Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0541

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/541 tal-1 ta' April 2019 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-boroż approvati u għall-operaturi tas-suq rikonoxxuti f'Singapore f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2019) 2349) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/2349

ĠU L 93, 2.4.2019, p. 18–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/541/oj

2.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/18


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/541

tal-1 ta' April 2019

dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-boroż approvati u għall-operaturi tas-suq rikonoxxuti f'Singapore f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2019) 2349)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 28(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jidentifika ċ-ċentri tan-negozjar li fihom il-kontropartijiet finanzjarji, kif definiti fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u kontropartijiet mhux finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu jikkonkludu tranżazzjonijiet f'derivattivi li jappartjenu għal klassi ta' derivati li tkun ġiet iddikjarata soġġetta għall-obbligu tan-negozjar. Iċ-ċentri tan-negozjar li fihom jistgħu jiġu konklużi tranżazzjonijiet bħal dawn huma limitati għas-swieq regolati, għall-faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs, multilateral trading facilities), għall-faċilitajiet organizzati tan-negozjar (OTFs, organised trading facilities), u għaċ-ċentri tan-negozjar ta' pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li huma soġġetti għal rekwiżiti legali ekwivalenti u għal superviżjoni effikaċi f'dawn il-pajjiżi terzi. Il-pajjiż terz rilevanti huwa wkoll obbligat jipprovdi sistema ekwivalenti effikaċi għar-rikonoxximent ta' ċentri tan-negozjar awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Meta wieħed jikkunsidra l-ftehim milħuq mill-partijiet fil-G20 f'Pittsburgh fil-25 ta' Settembru 2009 sabiex in-negozjar f'kuntratti ta' derivati OTC standardizzati jibda jsir f'boroż jew fuq pjattaformi ta' kummerċ elettroniku, huwa xieraq li tiġi pprovduta firxa adegwata ta' ċentri eliġibbli li fihom jista' jkun hemm negozjar skont dak l-impenn. Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jenfasizza barra minn hekk il-ħtieġa li tiġi stabbilita ġabra waħda ta' regoli għall-istituzzjonijiet kollha fir-rigward ta' ċerti rekwiżiti u biex tiġi evitata l-possibilità tal-arbitraġġ regolatorju. Għalhekk, meta jintgħażlu l-kuntratti standardizzati tad-derivati OTC li jkunu soġġetti għall-obbligu ta' negozjar, huwa xieraq li l-Unjoni tinkuraġġixxi l-iżvilupp ta' għadd suffiċjenti ta' ċentri eliġibbli sabiex ikun hemm konformità mal-obbligu ta' negozjar, inkluż fl-UE.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, ċentri tan-negozjar ta' pajjiżi terzi jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni meta dawn huma obbligati jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u meta dawn ir-rekwiżiti ekwivalenti huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effikaċi f'dawn il-pajjiżi terzi. Jenħtieġ li dan jiġi interpretat fid-dawl tal-objettivi fil-mira ta' dawn it-tliet atti, b'mod partikolari, il-kontribuzzjoni tagħhom għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investitur u fl-aħħar nett, imma mhux ta' anqas importanza, l-istabbiltà finanzjarja.

(4)

Bit-tnedija ta' reġim ġdid li jirregola l-operaturi ta' pjattaformi ta' negozjar f'derivattivi OTC f'Singapore u li jistabbilixxi l-aktar derivattivi likwidi bħala soġġetti għal obbligu ta' negozjar domestiku, huwa meħtieġ li jiġu indirizzati r-riskji potenzjali tal-frammentazzjoni tal-likwidità billi jiġi żgurat li l-pjattaformi ta' negozjar stabbiliti f'Singapore jkunu rikonoxxuti bħala eliġibbli għall-konformità mal-obbligu ta' negozjar tal-Unjoni. Il-pjattaformi ta' negozjar li joperaw f'Singapore joffru volumi ta' kummerċ importanti fid-derivattivi u huwa importanti li d-ditti tal-Unjoni jista' jkollhom aċċess għal-likwidità li tirriżulta minn kontropartijiet Asjatiċi f'Singapore għal ġestjoni effiċjenti tar-riskju, speċjalment barra mill-ħinijiet tal-kummerċ tal-Ewropa. Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq valutazzjoni dettaljata tal-qafas legali u superviżorju li jirregola l-pjattaformi ta' negozjar skont l-Att dwar it-Titoli u l-Futuri (SFA, Securities and Futures Act) f'Singapore u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu.

