EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0523(01)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fi Speċifikazzjoni tal-Prodott, kif imsemmi fl-Artiklu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-isem “Banon” (DOP)

C/2019/3774

ĠU C 177, 23.5.2019, p. 2–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

23.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/2


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Mejju 2019

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fi Speċifikazzjoni tal-Prodott, kif imsemmi fl-Artiklu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-isem “Banon” (DOP)

(2019/C 177/02)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 50(2)(a) flimkien mal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Franza bagħtet applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ “Banon” (DOP) skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex jingħata lok għat-tressiq ta’ avviżi ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif jissemma fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (2), inkluż id-Dokument Uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott rilevanti, għall-isem irreġistrat “Banon” (DOP), jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif jissemma fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014, inkluż id-Dokument Uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott rilevanti, għall-isem irreġistrat “Banon” (DOP), tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-emenda kif jissemma fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


ANNESS

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“BANON”

Nru tal-UE: PDO-FR-0290-AM02 – 10.1.2018

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Isem: Syndicat Interprofessionnel de Défense et de Promotion du Banon

Indirizz:

570, Avenue de la libération

04100 MANOSQUE

FRANCE

Telefown: +33 492874755

Faks: +33 492727313

Posta elettronika: v.enjalbert@mre-paca.fr

Il-grupp huwa magħmul minn produtturi tal-ħalib u minn dawk li jipproċessaw u jieħdu ħsieb il-maturazzjoni, u għaldaqstant għandu d-dritt leġittimu li jitlob emendi fl-Ispeċifikazzjoni.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: aġġornamenti tad-dettalji tal-korp ta’ kontroll u tal-grupp, rekwiżiti nazzjonali.

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

5.1.   Isem

Fl-intestatura “Isem il-prodott”, id-dispożizzjoni li ġejja:

“Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta definita f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott hija: ‘Banon’.”

hija ssostitwita bi:

“Banon”

Il-paragrafu li ġej tħassar:

“L-isem tal-ġobon ‘Banon’ ġej mill-isem tal-muniċipalità ta’ Banon, li tinsab fid-département ta’ Alpes-de-Haute-Provence, post ta’ fieri u ta’ kummerċ sa mill-Medju Evu.”

L-isem tad-DOP hija meqjusa suffiċjenti f’din l-intestatura tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

5.2.   Deskrizzjoni tal-prodott

Id-dispożizzjoni “Il-qoxra tiegħu hija ta’ lewn isfar fil-krema taħt il-weraq” hija sostitwita bi “Il-qoxra tiegħu hija ta’ lewn isfar fil-krema jew lewn il-bronż taħt il-weraq”.

Rigward il-kulur tal-qoxra taħt il-weraq, il-lewn “isfar fil-krema” huwa kompletat bil-kliem “jew lewn il-bronż” biex jikkaratterizza aħjar il-prodott.

Ġie miżjud il-paragrafu li ġej:

“Huwa ġobon ikkaratterizzat minn ħjiliet ta’ annimali, l-aktar il-mogħoż, li spiss huma akkumpanjati minn irwejjaħ ta’ ammonijaka u ta’ pjanti u siġar żgħar, bi ftit imrar fl-aħħar. Il-konsistenza tiegħu hija kremuża u ddub fil-ħalq.”.

Dawn id-dettalji ġejjin mill-ħidma tal-kummissjoni li wettqet l-eżami organolettiku tal-prodott.

Dawn l-emendi saru wkoll fid-Dokument Uniku.

5.3.   Żona ġeografika

Fl-intestatura “Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika”, il-lista tal-muniċipalitajiet taż-żona ġeografika ġiet aġġornata wara bidliet fl-ismijiet ta’ ċerti muniċipalitajiet taż-żona ġeografika. Il-perimetru ma nbidilx.

5.4.   Prova tal-oriġini

L-obbligu li jinżamm reġistru għall-kwantitajiet ta’ ħalib mixtrija tneħħa għall-operaturi “bdiewa” peress li r-regolamenti nazzjonali ma jippermettulhomx li jixtru l-ħalib. Madankollu dan inżamm għall-operaturi li mhumiex bdiewa.

5.5.   Metodu ta’ produzzjoni

—   ir-razza tal-mogħoż:

Il-paragrafu li ġej tħassar:

“Sal-31 ta’ Diċembru 2013, il-mogħoż tal-ħalib tar-razez Communes Provençales, Roves, Alpines u t-taħlit bejn dawn ir-razez għandhom jikkostitwixxu ta’ mill-inqas 60 % ta’ kull merħla.”

Il-paragrafu li ġej:

“Sa mill-1 ta’ Jannar 2014, il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-‘Banon’ għandu jiġi unikament mill-mogħoż tar-razez Communes Provençales, Roves, Alpines u t-taħlit bejn dawn ir-razez.”

għandu jinbidel bi:

“Il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-‘Banon’ għandu jiġi unikament mill-mogħoż tar-razez Communes Provençales, Roves, Alpines u t-taħlit bejn dawn ir-razez.”

L-iskadenzi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tħassru għax inqabżu.

Dawn id-dispożizzjonijiet tħassru wkoll mis-sommarju.

—   żmien minimu ta’ ragħa u żmien minimu li matulu l-mogħoż iridu jsibu l-ikel gross tagħhom mir-ragħa:

Il-paragrafu li ġej:

“Il-mogħoż għandhom jirgħu b’mod regolari fil-bwar u l-mergħat taż-żona għal mill-inqas 210 ijiem fis-sena.”

huwa sostitwit bi:

“Il-mogħoż għandhom jirgħu b’mod regolari fil-bwar u l-mergħat taż-żona ġeografika għal mill-inqas 210 ijiem fis-sena.”

Il-kliem “żona ġeografika” huwa aktar preċiż minn “żona” u jippermetti kontroll aktar faċli.

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.

