Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H0903(18)

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2019 dwar l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima ta' Malta li jkopri l-perjodu 2021–2030

    C/2019/4418

    ĠU C 297, 3.9.2019, p. 68–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 297/68


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta' Ġunju 2019

    dwar l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima ta' Malta li jkopri l-perjodu 2021–2030

    (2019/C 297/18)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, kull Stat Membru huwa meħtieġ jippreżenta lill-Kummissjoni abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu li jkopri l-perjodu mill-2021 sal-2030 skont l-Artikolu 3(1) u l-Anness I ta' dak ir-Regolament. L-ewwel abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima kellhom jiġu ppreżentati sal-31 ta' Diċembru 2018.

    (2)

    Malta ppreżentat l-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tagħha fil-21 ta' Diċembru 2018. Il-preżentazzjoni ta' dan il pjan tirrappreżenta l-bażi u l-ewwel pass tal-proċess iterattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-finalizzazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom.

    (3)

    Skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima. Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tal-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima ta' Malta, filwaqt li qieset l-elementi rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1999. Din il-valutazzjoni (2) hija ppubblikata flimkien ma' din ir-rakkomandazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq dik il-valutazzjoni.

    (4)

    B'mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jindirizzaw (i) il-livell ta' ambizzjoni tal-objettivi, tal-miri u tal-kontributi bil-ħsieb li jinkisbu b'mod kollettiv l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u, b'mod partikolari, il-miri tal-Unjoni għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll il-livell tal-interkonnessjoni tal-elettriku li l-Istat Membru qed jimmira li jlaħħaq sal-2030; (ii) il-politiki u l-miżuri b'rabta mal-objettivi fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni u politiki u miżuri oħrajn ta' rilevanza transfruntiera potenzjali; (iii) kwalunkwe politiki u miżuri addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima; (iv) l-interazzjonijiet bejn il-politiki eżistenti u ppjanati u l-konsistenza tagħhom u l-miżuri inklużi fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima f'dimensjoni waħda u fost dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija.

    (5)

    Waqt li kienet qed tiżviluppa r-rakkomandazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, il-ħtieġa li jingħaddu flimkien ċerti kontributi ppjanati kkwantifikati tal-Istati Membri kollha sabiex tiġi vvalutata l-ambizzjoni fil-livell tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi pprovdut ħin xieraq għall-Istat Membru kkonċernat biex iqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni qabel ma jiffinalizza l-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu.

    (6)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ambizzjonijiet rinnovabbli tal-Istati Membri huma bbażati fuq formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999 li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi.

    (7)

    Fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-valutazzjoni tal-livell ta' ambizzjoni nazzjonali ppreżentat fl-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima, imqabbel mal-livell kollettiv tal-isforzi meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni, filwaqt li titqies l-informazzjoni pprovduta dwar iċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi, fejn ikun rilevanti. Il-kontributi nazzjonali finali fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija jenħtieġ li jirriflettu l-potenzjal kosteffettiv għall-iffrankar tal-enerġija u li jiġu appoġġati bi strateġija soda ta' rinnovazzjoni tal-bini fit-tul u miżuri għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ li l-Istati Membri juru wkoll li jkunu qiesu kif xieraq il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, billi b'mod partikolari jispjegaw kif l-effiċjenza fl-enerġija tikkontribwixxi għall-ilħuq kosteffettiv tal-għanijiet nazzjonali ta' ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għall-indirizzar tal-prekarjetà enerġetika.

    (8)

    Ir-Regolament dwar il-Governanza jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu stampa ġenerali tal-investiment meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi, il-miri u l-kontributi stabbiliti fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima, kif ukoll valutazzjoni ġenerali dwar is-sorsi ta' dak l-investiment. Il-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima jenħtieġ li jiżguraw it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-politiki u tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tal-investiment.

