This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0523(02)
Commission Implementing Decision of 14 May 2019 on the publication in the Official Journal of the European Union of the application for approval of an amendment, which is not minor, to a product specification referred to in Article 53 of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council for the name — ‘Beurre d’Isigny’ (PDO)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fi speċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-isem “Beurre d’Isigny” (DOP)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fi speċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-isem “Beurre d’Isigny” (DOP)
C/2019/3775
ĠU C 177, 23.5.2019, p. 14–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 177/14 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-14 ta’ Mejju 2019
dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fi speċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-isem “Beurre d’Isigny” (DOP)
(2019/C 177/03)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 50(2)(a) flimkien mal-Artikolu 53(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Franza bagħtet applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott bl-isem ta’ “Beurre d’Isigny” (DOP) skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
(2) |
Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat dik l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
(3) |
Sabiex ikunu jistgħu jintbagħtu avviżi ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (2), fosthom id-Dokument Uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott rilevanti, għall-isem irreġistrat “Beurre d’Isigny” (DOP), tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu uniku
L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014, fosthom id-Dokument Uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott rilevanti, għall-isem irreġistrat “Beurre d’Isigny” (DOP), tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-emenda msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).
ANNESS
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
“BEURRE D’ISIGNY”
Nru tal-UE: PDO-FR-0138-AM01 – 19.10.2017
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Grupp applikant u interess leġittimu
Syndicat Professionnel de Défense des Producteurs de Lait et Transformateurs de Beurre et Crème d’Isigny-sur-Mer – Baie des Veys |
2, rue du docteur BOUTROIS |
14230 Isigny-sur-Mer |
FRANCE |
Numru tat-telefown: +33 231513310 |
Numru tal-faks: +33 231923397 |
Indirizz tal-posta elettronika: ODG.beurrecremeisigny@isysme.com |
Kompożizzjoni: il-grupp huwa magħmul minn produtturi tal-ħalib u minn produtturi tal-butir. Għaldaqstant, għandu d-dritt leġittimu jipproponi l-applikazzjoni għal emenda.
2. Stat membru jew pajjiż terz
Franza
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i
— |
☐ |
Isem il-prodott |
— |
☒ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
— |
☒ |
Żona ġeografika |
— |
☒ |
Prova tal-oriġini |
— |
☒ |
Metodu ta’ produzzjoni |
— |
☒ |
Rabta |
— |
☒ |
Tikkettar |
— |
☒ |
Oħrajn [id-dettalji tas-servizz kompetenti tal-Istat Membru u tal-grupp applikant, id-dettalji tal-korp ta’ kontroll u r-rekwiżiti nazzjonali] |
4. Tip ta’ emenda/i
— |
☐ |
Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 |
— |
☒ |
Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 |
5. Emenda/i
5.1. L-intestatura “Deskrizzjoni tal-prodott”
L-ispeċifikazzjoni tal-prodott li ġiet irreġistrata fl-1996 kienet tirrigwarda ż-żewġ prodotti “Beurre d’Isigny” u “Crème d’Isigny”, madankollu l-kapitolu dwar id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott jiffoka biss fuq il-prodott “Beurre d’Isigny”.
Barra minn hekk, sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet staġonali fl-għalf tal-baqar tal-ħalib li jaffettwaw il-kulur tal-butir, twessgħet id-definizzjoni tal-kulur tal-prodott. Minflok ta’ kulur “isfar “lewn iċ-ċfolloq””, dan huwa ddefinit bħala “bejn avorju u isfar “lewn iċ-ċfolloq””. Il-konsistenza “kremuża” tiegħu hija kompluta bil-frażi “jindilek faċilment”. Biex il-prodott ikun ikkaratterizzat aħjar, tneħħiet il-kelma “aromatiċi”, li ma tantx hija deskrittiva. Minflok, ġiet deskritta t-togħma tiegħu bħala “togħma ta’ krema friska u ta’ ġellewż”. Żdied ukoll il-fatt li l-butir “jista’ jingħata konsistenza partikulari biex ikun jista’ jintuża għall-isfiljurar, sabiex jitqiesu l-użijiet kollha possibbli tal-prodott”. F’dan il-kapitolu ġie spjegat ukoll li l-butir “jista’ jkun mielaħ”, li fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott attwali tingħad biss fit-taqsima dwar il-“Metodu ta’ produzzjoni”. Fl-aħħar nett, żdied ukoll il-kontenut tax-xaħam tad-diversi kategoriji tal-butir — jiġifieri minimu ta’ 82 % fil-butir mhux mielaħ u minimu ta’ 80 % fil-butir mielaħ.
B’hekk, is-sentenzi li ġejjin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott attwali: “Dawn iż-żewġ prodotti tal-ħalib għandhom karatteristiċi oriġinali. Huma għandhom kulur naturali isfar “lewn iċ-ċfolloq”. Huma aromatiċi u għandhom konsistenza kremuża.”
ġew sostitwiti bis-sentenzi li ġejjin:
“Il-prodott “Beurre d’Isigny” għandu kulur naturali bejn avorju u isfar “lewn iċ-ċfolloq”. Bis-saħħa tal-konsistenza kremuża tiegħu, jista’ jindilek faċilment. Ta’ spiss ikollu togħma ta’ krema friska u ta’ ġellewż. Huwa jista’ jingħata konsistenza partikulari biex ikun jista’ jintuża għall-isfiljurar u jista’ jkun mielaħ.
Il-butir mhux mielaħ għandu kontenut tax-xaħam ta’ iktar minn 82 %, filwaqt li l-butir mielaħ għandu kontenut tax-xaħam ta’ iktar minn 80 %.”.
Dan il-paragrafu żdied ukoll fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku minflok is-sentenza li ġejja tas-sommarju li tiddeskrivi l-prodott: “Butir li għandu kulur naturali “lewn iċ-ċfolloq”, li ġej mill-ammont għoli ferm ta’ karotenojdi fih.”.
Barra minn hekk, ir-referenza għall-“ammont għoli ferm ta’ karotenojdi” ddaħħlet fit-taqsima dwar ir-rabta kawżali tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u tad-Dokument Uniku, peress li t-taqsima tad-deskrizzjoni tal-prodott ma fiha l-ebda valur fil-mira marbut mal-kontenut tal-karotenojdi fil-butir.
5.2. L-intestatura “Żona ġeografika”
Il-kapitolu tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsejjaħ “Żona ġeografika” jippreżenta l-proċessi kollha li jsiru fiż-żona ġeografika. L-ismijiet tad-diversi muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żona wkoll ġew aġġornati.
Dawn l-emendi jiċċaraw id-diversi proċessi u jaġġornaw il-lista tal-muniċipalitajiet mingħajr ma jibdlu l-konfini taż-żona ġeografika.
L-ippakkjar irid isir fiż-żona. Din il-proċedura trid issir malajr wara li jintemm il-proċess tal-produzzjoni, minn naħa sabiex jiġi evitat li l-prodott jinbidel minħabba l-ossidazzjoni tax-xaħam, li ta’ spiss isseħħ meta t-trasport jieħu wisq fit-tul, u min-naħa l-oħra biex tiġi evitata l-frodi (permezz tat-taħlit tal-butir). Barra minn hekk, qed jiġi speċifikat li l-iffriżar jew l-iffriżar malajr eventwali jrid isir fiż-żona ġeografika tad-denominazzjoni. Dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata traċċabbiltà aħjar u jiżgura l-kontinwità tal-proċessi li jridu jsiru fiż-żona ġeografika.