Id-dispożizzjonijiet

“Għal ta’ mill-inqas 4 xhur fis-sena għandhom jieħdu l-biċċa l-kbira tal-ikel gross tagħhom mir-ragħa.”

u

“Il-mogħoż għandhom jirgħu b’mod regolari fil-bwar u l-mergħat taż-żona ġeografika għal mill-inqas 210 ijiem fis-sena.”

huma mħassra darba.

Il-perjodu minimu ta’ ragħa u dak li matulu l-mogħoż iridu jsibu l-ikel gross tagħhom mir-ragħa, ippreżentati darbtejn fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tneħħew biex tiġi evitata r-ripetizzjoni.

Dawn l-emendi saru wkoll fid-Dokument Uniku.

—   limitazzjoni ta’ għoti ta’ għalf mill-mejjilla:

Is-sentenza

“L-għoti ta’ għalf mill-mejjilla huwa limitat kull sena u kuljum.”

tneħħiet peress li din is-sentenza ma żżid xejn mal-valuri massimi ta’ limitazzjoni li diġà tinsab fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.

—   razzjon supplimentari:

Il-kliem “jew prodott sekondarju taċ-ċereali” ġie miżjud biex ma jiġix eskluż għalf kompost li t-tikketta tiegħu tispeċifika li jinkludi ċereali u prodotti sekondarji taċ-ċereali.

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.

—   limitazzjoni tax-xiri ta’ għalf minn barra ż-żona ġeografika:

Is-sentenza “Huwa limitat ukoll ix-xiri ta’ għalf minn barra ż-żona” tneħħiet peress li m’għandhiex valur mixtieq u lanqas xi element ta’ limitazzjoni fattwali. Fil-fatt il-limitazzjoni tax-xiri ta’ għalf minn barra ż-żona ġeografika hija rregolata mid-dispożizzjoni li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

“L-għoti ta’ għalf u ta’ xnien deidrat minn barra ż-żona ġeografika huwa limitat għal 250 kg ta’ materja prima fis-sena għal kull mogħża adulta preżenti.”

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.

—   mod ta’ distribuzzjoni tax-xnien deidrat kuljum:

Id-dispożizzjoni li ġejja:

“L-għoti ta’ xnien deidrat huwa llimitat għal 400 g ta’ materja prima kuljum għal kull mogħża adulta preżenti f’ta’ mill-inqas żewġ porzjonijiet, u għal 60 kg ta’ materja prima fis-sena għal kull mogħża adulta preżenti.”

hija ssostitwita bi:

“L-għoti ta’ xnien deidrat huwa limitat għal 400 g ta’ materja prima kuljum għal kull mogħża adulta preżenti u għal 60 kg ta’ materja prima fis-sena għal kull mogħża adulta preżenti.”

L-obbligu li x-xnien deidrat jitqassam f’darbtejn tneħħa peress li l-kwantitajiet żgħar imqassma ma jiġġustifikawx din il-prekawzjoni (li kienet iddaħħlet peress li kwantità kbira wisq ta’ nitroġenu tista’ tikkawża marda metabolika serja, l-alkalożi).

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.

—   għalf ipprojbit:

Il-paragrafu:

“L-għalf miżmum fis-silo u l-għalf marbut b’qafla, il-kruċiferi u pjanti u żrieragħ oħrajn li jistgħu jagħtu togħma ħażina lill-ħalib huma pprojbiti.”

huwa sostitwit bi:

“L-għalf miżmum fis-silo, l-għalf marbut b’qafla u l-kruċiferi tal-għalf huma pprojbiti.”

Peress li l-valur immirat “u pjanti u żrieragħ oħrajn li jistgħu jagħtu togħma ħażina lill-ħalib” mhuwiex daqstant preċiż biex ikun faċilment kontrollabbli, dan tneħħa.

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.

—   l-introduzzjoni tal-projbizzjoni ta’ OĠM:

Ġie miżjud il-paragrafu li ġej:

“Fl-għalf tal-annimali huma awtorizzati biss il-pjanti, il-prodotti sekondarji u l-għalf komplementari derivat minn prodotti mhux transġeniċi. It-tħawwil ta’ kultivazzjonijiet transġeniċi huwa projbit fl-uċuħ kollha ta’ azjenda li tipproduċi ħalib li huwa maħsub biex jiġi pproċessat f”Banon’ DOP. Din il-projbizzjoni hija maħsuba għal kull speċi veġetali li tista’ tingħata bħala għalf lill-annimali tal-ħalib tal-azjenda, u kull kultura ta’ speċi li tista’ tikkontaminahom.”

Din id-dispożizzjoni tippermetti li, minn naħa, jinżamm il-karattru tal-għalf tradizzjonali, u min-naħa l-oħra, jinżammu l-metodi tradizzjonali ta’ għalf tal-annimali.

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.

—   il-provenjenza tal-għalf:

Il-paragrafu li ġej ġie miżjud fid-Dokument Uniku: “Rigward il-provenjenza tal-għalf, minħabba l-fatturi naturali taż-żona ġeografika, il-produzzjoni ta’ konċentrati hija diffiċli u dik tal-għalf hija limitata. Peress li l-oriġini tal-konċentrati mhijiex speċifikata, jistgħu jkunu ġejjin minn barra ż-żona ġeografika. Ir-razzjon bażiku jiġi essenzjalment miż-żona ġeografika, iżda jista’ jitqassam ukoll tiben li jkun ġej minn barra ż-żona ġeografika lill-mogħoż. Il-limitazzjoni tal-kwantità ta’ konċentrati u l-limitazzjoni tal-kwantità ta’ tiben li jista’ jiġi minn barra ż-żona ġeografika jfissru li l-parti l-kbira tal-għalf ġejja miż-żona. Fil-fatt, il-provvisti li jistgħu jiġu minn barra ż-żona ġeografika jirrappreżentaw għal kull mogħża u kull sena:

250 kg ta’ materja prima tal-għalf u ta’ xnien deidrat jew madwar 213 kg ta’ materja niexfa (190 kg ta’ għalf b’rata medja ta’ 84 % materja niexfa jikkorrispondu għal 160 kg ta’ materja niexfa, u 60 kg ta’ xnien deidrat b’rata medja ta’ 89 % materja niexfa jikkorrispondu għal 53 kg ta’ materja niexfa),

250 kg ta’ materjal niexef minn konċentrati (ekwivalenti għal 270 kg ta’ materja prima) minn barra ż-żona ġeografika għal kull mogħża u kull sena.