    (9)

    B'mod parallel, bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2018-2019, il-Kummissjoni ffukat ħafna fuq il-ħtiġijiet ta' investiment tal-Istati Membri b'rabta mal-enerġija u mal-klima. Dan huwa rifless fir-Rapport tal-Pajjiż tal-2019 għal Malta (4) u fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għal Malta (5), bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni qieset l-aktar sejbiet u rakkomandazzjonijiet reċenti tas-Semestru Ewropew fil-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma komplementari għall-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għal kull pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima jqisu l-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għal kull pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

    (10)

    Barra minn hekk, ir-Regolament dwar il-Governanza jeħtieġ li kull Stat Membru iqis kif xieraq kull rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għall-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu li jrid jiġi ppreżentat fil-31 ta' Diċembru 2019 u, jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jindirizzax rakkomandazzjoni jew parti sostanzjali tagħha, dak l-Istat Membru jenħtieġ li jipprovdi r-raġunijiet tiegħu u jippubblikahom.

    (11)

    Fejn applikabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw l-istess data fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima u fl-aġġornamenti fis-snin sussegwenti bħalma jirrapportaw lill-Eurostat jew lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-użu tal-istess sors, u meta tkun disponibbli, tal-istatistika Ewropea, huwa wkoll essenzjali għall-kalkolu tal-linja bażi għall-immudellar u għall-projezzjonijiet. L-użu tal-istatistika Ewropea jippermetti komparabbiltà aħjar tad-data u tal-projezzjonijiet użati fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima.

    (12)

    L-elementi kollha tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 iridu jiġu inklużi fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġu vvalutati l-impatti makroekonomiċi u, sa fejn ikun possibbli, l-impatti fuq is-saħħa, l-ambjent, l-impjieg u l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impatti soċjali tal-politiki u tal-miżuri ppjanati. Il-pubbliku u partijiet ikkonċernati oħra jridu jkunu involuti fit-tħejjija tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali. Dawn l-elementi u elementi oħrajn huma deskritti fid-dettall fid-dokument ta' ħidma tal-persunal ippubblikat flimkien ma' din ir-Rakkomandazzjoni (6).

    (13)

    Fil-pjan finali, jenħtieġ li Malta tibni fuq l-interkonnessjonijiet pożittivi bejn il-politiki u l-miżuri ppjanati indikati fl-abbozz tal-pjan, u teżamina l-interkonnessjonijiet tal-politika li huma aktar ta' sfida, b'mod partikolari bejn id-dimensjonijiet tad-dekarbonizzazzjoni, tas-sigurtà tal-enerġija u tas-suq intern mal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”. L-objettivi fid-dimensjoni tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-kompetittività jridu jappoġġaw l-isforzi ppjanati għad-dimensjonijiet l-oħra tal-Unjoni tal-Enerġija. Malta se teħtieġ ukoll tistabbilixxi objettivi ta' politika aktar konkreti, miżurabbli u relatati maż-żmien għall-ħames dimensjonijiet kollha.

    (14)

    Il-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali jista' jkun kkomplementat b'miżuri aktar komprensivi biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-interazzjonijiet mal-ekonomija ċirkolari.

    (15)

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal Malta huma appoġġati mill-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima ta' Malta li huwa ppubblikat flimkien ma' din ir-Rakkomandazzjoni (7).

    B'DIN TIRRAKKOMANDA LIL MALTA TIEĦU AZZJONI BIEX:

    1.

    Tippjana miżuri domestiċi addizzjonali, b'mod partikolari fis-setturi tal-bini u tat-trasport u tikkwantifika l-impatti mistennijin tagħhom, sabiex tnaqqas id-diskrepanza sinifikanti għall-mira tagħha tal-gassijiet serra tal-2030 ta' -19 % meta mqabbla mal-2005 għas-setturi li mhumiex koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet. Għal raġunijiet ta' kosteffettività, jistgħu jkunu ġustifikati xi trasferimenti tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet minn Stati Membri oħra, kif previst fir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    2.

    Iżżid b'mod sinifikanti l-livell ta' ambizzjoni għall-2030 għal sehem ta' enerġija rinnovabbli ta' mill-inqas 21 % bħala l-kontribut ta' Malta għall-mira tal-Unjoni tal-2030 għall-enerġija rinnovabbli, kif indikat mill-formula fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999 u wara li jitqiesu kif xieraq iċ-ċirkostanzi rilevanti u l-limiti nazzjonali. Tinkludi trajettorja indikattiva fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali li tilħaq il-punti ta' referenza kollha skont l-Artikolu 4(a)(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 f'konformità ma' dak is-sehem, fid-dawl tal-ħtieġa li jiżdied il-livell tal-isforzi biex din il-mira tintlaħaq b'mod kollettiv. Tippreżenta politiki u miżuri ddettaljati u kkwantifikati li huma konformi mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), sabiex tippermetti li dan il-kontribut jinkiseb fil-ħin u b'mod kosteffettiv. Iżżid il-livell ta' ambizzjoni fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ sabiex tilħaq il-mira indikattiva inkluża fl-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Tipprovdi miżuri aktar dettaljati sabiex tilħaq il-mira tat-trasport fl-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Tipprovdi aktar dettalji dwar l-oqfsa ta' abilitazzjoni għall-awtokonsum rinnovabbli u għall-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli, f'konformità mal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

    3.