5.3. L-intestatura “Prova tal-oriġini”
Fid-dawl tal-iżviluppi leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, il-kapitolu tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott marbut mal-“Elementi li jservu ta’ prova li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika” ġie kkonsolidat u jinkludi l-obbligi marbutin mad-dikjarazzjonijiet u ż-żamma ta’ reġistri marbutin mat-traċċabbiltà tal-prodott u mal-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni.
B’hekk żdiedu diversi paragrafi li jirrigwardaw l-affarijiet li ġejjin:
— |
id-dikjarazzjoni tal-identifikazzjoni tal-operaturi u d-diversi obbligi oħrajn li dawn għandhom b’rabta mad-dikjarazzjonijiet, b’mod partikulari dwar il-waqfien temporanju tal-produzzjoni (id-“dikjarazzjoni minn qabel tan-nuqqas ta’ intenzjoni ta’ produzzjoni” u d-“dikjarazzjoni minn qabel tal-issuktar tal-produzzjoni”); |
— |
iż-“żamma ta’ reġistri”, li fihom ġew speċifikati l-obbligi ta’ dawk li jrabbu l-bhejjem u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma fis-seħħ għall-produtturi tal-butir; |
— |
il-metodi ta’ kontroll diġà previsti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma fis-seħħ, kif ġej: “Din il-proċedura kollha hija kkumplimentata minn eżamijiet analitiċi u organolettiċi mwettqin għall-għarrieda u billi jittieħdu kampjuni mill-prodotti ppakkjati lesti għall-bejgħ.”. |
5.4. L-intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”
L-ispeċifikazzjoni tal-prodott tiżviluppa għadd ta’ punti dwar il-metodu tal-produzzjoni sabiex tiddeskrivi aħjar il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-ipproċessar tal-prodott “Beurre d’Isigny”. Dawn l-elementi kollha jikkontribwixxu biex isaħħu r-rabta maż-żona ġeografika.
Iddaħħlu dispożizzjonijiet dwar l-immaniġġjar tal-merħla tal-ħalib (ir-razza u l-għalf) biex jiġu rreġistrati l-prattiki tradizzjonali.
L-immaniġġjar tal-merħla
Il-merħla tal-ħalib hija ddefinita kif ġej:
“Għall-finijiet ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott, merħla tfisser il-merħla kollha tal-baqar tal-ħalib ta’ azjenda magħmula minn baqar li jaħilbu u baqar nexfin.”
Din id-dispożizzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha l-għan li tistabbilixxi b’mod ċar għal liema annimali jirreferu l-frażijiet “merħla tal-ħalib” u “baqar tal-ħalib”, u tippermetti li jiġi rregolat il-kontroll u li tiġi evitata l-konfużjoni.
Bil-għan li tiġi kkonfermata r-rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika, il-konsum tal-ħaxix (ir-ragħa, il-ħuxlief, eċċ.) marbut mat-tradizzjoni tat-trobbija fil-bwar fiż-żona ġeografika huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:
— |
“Il-merħla trid titħalla tirgħa għal mill-inqas seba’ xhur”. |
— |
“Iż-żona ewlenija tal-għalf ta’ kull azjenda jrid ikun fiha tal-inqas 50 % ħaxix. Kull baqra li taħleb għandu jkollha mill-inqas 3 500 metru kwadru ta’ bwar (naturali, temporanji jew annwali) għad-dispożizzjoni tagħha, li 2 000 metru kwadru minnhom ikunu jintużaw għar-ragħa jew mill-inqas 1 000 metru kwadru minnhom ikunu jintużaw għar-ragħa biż-żieda tal-ħaxix bħala għalf supplimentari”. |
Ir-razza
Sabiex jiġi żgurat li, biex isir il-prodott “Beurre d’Isigny”, jintuża ammont sinifikanti ta’ ħalib mill-baqar tar-razza tan-Normandija, li huwa element tar-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-prodott, żdied dan li ġej:
“Għand il-produttur, il-ħalib minn kull ġabra li jintuża biex isir il-prodott “Beurre d’Isigny” għandu jiġi minn merħla li fiha tal-inqas 30 % mill-baqar ikunu baqar tal-ħalib tar-razza tan-Normandija.”.
Biex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ ġabra tal-ħalib u jiġi speċifikat il-kontroll tad-dispożizzjoni, żdied ukoll dan li ġej:
“Ġabra tal-ħalib tfisser il-ħalib kollu miġbur u użat minn produttur fi żmien 48 siegħa.”.
Dawn id-dettalji żdiedu wkoll fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
L-għalf tal-merħla
Bil-għan li tiġi kkonfermata r-rabta tal-prodott maż-żona ġeografika permezz ta’ għalf tal-baqar tal-ħalib li joriġina fil-biċċa l-kbira tiegħu miż-żona ġeografika, żdied li 80 % mir-razzjon bażiku tal-merħla għandu jiġi miż-żona u li l-ħaxix frisk jew ippreservat irid jikkostitwixxi bħala medja mill-inqas 40 % mir-razzjon matul il-perjodu tar-ragħa u mill-inqas 20 % kuljum matul il-bqija tas-sena. Barra minn hekk, sabiex tiġi ddefinita aħjar in-natura tal-għalf użat, ġiet stabbilita lista pożittiva tal-foraġġ permess. Għalhekk żdiedu d-dispożizzjonijiet li ġejjin fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott:
“80 % mir-razzjon bażiku tal-merħla, mogħti bħala materja niexfa, għandu jiġi miż-żona ġeografika. Dan għandu jkun magħmul mill-foraġġ frisk jew ippreservat li ġej: mill-ħaxix, mill-qamħirrum, miċ-ċereali jew mill-għelejjel li fihom il-proteini li jkun għadhom ma sarux (il-pjanti sħaħ), mit-tiben u mill-alfalfa, kif ukoll mill-pitravi tal-għalf, mill-ħaxix tal-għeruq u mill-polpa tal-pitravi mnixxfa.”.
“Bħala medja, il-ħaxix frisk jew ippreservat għandu jikkostitwixxi mill-inqas 40 % mir-razzjon tal-għalf, mogħti bħala materja niexfa, matul il-perjodu minimu ta’ seba’ xhur ta’ ragħa. Matul il-bqija tas-sena, il-proporzjon tiegħu ma jridx ikun ta’ inqas minn 20 % mir-razzjon tal-għalf ta’ kuljum, mogħti bħala materja niexfa.”.
Dawn id-dispożizzjonijiet dwar l-għalf tal-merħla huma spjegati wkoll fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Fil-każ tal-baqar tal-ħalib, l-għalf addizzjonali li dawn jistgħu jingħataw huwa limitat għal 1 800 kg ta’ materja niexfa f’sena kalendarja għal kull baqra tal-merħla. L-għan huwa li jiġi evitat li dan l-għalf jingħata rwol importanti wisq fid-dieta u b’hekk li tingħata preferenza lir-razzjon bażiku li jiġi miż-żona ġeografika.