Meta wieħed iqis li mogħża għandha kapaċità medja annwali ta’ inġestjoni ta’ 1 100 kg, il-proporzjon ta’ għalf li ġej miż-żona ġeografika jirrappreżenta għalhekk mill-inqas 58 % (f’materja niexfa).”

Din iż-żieda fid-Dokument Uniku tgħin biex jintwera li l-għalf tal-mogħoż ġej l-aktar miż-żona ġeografika. Dan l-għalf ma jistax jiġi kollu miż-żona ġeografika minħabba l-fatturi naturali deskritti fil-punt “Rabta maż-żona ġeografika”.

—   it-temperatura u t-tul ta’ ħin taż-żieda tat-tames:

Il-paragrafu:

“Kwalunkwe trattament fiżiku jew kimiku huwa pprojbit ħlief għall-filtrazzjoni maħsuba biex telimina l-impuritajiet makroskopiċi, għat-tkessiħ għal temperatura pożittiva għall-preservazzjoni u għat-tisħin mill-ġdid tal-ħalib sa massimu ta’ 35 °C qabel iż-żieda tat-tames.”

huwa sostitwit bi:

“Kwalunkwe trattament fiżiku jew kimiku huwa pprojbit ħlief għall-filtrazzjoni maħsuba biex telimina l-impuritajiet makroskopiċi, għat-tkessiħ għal temperatura pożittiva għall-preservazzjoni u għat-tisħin mill-ġdid tal-ħalib qabel iż-żieda tat-tames.”

Peress li l-firxa tat-temperatura taż-żieda tat-tames hija definita strettament fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott irreġistrat skont ir-Regolament (UE) Nru 1211/2013 tat-28 ta’ Novembru 2013 (bejn 29 °C u 35 °C), u l-ħalib użat huwa ħalib tal-mogħża mhux ipproċessat, il-kunċett intermedjarju ta’ temperatura tat-tisħin mill-ġdid tneħħa għaliex mhux meħtieġ: dan huwa t-tisħin mill-ġdid tal-ħalib għall-fażi taż-żieda tat-tames (li t-temperatura tagħha hija diġà speċifikata).

Id-dispożizzjoni:

“Għall-prodotti tal-ħalib, it-tames għandu jiġi miżjud sa massimu ta’ erba’ sigħat wara l-aħħar taħliba miġbura.”

hija sostitwita bi:

“Għall-prodotti tal-ħalib, it-tames għandu jiġi miżjud sa mhux aktar tard minn 18-il siegħa wara li l-ħalib jasal fil-fabbrika tal-ġobon u qabel nofsinhar tal-jum ta’ wara l-aħħar taħliba miġbura.”

It-tul ta’ ħin għaż-żieda tat-tames għall-prodotti tal-ħalib ġie emendat biex l-impriżi jkunu jistgħu jadattaw l-organizzazzjoni tagħhom għaż-żmien li fih jinġabar il-ħalib u għall-iżgħar volum ta’ ħalib użat f’kull żieda tat-tames. Fil-fatt, l-iskeda attwali tal-ġbir tinvolvi l-ġbir tal-ħalib billejl. L-aħħar taħliba tinġabar għal xi s-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu u tiġi miżjuda bit-tames fil-borma l-kbira (1 000 litru), mas-sitta u nofs ta’ filgħodu. Iżda minħabba t-tnaqqis fin-numru ta’ bdiewa involuti u l-volumi żgħar, huwa rrakkomandat li x-xogħol ta’ billejl jiġi limitat u li ż-żieda tat-tames fil-ħalib tkun tista’ ssir mit-tmienja ta’ filgħodu, fi kwantità żgħira (borom ta’ 80 l), li jista’ jtawwal il-proċess sa nofsinhar.

—   il-fażi tal-iffurmar

Il-paragrafu:

“L-iffurmar iseħħ direttament wara t-tiswib tax-xorrox. Il-ġobnijiet jiġu ffurmati manwalment fil-qwieleb. L-użu tas-separaturi u tal-forom multipli huwa permess. Kull forma ta’ ffurmar mekkaniku huwa pprojbit.”

Ġie sostitwit bi:

“L-iffurmar iseħħ direttament wara t-tiswib tax-xorrox. Il-ġobnijiet jiġu ffurmati manwalment fil-qwieleb. L-użu tas-separaturi u tal-forom multipli huwa permess bl-għajnuna mekkanika għall-iffurmar (il-lifter tal-borma, it-trasportatur). Kwalunkwe forma ta’ ffurmar kompletament mekkaniku hija pprojbita; l-intervent tal-bniedem għat-tqassim tal-baqta fil-forom multipli huwa obbligatorju.”

Biex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw għat-tekniki l-ġodda, qed jiġi speċifikat li l-għajnuna mekkanika hija permessa waqt il-fażi tal-iffurmar (il-lifter tal-borma, it-trasportatur), iżda l-intervent tal-bniedem huwa obbligatorju għat-tqassim tal-baqta fil-forom: kwalunkwe forma ta’ ffurmar kompletament mekkaniku hija pprojbita.

—   il-fażi tat-tqattir u tat-tneħħija mill-forom

Il-paragrafu:

“It-tqattir isir f’minimu ta’ 20 °C. It-tneħħija mill-forom issir bejn 24 siegħa u 48 siegħa mit-tqegħid fil-forom.”

huwa sostitwit bi:

“It-tqattir isir f’minimu ta’ 20 °C u għandu jdum bejn 18-il siegħa u massimu ta’ 48 siegħa wara t-tqegħid fil-forom. It-tneħħija mill-forom issir biss wara din il-fażi. Il-ġobnijiet imbagħad jitħallew jinxfu f’temperatura ta’ mill-inqas 13 °C għal mill-inqas 24 siegħa.”

