Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0538

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/538 tal-1 ta' April 2019 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

    ST/7039/2019/INIT

    ĠU L 93, 2.4.2019, p. 3–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2023: This act has been changed. Current consolidated version: 07/04/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/538/oj

    2.4.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 93/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/538

    tal-1 ta' April 2019

    b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta' Diċembru 2003 l-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (l-“Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni.

    (2)

    L-Istrateġija tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (“CWC”) u tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi) (l-“OPCW”) fil-ħolqien ta' dinja ħielsa minn armi kimiċi. Bħala parti mill-Istrateġija tal-UE, l-Unjoni impenjat ruħha li taħdem biex tikseb l-aderenza universali għal trattati u ftehimiet ewlenin dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni, inkluż is-CWC. L-objettivi tal-Istrateġija tal-UE huma komplementari għall-objettivi segwiti mill-OPCW fil-kuntest tar-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tas-CWC.

    (3)

    Fit-22 ta' Novembru 2004 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK (1), dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW. Dik l-Azzjoni Konġunta mal-iskadenza tagħha ġiet segwita mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK (2), li sussegwentement ġiet segwita mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK (3). L-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK ġiet segwita mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/569/PESK (4), 2012/166/PESK (5) u (PESK) 2015/259 (6). Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 skadiet fit-23 ta' Marzu 2018.

    (4)

    Fis-26 ta' Frar 2018 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/294 (7), li pprevediet l-estensjoni tal-perijodu ta' validità tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 sabiex ikun possibbli li l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tkompli sat-23 ta' Diċembru 2018.

    (5)

    It-tkomplija ta' assistenza intensiva u mmirata bħal din min-naħa tal-Unjoni lejn l-OPCW hi meħtieġa fil-kuntest tal-implimentazzjoni attiva tal-Kapitolu III tal-Istrateġija tal-UE. Jenħtieġu attivitajiet ulterjuri biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet għas-CWC (“Stati Partijiet”) fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont is-CWC, il-livell ta' tħejjija tal-Istati Partijiet biex jipprevjenu u jirrispondu għal attakki li jinvolvu kimiċi tossiċi u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-attivitajiet kimiċi. Hemm bżonn ukoll ta' attivitajiet ulterjuri sabiex tiġi appoġġata l-abbiltà tal-OPCW li tadatta għall-iżviluppi fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija kif ukoll sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-OPCW fl-indirizzar tat-theddida li tirriżulta mill-użu ta' armi kimiċi. Jenħtieġ li jitkomplew il-miżuri relatati mal-universalizzazzjoni tas-CWC u jenħtieġ li jiġu adattati għat-tnaqqis fin-numru ta' Stati mhux Partijiet għas-CWC u jiġu mmirati lejn dan.

    (6)

    Fis-16 ta' April 2018 il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jistabbilixxu, fost l-oħrajn, il-pożizzjoni tal-Unjoni rigward ir-Raba' Sessjoni Speċjali tal-Konferenza tal-Istati Partijiet ta' Reviżjoni tal-Funzjonament tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (“ir-Raba' Konferenza ta' Reviżjoni”) li saret f'The Hague, mill-21 sat-30 ta' Novembru 2018.

    (7)

    L-Unjoni pprovdiet appoġġ politiku, finanzjarju u in natura lill-operazzjonijiet tal-OPCW fis-Sirja mmirati lejn il-qerda totali ta' armi u aġenti kimiċi Sirjani. Għaldaqstant, fid-9 ta' Diċembru 2013 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/726/PESK (8) b'appoġġ għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2118 (2013), id-Deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW tas-27 ta' Settembru 2013 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani u deċiżjonijiet u riżoluzzjonijiet sussegwenti u relatati. Id-Deċiżjoni 2013/726/PESK kienet segwita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2303 (9), adottata fit-12 ta' Diċembru 2017. Barra minn hekk, fit-30 ta' Novembru 2015 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2215 (10) b'appoġġ għall-UNSCR 2235 (2015).

    (8)

    Fis-27 ta' Ġunju 2018 ir-Raba' Sessjoni Speċjali tal-Konferenza tal-Istati Partijiet adottat id-Deċiżjoni C-SS-4/DEC.3 dwar l-indirizza tat-theddida li tirriżulta mill-użu ta' armi kimiċi. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew ħa impenn li l-Unjoni ser tappoġġa l-eżiti ta' dik id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Għall-fini li xi elementi tal-Istrateġija tal-UE jiġu applikati b'mod immedjat u prattiku, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW, bl-objettivi li ġejjin:

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet fit-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt is-CWC;

    it-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija tal-Istati Partijiet għall-prevenzjoni ta' attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi tossiċi u r-rispons għalihom;

    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi;

    l-appoġġ għall-abbiltà tal-OCPW li tadatta għall-iżviluppi fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija;

    it-tisħiħ tal-kapaċità tal-OPCW fl-indirizzar tat-theddida li tirriżulta mill-użu ta' armi kimiċi;

    il-promozzjoni tal-universalità billi Stati mhux Partijiet jiġu mħeġġa jingħaqdu mas-CWC.