Żdied il-paragrafu li ġej:
“L-għalf addizzjonali li l-baqar jistgħu jingħataw huwa limitat għal 1 800 kg f’sena kalendarja għal kull baqra tal-merħla, mogħti bħala materja niexfa.”.
Din id-dispożizzjoni żdiedet ukoll fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Minħabba l-effetti negattivi ta’ diversi prodotti u tipi ta’ materja prima fuq il-karatteristiċi organolettiċi tal-ħalib, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tispeċifika li dawn ma jistgħux jintużaw bħala għalf għall-baqar li jaħilbu. Għalhekk żdied il-paragrafu li ġej:
“Dawn li ġejjin la jistgħu jintużaw fir-razzjon bażiku u lanqas ma jistgħu jintużaw bħala għalf addizzjonali: il-kaboċċi, in-nevew, il-lift u l-kolza mqassma friska.
Il-materja prima li ġejja ma tistax tintuża fl-għalf addizzjonali, skont il-klassifikazzjoni tal-Anness C tar-Regolament (UE) Nru 68/2013 dwar il-Katalgu tal-materjali tal-għalf:
— |
iż-żejt tal-palm, iż-żejt tal-karawett, iż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol u ż-żejt taż-żebbuġa fl-istat naturali tagħhom jew l-isomeri tagħhom (il-klassi 2.20.1); |
— |
il-prodotti tal-ħalib u l-prodotti derivati minnhom (il-klassi 8); |
— |
il-prodotti tal-annimali tal-art u l-prodotti derivati minnhom (il-klassi 9); |
— |
il-ħut, annimali akkwatiċi oħrajn u l-prodotti derivati minnhom (il-klassi 10), ħlief għaż-żejt tal-fwied tal-merluzz; |
— |
komponenti mixxellanji (il-klassi 13), ħlief għall-melassa tal-glukożju. |
Fl-aħħar nett huma pprojbiti l-urea u d-derivattivi tagħha bħala addittivi nutrizzjonali ddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali.”.
Dawn l-elementi differenti ddaħħlu fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Sabiex jiġu deskritti aħjar il-prattiki attwali, żdiedu żewġ kapitoli li jiddeskrivu l-istadji differenti tal-produzzjoni tal-butir, jiġifieri “l-ġbir u l-wasla tal-ħalib” u “l-produzzjoni u l-ippakkjar”.
Il-ġbir u l-wasla tal-ħalib
Qed jiġi rregolat it-tul ta’ żmien tal-ħażna tal-ħalib użat fil-produzzjoni tal-prodott “Beurre d’Isigny” biex jiġu evitati l-problemi ta’ bidla fil-materja prima fir-razzett.
Barra minn hekk, biex ikun hemm traċċabbiltà aħjar, qed jiġi speċifikat li t-trażbord tal-ħalib bejn l-azjendi u l-fabbrika tal-butir huwa pprojbit.
Fl-aħħar nett, żdied ukoll kriterju marbut mal-aċidità tal-ħalib mhux ipproċessat sabiex jiġi żgurat li l-materja prima ma tinbidilx.
Dawn l-elementi differenti ddaħħlu fid-dispożizzjoni li ġejja:
“Il-ġbir għandu jseħħ mhux aktar tard minn kull 48 siegħa wara l-ewwel ħlib. Il-ħalib miġbur fl-azjendi għandu jiġi ddepożitat direttament fl-impjant tal-ixkumar mingħajr trażbord. Mal-wasla, il-ħalib mhux ipproċessat għandu jkollu aċidità ta’ bejn 14 u 16-il° Dornic, jiġifieri valur tal-pH ta’ bejn 6,6 u 6,85.”.
Din id-dispożizzjoni ddaħħlet kollha kemm hi fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Il-produzzjoni u l-ippakkjar
Żdied kapitolu dwar l-ixkumar u l-pastorizzazzjoni. Fih ġie speċifikat li, sabiex tinżamm il-kwalità tal-materja prima, “il-ħin ta’ stennija tal-ħalib qabel l-ixkumar għandu jkun ta’ mhux aktar minn 48 siegħa minn meta jasal”.
Żdiedu d-dettalji li ġejjin dwar iż-żewġ stadji tal-pastorizzazzjoni li jippermettu li jinkiseb il-prodott iddefinit:
“Qabel l-ixkumar, il-ħalib sħiħ miġbur jista’ jgħaddi minn stadju ta’ prepastorizzazzjoni f’temperatura ta’ 74 °C. Wara l-ixkumar, il-krema għandha tiġi ppastorizzata f’temperatura ta’ bejn 86 u 95 °C għal 30 sa 180 sekonda.”.
Din id-dispożizzjoni tikkompleta dik tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott attwali, li tgħid hekk: “Il-ħalib u l-krema jridu jiġu ppastorizzati.”.
Barra minn hekk, tneħħew ir-referenzi għar-rekwiżiti legali u regolatorji nazzjonali dwar il-bhejjem, il-ħalib u l-butir.
Biex tinżamm il-kwalità tal-materja prima, ġie speċifikat ukoll il-ħin massimu li jista’ jgħaddi bejn tmiem l-ixkumar tal-ħalib u l-proċess tal-pastorizzazzjoni: “Dan l-aħħar proċess irid isir sa mhux aktar tard minn 36 siegħa minn meta jintemm l-ixkumar tal-ħalib.”.
Biex jiġu ddefiniti t-tipi ta’ krema li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-prodott “Beurre d’Isigny”, ġie speċifikat li “Il-kontenut minimu tax-xaħam fil-krema maħsuba għall-produzzjoni tal-butir għandu jkun ta’ mill-inqas 35 gramma għal kull 100 gramma tal-prodott.”.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-użijiet differenti tal-prodott waqt l-ixkumar u l-pastorizzazzjoni, żdied dan li ġej: “Il-krema b’inqas xaħam, il-krema mhux ipproċessata, il-krema sterilizzata u l-krema sterilizzata f’temperatura ultra għolja (UHT) ma jistgħux jintużaw għall-produzzjoni tal-butir”.
Din is-sentenza żdiedet fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.
Il-lista tas-sustanzi pprojbiti għall-produzzjoni tal-prodott “Beurre d’Isigny” ġiet kompluta wkoll billi ġie speċifikat li huwa pprojbit ix-xorrox tal-butir, kif ukoll li huwa pprojbit li jiżdiedu addittivi, għajnuniet għall-ipproċessar u ingredjenti oħrajn minbarra l-fermenti lattiċi.
B’hekk il-paragrafu li ġej:
“L-użu tas-sustanzi li ġejjin huwa pprojbit fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott “Beurre d’Isigny”:
— |
il-kremi tax-xorrox, il-kremi rikostitwiti, iffriżati jew iffriżati malajr; |
— |
is-sustanzi kuluranti jew l-antiossidanti; |
— |
is-sustanzi ta’ deaċidifikazzjoni maħsubin biex inaqqsu l-aċidità tal-ħalib jew tal-krema,” |
ġie sostitwit b’dan li ġej:
“Il-krema b’inqas xaħam, il-krema mhux ipproċessata, il-krema sterilizzata u l-krema sterilizzata f’temperatura ultra għolja (UHT) ma jistgħux jintużaw għall-produzzjoni tal-butir.