(5)

L-għan tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 huwa biex jiġi vverifikat li l-arranġamenti legali u superviżorji skont l-SFA u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu jiżguraw li l-pjattaformi ta' negozjar operati minn boroż approvati (AEs, approved exchanges) jew minn operaturi tas-suq rikonoxxuti (RMOs, recognised market operators) stabbiliti f'Singapore u awtorizzati mill-Awtorità Monetarja ta' Singapore (MAS, Monetary Authority of Singapore) jikkonfofrmaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti għal ċentri tan-negozjar tal-Unjoni li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u r-Regolament (UE) Nru 600/2014, abbażi tal-kriterji stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Il-fini tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza hija wkoll biex jiġi vverifikat li f'Singapore l-AEs u l-RMOs inkwistjoni huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effikaċi.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti għall-AEs u l-RMOs huma stabbiliti fil-Parti II tal-SFA, li jappoġġa l-mandat tal-MAS li jistabbilixxi reġim ibbażat fuq il-prinċipji u li jkun teknoloġikament newtrali, li japplika għall-AEs u l-RMOs kollha. L-atti u r-regolamenti adottati abbażi ta' dawn l-atti, bħar-Regolamenti dwar it-Titoli u l-Futuri (is-Swieq Organizzati) (SFOMR, Securities and Futures (Organised Markets) Regulations), adottati mill-MAS, għandhom is-saħħa tal-liġi u flimkien jistabbilixxu l-qafas legali għall-operat ta' AEs u ta RMOs f'Singapore. It-Taqsima 45 tal-SFA tippermetti li l-MAS toħroġ istruzzjonijiet vinkolanti għal xi AE jew RMO. In-nuqqas ta' konformità ma' dawn l-istruzzjonijiet jitqies bħala ksur tad-dispożizzjoni rilevanti tal-SFA. It-Taqsima 321 tal-SFA tagħti s-setgħa lill-MAS biex tipprovdi gwida fit-tkomplija tal-objettivi regolatorji tal-SFA jew fir-rigward tal-operazzjoni ta' kull dispożizzjoni tal-SFA. Il-linji gwida jistabbilixxu prinċipji jew standards tal-aħjar prattiki li jirregolaw il-ħidma tal-AEs u tal-RMOs, bħal-Linji Gwida dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Swieq Organizzati (SFA 02-G01). Kwalunkwe nuqqas ta' konformità mal-linji gwida jista' jiġi invokat minn xi parti fi proċedimenti – ċivili jew kriminali – sabiex tiġi stabbilita jew miċħuda kwalunkwe responsabbiltà fil-proċedimenti (it-taqsima 321(5) tal-SFA). It-Taqsimiet 15(1)(e) u 33(1)(e) tal-SFA jesiġu li l-AEs u l-RMOs japplikaw regoli tan-negozju u regoli ta' kwotazzjoni li jissodisfaw il-provvedimenti għal suq ġust, ordnat u trasparenti. Ir-regoli tan-negozju u ta' kwotazzjoni, kif ukoll kull emenda għal dawn ir-regoli, iridu jiġu ppreżentati lill-MAS qabel ma jiġu implimentati. Ir-regoli tan-negozju u r-regoli ta' kwotazzjoni għandhom l-effett ta' kuntratt vinkolanti għall-AEs u l-RMOs u l-membri tagħhom, u jridu jiġu osservati u mħarsa fuq bażi kontinwa.

