jingħaqad ma' mill-anqas Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw lil xulxin, u l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-ewwel punt ta' dħul fin-netwerk tal-Istati Membri għandu jikkonsulta lill-pajjiż terz ikkonċernat fejn joriġina in-netwerk ta' pipeline upstream, bil-ħsieb li jiġi żgurat, fir-rigward tan-netwerk ikkonċernat, li din id-Direttiva tiġi applikata konsistentement fit-territorju tal-Istati Membri.”;

(5)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (e) jinbidel b'dan li ġej:

“(e)

l-eżenzjoni ma għandhiex tkun ta' ħsara għall-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti, li aktarx jiġu affettwati mill-investiment, għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali, għall-funzjonament effiċjenti tas-sistemi regolati kkonċernati, jew għas-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fl-Unjoni.”;

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-awtorità regolatorja msemmija fil-Kapitolu VIII tista', skont il-każ, tiddeċiedi dwar l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali, jew, fejn xieraq, awtorità kompetenti oħra ta' dak l-Istat Membru, għandhom jikkonsultaw:

(a)

lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri li s-swieq tagħhom x'aktarx jiġu affettwati mill-infrastruttura l-ġdida; u

(b)

lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi, fejn l-infrastruttura konċernata tkun magħquda man-netwerk tal-Unjoni taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, u toriġina minn jew tintemm f'pajjiż terz wieħed jew aktar.

Fejn l-awtoritajiet ta' pajjiż terz ikkonsultati ma jagħtux tweġiba għall-konsultazzjoni fi żmien raġonevoli jew fi żmien l-iskadenza stabbilita li ma taqbiżx tliet xhur, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata tista' tadotta d-deċiżjoni meħtieġa.”;

(c)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Fejn l-awtoritajiet regolatorji konċernati kollha jkunu laħqu ftehim dwar it-talba għal eżenzjoni fi żmien sitt xhur mid-data li fiha hija ġiet riċevuta mill-aħħar fost l-awtoritajiet regolatorji, huma għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar id-deċiżjoni tagħhom. Fejn l-infrastruttura konċernata tkun linja ta' trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali, jew fejn adatt, awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-ewwel punt ta' interkonnessjoni man-netwerk tal-Istati Membri, jistgħu jikkonsultaw lill-awtorità rilevanti ta' dak il-pajjiż terz bil-ħsieb li jiġi żgurat, fir-rigward tal-infrastruttura konċernata, li din id-Direttiva tiġi applikata b'mod konsistenti fit-territorju u, fejn applikabbli, fil-baħar territorjali ta' dak l-Istat Membru. Fejn l-awtorità kkonsultata tal-pajjiż terz ma tweġibx għall-konsultazzjoni fi żmien raġonevoli jew fi żmien l-iskadenza stabbilita li ma taqbiżx tliet xhur, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata tista' tadotta d-deċiżjoni meħtieġa.”;

(6)

fl-Artikolu 41(1), il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

li jikkooperaw fir-rigward ta' kwistjonijiet transkonfinali mal-awtorità regolatorja jew mal-awtoritajiet tal-Istati Membri konċernati u mal-Aġenzija. Fir-rigward tal-infrastruttura lejn u minn pajjiż terz, l-awtorità regolatorja tal-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta' interkonnessjoni man-netwerk tal-Istati Membri tista' tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji ta' Stati Membri oħrajn konċernati, bil-għan, fir-rigward ta' din l-infrastruttura, tal-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva fit-territorju tal-Istati Membri;”;

(7)

fl-Artikolu 42, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-awtoritajiet regolatorji, jew fejn adatt awtoritajiet kompetenti oħra, jistgħu jikkonsultaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi fir-rigward tal-operazzjoni tal-infrastruttura tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġi żgurat, fir-rigward tal-infrastruttura konċernata, li din id-Direttiva tiġi applikata b'mod konsistenti fit-territorju u l-baħar territorjali ta' Stat Membru.”;

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 48a

Ftehimiet tekniċi rigward l-operazzjoni tal-linji ta' trasmissjoni

Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jew ta' operaturi ekonomiċi oħra biex iżommu fis-seħħ jew jikkonkludu ftehimiet tekniċi dwar kwistjonijiet rigward l-operazzjoni tal-linji ta' trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz, sa fejn dawk il-ftehimiet ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u deċiżjonijiet rilevanti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri konċernati. Għandha tingħata notifika dwar tali ftehimiet lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati.”;