It-tul ta’ ħin ta’ kull fażi (bejn 18 u 48 siegħa għat-tqattir, mill-inqas 24 siegħa għat-tnixxif), kif ukoll it-temperatura tat-tnixxif (minimu ta’ 13 °C) ġew miżjuda skont l-għarfien biex jiġu rregolati l-prattiki tal-operaturi.

—   it-tul ta’ ħin tat-tmelliħ

It-tul ta’ ħin tat-tmelliħ tneħħa biex l-operaturi jkunu jistgħu jadattawh skont il-konċentrazzjoni tas-salmura użata biex jinkiseb l-istess riżultat.

—   il-fażi tal-maturazzjoni

Il-paragrafu:

“Il-maturazzjoni, li ddum mill-inqas 15-il jum wara ż-żieda tat-tames, issir fiż-żona ġeografika u tiżvolġi f’żewġ fażijiet:

Qabel it-tgeżwir, il-ġobna mikxufa timmatura bejn ħames u għaxart ijiem wara ż-żieda tat-tames f’temperatura minima ta’ 8 °C. Wara din il-fażi, il-ġobna għandu jkollha kisja omoġenja bi flora fil-wiċċ stabbilita sew, qoxra fina ta’ kulur abjad lewn il-krema, u polpa ratba fil-qalba.

Wara t-tgeżwir, il-ġobon jimmatura għal mill-inqas għaxart ijiem fil-weraq f’temperatura ta’ bejn 8 u 14 °C. Il-livell tal-umdità jrid ikun ogħla minn 80 %.”

huwa sostitwit bi:

“Il-maturazzjoni, li ddum mill-inqas 15-il jum wara ż-żieda tat-tames, issir f’żewġ fażijiet:

Qabel it-tgeżwir, il-ġobna mikxufa timmatura bejn ħames u għaxart ijiem wara ż-żieda tat-tames f’temperatura minima ta’ 8 °C. Wara din il-fażi, din għandu jkollha kisja omoġenja bi flora fil-wiċċ stabbilita sew;

Wara t-tgeżwir, il-ġobon jimmatura għal mill-inqas għaxart ijiem fil-weraq f’temperatura ta’ bejn 8 u 14 °C. Wara din il-fażi, il-ġobon għandu jkollu qoxra fina ta’ kulur abjad lewn il-krema jew lewn il-bronż. Il-livell tal-umdità jrid ikun ogħla minn 80 %.”

Ir-referenza għaż-żona ġeografika tneħħiet għax hija inutli f’din il-parti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Id-deskrizzjoni tal-qoxra ġiet imċaqalqa wara d-deskrizzjoni tal-parametri tal-fażi tal-maturazzjoni u tqabblet mal-intestatura dwar id-deskrizzjoni tal-prodott. Id-deskrizzjoni tal-qalba tneħħiet peress li dan il-kriterju li jeħtieġ il-qtugħ tal-ġobon ma jiġix ivverifikat f’dan l-istadju.

Il-paragrafu:

“Il-ġobnijiet jistgħu jixxarbu fil-brandy tal-inbid jew fir-residwu tal-għasra qabel jitqiegħdu fil-weraq.”

huwa sostitwit bi:

“Il-ġobnijiet jistgħu jixxarbu fl-ispirtu tal-inbid jew fir-residwu tal-għasra jew sprejjati bl-ispirtu tal-inbid jew bir-residwu tal-għasra qabel ma jitqiegħdu fil-weraq.”

Minbarra l-prattika tat-tixrib fl-ispirtu tal-inbid jew fir-residwu tal-għasra, ġiet miżjuda dik tal-isprejjar bl-ispirtu tal-inbid jew bir-residwu tal-għasra, peress li t-tnejn jagħtu riżultati simili.

5.6.   Rabta

L-intestatura “Elementi li jiġġustifikaw ir-rabta mal-ambjent ġeografiku” inkitbet kollha mill-ġdid biex tintwera b’mod aktar evidenti r-rabta bejn il-“Banon” u ż-żona ġeografika tiegħu, mingħajr ma sar tibdil sostanzjali fir-rabta u lanqas ma tneħħew xi elementi. Din id-dimostrazzjoni tenfasizza b’mod partikolari r-rabta bejn l-ambjent ġeografiku Mediterranju favorevoli għat-trobbija tal-mogħoż u għar-ragħa, u l-għarfien partikolari tal-manifattura u l-maturazzjoni meħtieġa biex isir il-“Banon”.

L-ewwel parti tiddeskrivi l-ispeċifiċità taż-żona ġeografika, u tispjega l-fatturi naturali taż-żona ġeografika kif ukoll il-fatturi umani billi tenfasizza l-għarfien speċifiku tat-trobbija tal-mogħoż u tal-manifattura tal-ġobnijiet.

It-tieni parti tiddeskrivi l-ispeċifiċità tal-prodott billi tenfasizza ċerti elementi introdotti fid-deskrizzjoni tal-prodott.

Fl-aħħar nett, l-aħħar parti tispjega r-rabta kawżali, jiġifieri l-interazzjonijiet bejn il-fatturi naturali u umani u l-prodott.

Ir-rabta kollha li tidher fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-DOP hija ripetuta fil-punt 5 tad-Dokument Uniku.

5.7.   Tikkettar

Fl-intestatura “Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar”, il-frażi “ta’ denominazzjoni” għall-ġobnijiet tneħħiet peress li din l-intestatura u l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott inġenerali jirrigwardaw biss ġobnijiet tad-denominazzjoni ta’ oriġini; għaldaqstant hija frażi inutli.

Din l-emenda saret ukoll fid-Dokument Uniku.

5.8.   Modifiki oħra

Fl-intestatura “Grupp applikant”: id-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp ġew emendati.