L-użu tal-krema tax-xorrox, tax-xorrox tal-butir, tal-krema rikostitwita, tal-krema ffriżata jew iffriżata malajr, tas-sustanzi kuluranti jew tal-antiossidanti, tas-sustanzi ta’ deaċidifikazzjoni maħsubin biex inaqqsu l-aċidità tal-ħalib jew tal-krema, ta’ addittivi, ta’ għajnuniet għall-ipproċessar jew ta’ kull ingredjent ieħor minbarra l-fermenti lattiċi huwa pprojbit fil-produzzjoni tal-krema maħsuba għall-prodott “Beurre d’Isigny”.”.
Id-dispożizzjoni li tispeċifika li “kull proċess maħsub biex iżid il-kontenut ta’ materja niexfa mhux xaħmija, b’mod partikulari biż-żieda ta’ kulturi u ta’ fermenti lattiċi waqt l-għaġna” ġiet spostata għall-kapitolu msejjaħ “Iż-żieda tal-fermenti u t-tħawwid” li jispjega u jirregola l-istadji differenti tal-produzzjoni tal-butir proprju, b’mod partikulari l-istadju tal-għaġna (jew it-tħawwid).
Id-dispożizzjoni li tispeċifika li “mal-butir jista’ jiżdied massimu ta’ żewġ grammi melħ għal kull 100 gramma” ukoll ġiet spostata għall-kapitolu msejjaħ “Iż-żieda tal-fermenti u t-tħawwid”, filwaqt li tneħħa l-limitu ta’ żewġ grammi għal kull 100 gramma peress li dan huwa rregolat mir-regolamenti ġenerali.
Inħoloq ukoll kapitolu separat għad-dispożizzjonijiet dwar iż-żieda tal-fermenti u t-tħawwid. Fih ġie speċifikat, b’mod partikulari, li ż-żieda tal-fermenti mal-krema ssir “fil-fabbrika tal-butir” u fi żmien massimu ta’ 48 siegħa minn meta jintemm l-ixkumar. Żdied ukoll il-fatt li ma jridux jgħaddu iktar minn 72 siegħa minn meta l-ħalib jasal sa ma jiżdiedu l-fermenti mal-krema.
Il-metodu ta’ produzzjoni tal-butir ġie spjegat ukoll billi żdied il-fatt li dan jinkiseb billi l-krema miżjuda bil-fermenti u mmaturata titħawwad (fil-magna tal-butir jew fil-mastella), u l-fatt li l-ħbub tal-butir li jinkisbu mbagħad jingħaġnu u wara jinħaslu, jekk ikun hemm bżonn, u li l-butir lest irid ikollu valur massimu tal-pH ta’ 6.
Ġie speċifikat li l-proċessi li jbaxxu l-valur tal-pH tal-butir b’metodi oħrajn minbarra l-maturazzjoni bijoloġika huma pprojbiti. Iż-żieda tal-permeat ikkonċentrat mill-kulturi lattiċi u tal-fermenti aromatiċi waqt il-produzzjoni tal-butir (il-proċess NIZO) hija wkoll ipprojbita b’mod espliċitu. Il-possibbiltà li jiżdied massimu ta’ żewġ grammi melħ għal kull 100 gramma tneħħiet minħabba li din hija rregolata mir-regolamenti ġenerali.
Għalhekk, it-test tal-kapitolu tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsejjaħ “Iż-żieda tal-fermenti u t-tħawwid” huwa dan li ġej:
“Iż-żieda tal-fermenti mal-krema maħsuba għall-produzzjoni tal-prodott “Beurre d’Isigny” issir fil-fabbrika tal-butir sa mhux aktar tard minn 48 siegħa minn meta jintemm l-ixkumar u sa mhux aktar tard minn 72 siegħa minn meta jasal il-ħalib, f’temperatura ta’ bejn 9 u 15-il °C. Din il-krema tgħaddi minn maturazzjoni bijoloġika għal mill-inqas 12-il siegħa f’temperatura ta’ bejn 9 u 15-il °C qabel ma titħawwad f’magna tal-butir jew f’mastella. Il-ħbub tal-butir imbagħad jingħaġnu u wara jinħaslu, jekk ikun hemm bżonn. Meta tintemm il-produzzjoni, il-butir irid ikollu valur tal-pH ta’ inqas minn 6.
Kull proċess maħsub biex iżid il-kontenut ta’ materja niexfa mhux xaħmija, b’mod partikulari biż-żieda ta’ kulturi u ta’ fermenti lattiċi waqt l-għaġna, huwa pprojbit. Bl-istess mod, kull proċess li jbaxxi l-valur tal-pH tal-butir b’metodi oħrajn minbarra l-maturazzjoni bijoloġika tal-krema, b’mod partikulari biż-żieda tal-permeat ikkonċentrat mill-kulturi lattiċi u tal-fermenti aromatiċi waqt il-produzzjoni tal-butir (il-proċess NIZO), huwa pprojbit.
Mal-butir jista’ jiżdied il-melħ fil-limiti regolatorji.”.
B’rabta mal-għoti ta’ konsistenza partikulari, ġie speċifikat li l-prodott “Beurre d’Isigny” jista’ jgħaddi minn trattament ta’ għoti ta’ konsistenza partikulari biex jiġi adattat għall-użu fil-ħami u fil-produzzjoni tal-ħelu:
“Il-prodott “Beurre d’Isigny” jista’ jgħaddi minn trattament fiżiku ta’ kristallizzazzjoni li bih isir iktar malleabbli u reżistenti għall-magni mingħajr ma jinħall (butir għall-għaġina sfiljurata) biex ikun jista’ jintuża bħala materja prima fil-preparazzjonijiet tal-ikel, b’mod partikulari fil-ħami u fil-produzzjoni tal-ħelu”.
Din il-proċedura hija meħtieġa minħabba li l-punt tat-tidwib tal-butir ivarja ħafna skont l-istaġuni — il-butir ikun iktar artab fis-sajf u iktar iebes fix-xitwa. Din id-differenza fil-punt tat-tidwib ġejja mid-differenza fil-kompożizzjoni tal-aċidi xaħmin fix-xaħam. It-trattament fiżiku tal-butir jippermetti li titnaqqas din il-varjabbiltà u jiżgura li l-butir ikollu l-istess konsistenza tul is-sena kollha. Dan it-tibdil fil-konsistenza tal-butir jippermettilu jkun adattat ferm għall-isfiljurar. Din il-proċedura ma taffettwa bl-ebda mod lit-togħma tal-butir. Din il-proċedura diġà kienet issir meta l-prodott “Beurre d’Isigny” ġie rreġistrat bħala DOP iżda dan id-dettall ma kienx iddaħħal fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott irreġistrata. Fil-prodotti moħmija u fil-pasti joħorġu fid-deher il-kwalitajiet kollha tad-DOP “Beurre d’Isigny” f’forma oħra.