    2.   Fil-kuntest tal-paragrafu 1, l-attivitajiet appoġġati mill-Unjoni tal-proġetti tal-OPCW, li jikkonformaw mal-miżuri tal-Istrateġija tal-UE, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    Proġett I: Ċentru tal-OPCW għall-Kimika u t-Teknoloġija u Deċiżjoni ta' implimentazzjoni C-SS-4/DEC.3 dwar l-indirizzar tat-theddida li tirriżulta mill-użu ta' armi kimiċi

    Attivitajiet:

    Proġett ta' aġġornament tal-laboratorju

    Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni C-SS-4/DEC.3

    Proġett II: Demilitarizzazzjoni kimika u nonproliferazzjoni

    Attivitajiet:

    Żjarat ta' rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv u osservaturi mill-Istati Partijiet fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerka biex tinkiseb ħarsa ġenerali tal-programmi ta' qerda

    Espansjoni u tisħiħ tal-użu tas-sistema tal-Immaniġġjar tal-Kontenut tal-Impriża (ECM)

    Twettiq ta' soluzzjoni sħiħa ta' telekomunikazzjoni għall-membri tal-persunal rilevanti kollha tas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW

    Proġett III: Assistenza u protezzjoni fl-Istati Partijiet Afrikani

    Attivitajiet:

    Taħriġ operazzjonali għal dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna

    Taħriġ għal min iħarreġ fl-assistenza u l-protezzjoni għall-grupp tal-Afrika

    Proġett IV: Kooperazzjoni Internazzjonali

    Attivitajiet:

    Taħriġ Eżekuttiv għall-maniġers għolja tal-industrija, dawk li jfasslu l-politika u l-alumni tal-Programm ta' Assoċjati tal-OPCW

    Proġett ta' ġemellaġġ ta' laboratorji

    Forum għan-nisa dwar l-użi paċifiċi tal-kimika u kors għall-iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi bażiċi għal kimiki nisa

    Edukazzjoni u taħriġ għal żgħażagħ dwar l-użi paċifiċi tal-kimika

    Kors għall-iżvilupp analitiku għal kimiki analitiċi fl-Istati Membri Afrikani

    Kors dwar il-ġestjoni tas-sikurezza u s-sigurtà kimika għall-Istati Partijiet Afrikani

    Proġett V: Universalità u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni

    Attivitajiet:

    Żvilupp ta' moduli ta' tagħlim elettroniku

    Traduzzjoni u disseminazzjoni ta' għodod u materjal edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni

    Appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-NGOs f'attivitajiet tal-OPCW

    Attivitajiet sekondarji fil-marġini tal-Konferenza tal-Istati Partijiet

    Proġett VI: Implimentazzjoni Nazzjonali

    Attivitajiet:

    Forum għall-partijiet ikkonċernati dinjija

    Proġett VII: Xjenza u teknoloġija

    Attivitajiet:

    Sfida ta' bijomarkatur għall-pjanti

    Appoġġ għall-gruppi ta' ħidma temporanji (TWGs) tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku tal-OPCW

    Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet appoġġati mill-Unjoni tal-OPCW imsemmija f'dan il-paragrafu tinsab fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha ssir mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW (is-“Segretarjat Tekniku”). Huwa għandu jwettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tar-RGħ. Għal dak il-fini, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 11 601 256.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mas-Segretarjat Tekniku. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat Tekniku għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha, u għandu jispeċifika miżuri biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' sinerġiji u biex jevitaw id-duplikazzjoni tal-attivitajiet.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

    Artikolu 4

    Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjijin mis-Segretarjat Tekniku. Ir-rapporti tar-RGħ għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi wara sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ta' finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dak iż-żmien.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' April 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/797/PESK tat-22 ta' Novembru 2004 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63).

    (2)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK tat-12 ta' Diċembru 2005 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa (ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34).

    (3)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK tad-19 ta' Marzu 2007 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (ĠU L 85, 27.3.2007, p. 10).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/569/PESK tas-27 ta' Lulju 2009 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 96).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/166/PESK tat-23 ta' Marzu 2012 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 87, 24.3.2012, p. 49).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/259 tas-17 ta' Frar 2015 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 43, 18.2.2015, p. 14).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/294 tas-26 ta' Frar 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l- Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 55, 27.2.2018, p. 58).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/726/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għall-UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 41).

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2303 tat-12 ta' Diċembru 2017 li tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118 (2013) u d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/DEC.1 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 55).

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2215 tat-30 ta' Novembru 2015 b'appoġġ għall-UNSCR 2235 (2015), li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' investigazzjoni konġunt bejn l-OPCW u n-NU sabiex jiġu identifikati l-awturi ta' attakki kimiċi fir-Repubblika Għarbija Sirjana (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 51).


    ANNESS

    Appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

    Proġett I — Ċentru tal-OPCW għall-Kimika u t-Teknoloġija u Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni C-SS-4/DEC.3 dwar l-indirizzar tat-theddida li tirriżulta mill-użu ta' armi Kimiċi.