Fl-intestatura “Referenzi għall-korp ta’ kontroll”, l-isem u d-dettalji tal-korpi uffiċjali ta’ kontroll ġew aġġornati. Din l-intestatura ssemmi d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti ta’ kontroll Franċiżi: L-Institut national de l’origine et de la qualité (INAO) u d-Direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes (DGCCRF). Ġie miżjud li l-isem u d-dettalji tal-korp ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit tal-INAO u fuq il-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea.

It-tabella tal-punti ewlenin li jridu jiġu kkontrollati ġiet aġġornata biex tinkludi emenda introdotta (it-tneħħija tat-temperatura massima tat-tisħin mill-ġdid), u ġie miżjud punt ewlieni ieħor li jrid jiġi kkontrollat, skont l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ, li jirrigwarda t-tip ta’ ħalib (ħalib mhux ipproċessat u sħiħ, mhux standardizzat fi proteini u xaħam)

DOKUMENT UNIKU

“BANON”

Nru tal-UE: PDO-FR-0290-AM02 – 10.1.2018

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Banon”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott bid-denominazzjoni msemmija fil-punt 1

Il-“Banon” huwa ġobon b’polpa ratba magħmul mill-ħalib tal-mogħża mhux imsajjar u sħiħ. Dan jinkiseb permezz tal-produzzjoni tal-baqta’ b’mod rapidu (baqta’ biż-żieda tal-kimożina). Il-ġobon maturat jitgeżwer (jiġifieri jitgħatta għal kollox b’weraq mitwi madwaru) b’weraq naturali kannella tas-siġra tal-qastan, marbut b’raffja naturali li tikkonsisti minn 6 sa 12-il fibra.

Il-“Banon”, wara mill-inqas 15-il jum ta’ maturazzjoni, li minnhom 10 ijiem ikunu taħt il-weraq, ikollu polpa omoġenja, kremuża u ratba. Il-qoxra tiegħu hija ta’ lewn isfar fil-krema jew lewn il-bronż taħt il-weraq. Huwa ġobon ikkaratterizzat minn ħjiliet ta’ annimali, l-aktar il-mogħoż, li spiss huma akkumpanjati minn irwejjaħ ta’ ammonijaka u ta’ pjanti u siġar żgħar, bi ftit imrar fl-aħħar. Il-konsistenza tiegħu hija kremuża u ddub fil-ħalq. Id-dijametru tal-ġobon bil-weraq huwa ta’ bejn 75 u 85 mm, u t-tul huwa ta’ bejn 20 u 30 mm. Il-piż nett tal-“Banon” mingħajr il-weraq u wara l-perjodu tal-maturazzjoni huwa ta’ bejn 90 u 110 g.

Il-ġobon fih ta’ mill-inqas 40 gramma ta’ materjal niexef għal 100 gramma ta’ ġobon u 40 gramma ta’ materjal xaħmi għal kull 100 gramma ta’ ġobon wara tnixxif totali.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Ir-razzjon bażiku tal-għalf tal-mogħoż jiġi essenzjalment miż-żona ġeografika. Din hija kkostitwita esklużivament mir-ragħa fil-mergħat u/jew bwar, għalf niexef ta’ legumuniżi u/jew ta’ ħaxix u/jew ta’ flora spontanja miżmuma f’kundizzjonijiet tajbin.

Meta l-kundizzjonijiet klimatiċi u l-istadju tal-veġetazzjoni jkunu jippermettu, il-mogħoż għandhom ikunu fil-mergħat u/jew fil-bwar. Huma għandhom jirgħu b’mod regolari fil-bwar u l-mergħat taż-żona għal mill-inqas 210 ijiem fis-sena.

Huma għandhom jirgħu:

fil-mergħat komposti minn speċji spontanji annwali jew perenni, bis-siġar, siġar baxxi jew ħaxix;

fuq il-bwar permanenti bi flora indiġena;

fuq il-mergħat temporanji ta’ ħaxix, leguminużi jew imħalltin.

Għal ta’ mill-inqas 4 xhur fis-sena għandhom jieħdu l-biċċa l-kbira tal-ikel gross tagħhom mir-ragħa.

Matul il-perjodu fejn ir-razzjon gross irid ikun ikkostitwit fil-biċċa l-kbira mir-ragħa, is-sehem ta’ tiben ma għandux jaqbeż 1,25 kg ta’ materja prima kuljum u għal kull mogħża adulta preżenti.

L-għoti tat-tiben huwa llimitat għal 600 kg ta’ materjal mhux ipproċessat għal kull mogħża adulta preżenti fis-sena.

Id-distribuzzjoni tal-għalf aħdar mill-mejjilla huwa awtorizzat biss għal 30 jum mhux konsekuttivi fis-sena.

L-għoti ta’ supplimenti huwa llimitat għal 800 g ta’ materja prima kuljum għal kull mogħża adulta preżenti u għal 270 kg ta’ materja prima fis-sena għal kull mogħża adulta preżenti.

Ir-razzjon supplimentari annwali għandu jkun kompost ta’ mill-inqas minn 60 % ċereali jew prodotti sekondarji taċ-ċereali. L-għoti ta’ xnien deidrat huwa llimitat għal 400 g ta’ materja prima kuljum għal kull mogħża adulta preżenti u għal 60 kg ta’ materja prima fis-sena għal kull mogħża adulta preżenti.

L-għoti ta’ għalf u ta’ xnien deidrat minn barra ż-żona ġeografika huwa llimitat għal 250 kg ta’ materja prima fis-sena għal kull mogħża adulta preżenti.

L-għalf miżmum fis-silo, l-għalf marbut b’qafla u l-kruċiferi tal-għalf huma pprojbiti.

