This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D1220(02)
Commission Decision of 16 December 2019 on the renewal of the Commission Expert Group Platform for Tax Good Governance, Aggressive Tax Planning and Double Taxation2019/C 428/08
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019 dwar it-tiġdid tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u t-Tassazzjoni Doppja2019/C 428/08
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019 dwar it-tiġdid tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u t-Tassazzjoni Doppja2019/C 428/08
C/2019/8864
ĠU C 428, 20.12.2019, p. 34–40
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 16/06/2024
20.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 428/34 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ Diċembru 2019
dwar it-tiġdid tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni “Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u t-Tassazzjoni Doppja”
(2019/C 428/08)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2012 (1), il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. Il-Komunikazzjoni kienet akkumpanjata minn żewġ Rakkomandazzjonijiet, waħda dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa (2) u oħra dwar miżuri maħsuba biex iħeġġu pajjiżi terzi japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (3). |
(2) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 2236 (4) ġiet stabbilita Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u t-Tassazzjoni Doppja (“il-Pjattaforma”), li tinvolvi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni li jirrieżamina l-progress fuq firxa ta’ miżuri, inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2012 dwar il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u l-implimentazzjoni taż-żewġ Rakkomandazzjonijiet. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tassazzjoni doppja fis-suq uniku (5), il-Kummissjoni kkonkludiet li se teżamina l-benefiċċji potenzjali li jitwaqqaf Forum tal-UE dwar it-tassazzjoni doppja. Peress li n-nontassazzjoni doppja u t-tassazzjoni doppja huma ta’ spiss marbuta flimkien, tqies xieraq li fil-Pjattaforma tiġi indirizzata wkoll it-tassazzjoni doppja, kif għadu jsir sal-lum. |
(3) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)4095 (6), il-Pjattaforma ġiet stabbilita mill-ġdid u d-Deċiżjoni C(2013)2236 ġiet revokata. Id-Deċiżjoni C(2015)4095 ma baqgħetx tapplika fis-17 ta’ Ġunju 2019. |
(4) |
Il-Parlament Ewropew (7) u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (8) appellaw għal sforzi kontinwi fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Il-ħidma tal-Kumitat TAXE tal-Parlament Ewropew stabbilit fil-bidu tal-2015, segwit eżatt wara mill-kumitat speċjali TAX2, il-“Kumitat ta’ Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ kontravvenzjoni u ta’ amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa”, u finalment mill-Kumitat TAX3 enfasizzat il-bżonn ta’ aktar ħidma biex tiġi miġġielda t-tassazzjoni inġusta, ineffiċjenti u għal aktar inizjattivi f’governanza tajba tat-taxxa u trasparenza fiskali. |
(5) |
Il-Pjattaforma kienet għodda effiċjenti fiż-żieda ta’ tali trasparenza fit-tfassil tal-politika dwar it-taxxa filwaqt li ħeġġet u ppermettiet djalogu kostruttiv bejn il-Kummissjoni u l-partijiet interessati differenti tat-taxxa, kif ukoll fost il-partijiet interessati tat-taxxa differenti nfushom. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tiddependi fuq l-għarfien espert ta’ speċjalisti u partijiet interessati. Il-pjattaforma kienet sors siewi ta’ tali għarfien espert fil-qasam tat-taxxa. |
(6) |
Il-Kummissjoni hija sieħba fl-Inizjattiva Fiskali ta’ Addis Ababa, li hija sħubija b’diversi partijiet interessati li nbdiet fl-2015, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiffinanzja l-aġenda ta’ żvilupp tagħhom u biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli sal-2030. Il-pjattaforma għandha tkompli tagħti pariri u tassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma dejjem għaddejja tagħha abbażi tal-Inizjattiva Fiskali ta’ Addis Ababa. |
(7) |
Tassazzjoni ġusta u effiċjenti bħala prijorità politika tal-Kummissjoni wasslet għal għadd ta’ inizjattivi legali, kif ukoll każijiet ta’ għajnuna mill-Istat u liġijiet mhux vinkolanti. Fit-18 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni addottat pakkett dwar it-trasparenza fiskali (9). Barra minn hekk, fis-17 ta’ Ġunju 2015 (10), adottat Komunikazzjoni dwar sistema tat-taxxa korporattiva ġusta u effiċjenti fl-Unjoni (il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2015) fejn irrappurtat dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-2012 bħala input mill-Pjattaforma. F’dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tħabbar li se jiġu estiżi l-mandat tal-Pjattaforma u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u se jitjiebu l-metodi ta’ ħidma tagħha. |
(8) |