    Objettivi

    Eliminazzjoni tal-ħażniet ta' armi kimiċi u l-faċilitajiet ta' produzzjoni ta' armi kimiċi soġġett għall-miżuri ta' verifika previsti fis-CWC

    Nonproliferazzjoni ta' armi kimiċi, permezz tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' verifika u ta' implimentazzjoni previsti fis-CWC, li jservu wkoll għall-bini tal-fiduċja bejn Stati Partijiet

    Assistenza u protezzjoni kontra armi kimiċi u l-użu tagħhom, jew it-theddida tal-użu tagħhom, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu X tas-CWC

    Żvilupp ekonomiku u teknoloġiku permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi għal finijiet mhux projbiti mis-CWC f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XI

    Implimentazzjoni sħiħa u effettiva mill-Istati Partijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu VII tas-CWC

    Finijiet

    Verifika għal kunfidenza kontinwa fil-konformità

    Żvilupp ta' kapaċità għall-prevenzjoni u r-rispons tal-użu ostili ta' sustanzi kimiċi tossiċi u għat-trawwim tal-kooperazzjoni internazzjonali

    Involviment biex jintużaw kapaċitajiet ta' oħrajn

    Organizzazzjoni li tibqa' adattata għall-iskop

    Li jiġu identifikati l-awturi tal-użu ta' armi kimiċi fir-Repubblika Għarbija Sirjana bl-identifikazzjoni tal-informazzjoni kollha potenzjalment rilevanti għall-oriġini ta' dawk l-armi kimiċi u r-rappurtar dwarha f'dawk iċ-ċirkostanzi li fihom il-missjoni ta' tiftix tal-fatti tiddetermina jew tkun iddeterminat li jkun sar użu jew użu probabbli, u każijiet li għalihom il-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU ma jkunx ħareġ rapport

    Riżultati

    Effiċjenza operazzjonali akbar

    Sigurtà fiżika mtejba

    Aderenza għall-ogħla standards ta' sikurezza

    Ksib ta' pożizzjoni tajba biex jinżamm il-pass mat-theddidiet attwali kif ukoll l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, il-kredibbiltà msaħħa u l-prestiġju li ser jirriżultaw mill-faċilità l-ġdida

    Twettiq ta' investigazzjonijiet skont il-mandat fid-Deċiżjoni -C-SS-4/DEC.3

    Attivitajiet

    I.1   Proġett ta' aġġornament tal-laboratorju

    Il-Laboratorju u l-Maħżen ta' Tagħmir tal-OPCW għandhom rwol kritiku fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tas-CWC. Mindu l-Laboratorju u l-Maħżen ta' Tagħmir bdew joperaw 'il fuq minn 20 sena ilu fil-post attwali tagħhom f'Rijswijk, subborg ta' The Hague, id-domandi fuq dawn il-faċilitajiet żdiedu b'mod sostanzjali. Fl-aħħar ftit snin, żieda drammatika f'operazzjonijiet mhux ta' rutina żieded il-pressjoni fuq il-kapaċitajiet ta' dawn il-faċilitajiet, u d-Deċiżjoni C-SS-4/DEC.3 x'aktarx ser tirriżulta f'domandi addizzjonali. Barra minn hekk, l-Istati Partijiet qegħdin jitolbu dejjem aktar appoġġ fit-taħriġ mil-Laboratorju biex iżidu l-kapaċitajiet analitiċi u tekniċi tagħhom fil-kimika. Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, l-OPCW iddeċidiet li tagħti bidu għal proġett biex taġġorna lil-Laboratorju u l-Maħżen ta' Tagħmir tal-OPCW f'Ċentru ġdid tal-Kimika u t-Teknoloġija (iċ-Ċentru Chemtech).

    I.2   Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni C-SS-4/DEC.3

    Fil-paragrafu operattiv 10 tad-Deċiżjoni C-SS-4/DEC.3, il-Konferenza tal-Istati Partijiet għall-OPCW iddeċidiet li s-Segretarjat għandu jistabbilixxi arranġamenti biex jiġu identifikati l-awturi tal-użu ta' armi kimiċi fir-Repubblika Għarbija Sirjana bl-identifikazzjoni tal-informazzjoni kollha potenzjalment rilevanti għall-oriġini ta' dawk l-armi kimiċi u r-rappurtar dwarha f'dawk iċ-ċirkostanzi li fihom il-missjoni ta' tiftix tal-fatti tiddetermina jew tkun iddeterminat li jkun sar użu jew użu probabbli, u każijiet li għalihom il-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn in-NU u l-OPCW ma jkunx ħareġ rapport. Sabiex titwettaq dik id-Deċiżjoni, is-Segretarjat ser jistabbilixxi Tim ta' Investigazzjoni u Identifikazzjoni, li ser iwettaq l-attivitajiet tiegħu b'mod imparzjali u oġġettiv. It-Tim ta' Investigazzjoni u Identifikazzjoni ser jopera taħt is-superviżjoni diretta tad-Direttur Ġenerali tal-OPCW u ser jipprovdi rapporti lill-Kunsill Eżekuttiv u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Proġett II — Demilitarizzazzjoni kimika u nonproliferazzjoni

    Objettivi

    Jingħata appoġġ għan-nonproliferazzjoni ta' armi kimiċi permezz tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' verifika u ta' implimentazzjoni previsti fis-CWC

    Tingħata spinta u tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-ħażniet ta' armi kimiċi u l-faċilitajiet ta' produzzjoni soġġett għall-miżuri ta' verifika previsti fis-CWC

    Jingħata kontribut għall-implimentazzjoni sħiħa, effettiva u nondiskriminatorja tad-dispożizzjonijiet kollha tas-CWC