(7)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jistabbilixxi erba' kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex jiġi determinat li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz rigward iċ-ċentri tan-negozjar awtorizzati f'dan il-pajjiż jkollhom effett ekwivalenti.

(8)

L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tipprevedi li ċentri tan-negozjar f'pajjiżi terzi jridu jkunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni u għal superviżjoni u infurzar effikaċi fuq bażi kontinwa.

(9)

Skont l-SFA, is-swieq huma faċilitajiet li joperaw fuq bażi multilaterali jew “minn bosta għal bosta”. Entità li topera xi suq f'Singapore trid tkun AE jew RMO. Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi relatati ma' AEs u RMOs jinsabu fil-Parti II tal-SFA. Il-korporazzjonijiet ta' Singapore huma rregolati bħala AEs jew RMOs, filwaqt li korporazzjonijiet barranin huma rregolati bħala RMOs. Applikant li jixtieq jopera xi suq f'Singapore jrid jikseb liċenzja mill-MAS skont it-Taqsima 8 tal-SFA, jew bħala AE jew bħala RMO. Biex jiġi ddeterminat jekk operatur tas-suq għandux ikun irregolat bħala AE jew bħala RMO, l-MAS tieħu inkonsiderazzjoni tal-importanza sistemika tas-suq organizzat. Il-korporazzjonijiet li joperaw swieq organizzati li huma sistemikament importanti huma rregolati bħala AEs. Applikant irid jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli, inklużi r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 15 u 33 tal-SFA, fil-fażi inizjali u fuq bażi kontinwa. Fit-Taqsima 9 tal-Parti II, l-MAS tagħti liċenzja jekk tikkonkludi li r-rekwiżiti kollha fir-rigward tal-applikant jintlaħqu. L-MAS tista' tirrifjuta li tapprova applikazzjoni jekk ir-rekwiżiti ma jintlaħqux kollha. It-Taqsimiet 15(1)(a) u 33(1)(a) tal-SFA, jesiġu t-tnejn li huma li AE u RMO joperaw suq organizzat ġust li jkun ikkaratterizzat minn aċċess mhux diskriminatorju għall-faċilitajiet tas-suq u għall-informazzjoni. It-Taqsimiet 15(1)(d) u 33(1)(d) tal-SFA jesiġu wkoll li AE u RMO jiżguraw li l-aċċess għall-parteċipazzjoni fil-faċilitajiet tagħhom jkun suġġett għal kriterji li huma ġusti u oġġettivi, u li huma maħsuba biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq organizzat u biex iħarsu l-interessi tal-pubbliku li qed jinvesti. Ir-Regolamenti 13 u 25 tal-SFOMR jesiġu li l-AEs u l-RMOs jagħmlu disponibbli fuq talba, jew jippubblikaw, b'mod li jkun aċċessibbli għal kwalunkwe investitur jew investitur potenzjali, informazzjoni inkluża informazzjoni dwar servizzi, prodotti, tariffi u kwalunkwe arranġament ta' kumpens tagħhom li jista' jkun fis-seħħ. L-AEs u l-RMOs huma soġġetti għal rekwiżiti organizzattivi rigward il-governanza korporattiva, il-politika dwar il-kunflitti ta' interess, il-ġestjoni tar-riskju, in-negozjar ġust u ordnat, l-arranġamenti tal-ikklerjar u tas-saldu, ir-reżiljenza tas-sistema tan-negozjar u l-monitoraġġ tal-konformità.

