Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1340

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1340 tat-8 ta' Awwissu 2019 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina

ST/10438/2019/INIT

ĠU L 209, 9.8.2019, p. 10–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2024: This act has been changed. Current consolidated version: 20/07/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1340/oj

9.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1340

tat-8 ta' Awwissu 2019

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/77 (1) li taħtar is-Sur Lars-Gunnar WIGEMARK bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bożnija-Ħerzegovina. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta' Awwissu 2019.

(2)

Jenħtieġ li s-Sur Johann Sattler jiġi maħtur bħala r-RSUE fil-Bożnija-Ħerzegovina għall-perijodu mill-1 ta' Settembru 2019 sal-31 ta' Awwissu 2021.

(3)

Ir-RSUE ser timplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Johann Sattler huwa b'dan maħtur bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina mill-1 ta' Settembru 2019 sal-31 ta' Awwissu 2021. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi terminat qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u ta' proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi tal-politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika li ġejjin tal-Unjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiH):

(a)

il-kontinwazzjoni tal-progress fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni;

(b)

l-iżgurar ta' BiH stabbli, vijabbli, paċifika, multietnika u unita li tikkoopera paċifikament mal-ġirien tagħha; u

(c)

l-iżgurar li l-BiH timxi b'mod irriversibbli fit-triq lejn sħubija fl-Unjoni, wara l-pubblikazzjoni tal-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija mal-Unjoni Ewropea fid-29 ta' Mejju 2019.

2.   L-Unjoni ser tkompli wkoll tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas Ġenerali għall-Paċi fil-BiH.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

joffri l-konsulenza tal-Unjoni u jiffaċilita l-proċess politiku, partikolarment bil-promozzjoni tad-djalogu bejn il-livelli differenti tal-gvern;

(b)

jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni;

(c)

jiffaċilita l-progress fir-rigward tal-prijoritajiet politiċi, ekonomiċi u dawk tal-Unjoni, partikolarment billi jinkoraġġixxi aktar ħidma rigward l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-Unjoni u l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-aġenda Ewropea għar-Riforma;

(d)

jappoġġa sforzi domestiċi allinjati ma' standards Ewropej biex jiġi żgurat li r-riżultati tal-elezzjoni jistgħu jiġu implimentati;

(e)

jimmonitorja u jagħti pariri lill-awtoritajiet eżekuttivi u leġislattivi fil-livelli kollha tal-gvern fil-BiH, u jżomm kollegament mal-awtoritajiet u l-partiti politiċi fil-BiH;

(f)

jiżgura l-implimentazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni fil-firxa kollha tal-attivitajiet fil-qasma tal-istat tad-dritt u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, jippromwovi l-koordinazzjoni globali mill-Unjoni ta', u jagħti direzzjoni politika lokali lil, l-isforzi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu, u, f'dak il-kuntest, jipprovdi lir-RGħ u lill-Kummissjoni b'valutazzjonijiet u konsulenza kif meħtieġ;

(g)

jipprovdi appoġġ għal interazzjoni rinfurzata u aktar effikaċi bejn is-sistema tal-ġustizzja kriminali u l-pulizija fil-BiH, kif ukoll għal inizjattivi li jimmiraw biex isaħħu l-effiċjenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji, b'mod partikolari d-Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja;

(h)

mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand militari, joffri lill-Kmandant tal-Forza tal-UE gwida politika dwar kwistjonijiet militari b'dimensjoni politika lokali, b'mod partikolari fir-rigward ta' operazzjonijiet sensittivi, u dwar relazzjonijiet ma' awtoritajiet lokali u l-mezzi tax-xandir lokali; jikkonsulta lill-Kmandant tal-Forza tal-UE qabel ma jieħu azzjoni politika li jista' jkollha impatt fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà u jikkoordina fir-rigward ta' messaġġi koerenti lill-awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn; jikkontribwixxi għall-konsultazzjonijiet dwar ir-Reviżjoni Strateġika ta' EUFOR/ALTHEA;

(i)

jikkoordina u jimplimenta l-isforzi ta' komunikazzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet tal-Unjoni lejn il-pubbliku fil-BiH;

(j)

jippromwovi l-proċess tal-integrazzjoni fl-Unjoni permezz ta' diplomazija pubblika mmirata u ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Unjoni mfasslin biex jiżguraw fehim u appoġġ usa' fost il-pubbliku tal-BiH dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni, inkluż permezz tal-involviment ta' atturi tas-soċjetà ċivili lokali

(k)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-BiH, f'konformità mal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

(l)

jimpenja ruħu mal-awtoritajiet rilevanti tal-BiH fir-rigward tal-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mal-Mekkaniżmu Internazzjonali li Jeżerċita s-Setgħat Residwi tal-Qrati Kriminali;

(m)

f'konformità mal-proċess ta' integrazzjoni tal-Unjoni, jagħti pariri, jassisti, jiffaċilita u jimmonitorja d-djalogu politiku dwar il-bidliet kostituzzjonali u leġislattivi rilevanti li jkunu neċessarji;

(n)

iżomm kuntatti mill-qrib u konsultazzjonijiet mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli tan-NU fil-BiH u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn li jaħdmu fil-pajjiż; f'dak il-kuntest, jinforma lill-Kunsill dwar diskussjonijiet għaddejjin fir-rigward tal-preżenza internazzjonali fil-pajjiż, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli tan-NU fil-BiH;

(o)

jipprovdi konsulenza lir-RGħ kif meħtieġ dwar persuni fiżiċi jew ġuridiċi li lilhom jistgħu jiġu imposti miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-BiH;

(p)

mingħajr preġudizzju għal-linji ta' kmand applikabbli, jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post jiġu applikati b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Settembru 2019 sal-31 ta' Awwissu 2021 għandu jkun ta' EUR 13 700 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku mir-RSUE għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola tal-oriġini għall-oġġetti mixtrija mir-RSUE.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u tal-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif rikjest mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni informati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati biex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jissekonda, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament tajjeb tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u mas-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn iż-żona ta' responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u l-forniment ta' pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jew kif jaslu fiż-żona ta' responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha, li jsiru wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà u jipprovdi lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u r-rapport dwar implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti regolarment lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu wkoll jirrapporta lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, kif ikun neċessarju. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. Taħt l-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu involuti b'mod konsistenti, biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun, kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali fuq il-post, u b'mod partikolari jżomm koordinazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli tan-NU fil-BiH.

3.   B'appoġġ għall-operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet, ir-RSUE, ma' atturi tal-Unjoni oħrajn preżenti fuq il-post, għandu jtejjeb id-disseminazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni minn dawk l-atturi tal-Unjoni bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' għarfien u valutazzjoni komuni tas-sitwazzjoni.

Artikolu 13

Assistenza rigward pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta' elementi b'rispons għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti fil-BiH, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali għanijiet.

Artikolu 14

Rieżami

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Kull sena ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sal-aħħar ta' Ottubru u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Mejju.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Settembru 2019.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/77 tad-19 ta' Jannar 2015 li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (ĠU L 13, 20.1.2015, p. 7).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


Top