    Finijiet

    Verifika għal kunfidenza kontinwa fil-konformità

    Involviment biex jintużaw kapaċitajiet ta' oħrajn

    Organizzazzjoni li tibqa' adattata għall-iskop

    Żvilupp ta' kapaċitajiet għall-prevenzjoni tal-użu ostili ta' sustanzi kimiċi tossiċi u r-rispons għalih u għat-trawwim tal-kooperazzjoni internazzjonali

    Riżultati

    Implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti dwar it-tlestija tal-qerda ta' armi kimiċi

    Żieda fit-trasferiment tal-għarfien, it-trasparenza u l-fehim permezz tal-persuni kkonċernati mill-OPCW

    Appoġġ mibni għall-ibbilanċjar mill-ġdid tar-reġim tal-verifika tas-CWC mid-diżarm għall-prevenzjoni tal-emerġenza mill-ġdid tal-armi kimiċi

    Żieda f'attivitajiet ta' verifika ta' rutina b'sistema ta' ġestjoni tar-riskji

    Kapaċità msaħħa tal-OPCW biex twettaq operazzjonijiet ta' kontinġenza

    Kapaċitajiet ta' assistenza u protezzjoni akbar tal-OPCW b'appoġġ tal-konċentrazzjoni tagħha fuq l-emerġenza mill-ġdid ta' armi kimiċi, kemm f'termini ta' prevenzjoni kif ukoll ta' rispons

    Strutturi u proċessi adattati, fejn meħtieġ, b'appoġġ għat-tranżizzjoni bla xkiel tal-OPCW

    Attivitajiet

    II.1   Żjarat tar-rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv u l-osservaturi ta' Stati Partijiet fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerka biex tinkiseb ħarsa ġenerali tal-programmi ta' qerda

    Iż-żjarat tal-Kunsill Eżekuttiv ġew appoġġati regolarment mill-Unjoni (fl-Azzjoni tal-Kunsill 2007/185/PESK u d-Deċiżjonijiet 2009/569/PESK 2012/166/PESK u (PESK) 2015/259). Iż-żjarat li saru s'issa wrew li kienu siewja bħala mezz biex jiġu indirizzati mistoqsijiet jew tħassib dwar il-programm ta' Stat Parti detentur fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi tiegħu b'rabta mal-qerda tal-armi kimiċi tiegħu. L-Istati Partijiet kollha ser jibbenefikaw minn dawn iż-żjarat, li ser jgħinu fit-tisħiħ tat-trasparenza u l-bini ta' fiduċja rigward il-fatt li qed isir progress lejn il-qerda kompleta tal-armi kimiċi li fadal f'konformità mad-dispożizzjonijiet tas-CWC u soġġetti għall-verifika tas-Segretarjat Tekniku. Il-proġett għandu jinkoraġġixxi parteċipazzjoni usa' f'tali żjarat minn Stati Partijiet filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji finanzjarji adatti u jittieħdu passi biex tiġi żgurata r-rotazzjoni adegwata tal-parteċipanti.

    II.2   Espansjoni u tisħiħ tal-użu tas-sistema tal-Immaniġġjar tal-Kontenut tal-Impriża (ECM)

    Is-sistema tal-ECM hija prinċipalment disponibbli għall-utenti fid-Diviżjoni ta' Verifika li għandhom aċċess għan-netwerk separata (air-gapped) tal-OPCW, magħrufa internament bħala n-Netwerk Kritika Sigura (SCN). Dan il-proġett ser isaħħaħ is-sistema tal-ECM billi jagħmilha aċċessibbli għall-ispetturi tal-OPCW u jelimina ineffiċjenzi minħabba s-sigurtà limitata u l-infrastruttura tan-netwerk tal-IT.

    II.3   Twettiq ta' soluzzjoni sħiħa ta' telekomunikazzjoni għall-membri tal-persunal rilevanti kollha tas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW

    Il-proġett ser jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta' fornitur ta' servizz rilevanti u kosteffiċjenti, it-tranżizzjoni f'fażijiet tal-infrastruttura preeżistenti, il-verifika u l-konferma tas-sigurtà tal-proċeduri li jintużaw f'missjonijiet b'teknoloġiji ġodda, l-iżvilupp ta' settijiet ta' għodod għal operazzjonijiet fuq il-post, it-twettiq ta' soluzzjoni sħiħa ta' telekomunikazzjoni għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha tal-OPCW u d-diżattivazzjoni tal-infrastruttura preeżistenti.