    Iżżid b'mod sostanzjali l-ambizzjoni lejn it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija finali u primarja fl-2030 fid-dawl tal-ħtieġa li jiżdied il-livell tal-isforzi biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni tal-2030. Tipproponi politiki u miżuri aktar ambizzjużi li jirriżultaw f'aktar iffrankar tal-enerġija sal-2030. Huma meħtieġa miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija addizzjonali konkreti speċifiċi għas-setturi tal-bini u tat-trasport sabiex tintlaħaq il-mira li trid tiġi proposta għall-perjodu 2021-2030.

    4.

    Tispeċifika l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi tas-sigurtà tal-enerġija dwar id-diversifikazzjoni u t-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika, inkluż il-miżuri li jiżguraw il-flessibbiltà u possibbilment ir-rwol akbar tar-rispons tad-domanda fis-settur tal-elettriku.

    5.

    Telabora aktar l-objettivi nazzjonali u l-miri ta' finanzjament fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-kompetittività, speċifikament relatati mal-Unjoni tal-Enerġija, li jridu jinkisbu minn issa sal-2030, sabiex ikunu miżurabbli faċilment u jkunu adattati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-miri fid-dimensjonijiet l-oħra tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima. Tappoġġa t-tali objettivi b'politiki u miżuri speċifiċi u xierqa, inkluż dawk li jridu jiġu żviluppati b'kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra, bħal pereżempju l-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

    6.

    Ittejjeb aktar il-livell tad-dettall tal-objettivi u tal-politiki u l-miżuri tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali b'mod partikolari biex jiġu stabbiliti objettivi ċari, miżurabbli u li jħarsu 'l quddiem għad-dimensjoni tas-suq intern u għad-dimensjonijiet tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-kompetittività; u turi sa liema punt il-pjanijiet previsti tal-esplorazzjoni tal-petroleum huma konformi mal-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni f'terminu itwal.

    7.

    Tikkomplementa r-referenzi prinċipalment kwalitattivi għal xi wħud mill-ħtiġijiet ta' investiment, nefqa u sorsi ta' finanzjament ipproġettati, b'aktar kwantifikazzjoni sabiex tikseb valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet ta' investiment globali biex jinkisbu l-objettivi, kif ukoll informazzjoni dwar is-sorsi finanzjarji nazzjonali u tal-Unjoni li jridu jiġu mmobilizzati.

    8.

    Telenka s-sussidji tal-enerġija kollha, inkluż b'mod partikolari għall-karburanti fossili, u l-azzjonijiet imwettqa kif ukoll il-pjanijiet biex dawn is-sussidji jibdew jiġu eliminati ftit ftit.

    9.

    Tikkomplementa l-analiżi tal-interazzjonijiet bil-politika dwar il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet fl-arja, filwaqt li tippreżenta u tikkwantifika l-impatti fuq it-tniġġis tal-arja għax-xenarji varji, tipprovdi informazzjoni ta' appoġġ, u tikkunsidra s-sinerġiji u l-effetti ta' kompromess.

    10.

    Tintegra aħjar l-aspetti ta' tranżizzjoni ġusta u ekwa, b'mod partikolari billi tipprovdi aktar dettalji dwar l-impatti soċjali, l-impatti fuq l-impjieg u fuq il-ħiliet tal-objettivi, tal-politiki u tal-miżuri ppjanati.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Miguel ARIAS CAÑETE

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

    (2)  SWD(2019) 268.

    (3)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

    (4)  SWD (2019) 1017 final.

    (5)  COM (2019) 518 final tal-5 ta' Ġunju 2019.

    (6)  SWD(2019) 268.

    (7)  SWD(2019) 268.

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

    (9)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).


    Top