L-ippakkjar huwa spjegat bir-reqqa biex jiġu speċifikati ċerti prattiki. Żdied il-fatt li l-butir, ippakkjat f’pakketti ta’ kilogramm sa massimu ta’ 25 kilogramm, jista’ jiġi ffriżat jew iffriżat malajr għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar. L-iffriżar jew l-iffriżar malajr irid isir sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara l-istadju tal-għoti ta’ konsistenza partikulari lill-butir fil-każ tal-butir li jkun ingħata konsistenza partikulari u sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-produzzjoni fil-każ tal-butir li ma jkunx ingħata konsistenza partikulari. Wara dan, il-butir irid jinżamm f’temperatura ta’ bejn -18 u -23 °C.
Bis-saħħa tal-iffriżar tal-butir ippakkjat f’ċangaturi ta’ kilogramm u f’kontenituri ta’ iktar minn 10 kilogrammi tista’ tiġi ssodisfata d-domanda ta’ ċerti impriżi tal-industrija tal-ikel (il-furnara, il-pastiċċiera u d-dulċiera) li jkunu jeħtieġu butir li l-konsistenza tiegħu jkollha ċerti karatteristiċi partikulari marbutin mal-perjodu tal-produzzjoni. L-iffriżar jew l-iffriżar malajr għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar ma jaffettwax il-karatteristiċi organolettiċi tal-butir. Fil-fatt din il-prattika komuni, li tintuża ħafna fl-industrija tal-ħalib, sal-lum uriet kemm hi siewja f’termini tal-konservazzjoni u tal-preservazzjoni tal-kwalitajiet organolettiċi.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-ippakkjar tal-butir, żdied il-fatt li l-ikbar pakkett għall-bejgħ huwa ta’ 25 kilogramm. Din id-dispożizzjoni hija konformi mat-tradizzjoni tal-ippakkjar tal-prodott “Beurre d’Isigny” f’kontenituri kbar (f’bettiji li kienu jesgħu bejn 20 u 200 litru li kienu jintużaw fis-sekli 18 u 19). Madankollu, fiż-żona ġeografika huwa awtorizzat it-trasport tal-butir minn impjant għall-ieħor f’pakketti li jkunu jiżnu iktar minn hekk.
It-test tad-dispożizzjoni rilevanti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa dan li ġej:
“Il-prodott “Beurre d’Isigny” jiġi ppakkjat f’pakketti għall-bejgħ li jkunu jiżnu mhux aktar minn 25 kilogramm. Huwa awtorizzat it-trasport tal-butir minn impjant għall-ieħor fiż-żona ġeografika ddefinita f’pakketti li jkunu jiżnu iktar minn hekk.
Il-prodott “Beurre d’Isigny” jista’ jiġi ffriżat jew iffriżat malajr u jinżamm f’temperatura ta’ bejn -18 u -23 °C biss jekk ikun ippakkjat f’pakketti ta’ mill-inqas kilogramm u ta’ mhux aktar minn 25 kilogramm u għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar. L-iffriżar jew l-iffriżar malajr irid isir sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara l-produzzjoni fil-każ tal-butir li jkun ingħata konsistenza partikulari u sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-produzzjoni fil-każ tal-butir li ma jkunx ingħata konsistenza partikulari.”.
Parti minn dawn ir-regoli ddaħħlu fil-punt 3.5. tad-Dokument Uniku, imsejjaħ “Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.”.
5.5. L-intestatura “Rabta”
Il-kapitolu tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsejjaħ “Rabta maż-żona ġeografika” nkiteb kollu mill-ġdid biex toħroġ b’mod iktar ċar l-evidenza tar-rabta bejn il-prodott “Beurre d’Isigny” u ż-żona ġeografika tiegħu, mingħajr ma nbidlet is-sustanza tar-rabta. Din l-evidenza tenfasizza b’mod partikulari l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib, u b’mod partikulari l-fatt li għalf ibbażat fuq l-aħjar użu tal-ħaxix b’perjodu twil ta’ ragħa jagħmilha possibbli li jinkiseb ħalib b’xaħam ta’ kwalità li tkun adattata għall-produzzjoni tal-prodott “Beurre d’Isigny”, li għaliha huwa meħtieġ għarfien partikulari. Ittieħdet l-okkażjoni wkoll biex titneħħa r-referenza għall-kontenut għoli ta’ aċidu olejku fil-prodott “Beurre d’Isigny”, minħabba li din il-karatteristika mhix meqjusa bħala speċifika.
Il-punt imsejjaħ “Speċifiċità taż-żona ġeografika” jinkludi l-fatturi naturali taż-żona ġeografika u l-fatturi umani u jagħti sommarju tal-aspett storiku u jenfasizza l-għarfien speċifiku.
Il-punt imsejjaħ “Speċifiċità tal-prodott” jenfasizza ċerti elementi introdotti fid-deskrizzjoni tal-prodott.
Fl-aħħar nett, il-punt imsejjaħ “Rabta kawżali” jispjega l-interazzjonijiet bejn il-fatturi naturali u umani u l-prodott.
It-test kollu tar-rabta mogħti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-DOP huwa mogħti fil-punt 5 tad-Dokument Uniku.
5.6. L-intestatura “Tikkettar”
Biex jiġu ċċarati l-elementi li bihom il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw il-prodott:
— |
żdied il-fatt li l-prodotti li jgawdu mid-denominazzjoni ta’ oriġini jrid ikollhom tikketta li jkun fiha l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini u li l-ittri użati fuq din it-tikketta jridu jkunu tal-inqas daqs żewġ terzi tad-daqs tal-ikbar ittri li jidhru fuq it-tikketta. Din ir-regola ma tapplikax għall-istikers jekk l-isem tad-denominazzjoni jkun jidher xi mkien ieħor fuq it-tikkettar; |
— |
inbidel il-kliem li jrid jidher fuq l-istiker li titwaħħal fuq il-pakketti, hekk li trid tintuża l-kelma “protégée” (protetta) minflok il-kelma “contrôlée” (ikkontrollata). Din l-istiker trid titwaħħal taħt ir-responsabbiltà tal-operatur li jkun inkarigat minn din l-operazzjoni; |
— |
ġie indikat li s-simbolu tal-Unjoni Ewropea għad-DOP jrid jitwaħħal eżatti ħdejn l-istiker (jiġifieri ħdejha jew taħtha jew ’il fuq minnha, u ma jridx ikun mifrud minnha b’xi kliem ieħor). |
Tneħħiet id-dispożizzjoni dwar il-projbizzjoni tal-użu tal-kliem “Isigny” jew “Isigny-sur-mer” jew ta’ kull kelma, grafika jew illustrazzjoni oħra li tirreferi għal din iż-żona fil-każ ta’ prodotti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, minħabba li din ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Il-paragrafi li ġejjin:
“Stiker li jkollha l-kliem “Beurre d’Isigny — Appellation d’Origine Contrôlée” jew “Crème d’Isigny — Appellation d’Origine Contrôlée” trid titwaħħal jew tiġi stampata fuq il-pakketti jew fuq ir-reċipjenti, taħt ir-responsabbiltà tal-professjonist ikkonċernat.