(9)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 49a

Derogi fir-rigward ta' linji ta' trasmissjoni lejn u minn pajjiżi terzi

1.   Fir-rigward ta' linji ta' trasmissjoni tal-gass bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it-23 ta' Mejju 2019, l-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta' konnessjoni ta' tali linja ta' trasmissjoni man-netwerk ta' Stat Membru jista' jiddeċiedi li jidderoga mill-Artikoli 9, 10, 11 u 32 u l-Artikolu 41(6), (8) u (10) għat-taqsimiet ta' tali linja ta' trasmissjoni tal-gass li jinsabu fit-territorju u l-baħar territorjali tiegħu, għal raġunijiet oġġettivi, bħall-possibbiltà tal-irkupru tal-investiment imwettaq jew minħabba raġunijiet ta' sigurtà tal-provvista, dment li d-deroga ma tkunx ta' ħsara għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-gass naturali jew għall-funzjonament effettiv tiegħu, jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni.

Id-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien sa 20 sena fuq il-bażi ta' ġustifikazzjoni oġġettiva, li tista' tiġġedded jekk ikun hemm ġustifikazzjoni u tista' tkun soġġetta għal kondizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba tal-kondizzjonijiet ta' hawn fuq.

Tali derogi m'għandhomx japplikaw għal-linji ta' trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz li jkollu l-obbligu li jittrasponi din id-Direttiva u li effettivament jimplimenta din id-Direttiva fis-sistema legali tiegħu taħt ftehim konkluż mal-Unjoni.

2.   Fejn il-linja ta' trasmissjoni konċernata tinsab fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun jinsab l-ewwel punt ta' konnessjoni man-netwerk tal-Istati Membri għandu jiddeċiedi jekk jagħtix deroga għal dik il-linja ta' trasmissjoni wara li jikkonsulta mal-Istati Membri kollha konċernati.

Fuq talba mill-Istati Membri konċernati, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li taġixxi bħala osservatur fil-konsultazzjoni bejn l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-ewwel punt ta' konnessjoni u l-pajjiż terz dwar l-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva fit-territorju u l-baħar territorjali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-ewwel punt ta' interkonnessjoni inkluż l-għoti ta' derogi għal linji ta' trasmissjoni bħal dawn.

3.   Id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adotttati sal-24 ta' Mejju 2020. L-Istati Membri għandhom jagħtu notifika dwar kwalunkwe tali deċiżjoni lill-Kummissjoni u għandhom jippubblikawha.

Artikolu 49b

Proċedura ta' awtorizzazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra skont il-liġi tal-Unjoni, u għall-allokazzjoni ta' kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, il-ftehimiet eżistenti bejn Stat Membru u pajjiż terz dwar l-operazzjoni ta' linja ta' trasmissjoni jew netwerk ta' pipelines upstream jistgħu jinżammu fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ ta' ftehim sussegwenti bejn l-Unjoni u l-istess pajjiż terz jew sa meta tapplika il-proċedura taħt il-paragrafi 2 sa 15 ta' dan l-Artikolu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni ta' kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, fejn Stat Membru biħsiebu jidħol f'negozjati ma' pajjiż terz sabiex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim dwar l-operazzjoni ta' linja ta' trasmissjoni ma' pajjiż terz rigward kwistjonijiet li jaqgħu, totalment jew parzjalment, fl-ambitu ta' din id-Direttiva, huwa għandu jinnotifika bil-miktub lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu.

Tali notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni rilevanti u indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fin-negozjati jew li għandhom jiġu nnegozjati mill-ġdid, l-objettivi tan-negozjati u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti u għandha tintbagħat lill-Kummissjoni tal-anqas ħames xhur qabel il-bidu intenzjonat tan-negozjati.

3.   B'segwitu għal kwalunkwe notifika skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istat Membru konċernat jidħol f'negozjati formali ma' pajjiż terz għall-parti li tista' taffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni dment li ma tikkunsidrax li l-ftuħ ta' tali negozjati:

(a)

ikun f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni barra l-inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri;

(b)

ikun ta' ħsara għall-funzjonament tas-suq intern tal-gass naturali, għall-kompetizzjoni jew għas-sigurtà tal-provvista fi Stat Membru jew fl-Unjoni;

(c)

jimmina l-objettivi tan-negozjati pendenti ta' ftehimiet intergovernattivi mill-Unjoni ma' pajjiż terz;

(d)

ikun diskriminatorju.