(10)

L-MAS għandha setgħat ta' investigazzjoni skont il-Parti IX, tat-Taqsima 3 tal-SFA u skont il-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali li jinkludu setgħat biex jiġi xprunat l-għoti ta' evidenza, ta' intervisti u ta' dikjarazzjonijiet minn persuni suspettati u xhieda, l-arrest tas-suspettati u s-sekwestru tal-proprjetà f'ċerti ċirkostanzi. L-MAS tissorvelja l-prattiki u l-kontrolli tal-ġestjoni tar-riskju tal-OEs u tal-RMOs, kemm permezz ta' spezzjonijiet fuq il-post kif ukoll ta' dawk mhux fuq il-post. It-Taqsima 45 tal-SFA tagħti s-setgħa lill-MAS biex tagħti struzzjonijiet lill-AEs u lill-RMOs fir-rigward ta' materji speċifiċi kif speċifikati mill-SFA sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur, il-funzjonament ta' swieq ġusti, ordnati u trasparenti, l-integrità u l-istabbiltà tas-swieq kapitali u konformità ma' kull kundizzjoni jew restrizzjoni imposti mill-MAS. L-MAS tista' timponi multi u toħroġ twissijiet meta jinkisru d-dispożizzjonijiet tal-SFA jew il-leġiżlazzjoni sussidjarja tagħha. L-MAS tista' tneħħi wkoll uffiċjali f'sitwazzjonijiet li jkunu speċifikati fit-Taqsima 43(1) u meta tqis li dan ikun fl-interess tal-pubbliku. L-MAS għandha wkoll is-setgħa li tirrevoka l-liċenzja ta' AE jew ta' RMO skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 14 tal-SFA. Barra minn hekk, l-AEs u l-RMOs huma obbligati skont it-Taqsimiet 15 u 33 tal-SFA li jiżguraw regolazzjoni u superviżjoni xierqa tal-membri tagħhom. Barra minn hekk, l-AEs huma obbligati jinnotifikaw lill-MAS dwar kwalunkwe azzjoni dixxiplinari meħuda kontra membru skont it-Taqsima 16(1)(f) tal-SFA. L-SFA jipprevedi penali meta n-negozju jew ir-regoli ta' kwotazzjoni ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbliti mill-MAS. Fl-aħħar mill-aħħar, skont it-Taqsima 46AA tal-SFA, l-MAS hija mogħnija b'setgħat ta' emerġenza biex tiggwida lil AE jew lil RMO biex jieħdu azzjoni ħalli jżommu jew jirkupraw l-operat ordnat u trasparenti tas-suq meta jkun fl-interess tal-pubbliku jew biex jiġu protetti l-investituri.

(11)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li s-swieq operati mill-AEs u mill-RMOs huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni u l-infurzar effikaċi fuq bażi kontinwa.

(12)

It-tieni kundizzjoni minn dawk stipulati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tipprevedi li ċentri tan-negozjar ta' pajjiżi terzi jkollhom regoli ċari u trasparenti dwar l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar sabiex it-tali strumenti finanzjarji jkunu jistgħu jiġu nnegozjati b'mod ġust, ordnat u effikaċi, u jkunu negozjabbli liberament.

(13)