L-użu tal-kliem ġeografiku “Isigny” jew “Isigny-sur-mer” jew ta’ kull kelma, grafika jew illustrazzjoni oħra li tirreferi għal din iż-żona huwa pprojbit fil-każ tal-bejgħ ta’ butir li ma jkunx ġie prodott, ippakkjat u kkummerċjalizzat skont id-digriet tad-Denominazzjoni.”
ġew sostitwiti b’dan li ġej:
“Kull pakkett tad-DOP “Beurre d’Isigny” li jiġi kkummerċjalizzat irid ikollu tikketta li jkun fiha l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini miktub b’ittri li jkunu tal-inqas daqs żewġ terzi tad-daqs tal-ikbar ittri li jidhru fuq it-tikketta.
Stiker li jkollha l-kliem ““Beurre d’Isigny” — Appellation d’Origine Protégée” trid titwaħħal jew tiġi stampata fuq il-pakketti jew fuq ir-reċipjenti, taħt ir-responsabbiltà tal-operatur.
Is-simbolu tal-Unjoni Ewropea għad-DOP irid jitwaħħal ħdejn l-istiker jew taħtha jew ’il fuq minnha, u ma jridx ikun mifrud minnha b’xi kliem ieħor. Id-daqs minimu tad-denominazzjoni ta’ oriġini ma japplikax għall-istiker meta din id-denominazzjoni tkun diġà tidher xi mkien ieħor fuq it-tikkettar.”.
Din l-emenda saret ukoll fil-punt 3.6. tad-Dokument Uniku, imsejjaħ “Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar”.
5.7. L-intestatura “Oħrajn”
Fil-kapitolu msejjaħ “Is-servizz kompetenti tal-Istat Membru”, ġie aġġornat l-indirizz tal-INAO.
Fil-kapitolu msejjaħ “Grupp applikant”, ġew aġġornati d-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp.
Fil-kapitolu tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsejjaħ “Referenzi għall-korp ta’ kontroll”, ġew aġġornati l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi uffiċjali. F’din l-intestatura jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet Franċiżi responsabbli għall-kontrolli, jiġifieri l-istitut nazzjonali tal-oriġini u tal-kwalità msejjaħ “Institut national de l’origine et de la qualité” (l-INAO) u d-direttorat ġenerali għall-kompetizzjoni, għall-affarijiet tal-konsumaturi u għall-prevenzjoni tal-frodi msejjaħ “Direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes” (id-DGCCRF). Żdied ukoll il-fatt li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-INAO u fuq il-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea.
Fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott żdied kapitolu msejjaħ “Rekwiżiti nazzjonali”. Fih jingħataw, fil-forma ta’ tabella, il-punti ewlenin li jridu jiġu kkontrollati, il-valuri ta’ referenza tagħhom u l-metodu ta’ evalwazzjoni tagħhom.
DOKUMENT UNIKU
“BEURRE D’ISIGNY”
Nru tal-UE: PDO-FR-0138-AM01 – 19.10.2017
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Isem
“Beurre d’Isigny”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-prodott “Beurre d’Isigny” għandu kulur naturali bejn avorju u isfar “lewn iċ-ċfolloq”. Bis-saħħa tal-konsistenza kremuża tiegħu, jista’ jindilek faċilment. Ta’ spiss ikollu togħma ta’ krema friska u ta’ ġellewż. Huwa jista’ jingħata konsistenza partikulari biex ikun jista’ jintuża għall-isfiljurar u jista’ jkun mielaħ.
Il-butir mhux mielaħ għandu kontenut tax-xaħam ta’ iktar minn 82 %, filwaqt li l-butir mielaħ għandu kontenut tax-xaħam ta’ iktar minn 80 %.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Biex tiġi żgurata rabta stretta bejn it-territorju u l-prodott permezz ta’ għalf b’ħaxix li ġej miż-żona ġeografika, il-baqar tal-ħalib għandhom jirgħu għal mill-inqas seba’ xhur fis-sena, u kull azjenda għandu jkollha mill-inqas 0,35 ettaru ta’ bwar għal kull baqra tal-ħalib li tinħaleb, li mill-inqas 0,20 ettaru minnhom ikunu aċċessibbli mill-post fejn jinħalbu l-baqar, jew mill-inqas 0,10 ettari minnhom ikunu aċċessibbli mill-post fejn jinħalbu l-baqar biż-żieda tal-ħaxix bħala għalf supplimentari. Kull azjenda jrid ikollha żona ewlenija tal-għalf li jkun fiha tal-inqas 50 % ħaxix.
L-għalf tal-baqar tal-ħalib ma jistax jiġi kollu miż-żona ġeografika. Fil-fatt, il-bżonn ta’ proteini li għandhom il-baqar tal-ħalib ma jistgħux ikopruh dejjem l-uċuħ ikkultivati f’din iż-żona. Barra minn hekk, ma tistax tiġi ggarantita l-oriġini tal-materja prima li minnha jkun magħmul l-għalf addizzjonali. 80 % mir-razzjon bażiku tal-merħla magħmul mill-foraġġ huwa prodott fiż-żona ġeografika (ikkalkulat bħala materja niexfa fis-sena). Meta wieħed iqis li r-razzjon bażiku jikkostitwixxi madwar 70 % tal-għalf kollu tal-baqar tal-ħalib, jista’ jiġi stmat li l-proporzjon tal-għalf li ġej miż-żona huwa ta’ mill-inqas 56 %.
Bħala medja, il-ħaxix fil-forom differenti tiegħu jikkostitwixxi mill-inqas 40 % mir-razzjon bażiku matul il-perjodu minimu ta’ seba’ xhur ta’ ragħa u mill-inqas 20 % minnu ta’ kuljum matul il-bqija tas-sena. L-għalf addizzjonali li l-baqar jistgħu jingħataw huwa limitat għal 1 800 kg f’sena kalendarja għal kull baqra tal-merħla.
Il-foraġġ permess huwa l-ħaxix, il-qamħirrum, iċ-ċereali jew l-għelejjel li fihom il-proteini li jkun għadhom ma sarux (il-pjanti sħaħ), it-tiben u l-alfalfa (kollha f’forma friska jew ippreservata), kif ukoll il-pitravi tal-għalf, il-ħaxix tal-għeruq u l-polpa tal-pitravi mnixxfa.
Il-kaboċċi, in-nevew, il-lift u l-kolza mqassma friska u l-urea u d-derivattivi tagħha la jistgħu jintużaw fir-razzjon bażiku u lanqas ma jistgħu jintużaw bħala għalf addizzjonali.
Il-materja prima li ġejja ma tistax tintuża fl-għalf addizzjonali:
— |
iż-żejt tal-palm, iż-żejt tal-karawett, iż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol u ż-żejt taż-żebbuġa fl-istat naturali tagħhom jew l-isomeri tagħhom; |
— |
il-prodotti tal-ħalib u l-prodotti derivati minnhom; |
— |
il-prodotti tal-annimali tal-art u l-prodotti derivati minnhom; |
— |
il-ħut, annimali akkwatiċi oħrajn u l-prodotti derivati minnhom, ħlief għaż-żejt tal-fwied tal-merluzz; |
— |
komponenti mixxellanji, ħlief għall-melassa tal-glukożju. |
Għand il-produttur, il-ħalib minn kull ġabra li jintuża biex isir il-prodott “Beurre d’Isigny” għandu jiġi minn merħla li fiha tal-inqas 30 % mill-baqar ikunu baqar tal-ħalib tar-razza tan-Normandija, b’ġabra tal-ħalib tkun tfisser il-ħalib kollu miġbur u użat minn produttur fi żmien 48 siegħa.