    Proġett III — Assistenza u protezzjoni fl-Istati Partijiet Afrikani

    Objettivi

    Ikunu żgurati assistenza u protezzjoni kontra armi kimiċi u l-użu tagħhom, jew it-theddida tal-użu tagħhom, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu X tas-CWC

    Tiġi prevista implimentazzjoni sħiħa, effettiva u mhux diskriminatorja tad-dispożizzjonijiet kollha tas-CWC mill-OPCW, speċjalment fi Stati Partijiet Afrikani

    Jissaħħaħ l-iżvilupp tal-kapaċità għall-implimentazzjoni nazzjonali u l-kooperazzjoni internazzjonali

    Finijiet

    Żvilupp ta' kapaċità għall-prevenzjoni u r-rispons tal-użu ostili ta' sustanzi kimiċi tossiċi u għat-trawwim tal-kooperazzjoni internazzjonali

    Involviment biex jintużaw kapaċitajiet ta' oħrajn

    Organizzazzjoni li tibqa' adattata għall-iskop

    Riżultati

    Kapaċitajiet ta' assistenza u protezzjoni akbar tal-OPCW b'appoġġ tal-konċentrazzjoni tagħha fuq l-emerġenza mill-ġdid ta' armi kimiċi, kemm f'termini ta' prevenzjoni kif ukoll ta' rispons

    Tisħiħ tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet għal implimentazzjoni nazzjonali u kooperazzjoni internazzjonali

    Kollaborazzjoni msaħħa u sostenibbli ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra

    Involviment imsaħħaħ bi grupp usa' ta' partijiet ikkonċernati rilevanti

    Kapaċitajiet imsaħħa biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni fost gruppi ad hoc ta' Stati Partijiet

    Attivitajiet

    III.1   Taħriġ operazzjonali għal dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna

    Dan it-taħriġ operazzjonali għandu l-għan li jappoġġa l-Istati Partijiet Afrikani u l-komunitajiet ekonomiċi reġjonali rispettivi tagħhom (ECOWAS, SADC, IGAD) fl-iżvilupp ta' kapaċità protettiva kontra inċident kimiku li jinvolvi aġenti tal-gwerra kimiċi jew sustanzi kimiċi industrijali tossiċi.

    III.2   Taħriġ għal min iħarreġ fl-assistenza u l-protezzjoni għall-Grupp tal-Afrika

    L-għan prinċipali tal-kors huwa li jipprovdi għarfien bażiku lil istrutturi minn aġenziji involuti fir-rispons ta' emerġenza għal aġenti kimiċi sabiex tinħoloq riżerva ta' nies li jħarrġu f'pajjiżi Afrikani kapaċi li jxerrdu għarfien dwar suġġetti relatati mar-rispons għal inċident kimiku.

    Proġett IV — Kooperazzjoni internazzjonali

    Objettivi

    Isir progress fl-iżvilupp ekonomiku u teknoloġiku permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi għal finijiet mhux projbiti taħt is-CWC

    Jissaħħaħ l-iżvilupp tal-kapaċità għall-implimentazzjoni nazzjonali u l-kooperazzjoni internazzjonali

    Tissaħħaħ u tiġi żviluppata b'mod sostenibbli kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra

    Jissaħħaħ l-involviment bi grupp usa' ta' partijiet ikkonċernati rilevanti

    Jissaħħu l-kapaċitajiet biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni fost gruppi ad hoc ta' Stati Partijiet

    Finijiet

    Tiġi promossa kooperazzjoni internazzjonali fost l-Istati Partijiet fil-ħidma fil-qasam tal-kimika għal finijiet paċifiċi

    Tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri tal-OPCW, speċjalment ta' xi reġjuni, bħall-Afrika u l-GRULAC, fl-analiżi ta' sustanzi kimiċi taħt ir-reġim tas-CWC

    Tiżdied is-sensibilizzazzjoni ta' kimiki nisa dwar l-użi paċifiċi tal-kimika u tkun ipprovduta pjattaforma biex aktar kimiki nisa jipparteċipaw fil-programm ta' bini ta' kapaċità offruta mill-OPCW

    Jissaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet rilevanti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u biex dawn ikunu jistgħu jiksbu għarfien fl-oqsma tal-valutazzjoni tat-theddid kimiku u l-metodi tal-mitigazzjoni

    Riżultati

    Tisħiħ tal-iżvilupp tal-kapaċità għall-implimentazzjoni nazzjonali u l-kooperazzjoni internazzjonali

    Kapaċitajiet ta' evalwazzjoni msaħħa tas-Segretarjat fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapaċità

    Kollaborazzjoni msaħħa u sostenibbli ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

    Involviment imsaħħaħ bi grupp usa' ta' partijiet ikkonċernati rilevanti

    Appoġġ mibni għall-ibbilanċjar mill-ġdid tar-reġim tal-verifika tas-CWC mid-diżarm għall-prevenzjoni tal-emerġenza mill-ġdid tal-armi kimiċi

    Kapaċità msaħħa tas-OPCW biex tissorvelja l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ta' rilevanza għas-CWC

    Kapaċitajiet ta' assistenza u protezzjoni akbar tas-OPCW b'appoġġ tal-konċentrazzjoni tagħha fuq l-emerġenza mill-ġdid ta' armi kimiċi, kemm f'termini ta' prevenzjoni kif ukoll ta' rispons

    Involviment imsaħħaħ bi grupp usa' ta' partijiet ikkonċernati rilevanti

    Kapaċitajiet imsaħħa biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni fost gruppi ad hoc ta' Stati Partijiet

    Attivitajiet

    IV.1   Taħriġ eżekuttiv għall-maniġers għolja tal-industrija, dawk li jfasslu l-politika u l-alumni tal-Programm ta' Assoċjati tal-OPCW

    Dan il-proġett jipproponi programm ta' taħriġ eżekuttiv maħsub għal kimiki, inġiniera tal-kimika u professjonisti rilevanti oħra li jassumu responsabbiltajiet maniġerjali (inklużi dawk relatati mal-implimentazzjoni tas-CWC) fis-setturi tal-industrija, il-gvern u l-akkademja fl-Istati Partijiet tal-OPCW b'ekonomiji li qed jiżviluppaw u dawk fi tranżizzjoni, sabiex tinbena l-kapaċità tagħhom biex jiżviluppaw għarfien fil-fond u ħiliet ta' tmexxija fil-ġestjoni integrata ta' sustanzi kimiċi, li tinkludi s-sikurezza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tas-sustanzi kimiċi iżda mhijiex limitata għalihom.