4.   Meta twettaq il-valutazzjoni taħt il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tqis jekk il-ftehim maħsub jikkonċernax linja ta' trasmissjoni jew pipeline upstream li jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-provvisti u l-fornituri tal-gass naturali permezz ta' sorsi ġodda tal-gass naturali.

5.   Fi żmien 90 jum mir-riċezzjoni tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza jew tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru jidħol f'negozjati biex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz. Fejn tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tiġi adottata deċiżjoni, il-perijodu ta' 90 jum għandu jibda jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni ta' tali informazzjoni addizzjonali.

6.   Fil-każ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru jidħol f'negozjati biex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz, hija għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat kif xieraq u għandha tagħti r-raġunijiet għal dan.

7.   Id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni lil Stat Membru jidħol f'negozjati biex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz għandhom jiġu adottati, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 51(2).

8.   Il-Kummissjoni tista' tipprovdi gwida u tista' titlob l-inklużjoni ta' klawsoli partikolari fil-ftehim previst sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni f'konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2017/684 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

9.   Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata dwar il-progress u r-riżultati ta' tali negozjati biex jiġi emendat, estiż, adattat jew imġedded jew konkluż ftehim matul l-istadji differenti ta' tali negozjati u tista' titlob li tipparteċipa f'tali negozjati bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz f'konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2017/684.

10.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 5.

11.   Qabel ma jiffirma ftehim ma' pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tan-negozjati u għandu jibgħat it-test tal-ftehim negozjat lill-Kummissjoni.

12.   Man-notifika skont il-paragrafu 11, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ftehim innegozjat skont il-paragrafu 3. Fejn il-Kummissjoni ssib li n-negozjati rriżultaw fi ftehim li jikkonforma mal-paragrafu 3, hija għandha tawtorizza lill-Istat Membru biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim.

13.   Fi żmien 90 jum mir-riċezzjoni tan-notifika msemmija fil-paragrafu 11, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza jew tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim ma' pajjiż terz. Fejn tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tiġi adottata deċiżjoni, il-perijodu ta' 90 jum għandu jibda jibda jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni ta' tali informazzjoni addizzjonali.

14.   Fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 13, li tawtorizza lil Stat Membru biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim ma' pajjiż terz, l-Istat Membru konċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim, u bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-istatus ta' dak il-ftehim.

15.   Fil-każ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru jiffirma u jikkonkludi l-ftehim ma' pajjiż terz skont il-paragrafu 13, hija għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat kif xieraq u għandha tagħti r-raġunijiet għal dan.

(*1)  Deċiżjoni (UE) 2017/684 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2017 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE (ĠU L 99, 12.4.2017, p. 1).”."

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-24 ta' Frar 2020, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deroga skont l-Artikolu 49a tad-Direttiva 2009/73/KE. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri mingħajr kosta li m'għandhom l-ebda fruntieri ġeografiċi ma' pajjiżi terzi u l-ebda linja ta' trasmissjoni ma' pajjiżi terzi, m'għandhomx ikunu obbligati li jdaħħlu fis-seħħ miżuri li huma meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, Ċipru u Malta, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, m'għandhomx ikunu obbligati li jdaħħlu fis-seħħ miżuri li huma meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sakemm ma jkollhom l-ebda infrastruttura li tgħaqqadhom ma' pajjiż terzi inklużi networks ta' pipeline upstream.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 64.

(2)  ĠU C 361, 5.10.2018, p. 72.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' April 2019.

(4)  Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57).

(5)  Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(6)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703 tat-30 ta' April 2015 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk għar-Regoli dwar l-Interoperabbiltà u l-Iskambju ta' Dejta (ĠU L 113, 1.5.2015, p. 13).

(7)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 1).

(8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/490/UE tal-24 ta' Awwissu 2012 dwar l-emenda għall-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali (ĠU L 231, 28.8.2012, p. 16).

(9)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 29).

(10)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 tas-26 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Netwerks ta' Trażmissjoni (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 15).

(11)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


Top