Il-ġbir għandu jseħħ mhux aktar tard minn kull 48 siegħa wara l-ewwel ħlib. Il-ħalib miġbur fl-azjendi għandu jiġi ddepożitat direttament fl-impjant tal-ixkumar mingħajr trażbord. Mal-wasla, il-ħalib mhux ipproċessat għandu jkollu aċidità ta’ bejn 14 u 16-il° Dornic, jiġifieri valur tal-pH ta’ bejn 6,6 u 6,85.
Il-kontenut minimu tax-xaħam fil-krema maħsuba għall-produzzjoni tal-butir għandu jkun ta’ mill-inqas 35 gramma għal kull 100 gramma tal-prodott. Il-krema b’inqas xaħam, il-krema mhux ipproċessata, il-krema sterilizzata u l-krema sterilizzata f’temperatura ultra għolja (UHT) ma jistgħux jintużaw għall-produzzjoni tal-butir.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-produzzjoni tal-ħalib u tal-butir għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
L-iffriżar eventwali tal-butir u l-ippakkjar tiegħu għandhom isiru fiż-żona ġeografika.
Fil-fatt, l-ippakkjar tal-butir huwa proċedura importanti ħafna għaż-żamma tal-kwalità tal-prodotti minħabba li x-xaħam huwa sensittiv għall-ossidazzjoni. Għaldaqstant, l-ippakkjar irid isir malajr wara li jintemm il-proċess tal-produzzjoni. B’hekk, il-proċedura għandha ssir fiż-żona ġeografika ddefinita mogħtija fil-punt 4 f’pakketti għall-bejgħ ta’ mhux aktar minn 25 kilogramm.
Il-butir jista’ jiġi ffriżat jew iffriżat malajr għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar sakemm ikun ippakkjat f’pakketti ta’ mill-inqas kilogramm u ta’ mhux aktar minn 25 kilogramm. L-iffriżar irid isir sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara l-produzzjoni fil-każ tal-butir li jkun ingħata konsistenza partikulari u sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-produzzjoni fil-każ tal-butir li ma jkunx ingħata konsistenza partikulari.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Kull pakkett tad-DOP “Beurre d’Isigny” li jiġi kkummerċjalizzat irid ikollu tikketta li jkun fiha l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini miktub b’ittri li jkunu tal-inqas daqs żewġ terzi tad-daqs tal-ikbar ittri li jidhru fuq it-tikketta.
Stiker li jkollha l-kliem “Beurre d’Isigny — Appellation d’Origine Protégée” trid titwaħħal jew tiġi stampata fuq il-pakketti jew fuq ir-reċipjenti, taħt ir-responsabbiltà tal-operatur.
Is-simbolu tal-Unjoni Ewropea għad-DOP irid jitwaħħal ħdejn l-istiker jew taħtha jew ’il fuq minnha, u ma jridx ikun mifrud minnha b’xi kliem ieħor. Id-daqs minimu tad-denominazzjoni ta’ oriġini ma japplikax għall-istiker meta din id-denominazzjoni tkun diġà tidher xi mkien ieħor fuq it-tikkettar.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ddefinita hija mifruxa fit-territorju tal-muniċipalitajiet tad-dipartimenti li ġejjin:
il-muniċipalitajiet kollha tal-Canton de Bayeux, minbarra Chouain, Condé-sur-Seulles, Ellon, Esquay-sur-Seulles, Juaye-Mondaye, Le Manoir, Manvieux, Ryes, Tracy-sur-Mer, Vaux-sur-Seulles u Vienne-en-Bessin;
il-muniċipalitajiet kollha tal-Canton de Trévières, minbarra La Bazoque, Cahagnolles, Cormolain, Foulognes, Litteau, Planquery, Sainte-Honorine-de-Drucy u Sallen;
il-muniċipalitajiet li ġejjin tal-Canton d’Agon-Coutainville: Auxais, Feugères, Gonfreville, Gorges, Marchésieux, Nay, Périers, Raids, Saint-Germain-sur-Sèves, Saint-Martin-d’Aubigny u Saint-Sébastien-de-Raids;
il-muniċipalitajiet li ġejjin tal-Canton de Bricquebec: Etienville, Les Moitiers-en-Bauptois u Orglandes;
il-muniċipalitajiet kollha tal-Canton de Carentan-les-Marais;
il-muniċipalitajiet li ġejjin tal-Canton de Créances: Montsenelle (it-territorji tal-muniċipalitajiet l-antiki ta’ Coigny, Prétot-Sainte-Suzanne u Saint-Jores biss) u Le Plessis-Lastelle;
il-muniċipalitajiet kollha tal-Canton de Pont-Hébert, minbarra Bérigny, Saint-André-de-l’Epine, Saint-Georges-d’Elle, Saint-Germain-d’Elle u Saint-Pierre-de-Semilly;
il-muniċipalitajiet kollha tal-Canton de Saint-Lô-1, minbarra Agneaux, Le Lorey, Marigny-Le-Lozon (it-territorju tal-muniċipalità l-antika ta’ Lozon biss), Le Mesnil-Amey, Saint-Gilles u Saint-Lô;
il-muniċipalitajiet kollha tal-Canton de Valognes, minbarra Brix, Huberville, Lestre, Lieusaint, Montaigu-la-Brisette, Saint-Germain-de-Tournebut, Saint-Joseph, Saint-Martin-d’Audouville, Saussemesnil, Tamerville, Valognes, Vaudreville u Yvetot-Bocage.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-prodott “Beurre d’Isigny” għandha forma ta’ nofs qamar u hija magħmula minn art sedimentarja b’altitudni baxxa (ta’ inqas minn 50 metru). Din il-medda ta’ art, imsejħa “Col du Cotentin”, tifforma unità ġeoloġika notevoli ffurmata minn diversi saffi ta’ sediment tal-baħar. Fiha nsibu żewġ żoni distinti, waħda msejħa l-“Bas Pays” (ir-reġjun il-baxx), iffurmata mill-bwar kbar kostali u alluvjali nexfin iżda li jistgħu jegħrqu, u l-oħra msejħa l-“Haut Pays” (ir-reġjun l-għoli), li hija art imsaġġra ffurmata minn qortin u minn żoni iżolati tal-franka u għoljiet baxxi tat-tafal u taċ-ċagħaq fil-Lvant. Il-karatteristika prinċipali tal-ħamrija hija l-ammont kbir ta’ sediment tal-baħar u tax-xmajjar fiha, l-iktar fil-Bajja ta’ Veys u fil-widien tax-xmajjar li jispiċċaw fiha.