Fl-għalf tal-annimali huma awtorizzati biss il-pjanti, il-prodotti sekondarji u l-għalf komplementari derivat minn prodotti mhux transġeniċi. It-tħawwil ta’ kultivazzjonijiet transġeniċi huwa projbit fl-uċuħ kollha ta’ azjenda li tipproduċi ħalib li huwa maħsub biex jiġi pproċessat f’Banon DOP. Din il-projbizzjoni hija maħsuba għal kull speċi veġetali li tista’ tingħata bħala għalf lill-annimali tal-ħalib tal-azjenda, u kull kultura ta’ speċi li tista’ tikkontaminahom.

Fl-impriża agrikola l-erja fejn tintgħalef il-merħla tal-mogħoż għandha tkun ta’ mill-inqas ettaru ta’ mergħa naturali u/jew artifiċjali għal kull tmien mogħżiet u ta’ ettaru ta’ mergħa għal kull żewġ mogħżiet.

Rigward il-provenjenza tal-għalf, minħabba l-fatturi naturali taż-żona ġeografika, il-produzzjoni ta’ konċentrati hija diffiċli u dik tal-għalf hija limitata. Peress li l-oriġini tal-konċentrati mhijiex speċifikata, jistgħu jkunu ġejjin minn barra ż-żona ġeografika. Ir-razzjon bażiku jiġi essenzjalment miż-żona ġeografika, iżda jista’ jitqassam ukoll tiben li jkun ġej minn barra ż-żona ġeografika lill-mogħoż.

Il-limitazzjoni tal-kwantità ta’ konċentrati u l-limitazzjoni tal-kwantità ta’ tiben li jista’ jiġi minn barra ż-żona ġeografika jfissru li l-parti l-kbira tal-għalf ġejja miż-żona.

Fil-fatt, il-provvisti li jistgħu jiġu minn barra ż-żona ġeografika jirrappreżentaw għal kull mogħża u kull sena:

250 kg ta’ materja prima tal-għalf u ta’ xnien deidrat jew madwar 213 kg ta’ materja niexfa (190 kg ta’ għalf b’rata medja ta’ 84 % materja niexfa jikkorrispondu għal 160 kg ta’ materja niexfa, u 60 kg ta’ xnien deidrat b’rata medja ta’ 89 % materja niexfa jikkorrispondu għal 53 kg ta’ materja niexfa),

250 kg ta’ materjal niexef minn konċentrati (ekwivalenti għal 270 kg ta’ materja prima) minn barra ż-żona ġeografika għal kull mogħża u kull sena.

Meta wieħed iqis li mogħża għandha kapaċità medja annwali ta’ inġestjoni ta’ 1 100 kg il-proporzjon ta’ għalf li ġej miż-żona ġeografika jirrappreżenta għalhekk mill-inqas 58 % (f’materja niexfa).

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-ħalib, il-manifattura, il-maturazzjoni tal-ġobon isiru fiż-żona ġeografika deskritta fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih tirreferi d-denominazzjoni

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem

Kull ġobon jiġi kkummerċjalizzat b’tikketta individwali li tkun tinkludi l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini, miktub b’karattri ta’ dimensjoni ta’ mill-inqas daqs kull karattru ieħor li jinsab fuq it-tikketta.

L-użu tas-simbolu DOP tal-Unjoni Ewropea huwa obbligatorju fit-tikkettjar tal-ġobon li jibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Banon”.

L-isem “Banon” għandu jidher b’mod obbligatorju fuq il-fatturi u d-dokumenti kummerċjali.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija komposta mill-communes segwenti:

Id-département ta’ Alpes-de-Haute-Provence (04)

Il-communes kollha inklużi fiż-żona: Aiglun, Allemagne-en-Provence, Archail, Aubenas-les-Alpes, Aubignosc, Banon, Barras, Beaujeu, Bevons, Beynes, Bras-d’Asse, Brunet, Céreste, Champtercier, Châteaufort, Châteauneuf-Miravail, Châteauneuf-Val-Saint-Donat, Châteauredon, Clamensane, Cruis, Curel, Dauphin, Digne-les-Bains, Draix, Entrepierres, Entrevennes, Esparron-de-Verdon, Estoublon, Fontienne, Forcalquier, Hautes-Duyes, La Javie, La Motte-du-Caire, Lardiers, La Rochegiron, Le Brusquet, Le Castellard-Mélan, Le Castellet, Le Chauffaut-Saint-Jurson, L’Escale, Les Omergues, L’Hospitalet, Limans, Malijai, Mallefougasse-Augès, Mallemoisson, Mane, Marcoux, Mézel, Mirabeau, Montagnac-Montpezat, Montfuron, Montjustin, Montlaux, Montsalier, Moustiers-Sainte-Marie, Nibles, Niozelles, Noyers-sur-Jabron, Ongles, Oppedette, Peipin, Pierrerue, Pierrevert, Puimichel, Puimoisson, Quinson, Redortiers, Reillanne, Revest-des-Brousses, Revest-du-Bion, Revest-Saint-Martin, Riez, Roumoules, Sainte-Croix-à-Lauze, Sainte-Croix-du-Verdon, Saint-Étienne-les-Orgues, Saint-Jeannet, Saint-Julien-d’Asse, Saint-Jurs, Saint-Laurent-du-Verdon, Saint-Maime, Saint-Martin-de-Brômes, Saint-Martin-les-Eaux, Saint-Michel-l’Observatoire, Saint-Vincent-sur-Jabron, Salignac, Saumane, Sigonce, Simiane-la-Rotonde, Sisteron, Sourribes, Thoard, Vachères, Valbelle, Valernes, Villemus u Volonne.

Il-communes li jinsabu parzjalment fiż-żona: Château-Arnoux-Saint-Auban, Ganagobie, Gréoux-les-Bains, La Brillanne, Les Mées, Lurs, Manosque, Montfort, Oraison, Peyruis, Valensole, Villeneuve u Volx.

Għal dawn il-communes, il-limitu taż-żona ġeografika jinsab fil-pjanti ddepożitati mal-kunsill lokali tal-communes ikkonċernati.