Il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta' negozjar ta' strumenti finanzjarji huma stabbiliti mill-AE fir-regoli ta' kwotazzjoni tagħha li jispeċifikaw il-klassijiet ta' prodotti li jistgħu jiġu nnegozjati fis-suq tagħha, it-termini u l-kundizzjonijiet għall-kwotazzjoni, kif ukoll ir-regoli biex jiġi żgurat li l-membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Skont it-taqsimiet 29 u 41 tal-SFA, l-AEs u l-RMOs huma obbligati jinnotifikaw lill-MAS qabel jipproċedu bit-tnedija ta' prodott. Barra minn hekk, l-AEs u l-RMOs huma obbligati li lill-MAS jgħaddulha ċ-ċertifikazzjoni li huma stabbilixxew il-kontrolli u l-proċeduri xierqa ta' governanza biex jindirizzaw b'mod adegwat ir-riskji ewlenin li jappartjenu għall-prodotti, jiġifieri (i) ir-riskju ta' negozjar diżordinat li jista' jirriżulta minn bidla qawwija fil-prezzijiet; (ii) ir-riskju li persuni li jakkwistaw ammonti sinifikanti tal-prodott, li jagħmilha aktar faċli għalihom biex ikunu jistgħu jiggwadanjaw mill-manipulazzjoni tas-suq; (iii) ir-riskju li l-prezzijiet ta' saldu ta' kuljum u l-prezzijiet tas-saldu finali jkunu soġġetti għall-manipulazzjoni; (iv) ir-riskju li l-prezz tas-saldu finali tal-prodott mhux se jikkonverġi għas-sottostanti tiegħu; (v) ir-riskju li s-sottostanti ta' prodotti mwassla fiżikament mhux se jitwassal b'mod sikur, affidabbli u f'waqtu; u (vi) ir-riskji legali, operazzjonali u reputazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-prodott. Skont it-taqsima 45 tal-SFA, l-MAS għandha s-setgħa li tieħu azzjoni jekk l-AEs u l-RMOs jonqsu milli jipprovdu kontrolli u proċeduri ta' governanza xierqa, inkluż l-impożizzjoni ta' kapital superviżorju ogħla, l-obbligu ta' awditjar indipendenti dwar proċeduri speċifiċi u l-projbizzjoni tal-elenkar ta' prodotti ġodda. Skont it-Taqsima 46 tal-SFA, l-MAS tista' toħroġ avviż bil-miktub lil AE jew RMO biex tipprojbixxi l-kummerċ fi prodotti jekk l-MAS hija tal-opinjoni li hemm bżonn li jiġu protetti persuni li jkunu qed jixtru jew ibigħu strumenti finanzjarji bħal dawn.

(14)

It-Taqsimiet 15 u 33 tal-SFA jesiġu li l-AEs u l-RMOs rispettivament, jiżguraw li s-suq li joperaw ikun ġust, ordnat u trasparenti, irrispettivament mill-protokoll ta' eżekuzzjoni użat. It-Taqsima 15(1)e tal-SFA tesiġi li r-regoli tan-negozju ta' AE jissodisfaw il-provvedimenti għall-operat ta' suq ġust, ordnat u trasparenti. Il-linji Gwida dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Swieq Organizzati, flimkien mal-Monografija dwar l-Objettivi u l-Prinċipji għas-Sorveljanza tas-Settur Finanzjarju f'Singapore jkomplu jispeċifikaw li suq trasparenti huwa suq fejn l-informazzjoni ta' qabel u ta' wara n-negozjar tkun pubblikament disponibbli fuq bażi kontinwa u f'ħin reali. Għan-negozjar ta' derivati, l-MAS ma tesiġix li l-eżekuzzjoni ssir permezz ta' protokoll speċifiku. Madankollu, fil-prattika, parti kbira tan-negozji huma eżegwiti permezz ta' protokoll għal “talba għal kwotazzjoni”. Is-sistemi ta' negozjar elettroniku tal-kotba tal-ordnijiet jeħtieġu l-pubblikazzjoni tal-aħjar offerti u tal-offerti kontinwi, filwaqt li sistemi oħra ta' negozjar (bħas-sistemi ta' “talba għal kwotazzjoni” jew is-“sistemi bl-użu tal-vuċi”) jeħtieġu t-tixrid tal-informazzjoni, dwar il-prezz u l-volum, lill-parteċipanti tas-suq eliġibbli qabel ma jsiru eżegwibbli. Sensara bil-vuċi bejn in-negozjanti li jiffaċilitaw il-kummerċ multilaterali huma suġġetti għar-reġim ta' liċenzjar tas-suq tal-MAS, u huma obbligati jiżguraw trasparenza qabel in-negozjar tas-swieq organizzati tagħhom. Għaldaqstant, l-informazzjoni ta' qabel in-negozjar hija disponibbli pubblikament biex tippermetti lill-investituri jkunu jafu liema tranżazzjonijiet jistgħu jidħlu għalihom u b'liema prezzijiet. L-informazzjoni ta' wara n-negozjar dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa trid bl-istess mod tiġi ppubblikata sabiex jiġu riflessi d-dettalji tal-prodott, il-prezz u l-volum. L-AEs u l-RMOs huma mistennija li jiddivulgaw pubblikament il-kwotazzjonijiet sottomessi hekk kif ikunu eżegwibbli u d-dettalji tat-tranżazzjoni jenħtieġ li jiġu żvelati pubblikament mill-aktar fis possibbli wara li tiġi eżegwita l-kwotazzjoni.

