Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0490

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/490 tal-25 ta' Marzu 2019 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (notifikata bid-dokument C(2019) 2347) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/2347

    ĠU L 84, 26.3.2019, p. 37–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/490/oj

    26.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 84/37


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/490

    tal-25 ta' Marzu 2019

    li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri

    (notifikata bid-dokument C(2019) 2347)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 (3) ġiet adottata wara t-tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 f'għadd ta' Stati Membri (“l-Istati Membri kkonċernati”), u l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (4).

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tipprevedi li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont id-Direttiva 2005/94/KE jenħtieġ li jinkludu mill-anqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tistipula wkoll li l-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, kif previst fl-Artikolu 29(1) u fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE, jenħtieġ li jinżammu mill-inqas sad-dati għal dawk iż-żoni stabbiliti fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

    (3)

    Mid-data tal-adozzjoni tagħha 'l hawn, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata diversi drabi biex jitqiesu l-iżviluppi fis-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tal-influwenza avjarja. B'mod partikolari, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/696 (5) sabiex jiġu stabbiliti r-regoli dwar id-dispaċċ tal-konsenji ta' flieles ta' ġurnata miż-żoni elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247. Dik l-emenda qieset il-fatt li hemm riskju baxx ħafna li l-flieles ta' ġurnata jxerrdu l-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja meta mqabbla ma' prodotti bażiċi oħra tat-tjur.

    (4)

    Sussegwentement, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata wkoll bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1841 (6) sabiex jissaħħu l-miżuri ta' kontroll tal-mard applikabbli fejn hemm riskju akbar li tinxtered l-influenza avjarja b'patoġeniċità għolja. Għaldaqstant, issa d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tipprevedi l-istabbiliment fil-livell tal-Unjoni ta' żoni ristretti oħra fl-Istati Membri kkonċernati, kif imsemmi fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2005/94/KE, wara tifqigħa jew tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja, u d-durata tal-miżuri li jridu jiġu applikati fihom. Issa d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tistipula wkoll ir-regoli għad-dispaċċ tat-tjur ħaj, tal-flieles ta' ġurnata u tal-bajd għat-tifqis miż-żoni ristretti l-oħra lejn Stati Membri oħra, skont ċerti kundizzjonijiet.

    (5)

    Barra minn hekk, l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġie emendat diversi drabi, l-aktar biex jitqiesu l-bidliet fil-konfini taż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati skont id-Direttiva 2005/94/KE.

    (6)

    L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġie emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1842 (7), wara n-notifika mill-Bulgarija dwar tifqigħat oħrajn tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja fl-azjendi tat-tjur fir-reġjuni ta' Haskovo u Stara Zagora ta' dak l-Istat Membru. Il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni wkoll li ħadet il-miżuri neċessarji meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE wara li seħħew dawk it-tifqigħat, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-azjendi tat-tjur infettati.

    (7)

    Mid-data li fiha saret l-aħħar emenda tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1842 'l hawn, il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa ġdida ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 fir-reġjun ta' Lovech ta' dak l-Istat Membru.

    (8)

    Il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni wkoll li ħadet il-miżuri neċessarji meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE wara li seħħet din it-tifqigħa ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja fir-reġjun ta' Lovech, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-azjenda tat-tjur infettata f'dak l-Istat Membru.

    (9)

    Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri f'kollaborazzjoni mal-Bulgarija, u l-Kummissjoni hija sodisfatta li l-konfini taż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, stabbiliti mill-awtorità kompetenti tal-Bulgarija, jinsabu 'l bogħod biżżejjed mill-azjendi tat-tjur fejn ġiet ikkonfermata t-tifqigħa reċenti.

    (10)

    Biex ikun evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex ikunu evitati l-ostakli għall-kummerċ mhux ġustifikati u imposti minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, flimkien mal-Bulgarija, jiġu deskritti malajr iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti fil-Bulgarija, skont id-Direttiva 2005/94/KE, wara t-tifqigħa l-ġdida tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'dak l-Istat Membru.

    (11)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tiġi aġġornata sabiex titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika aġġornata fil-Bulgarija, fir-rigward tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja. B'mod partikolari, jenħtieġ li fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 jiġu elenkati ż-żoni l-ġodda ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Bulgarija li ġew stabbiliti u li issa huma soġġetti għar-restrizzjonijiet tal-moviment skont id-Direttiva 2005/94/KE.

    (12)

    Jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 jiġi emendat bl-aġġornament tar-reġjonalizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jinkludi ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti fil-Bulgarija, skont id-Direttiva 2005/94/KE, wara t-tifqigħa l-ġdida tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'dak l-Istat Membru, kif ukoll id-durata tar-restrizzjonijiet applikabbli fihom.

    (13)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tiġi emendata skont dan.

    (14)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Marzu 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 tad-9 ta' Frar 2017 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 36, 11.2.2017, p. 62).

    (4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/696 tal-11 ta' April 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 101, 13.4.2017, p. 80).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1841 tal-10 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 261, 11.10.2017, p. 26).

    (7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1842 tat-22 ta' Novembru 2018 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 298, 23.11.2018, p. 65).


    ANNESS

    L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-Parti A, l-entrata għall-Bulgarija hija sostitwita b'dan li ġej:

    Stat Membru: Il-Bulgarija

    Żona li tkopri:

    Id-data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2005/94/KE

    Ir-reġjun ta' Lovech:

    Il-muniċipalità ta' Lovech:

    Lisets

    Bahovitsa

    12.4.2019”

    (2)

    Fil-Parti B, l-entrata għall-Bulgarija hija sostitwita b'dan li ġej:

    Stat Membru: Il-Bulgarija

    Żona li tkopri:

    Id-data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

    Ir-reġjun ta' Lovech:

    Il-muniċipalità ta' Lovech:

    Lisets

    Bahovitsa

    Mit-13.4.2019 sal-21.4.2019

    Il-muniċipalità ta' Lovech:

    Lovech

    Slavyani

    Slatina

    Goran

    Umarevtsi

    Presyaka

    Izvorche

    Radyuvene

    Skobelevo

    21.4.2019

    Ir-reġjun ta' Pleven:

    Il-muniċipalità ta' Pleven:

    Nikolaevo

    21.4.2019”


    Top