Id-département ta’ Hautes-Alpes (05)

Barret-sur-Méouge, Bruis, Chanousse, Val Buëch-Méouge (għat-territorju ta’ dik li qabel kienet il-commune ta’ Châteauneuf-de-Chabre), Éourres, Étoile-Saint-Cyrice, Garde-Colombe, La Piarre, Laragne-Montéglin, Le Bersac, L’Épine, Méreuil, Montclus, Montjay, Montmorin, Montrond, Moydans, Nossage-et-Bénévent, Orpierre, Ribeyret, Rosans, Saint-André-de-Rosans, Sainte-Colombe, Sainte-Marie, Saint-Pierre-Avez, Saléon, Salérans, Serres, Sigottier, Sorbiers, Trescléoux.

Id-département ta’ Drôme (26)

Aulan, Ballons, Barret-de-Lioure, Eygalayes, Ferrassières, Izon-la-Bruisse, Laborel, Lachau, La Rochette-du-Buis, Mévouillon, Montauban-sur-l’Ouvèze, Montbrun-les-Bains, Montfroc, Montguers, Reilhanette, Rioms, Saint-Auban-sur-l’Ouvèze, Séderon, Vers-sur-Méouge, Villebois-les-Pins, u Villefranche-le-Château.

Id-département ta’ Vaucluse (84)

Aurel, Auribeau, Buoux, Castellet, Gignac, Lagarde-d’Apt, Monieux, Saignon, Saint-Christol, Saint-Martin-de-Castillon, Saint-Trinit, Sault, Sivergues u Viens.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-“Banon” joriġina fl-Haute-Provence madwar il-komun ta’ Banon. Dan huwa post semi-muntanjuż niexef b’pajsaġġi magħmulin minn għoljiet u altipjani bi klima Mediterranja.

Iż-żona hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ ilma, l-ilma ta’ taħt l-art jinsab midfun fil-fond ħafna u l-ilma tal-wiċċ huwa soġġett għal xita eċċezzjonali u ferm irregolari kkonċentrata prinċipalment fil-ħarifa u fir-rebbiegħa, b’nuqqas kbir fis-sajf.

Iż-żona tal-“Banon” hija kkaratterizzata minn artijiet li mhumiex wisq fertili, essenzjalment tal-ġir, u permeabbli, li għandhom kapaċità eċċezzjonali li jassorbu x-xita.

Dan huwa ambjent fejn insibu taħlita ta’ veġetazzjoni tal-foresti b’densità baxxa inklużi siġar taż-żnuber, ballut, is-siġra buxus u pjanti li jfewħu, imsaġar folti u siġar baxxi mxerrda u kultivazzjonijet adattati għall-ħruxija ta’ klima tal-Provence f’altitudni medja, niexfa, xemxija, spiss pjuttost kiesħa fix-xitwa u li toffri spazji favorevoli għar-ragħa fl-aħrax ta’ merħliet ta’ mogħoż.

Il-kundizzjonijiet naturali ta’ dan ir-reġjun jispjegaw il-fatt li l-ekonomija ġenerali ta’ din iż-żona hija favorevoli għar-ragħa u għall-kultivazzjonijiet li jrendu ftit.

Għal min irabbi l-mogħoż, il-mergħat tar-ragħa u tal-għalf huma l-bażi tal-ikel tal-mogħoż. B’hekk, dawk li jrabbu l-mogħoż stabbilixxew sistema partikolari ta’ produzzjoni li tikkombina din id-diversità ta’ riżorsi naturali. Ir-ragħa tikkombina tliet tipi ta’ riżorsi: mergħat naturali, boskijiet u leguminużi rikki fin-nitroġenu. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li jrabbu l-mogħoż joqogħdu għassa magħhom, li jippermettilhom, skont kemm jieklu fl-aħrax u l-avvanz tal-istaġun, li jikkumplimentaw l-ikel tagħhom billi jirgħu fil-mergħat tas-sainfoin jew tax-xnien.

Provence tinsab f’żona ta’ kultura “tal-kimożina”, meta mqabbla mat-Tramuntana ta’ Franza fejn tiddomina kultura “lattika” (koagulazzjoni bil-mod ta’ madwar 24 siegħa). Sa mis-seklu XV, kienu jiġu offruti lir-Re René “ġobniet żgħar rotob, kimożini”; ir-referenza għall-kimożina hija ċara.

Tradizzjonalment, l-għarbiela użati fi Provence kien ikollhom toqob kbar, li jindika li l-baqta’ kienet miksuba bil-kimożina (baqta’ lattika “taħrab” minn dawk l-għarbiela).

Barra minn hekk, il-kisi tal-ġobon bil-weraq, li huwa partikolari għall-“Banon”, għandu żewġ għanijiet: minn naħa waħda, huwa teknika ta’ konservazzjoni, u min-naħa l-oħra, huwa teknika ta’ produzzjoni. Dan huwa pproċessar ta’ ġobon frisk li jqis kemm l-iskop li jiġi kkonservat kif ukoll li jittejjeb il-ġobon.

L-ipproċessar tal-prodott jikkonsisti prinċipalment f’li jintrabat mal-weraq tal-qastan u “jitgeżwer”. Dan il-metodu jikkaratterizza l-bidla tal-ġobna f’“Banon”. Dan il-weraq għandu rwol bħala fattur ta’ iżolament tal-arja u għandu rwol ta’ adġuvant, peress li jippermetti l-iżvilupp ta’ karatteristiċi aromatiċi tal-ġobon.

Għalkemm diversi weraq jistgħu jiġu assoċjati mal-ġobon (dielja, qastan, platanus, ġewż…), jintużaw il-weraq tal-qastan, minħabba s-sodezza tal-istruttura tagħhom u l-kwalità tat-tannin tagħhom.