(15)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li s-swieq operati mill-AEs u mill-RMOs għandhom regoli ċari u trasparenti dwar l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar sabiex it-tali strumenti finanzjarji jkunu jistgħu jiġu negozjati b'mod ġust, ordnat u effiċjenti, u jkunu negozjabbli liberament.

(16)

It-tielet kundizzjoni stabbilita fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tipprevedi li l-emittenti ta' strumenti finanzjarji jridu jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' informazzjoni perjodika u kontinwa li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-investitur.

(17)

L-emittenti li jfittxu li jelenkaw titoli jew li jdaħħlu titoli għan-negozjar f'suq iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-regoli ta' kwotazzjoni fil-borża. Ir-regola 703 tal-Manwal ta' Kwotazzjoni tesiġi li l-emittent jiddivulga kull informazzjoni li hija meħtieġa biex jiġi evitat l-istabbiliment ta' suq falz fit-titoli tal-emittent jew li x'aktarx taffettwa materjalment il-prezz jew il-valur tat-titoli tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikoli minn 707 sa 711 tal-Manwal ta' Kwotazzjoni f'Singapore jistabbilixxi r-rekwiżiti għar-rapporti annwali maħruġa mill-emittenti elenkati. Rekwiżiti ta' informazzjoni perjodika u kontinwa u obbligi ta' divulgazzjoni huma applikabbli għal emittenti ta' kuntratti tad-derivattivi fejn assi sottostanti jkun titolu. Fejn derivattiv bħal dan ikun ammess għan-negozjar f'AE jew minn RMO, l-emittent tiegħu huwa soġġett għar-rekwiżiti ta' rapportar stabbiliti skont ir-regoli ta' kwotazzjoni tal-iskambju individwali.

(18)

Il-Kummissjoni għalhekk tista' tikkonkludi li l-emittenti ta' kuntratti ta' derivattivi nnegozjati f'AEs jew minn RMOs huma soġġetti għal rekwiżiti ta' informazzjoni perjodika u kontinwa biex b'hekk jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-investitur.

(19)

Ir-raba' kundizzjoni stabbilita fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jipprevedi li l-qafas ta' pajjiżi terzi jrid jiżgura t-trasparenza u l-integrità tas-suq permezz ta' regoli li jindirizzaw abbuż tas-suq f'forma ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

(20)