Fit-28 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva (11), biex tippromwovi l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fuq livell globali. Il-Komunikazzjoni identifikat oqsma ġodda ta’ ħidma għall-Pjattaforma, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġenda tal-Unjoni dwar it-taxxa u l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta’ listi nazzjonali ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx. F’dan ir-rigward, il-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa (12) tibqa’ għodda fundamentali biex tiġi infurzata l-governanza tajba fuq livell globali. |
(9) |
Kif indikat fil-linji gwida politiċi 2019-2024 ippreżentati f’Lulju 2019 (13), tassazzjoni ġusta u effiċjenti tibqa’ prijorità għolja għall-Kummissjoni. |
(10) |
Minħabba l-utilità ppruvata tal-Pjattaforma bħala forum li kellu u għad għandu impatt sinifikanti permezz tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-iżvilupp tat-trasparenza fiskali u tal-aġenda dwar it-tassazzjoni ġusta, huwa xieraq li jiġġedded il-mandat tiegħu. |
(11) |
Il-pjattaforma jenħtieġ li tipprovdi pariri u assistenza lill-Kummissjoni. Il-pjattaforma għandha tippermetti wkoll djalogu, kondiviżjoni ta’ esperjenza u għarfien espert, u skambju ta’ fehmiet fost il-partijiet interessati kollha. |
(12) |
Il-Pjattaforma għandha titmexxa minn rappreżentant tal-Kummissjoni u tkun magħmula minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-negozji jew lis-soċjetà ċivili jew lill-prattikanti fil-qasam tat-taxxa. |
(13) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni minn membri tal-Pjattaforma. |
(14) |
Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). |
(15) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attività tal-Pjattaforma, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika b’mod retroattiv. |
(16) |
Jixraq li jiġi ffissat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fi żmien propizju, il-Kummissjoni se tikkunsidra kemm hu xieraq li tingħata estensjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Il-mandat tal-grupp ta’ esperti l-“Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u t-Tassazzjoni Doppja” (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Pjattaforma”), huwa b’dan imġedded.
Artikolu 2
Kompiti
Il-kompiti tal-Pjattaforma għandhom ikunu li tipprovdi konsulenza u assistenza lill-Kummissjoni fil-qasam tal-governanza tajba tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u t-tassazzjoni doppja, filwaqt li tippermetti djalogu li fih jiġu skambjati l-esperjenzi u l-għarfien espert u jinstemgħu l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha. B’mod partikolari, il-Pjattaforma għandha:
(a) |
tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni rilevanti għall-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet f’oqsma bħall-governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u t-tassazzjoni doppja; |
(b) |
tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-mezzi u l-istrumenti xierqa biex isir progress f’dawk l-oqsma; |
(c) |
tħeġġeġ id-diskussjoni bejn in-negozji, is-soċjetà ċivili u l-esperti tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa dwar il-kwistjonijiet fil-qasam tal-governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u t-tassazzjoni doppja; |
(d) |
tiddiskuti informazzjoni prattika pprovduta mill-awtoritajiet tat-taxxa, kif ukoll min-negozji, mis-soċjetà ċivili u mill-prattikanti tat-taxxa, u telabora dwar il-modi possibbli biex jiġu ndirizzati b’mod aktar effiċjenti l-problemi attwali tat-tassazzjoni doppja li jaffettwaw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. |
(e) |
tagħti pariri u tassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma dejjem għaddejja tagħha abbażi tal-Inizjattiva Fiskali ta’ Addis Ababa. |
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa" jfisser it-trasparenza, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta tat-taxxa.
Artikolu 3
Konsultazzjoni
Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-Pjattaforma dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, it-tassazzjoni doppja u s-segwitu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2015.
Artikolu 4
Sħubija
1. Il-Pjattaforma għandha tkun magħmula minn massimu ta’ 43 membru.
2. Il-membri tal-Pjattaforma għandhom ikunu:
(a) |
L-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri (“Membri tat-Tip D” kif imsemmija fl-Artikolu 7(2)(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)3301 final) (15); |
(b) |
sa ħmistax-il negozju, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-prattikanti tat-taxxa b’kompetenza fil-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 (“Membri tat-Tip C” kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(c) tar-regoli orizzontali). |
3. Il-membri tat-Tip D għandhom ikunu rappreżentati biss minn impjegati taċ-ċivil jew impjegati pubbliċi. L-awtoritajiet tat-taxxa ta’ kull Stat Membru għandhom jinnominaw rappreżentant wieħed minn fost l-uffiċjali li jittrattaw it-tassazzjoni transfruntiera b’enfasi fuq il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.