L-istorja tal-“Banon” tmur lura għal tmiem is-seklu XIX. Fuq din l-art b’potenzjal agronomiku dgħajjef, il-pajżani ppruvaw japprofittaw bl-aħjar mod mir-riżorsi ambjentali naturali batuti: il-polikultivazzjoni ta’ sussistenza fuq xi ftit pakketti ta’ raba’ tajbin, u fiż-żoni aktar selvaġġi tal-foresta jew tal-art, ġbir tal-injam, annimali tal-kaċċa, faqqiegħ, frott żgħir, tartufi jew lavender. Minbarra majjal u ftit tjur, kull familja kienet trabbi wkoll merħla żgħira domestika komposta minn nagħaġ kif ukoll xi mogħoż, annimali li huma utli kemm fuq l-art, fejn jagħmlu l-aħjar użu mill-art u mill-boskijiet tal-madwar, kif ukoll mill-funzjonalità ekonomika tagħhom. Waqt li l-muntun jintuża għal-laħam, il-mogħża fil-kwalità tagħha bħala “baqra tal-fqar” qiegħda hemmhekk biex tipproduċi l-ħalib. Dak il-ħalib iservi għall-bżonnijiet tal-familja fi stat frisk u jiġi ttrasformat ukoll f’ġobon, l-uniku mod kif jista’ jiġi pprolongat il-valur nutrittiv tiegħu.

Jekk il-ġobon ikun għal użu domestiku, il-valur kummerċjali tiegħu jiġi mill-ammont żejjed tal-produzzjoni li ma kienx għall-konsum tal-familja. Dak l-ammont żejjed tal-produzzjoni b’hekk jittieħed lejn is-swieq lokali biex jinbiegħ.

Huwa f’dan il-kuntest li Banon, il-post prinċipali tal-canton u ċentru ġeografiku tal-pajjiżi ta’ Lure u Albion, salib it-toroq ta’ komunikazzjoni importanti, jieħu postu bħala l-aktar wieħed importanti minn dawn il-postijiet ta’ fieri u swieq tal-ġobon.

L-ewwel referenza għal ġobon tal-mogħoż miksi bil-weraq, assoċjat mal-isem “Banon”, tinsab fil-Cuisinière provençale ta’ Marius MORARD fl-1886.

Il-perjodu ta’ wara l-gwerra kien ikkaratterizzat mill-introduzzjoni progressiva ta’ progress tekniku fil-metodi ta’ manifattura tal-ġobon. Il-merħliet tal-mogħoż bdew isiru speċjalizzati, u kien hemm ħruġ mill-qafas tal-produzzjoni domestika: waqt li qabel il-produzzjoni tal-ġobon kienet issir prinċipalment bħala ikel għall-familja, u fuq bażi sekondarja biex jinbiegħ, f’dan l-istadju l-ġdid il-produzzjoni bdiet issir prinċipalment għall-bejgħ (waqt li ż-żejjed jintuża bħala ikel għall-familja).

Jekk wieħed jirreferi għall-istudju ta’ JM MARIOTTINI “A la Recherche d’un fromage: le ‘Banon’ - éléments d’histoire et d’ethnologie”, il-“Banon” minn dejjem kien ġobon b’teknoloġija ta’ kimożina, u jibqa’ wieħed mill-ġobnijiet rari maħduma permezz ta’ din it-teknika.

Il-“Banon” huwa ġobon b’polpa ratba magħmul mill-ħalib tal-mogħża mhux imsajjar u sħiħ. Jinkiseb permezz tal-produzzjoni tal-baqta b’mod rapidu (baqta tal-kimożina jew baqta ħelwa). Il-ġobon maturat jitgeżwer (jiġifieri jitgħatta għal kollox b’weraq naturali kannella tas-siġra tal-qastan, marbut b’raffja naturali li tikkonsisti minn 6 sa 12-il fibra).

Il-“Banon” huwa kkaratterizzat minn:

qoxra ta’ lewn isfar fil-krema jew lewn il-bronż taħt il-weraq;

qalba b’konsistenza kremuża u li tinħall fil-ħalq;

ħjiliet ta’ annimali, l-aktar il-mogħoż, li spiss huma akkumpanjati minn irwejjaħ ta’ ammonijaka u ta’ pjanti u siġar żgħar, bi ftit imrar fl-aħħar.

Iż-żona ġeografika tinsab taħt influwenza Mediterranja b’art mhux wisq fertili, komposta prinċipalment minn ġebel tal-ġir, li spiss jidher mill-wiċċ u ma jżommx l-ilma. Dawn l-elementi jwasslu għal veġetazzjoni kkostitwita minn xagħri kompost minn xewk, żagħrun, pruna selvaġġa, warda tal-blat, ġniebru, lavanda, ħabaq selvaġġ, sagħtar… u qastan. Dan huwa ambjent ideali għat-trobbija tal-mogħoż u l-prattika tar-ragħa.

It-teknika tal-baqta’ ħelwa hija imposta mill-kundizzjonijiet klimatiċi (temperatura għolja u nixfa tal-klima ambjentali). Effettivament, huwa impossibbli f’dan ir-reġjun, mingħajr mezzi tekniċi speċifiċi, li jiġi mkessaħ il-ħalib u li jinżamm f’temperatura baxxa, biex il-fermenti lattiċi jitħallew jaġixxu mingħajr ma jiqras. B’hekk irid jiġi attivat il-proċess li permezz tiegħu l-ħalib isir baqta’, jiġifieri l-koagulazzjoni, permezz tal-kimożina.

It-tgeżwir tal-ġobniet kien jgħin biex ikun hemm ikel għas-sena sħiħa, u b’mod partikolari l-perjodu diffiċli tax-xitwa fejn il-mogħoż ikunu xotti.

Il-“Banon” huwa r-riżultat tat-taħlita ta’ dawn il-fatturi kollha: ambjent fqir favorevoli għat-trobbija estensiva tal-mogħoż u vvalorizzat mill-bniedem, klima sħuna u niexfa li twassal naturalment għall-prattika ta’ baqta bil-kimożina, u teknika ta’ pproċessar (it-tgeżwir) li tippermetti l-konservazzjoni tal-ġobon fit-tul.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-3ab11b39-00cf-48f7-a2b3-ac5e71b90836


Top