Skont il-Parti XII, it-Taqsima 1 tal-SFA, l-MAS stabbiliet qafas regolatorju komprensiv biex tiżgura l-integrità tas-suq u tipprevjeni abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq fir-rigward ta' titoli, unitajiet fi skemi ta' investiment kollettivi u kuntratti tad-derivattivi. Dan il-qafas jipprojbixxi, u jawtorizza lill-MAS biex tieħu azzjoni ta' infurzar kontra prattiki li jistgħu jwasslu biex ifixklu l-funzjonament tas-swieq, bħan-negozjar falz u t-tbagħbis fis-suq (it-Taqsima 197), il-bucketing (it-Taqsima 201 A), il-manipulazzjoni tal-prezz (it-Taqsima 201B), l-użu ta' apparat frodulenti jew qarrieqi (it-Taqsima 201), u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni dwar tranżazzjonijiet illegali (it-Taqsima 202). It-Taqsimiet 218(2) u 219(2) tal-SFA jipprojbixxu wkoll l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni privileġġata. Skont it-Taqsimiet 15 u 33 tal-SFA, l-AEs u l-RMOs huma obbligati jżommu u jinfurzaw ir-regoli tan-negozju għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni xierqa tal-membri tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet kummerċjali jkunu soġġetti għal sorveljanza kontinwa u effettiva, l-AEs huma responsabbli li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli kollha. Għaldaqstant, huma mistennija li jistabbilixxu sistemi, proċeduri u kontrolli biex jiżguraw konformità u jipprevjenu l-imġiba ħażina. L-MSA twettaq spezzjonijiet perjodiċi dwar il-funzjonijiet ta' sorveljanza u infurzar tal-AEs sabiex tiżgura r-rilevanza u l-effettività tagħhom biex jidentifikaw l-irregolaritajiet fin-negozjar. L-RMOs huma mistennija jistabbilixxu wkoll proċeduri u kontrolli biex jidentifikaw l-abbuż potenzjali minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq.

(21)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li l-qafas applikabbli għas-swieq operati mill-AEs u mill-RMOs f'Singapore jiżgura trasparenza u integrità fis-suq permezz ta' regoli li jindirizzaw l-abbuż tas-suq li jkollu l-forma ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata u ta' manipulazzjoni tas-suq.

(22)

B'riżultat ta' dan, il-qafas legali u superviżorju f'Singapore huwa meħud li jiżgura li l-AEs u l-RMOs jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti taċ-ċentri tan-negozjar tal-Unjoni li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'Singapore.

(23)

F'konformità mal-Artikolu 28(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, tranżazzjoni ta' derivattivi relevanti jistgħu jiġu konklużi f'ċentri tan-negozjar ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala ekwivalenti dment li l-pajjiż terz jipprovdi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' ċentri tan-negozjar awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE għall-ammissjoni ta' negozjar jew ta' derivattivi tan-negozjar dikjarati soġġetti għall-obbligu ta' negozjar f'dak il-pajjiż terz fuq bażi mhux esklużiva.

(24)

Il-parti VIC tal-SFA tagħti s-setgħa lill-MAS biex tniedi obbligazzjoni ta' kummerċ billi tesiġi kuntratti ta' derivattivi speċifiċi li jissodisfaw il-kriterji preskritti li għandhom jiġu nnegozjati fis-swieq operati minn AE, RMO jew kull faċilità oħra preskritta mill-MAS. Il-Parti VIC, it-Taqsima 129J(1) tal-SFA, flimkien mat-Taqsima 129N, tagħti s-setgħa lill-MAS biex tippreskrivi, permezz ta' regolamenti, iċ-ċentri tan-negozjar li huma eliġibbli għax jikkonformaw mal-obbligu ta' negozjar u li huma rregolati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Unjoni.

(25)

Dikjarazzjoni konġunta mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u l-Viċi Prim Ministru ta' Singapore u l-President tal-Awtorità Monetarja ta' Singapore tistipula l-approċċi komuni. Fl-istess waqt li l-Kummissjoni kienet qed tivvaluta l-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-AEs u l-RMOs bl-għan li tiġi adottata din id-Deċiżjoni, l-MAS kienet qed tevalwa li ċ-ċentri tan-negozjar tal-Unjoni huma soġġetti għal oqfsa regolatorji u superviżorji li huma komparabbli mal-qafas legali u superviżorju tal-SFA, u dan japplika għaċ-ċentri tan-negozjar f'Singapore. Wara din l-evalwazzjoni, l-MAS teżenta liċ-ċentri ta' negozjar tal-Unjoni, kif innotifikat mill-Kummissjoni skont it-Taqsima 7(6) tal-SFA, mill-obbligu li jirreġistraw bħala RMOs. L-MAS tista' twettaq rieżamijiet regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għaċ-ċentri ta' negozjar tal-Unjoni u għandha l-intenzjoni li tagħti lis-servizzi tal-Kummissjoni avviż xieraq minn qabel dwar kwalunkwe rieżami bħal dan u l-opportunità li tikkummenta f'każijiet fejn ir-rieżami jkun iwassal għal xi bidla fil-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni mogħtija skont it-Taqsima 7(6) tal-SFA. Din id-deċiżjoni u l-atti u r-regolamenti adottati mill-MAS abbażi ta' dawn l-atti se jkunu kkumplimentati bi ftehimiet ta' kooperazzjoni biex ikun żgurat l-iskambju effettiv ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni taċ-ċentri tan-negozjar tal-Unjoni rikonoxxuti u l-MAS.