4. Il-membri tat-Tip C għandhom jinħatru u jieħdu sehem biss fil-ħidmiet tal-Pjattaforma jew tas-sottogruppi tagħha jekk ikunu rreġistrati fir-Reġistru ta’ Trasparenza li jkun ġie stabbilit b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni.
5. Meta membru tat-Tip C jiġi sospiż jew jitneħħa mir-Reġistru ta’ Trasparenza, id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD) għandu jissospendih mill-Pjattaforma sakemm ir-reġistrazzjoni tiegħu fir-Reġistru tat-Trasparenza ma tiġix stabbilita mill-ġdid. Matul is-sospensjoni jew it-tneħħija, dak il-membru ma għandu jiġi mistieden jipparteċipa f’ebda laqgħa tal-grupp u ma għandu jirċievi l-ebda dokument. Jekk wara sitt xhur mis-sospensjoni jew mit-tneħħija mir-Reġistru ta’ Trasparenza, ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru ta’ Trasparenza ma tiġix stabbilit mill-ġdid, id-DĠ TAXUD għandu jeskludi l-membru mill-Pjattaforma. Kull bidla ta’ dan it-tip fis-sħubija għandha tiġi rreġistrata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħrajn (“Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”) (16).
6. Il-membri tat-Tip C għandhom jinnominaw rappreżentanti permanenti u sostituti fil-Pjattaforma jew fis-sottogruppi tagħha u għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li r-rappreżentanti tagħhom jipprovdu livell għoli ta’ għarfien espert.
Artikolu 5
Proċess tal-għażla
1. L-għażla tal-membri tat-Tip C tal-Pjattaforma għandha ssir permezz ta’ sejħiet pubbliċi għall-applikazzjonijiet. Għal dak il-għan, id-DĠ TAXUD għandu juża s-sejħa standard għall-applikazzjonijiet għall-għażla tal-membri tal-Pjattaforma kif stabbilit fl-Anness 2 tar-regoli orizzontali. Id-DĠ TAXUD jista’ jitbiegħed minnha jew jissupplimentaha, fejn dan ikun iġġustifikat minn rekwiżiti speċifiċi, f’konformità mar-regoli orizzontali.
2. Għandha tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti fir-Reġistru tal-gruppi tal-esperti. Barra minn hekk, is-sejħa għall-applikazzjonijiet tista’ tiġi ppubblikata b’mezzi oħra, inkluż fuq siti web apposta (17). Is-sejħa għandha turi b’mod ċar il-kriterji tal-għażla li jinkludu l-livell ta’ għarfien espert mistenni u l-interessi li għandhom ikunu rappreżentati (18) b’relazzjoni max-xogħol li jrid jitwettaq. L-iskadenza minima għall-applikazzjonijiet għandha tkun ta’ erba’ ġimgħat.
3. Meta jkunu qed iwieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet għandhom jinnominaw rappreżentant wieħed u membru supplenti wieħed, skont l-istess kondizzjonijiet bħar-rappreżentant. Il-membru supplenti għandu awtomatikament jissostitwixxi rappreżentant li jkun assenti jew indispost. Id-DĠ TAXUD jista’ jirrifjuta n-nomina ta’ rappreżentant jew sostitut minn organizzazzjoni jekk iqis li mhux xieraq. Dan għandu jkun ġustifikata fid-dawl tar-rekwiżiti speċifikati fid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-Pjattaforma u/jew fis-sejħa għall-applikazzjonijiet. F’każijiet bħal dawn, l-organizzazzjoni kkonċernata għandha tintalab tinnomina rappreżentant jew supplent ieħor.
4. Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ TAXUD minn fost speċjalisti b’kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 2 u li jkunu wieġbu għas-sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Meta jintgħażlu l-membri tal-Pjattaforma minn organizzazzjonijiet speċjalisti, id-DĠ TAXUD għandu jkollu l-għan li jiżgura, kemm jista’ jkun, livell għoli ta’ għarfien espert, bilanċ ġeografiku, kif ukoll rappreżentanza bbilanċjata ta’ għarfien u kompetenza rilevanti fl-oqsma ta’ interess imsemmija fl-Artikoli 2 u 3, b’kont meħud tal-kompiti speċifiċi tal-grupp ta’ esperti, it-tip ta’ għarfien espert meħtieġ u r-reazzjoni li jirċievi għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.
5. Il-Membri għandhom jinħatru għal sentejn u nofs (2.5). Għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti jew sa tmiem il-kariga tagħhom. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded.
6. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u l-funzjonament bla xkiel tal-grupp, id-DĠ TAXUD għandu jistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ kandidati xierqa li jistgħu jiġu maħtura bħala sostituti tal-membri. Id-DĠ GROW għandu jitlob il-kunsens tal-applikanti qabel ma jinkludihom fil-lista tar-riżerva.