    IV.2   Proġett ta' ġemellaġġ ta' laboratorji

    Il-ħsieb wara l-istabbiliment tal-inizjattiva ta' ġemellaġġ fl-OPCW kien in-nuqqas ta' diversi reġjuni, bħall-Afrika u l-GRULAC, fil-laboratorji ċertifikati biex iwettqu l-analiżi ta' sustanzi kimiċi taħt ir-reġim tas-CWC (laboratorji identifikati mill-OPCW). Ir-regoli ta' parteċipazzjoni fl-inizjattiva, inkluż l-objettivi u l-modus operandi tagħha, huma deskritti fin-nota tas-Segretarjat Tekniku S/1397/2016, tal-14 ta' Lulju 2016. Skont dik in-nota, il-proġetti jistgħu jinkludu firxa ta' attivitajiet, li kull wieħed minnhom jitwettaq minn żewġ laboratorji li jirċievu u jagħtu assistenza, bħal żjarat tal-persunal miż-żewġ naħat (taħriġ u mentoraġġ), appoġġ għall-parteċipazzjoni ta' laboratorji assistiti f'testijiet tal-profiċjenza tal-OPCW u appoġġ għat-trasferiment ta' tagħmir u għar-riċerka kollaborattiva.

    IV.3   Forum għan-nisa dwar l-użi paċifiċi tal-kimika u kors għall-iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi bażiċi għal kimiki nisa

    Is-Segretarjat Tekniku tal-OPCW ser jorganizza forum għan-nisa dwar l-użi paċifiċi tal-kimika u kors għall-iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi bażiċi għal kimiki nisa fil-kwartieri ġenerali tal-OPCW. L-Istati Partijiet għall-OPCW ser jinnominaw l-esperti, u l-għażla tal-parteċipanti ser tkun ibbażata fuq il-kwalifikazzjonijiet, id-distribuzzjoni ġeografika u l-ġeneru.

    IV.4   Edukazzjoni u taħriġ għaż-żgħażagħ dwar l-użi paċifiċi tal-kimika

    Abbażi tal-programmi ta' bini ta' kapaċità organizzati mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW, l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri talbu għal programm imfassal għall-edukazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar il-ġestjoni tas-sikurezza u s-sigurtà kimika għaż-żgħażagħ/studenti fi skejjel/universitajiet fil-kuntest tal-użi paċifiċi tal-kimika. Dan il-programm huwa l-ewwel inizjattiva għaż-żgħażagħ/studenti dwar il-promozzjoni tal-użi paċifiċi tal-kimika u t-taħriġ ser juża l-interazzjoni tal-esperti u l-istudenti, anki bil-potenzjal li jiġu żviluppati filmati u fuljetti li jistgħu jitqassmu fost istituzzjonijiet akkademiċi/skejjel fl-Istati Partijiet tal-OPCW.

    IV.5   Kors għall-iżvilupp analitiku għal kimiċi analitiċi fl-Istati Membri Afrikani

    Minħabba l-attivitajiet li qed jitwettqu bħalissa minn atturi mhux Statali fir-reġjun Afrikan, hemm ħtieġa urġenti li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-laboratorji b'mod ġenerali fir-reġjun f'termini ta' analiżi ta' sustanzi relatati mas-CWC. Il-kors huwa mmirat lejn l-għoti ta' assistenza lil kimiki analitiċi kkwalifikati biex jiksbu aktar esperjenza u ħiliet prattiċi fl-analiżi ta' sustanzi kimiċi relatati mas-CWC.

    IV.6   Kors dwar il-ġestjoni tas-sikurezza u s-sigurtà kimika għall-Istati Partijiet Afrikani

    L-industriji kimiċi saru kontributuri importanti għall-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika. Skont ir-“Rapport ta' Rieżami tal-Afrika dwar is-Sustanzi Kimiċi” mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECA), l-industrija tas-sustanzi kimiċi fl-Afrika ser tkompli tikber fis-snin li ġejjin. Fl-istess ħin, dan l-iżvilupp ser iqajjem għadd ta' kwistjonijiet relatati mas-sikurezza u s-sigurtà kimika, u l-użi paċifiċi tal-kimika għall-iżvilupp soċjoekonomiku, li jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-CWC. Il-programm huwa mistenni li jsaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet rilevanti għall-partijiet ikkonċernati rilevanti u biex dawn ikunu jistgħu jiksbu għarfien fl-oqsma tal-valutazzjoni tat-theddid kimiku u l-metodi ta' mitigazzjoni.