Fil-Col du Cotentin tagħmel madwar 800 mm xita u jkun hemm iktar minn 170 jum ta’ xita mqassmin tajjeb tul is-sena u fis-sajf it-temperaturi jkunu friski u x-xtiewi ma jkunux daqstant ħorox, u l-meded tat-temperaturi ma jvarjawx daqskemm ivarjaw f’Saint-Lô u f’Caen, u b’hekk il-klima f’dan ir-reġjun tista’ titqies bħala waħda oċeanika moderata. Din il-klima bl-irtuba, imċajpra u moderata hija omoġenja minħabba n-nuqqas ta’ muntanji. L-influwenza tal-oċean tidher ukoll fl-ammont ta’ rxiex tal-melħ tal-baħar li jxarrab il-bwar.
Il-Col du Cotentin huwa wieħed mir-reġjuni tal-mergħat tan-Normandija li kien jeżisti qabel ma bdiet il-mewġa ta’ konverżjoni tal-art maħduma fi bwar fl-1800 fin-Normandija. Dawk li jrabbu l-bhejjem biddlu r-reġjun ta’ Isigny f’territorju prestiġjuż ta’ mergħat li l-assoċjazzjoni tan-Normandija msejħa “Association Normande” fl-1874 sejħitlu reġjun “ta’ mergħat mogħnija bil-ġid, sorsi awtentiċi ta’ krema u ta’ butir”.
Minn nofs is-seklu 19 ’il quddiem, dawk li jrabbu l-bhejjem f’dan ir-reġjun bdew jaħdmu favur il-purità tar-razza msejħa “Cotentine”, li kellha ssir ir-razza prinċipali tar-razza tan-Normandija, l-aktar minħabba li din ir-razza lokali kienet adattata ferm għall-ħlib. Iżda dan l-istatus ta’ “benniena tar-razza” ħadem kontra dawk li kienu jrabbu l-bhejjem fil-lokal, li damu biex ibbenefikaw mill-avvanzi fl-inseminazzjoni artifiċjali u li daru minflok għar-razza produttiva u omoġenja msejħa “Prim’Holstein”.
Il-popolazzjoni tal-Col du Cotentin malajr assoċjat il-valur tal-ħaxix għall-merħla tal-ħalib mal-valur tal-ħalib permezz tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-butir.
Illum il-mergħat għadhom il-bażi tal-għalf tal-baqar tal-ħalib li jirgħu fihom għal mill-inqas seba’ xhur, u li jikkunsmaw il-ħaxix li jingħataw matul il-bqija tas-sena. Ir-rabta tal-produtturi mar-razza tan-Normandija, li hija razza eċċellenti għall-produzzjoni tal-butir bis-saħħa tal-ħalib li tagħmel, li fih ħafna xaħam u ħafna proteini, tippermetti li din tinżamm fi proporzjon sinifikanti fiż-żona ġeografika.
L-għarfien tal-produzzjoni jinvolvi l-preservazzjoni tal-ħalib frisk permezz ta’ kontroll tal-kesħa mill-maqjel tal-baqar sal-fabbrika tal-butir, ir-regolarità tal-ġbir, l-użu tal-maturazzjoni bijoloġika marbut mal-kontroll tal-flora tal-fermentazzjoni permezz tal-pastorizzazzjoni tal-ħalib segwita miż-żieda tal-fermenti, l-ixkumar u fl-aħħar nett it-tħawwid.
Il-“Beurre d’Isigny” huwa butir kremuż li jista’ jindilek faċilment. Wara l-proċess tal-għoti ta’ konsistenza partikulari, huwa jkun solidu u jkun jista’ jinħadem faċilment, u la jkun żejtni u lanqas iwaħħal jew jitfarrak. B’kulur omoġenju tal-avorju fix-xitwa sa isfar lewn iċ-ċfolloq matul l-istaġun tar-ragħa, ir-riħa tiegħu tfakkrek fil-krema tajba biex titħabbat. It-togħma fina tiegħu jista’ jkun fiha ħjiel ta’ ġellewż.
Is-sitwazzjoni ġeografika taż-żona ġeografika (li tinsab qrib il-baħar) u l-morfoloġija tagħha (ma fihiex muntanji) twassal biex ikun hemm ix-xita b’mod regolari matul is-sena kollha u biex fiha jkun hemm temperaturi moderati, anki fix-xitwa. Dawn l-elementi jwasslu biex il-ħaxix jikber matul is-sena kollha u biex l-annimali jkunu jistgħu jirgħu għal perjodu twil. Il-ħamrija taflija u tal-franka, b’sedimenti tal-baħar reċenti u mogħnija b’ħafna minerali, jagħmlu lil dawn il-bwar għanja ferm, filwaqt li t-trab ġulġlieni li jiksi l-Haut-Pays huwa regolatur notevoli tal-ilma li jiffavorixxi t-tkabbir regolari tal-ħaxix.
Il-kwalità tax-xaħam tal-ħalib taż-żona ġeografika ġejja mit-taħlita tal-provvista tal-ħaxix, li tagħti lid-denominazzjoni l-kwalitajiet organolettiċi speċifiċi tagħha u l-kremożità mistennija, u ż-żieda ta’ foraġġ iktar enerġetiku, li jiffavorixxi l-produzzjoni ta’ globuli kbar tax-xaħam li jippermettu li jiġu stabbiliti l-komposti aromatiċi tal-ħalib ipprovduti mill-ħaxix.
Għalhekk, il-prodott “Beurre d’Isigny” huwa kkaratterizzat mill-aħjar użu tal-ħaxix taż-żona b’perjodu twil ta’ ragħa għall-merħla tal-ħalib u b’distribuzzjoni tal-foraġġ ippreservat fix-xitwa flimkien mal-provvista ta’ tipi ta’ foraġġ oħrajn. Fil-fatt, it-trasport tal-foraġġ mill-Bas-Pays għall-Haut-Pays u l-preservazzjoni tiegħu hija prattika tradizzjonali minħabba l-ġeografija tal-irziezet li ġeneralment jinsabu fl-Haut-Pays, imma li għandhom ukoll mergħat fil-Bas-Pays.
Dan l-għalf tal-bhejjem, li parti minnhom huma tar-razza tan-Normandija, iwassal għal ħalib ta’ kwalità għolja, li x-xaħam tiegħu jagħti lill-prodott il-konsistenza kremuża eċċellenti tiegħu.
Barra minn hekk, il-preżenza tal-karotenojdi fil-ħaxix xaħmi tal-mergħat tar-reġjun tiffavorixxi l-kulur naturali lewn iċ-ċfolloq tal-butir waqt l-istaġun tar-ragħa.
Iż-żamma tal-użanzi tradizzjonali fil-produzzjoni tal-butir, li jeskludu b’mod partikulari ż-żieda ta’ aromi u ta’ aċidu lattiku u li jinkludu l-użu ta’ krema mmaturata u tat-tħawwid, tgħin ħafna biex joħorġu l-karatteristiċi tal-materja prima li ġejja mill-merħliet tal-ħalib. Is-suċċess ta’ dawn il-prodotti ġej ukoll miż-żamma ta’ relazzjonijiet kummerċjali man-netwerk ta’ mħaleb tat-territorju nazzjonali, mar-ristoranti reġjonali u mas-swieq tal-esportazzjoni.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-ba1010a1-bc3a-4468-a1d2-7578d8fd5494