7. Il-membri tat-tip C jew ir-rappreżentanti tagħhom m’għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fi kwalunkwe laqgħa tal-Pjattaforma u jistgħu jiġu sostitwiti jew esklużi għall-bqija tal-mandat tagħhom fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a) |
meta membru tat-Tip C jew ir-rappreżentant tiegħu ma jkunx għadu kapaċi jikkontribwixxi b’mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-Pjattaforma; |
(b) |
meta membru tat-Tip C jew ir-rappreżentant tiegħu, fl-opinjoni tad-DĠ TAXUD, ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; |
(c) |
meta membru tat-Tip C jew ir-rappreżentant tiegħu jirriżenja. |
Meta organizzazzjoni jew ir-rappreżentant tagħha jiġu sostituti jew esklużi, id-Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali jista’, skont il-każ, jaħtar organizzazzjoni bħala sostitut mil-lista ta’ riżerva msemmija fil-paragrafu 6 jew jitlob lil organizzazzjoni tinnomina rappreżentant jew supplent ieħor.
Artikolu 6
Presidenza
Il-Pjattaforma għandha titmexxa mid-Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali jew minn rappreżentant tiegħu.
Artikolu 7
Operat
1. Bi qbil mar-regoli orizzontali, il-Pjattaforma għandha taħdem fuq it-talbiet tad-DĠ TAXUD.
2. Bħala prinċipju, il-laqgħat tal-Pjattaforma u tas-sottogruppi tagħha għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni.
3. Il-Pjattaforma u s-sottogruppi tagħha jistgħu jorganizzaw laqgħat konġunti ma’ gruppi ta’ esperti oħra dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni.
4. Id-DĠ TAXUD għandu jipprovdi s-servizzi segretarjali. Jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma u tas-sottogruppi tagħha uffiċjali tal-Kummissjoni minn dipartimenti oħrajn li jkollhom interess fil-proċedimenti.
5. Bi ftehim mad-DĠ TAXUD, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha, il-Pjattaforma tista’ tiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet tagħha jkunu miftuħa għall-pubbliku.
6. Il-minuti tad-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u tal-opinjonijiet mogħtija mill-Pjattaforma għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jitħejjew mis-Segretarjat taħt ir-responsabbiltà tal-President.
7. Il-Pjattaforma għandha tadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens.
Artikolu 8
Sottogruppi
1. Sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament effiċjenti tal-Pjattaforma, id-DĠ TAXUD jista’ jistabbilixxi sottogrupp magħmul esklussivament minn rappreżentanti tal-gvern (awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri) u sottogrupp ieħor magħmul esklussivament minn rappreżentanti mhux governattivi (negozji, soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tal-prattikanti tat-taxxa).
2. Id-DĠ TAXUD jista’ jistabbilixxi sottogruppi oħra biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi tat-termini ta’ referenza definiti minnu. Sottogruppi ta’ dan it-tip għandhom jiġu xolti malli jintemm il-mandat tagħhom. Il-membri tas-sottogruppi li ma jkunux membri tal-Pjattaforma għandhom jintgħażlu permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, b’konformità mal-Artikolu 5 u mar-regoli orizzontali (19).
3. Kull sottogrupp għandu jaħdem skont ir-regoli orizzontali u għandu jirrapporta lill-Pjattaforma.
Artikolu 9
Esperti mistiedna
Id-DĠ TAXUD jista’ jistieden esperti b’għarfien espert speċifiku dwar suġġett fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-Pjattaforma jew tas-sottogruppi tagħha fuq bażi ad hoc.
Artikolu 10
Relazzjoni mal-Parlament Ewropew
Fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa lill-Parlament Ewropew u l-parteċipazzjoni tal-esperti tal-Parlament Ewropew fil-laqgħat tal-Pjattaforma, il-punt 15 u l-Annessi I u II tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom japplikaw (20).
Artikolu 11
Osservaturi
1. Individwi, organizzazzjonijiet jew entitajiet pubbliċi oħra għajr l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, b’konformità mar-regoli orizzontali, bi stedina diretta.
2. L-organizzazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi li jinħatru bħala osservaturi għandhom jaħtru lir-rappreżentanti tagħhom.
3. L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, dawn ma għandhomx jipparteċipaw fil-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tal-pariri tal-Pjattaforma.
Artikolu 12
Regoli ta’ proċedura
Fuq proposta mid-DĠ TAXUD u bi qbil miegħu, il-Pjattaforma għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha b’maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha, abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti, b’konformità mar-regoli orizzontali.