(26)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li l-qafas legali u superviżorju ta' Singapore jipprovdi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent taċ-ċentri tan-negozjar awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE għall-ammissjoni għan-negozjar jew għan-negozjar ta' derivati ddikjarati soġġetti għall-mandat ta' negozjar f'Singapore fuq bażi mhux esklussiva.

(27)

Din id-deċiżjoni tiddetermina l-eliġibbiltà ta' AEs u ta' RMOs awtorizzaati f'Singapore sabiex il-kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligu ta' negozjar meta jkunu qed jinnegozjaw id-derivati f'ċentru ta' pajjiż terz. Din id-Deċiżjoni għaldaqstant ma taffettwax l-abbiltà ta' kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni li jinnegozjaw derivati li mhumiex soġġetti għall-obbligu ta' negozjar f'xi ċentru tan-negozjar ta' pajjiż terz.

(28)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għall-AEs u għall-RMOs f'Singapore fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni se tkompli żżomm taħt monitoraġġ l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għal ċentri tan-negozjar rikonoxxuti, l-infurzar ta' tali arranġamenti minn awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja, l-iżviluppi tas-suq u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tiġi adottata din id-Deċiżjoni.

(29)

Mill-inqas kull tliet snin il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq rieżami tar-raġunijiet li abbażi tagħhom ġiet adottata din id-Deċiżjoni, inklużi l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli f'Singapore għal swieq operati minn AEs jew RMOs awtorizzati f'Singapore. Dawn ir-rieżamijiet regolari huma mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe mument kull meta xi żviluppi rilevanti jġiegħlu l-Kummissjoni biex tivvaluta mill-ġdid dak li ġie stabbilit b'din id-Deċiżjoni. Abbażi tas-sejbiet li jirriżultaw minn rieżami regolari jew speċifiku, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li temenda, jew tħassar din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin, b'mod partikolari meta l-iżviluppi jaffettwaw il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tiġi adottata din id-Deċiżjoni.

(30)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 28(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, b'dan qed jiġi stabbilit li l-qafas legali u superviżorju ta' Singapore jiżgura li l-boroż approvati u l-operaturi tas-suq rikonoxxuti, elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti taċ-ċentri tan-negozjar, imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, id-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014, u huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effikaċi f'Singapore.

Artikolu 2

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, u mbagħad mhux aktar tard minn kull tliet snin wara kull rieżami preċedenti skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tar-raġunijiet li fuqhom tkun saret il-konstatazzjoni skont l-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).


ANNESS

Boroż approvati awtorizzati mill-Awtorità Monetarja ta' Singapore u meqjusin ekwivalenti għaċ-ċentri tan-negozjar kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE:

(1)

Asia Pacific Exchange Pte Ltd

(2)

ICE Futures Singapore Pte Ltd

(3)

Singapore Exchange Derivatives Trading Limited

Operaturi tas-Suq Rikonoxxuti awtorizzati mill-Awtorità Monetarja ta' Singapore u meqjusin ekwivalenti għaċ-ċentri tan-negozjar kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE:

(1)

Cleartrade Exchange Pte Ltd

(2)

Tradition Singapore Pte Ltd


Top