    Proġett V — Universalità u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni

    Objettivi

    Jissaħħaħ l-involviment bi grupp usa' ta' partijiet ikkonċernati rilevanti

    Jissaħħu l-isforzi tal-OPCW biex tintlaħaq l-universalità

    Jingħata kontribut għall-implimentazzjoni sħiħa, effettiva u nondiskriminatorja tad-dispożizzjonijiet kollha tas-CWC

    Finijiet

    Titqajjem kuxjenza u jiżdied l-għarfien tal-OPCW u tas-CWC fost l-istudenti u l-għalliema u gruppi oħra kif xieraq

    Tiżdied il-viżibbiltà tal-OPCW u l-attivitajiet tagħha jiġu spjegati lil udjenza pubblika wiesgħa

    Titjib tal-mezzi biex tintlaħaq l-akbar udjenza possibbli, speċjalment fost dawk li mhumiex tekniċi jew dawk li mhumiex speċjalisti

    Titqajjem aktar kuxjenza dwar is-CWC u l-OPCW fost udjenza żagħżugħa fi Stati jew reġjuni magħżula

    Jitħeġġu l-Istati mhux Partijiet għas-CWC biex isiru aktar involuti f'attivitajiet tal-OPCW u jsiru jifhmu aktar is-CWC u l-benefiċċji tagħha

    Jiżdied l-involviment ma' partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet sostantivi li tiffaċċja l-OPCW matul perijodu ta' tranżizzjoni istituzzjonali

    Riżultati

    Involviment imsaħħaħ bi grupp usa' ta' partijiet ikkonċernati rilevanti

    Sforzi msaħħa tal-OPCW biex tintlaħaq l-universalità

    Attivitajiet

    V.1   Żvilupp ta' moduli ta' tagħlim elettroniku

    Dan il-proġett għandu l-għan li jinvolvi esperti speċjalizzati fit-tagħlim elettroniku biex jgħinu lis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW fid-definizzjoni ta' approċċ komuni għall-offerta tiegħu b'rabta mat-tagħlim elettroniku biex jitfasslu u jiġu eżegwiti l-moduli l-ġodda ta' tagħlim elettroniku. Il-kontenut ta' tali moduli ser jiġi ddeterminat abbażi tar-rapport tal-Bord Konsultattiv dwar l-Edukazzjoni u s-Sensibilizzazzjoni (ABEO) lid-Direttur Ġenerali tal-OPCW, u diskussjoni sussegwenti tar-rakkomandazzjonijiet tal-ABEO.

    V.2   Traduzzjoni u disseminazzjoni ta' għodod u materjal edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni

    Waqt l-ewwel sentejn ta' operat tiegħu, l-ABEO appella ripetutament biex isir disponibbli aktar materjal edukattiv u ta' sensibilizzazzjoni bis-sitt lingwi uffiċjali kollha tal-OPCW. Minbarra l-Ingliż, dawn huma l-Franċiż, l-Ispanjol, ir-Russu, ċ-Ċiniż u l-Għarbi. Madankollu, normalment, materjal u għodod edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni jiġu prodotti bl-Ingliż, li jillimita b'mod serju l-użu tagħhom mill-ikbar għadd possibbli ta' partijiet ikkonċernati fuq livell dinji. Għall-finijiet ta' disseminazzjoni, hemm ħtieġa għal traduzzjoni ta' materjal edukattiv u ta' sensibilizzazzjoni, partikolarment dak immirat lejn gruppi speċifiċi ta' persuni kkonċernati.

    V.3   Appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-NGOs f'attivitajiet tal-OPCW

    Dan il-proġett jipproponi li jisponsorja rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jikkwalifikaw, bi preferenza mogħtija lill-applikanti minn ekonomiji f'fażi ta' żvilupp jew ta' tranżizzjoni biex jattendu l-Konferenza annwali tal-Istati Partijiet fl-2019 u 2020.

    V.4   Attivitajiet sekondarji fil-marġini tal-Konferenzi tal-Istati Partijiet

    Ser isiru tliet attivitajiet sekondarji matul il-perijodu tal-programm, jiġifieri attività għal kull Konferenza annwali tal-Istati Partijiet. Fondi tal-Unjoni jistgħu jkopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar sa massimu ta' tliet esperti/uffiċjali mill-pajjiżi benefiċjarji.

    Proġett VI — Implimentazzjoni nazzjonali

    Objettivi

    Tisħiħ u sostenn tal-kapaċità tal-Istati Partijiet u l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom biex jimplimentaw b'mod sħiħ l-obbligi kollha taħt is-CWC

    Finijiet

    Il-partijiet ikkonċernati rilevanti jifhmu s-CWC aħjar u jkunu aktar konxji minnha, u jsaħħu r-rwol u l-involviment tagħhom fl-isforzi nazzjonali ta' implimentazzjoni

    Uffiċjali tad-dwana minn Stati Partijiet parteċipanti jtejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom fir-rigward tal-qadi effettiv tad-dmirijiet li jirrigwardaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' sustanzi kimiċi skedati u l-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali

    Il-partijiet ikkonċernati rilevanti jkollhom disponibbli informazzjoni korretta u aġġornata għal tagħlim effettiv

    Aġenziji/korpi ikkonċernati potenzjali fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tas-CWC jaqblu dwar aġenda fuq perijodu qasir biex joħolqu sinerġiji fosthom