Artikolu 13
Segretezza professjonali u t-trattament tal-informazzjoni klassifikata
Il-membri tal-Pjattaforma u tas-sottogruppi u r-rappreżentanti tagħha, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, huma soġġetti għall-obbligi tas-segretezza professjonali li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplikaw għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom, u kif ukoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (21) u 2015/444 (22). Jekk dawn l-obbligi ma jiġux rispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.
Artikolu 14
Trasparenza
1. Il-Pjattaforma u s-sottogruppi tagħha għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti.
2. Rigward il-kompożizzjoni tal-Pjattaforma, id-data li ġejja għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:
(a) |
l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet membri; għandu jkun iddikjarat l-interess rappreżentat; |
(b) |
l-ismijiet tal-osservaturi; |
(c) |
l-ismijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri (23). |
3. Id-DĠ TAXUD għandu jippubblika d-dokumenti rilevanti kollha tal-Pjattaforma u s-sottogruppi tagħha inkluż l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, jew fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew inkella permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal sit web apposta, fejn wieħed ikun jista’ jsib dan it-tagħrif. L-aċċess għal sit web ta’ dan it-tip ma għandux ikun soġġett għal xi reġistrazzjoni tal-utent jew għal xi restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u d-dokumenti kuntestwali rilevanti l-oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti minn pubblikazzjoni fil-ħin tal-minuti.
4. Eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom jiġu permessi biss fejn jitqies li l-iżvelar ta’ dokument ikun jimmina l-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).
Artikolu 15
Protezzjoni tad-data personali
Id-data personali għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 16
Spejjeż tal-laqgħat
1. Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Pjattaforma u tas-sottogruppi tagħha ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li joffru.
2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Pjattaforma u tas-sottogruppi tagħha għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni. Għall-membri tat-Tip C u tat-Tip D, il-Kummissjoni għandha tirrimborża l-ispejjeż tal-ivjaġġar u tas-sussistenza, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni. Għal organizzazzjonijiet maħtura bħala osservaturi, ir-rimborżi ma għandhom jingħataw taħt l-ebda ċirkostanza. L-esperti mistiedna għandhom jingħataw rimborż għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tagħhom.
3. Kwalunkwe rimborżi ta’ spejjeż skont il-paragrafu 2 għandhom jiġu rimborżati sal-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 17
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-17 ta’ Ġunju 2019 sas-16 ta’ Ġunju 2024.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Paolo GENTILONI
Membru tal-Kummissjoni
(1) COM(2012) 722 final.
(2) C(2012) 8806 final.
(3) C(2012) 8805 final.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 2236 tat-23 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni li jkun magħruf bħala l-Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u t-Tassazzjoni Doppja.
(5) COM(2011) 712 final.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)4095 tas-17 ta’ Ġunju 2015 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa, l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u t-Tassazzjoni Doppja” u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni C(2013)2236.
(7) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar it-Taxxa.
(8) Il-laqgħa tal-Kunsill tal-ECOFIN tad-9.12.2014, il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-18.12.2014
(9) Il-komunikazzjoni dwar it-trasparenza fiskali kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2015)136 final), li wasslet għall-emendar tad-Direttiva 2011/16/UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (EU)2015/2376 fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 1) b’referenza għal deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment, id-Direttiva tal-Kunsill (EU)2016/881 fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 146, 3.6.2016, p. 8) tirreferi għar-rapporti għal kull pajjiż u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta’ Mejju 2018 fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ arranġament transkonfinali rapportabbli (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1).
(10) COM(2015)302 final.
(11) COM(2016) 24 final.
(12) https://www.consilium.europa.eu/mt/policies/eu-list-of-non-cooperative-jurisdictions/
(13) https://ec.europa.eu/commission/interim_mt#political-guidelines
(14) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 final tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (“ir-regoli orizzontali”).
(16) http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/
(17) https://ec.europa.eu/taxation_customs/business/company-tax/tax-good-governance/platform-tax-good-governance_en
(18) Dan huwa rilevanti biss għall-organizzazzjonijiet membri.
(19) Ara l-Artikoli 10 u 14(2) tar-regoli orizzontali.
(20) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(21) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(22) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(23) Skont ir-regoli orizzontali, mhuwiex obbligatorju li jiġi ppubblikat l-isem tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-amministrazzjonijiet speċifiċi ta’ dawn il-pajjiżi li għalihom jappartjenu esperti li normalment jipparteċipaw fil-laqgħat jistgħu jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti. Ara l-Artikolu 23(1) (b) tar-regoli orizzontali.
(24) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsubin biex iħarsu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċeduri fil-qorti u l-pariri legali, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditi u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.