    Riżultati

    Tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Partijiet għal implimentazzjoni nazzjonali effettiva

    Numru akbar ta' Stati Partijiet ikunu jistgħu iwettqu implimentazzjoni nazzjonali effettiva fil-livell kwantitattiv u kwalitattiv

    L-awtoritajiet nazzjonali isiru jifhmu aktar u jkunu aktar konxji minn kwistjonijiet relatati mas-CWC għal kooperazzjoni u appoġġ tajbin

    Numru akbar ta' Stati Partijiet isiru kapaċi jipproċessaw u jabbozzaw leġislazzjoni għal approvazzjoni sussegwenti

    Funzjoni effettiva tal-awtoritajiet doganali fil-kontroll u l-monitoraġġ tal-kummerċ tas-sustanzi kimiċi

    Attivitajiet

    VI.1   Forum għall-partijiet ikkonċernati dinjija

    Il-proġett jipprevedi l-organizzazzjoni ta' forum dinji ta' partijiet ikkonċernati biex jippromwovi fost il-partijiet ikkonċernati nazzjonali ewlenin l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni permezz tal-adozzjoni tal-leġislazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali.

    Proġett VII: Xjenza u teknoloġija

    Objettivi

    Li d-Direttur Ġenerali tal-OPCW ikun jista' jagħti pariri u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Istati Partijiet, lill-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW u l-Istati Partijiet dwar oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija li huma rilevanti għas-CWC

    Finijiet

    L-istabbiliment tad-direzzjoni għal attivitajiet marbutin max-xjenza u t-teknoloġija fl-OPCW fil-perijodu interim bejn ir-Raba' u l-Ħames Konferenzi ta' Reviżjoni

    Li d-Direttur-Ġenerali tal-OPCW ikun jista' jagħti pariri speċjali lill-organi li jfasslu l-politika tal-OPCW u lill-Istati Partijiet fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għas-CWC

    L-użu ta' grupp akbar ta' esperti xjentifiċi disponibbli għall-OPCW, u mekkaniżmi mtejba biex wieħed jibqa' konxju mill-iżviluppi fit-teknoloġiji ta' monitoraġġ kimiku u fl-għodod tal-informatika għall-analiżi ta' settijiet kumplessi ta' data li fihom informazzjoni kimika

    Il-bini u ż-żamma ta' netwerk ta' partijiet ikkonċernati mhux tekniċi li jistgħu jikkomplementaw lill-esperti xjentifiċi disponibbli għall-OPCW fil-valutazzjoni tal-aspetti kollha tat-teknoloġija u x-xjenza ġdida biex jipprovdu pariri aktar sħaħ dwar ix-xjenza u t-teknoloġija u l-impatt tagħhom

    Riżultati

    Appoġġ mibni għall-ibbilanċjar mill-ġdid tar-reġim tal-verifika tas-CWC midiżarm għall-prevenzjoni tal-emerġenza mill-ġdid tal-armi kimiċi

    Kapaċità msaħħa tal-OPCW biex twettaq operazzjonijiet ta' kontinġenza

    Kapaċità msaħħa tal-OPCW biex tissorvelja l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ta' rilevanza għall-OPCW

    Kapaċitajiet ta' assistenza u protezzjoni akbar tal-OPCW b'appoġġ tal-konċentrazzjoni tagħha fuq l-emerġenza mill-ġdid ta' armi kimiċi, kemm f'termini ta' prevenzjoni kif ukoll ta' rispons

    Tisħiħ tal-iżvilupp tal-kapaċità għall-implimentazzjoni nazzjonali u l-kooperazzjoni internazzjonali

    Kollaborazzjoni msaħħa u sostenibbli ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra

    Involviment imsaħħaħ bi grupp usa' ta' partijiet ikkonċernati rilevanti

    L-OPCW tibqa' r-repożitorju dinji tal-għarfien u l-kompetenza esperta fil-qasam tal-armi kimiċi

    Kapaċitajiet imsaħħa biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni fost gruppi ad hoc ta' Stati Partijiet

    Attivitajiet

    VII.1   Sfida ta' bijomarkatur għall-pjanti

    Dan il-proġett ser jiżviluppa “sfida ta' grupp” biex ikunu involuti esperti rilevanti minn dixxiplini xjentifiċi varji u jinbena sett ta' referenza ta' impjanti ġeografikament rappreżentattivi li għandhom użu għall-identifikazzjoni ta' esponiment għal sustanzi kimiċi tossiċi (permezz ta' analiżi kimika u/jew bidla fenotipika osservabbli).

    VII.2   Appoġġ għal gruppi ta' ħidma temporanji (TWGs) tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku tal-OPCW

    Sabiex jindirizza kwistjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi speċifiċi b'mod sostantiv, il-Bord Konsultattiv Xjentifiku jista', fuq it-talba tad-Direttur Ġenerali tal-OPCW, jistabbilixxi gruppi ta' ħidma temporanji (TWGs). Dan il-proġett għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tat-TWG dwar ix-xjenza u t-teknoloġija investigattivi kif ukoll il-ħolqien ta' TWGs oħra abbażi ta' ħtiġijiet identifikati waqt ir-Raba' Konferenza ta' Reviżjoni fl-2018.


    Top