Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018Y0921(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-16 ta’ Lulju 2018 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (BERS/2018/5)

    ĠU C 338, 21.9.2018, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 338/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

    tas-16 ta’ Lulju 2018

    li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

    (BERS/2018/5)

    (2018/C 338/01)

    IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 458 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3), u b’mod partikolari l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Sabiex jiġu żgurati miżuri ta’ politika makroprudenzjali nazzjonali effettivi u konsistenti, huwa importanti li tiġi kkumplimentata r-reċiproċità obbligatorja meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni b’reċiproċità volontarja.

    (2)

    Il-qafas dwar reċiproċità volontarja għal miżuri tal-politika makroprudenzjali stipulat fir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4) għandu jiżgura li l-miżuri kollha tal-politika makroprudenzjali bbażati fuq skopertura attivati fi Stat Membru wieħed ikunu rreċiprokati fl-Istati Membri l-oħrajn.

    (3)

    Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2017/4 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5) tirrakkomanda lill-awtorità li tattiva rilevanti biex tipproponi limitu massimu ta’ materjalità meta tissottometti talba għal reċiproċità lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), li taħtu l-iskopritura tal-fornitur tas-servizz finanzjarju individwali għar-riskju makroprudenzjali identifikat fil-ġurisdizzjoni fejn il-miżura ta’ politika makroprudenzjali hija applikata mill-awtorità ta’ attivazzjoni tista’ titqies bħala mhux materjali. It-Tim ta’ Valutazzjoni permanenti tal-BERS, stabbilit taħt id-Deċiżjoni BERS/2015/4 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (6), jista’ jirrakkomanda limitu differenti jekk dan jitqies meħtieġ.

    (4)

    Mit-30 ta’ April 2018, istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju u li jużaw l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni biex jikkalkulaw ir-rekwiżiti ta’ kapital regolatorju huma soġġetti, skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għal żieda ta’ piż għar-riskju għal skoperturi tal-imnut assigurati minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, magħmula minn: (a) żieda fissa ta’ piż għar-riskju ta’ 5 punti perċentwali; u (b) żieda proporzjonali tal-piż għar-riskju li tikkonsisti f’frazzjoni (33 fil-mija) tal-medja peżata mill-iskopertura tal-piżijiet għar-riskju.

    (5)

    Wara t-talba mill-Belġju lill-BERS skont l-Artikolu 458(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u sabiex ma jkunx hemm il-materjalizzazzjoni ta’ effetti transkonfinali negattivi f’forma ta’ tnixxijiet u arbitraġġ regolatorju li jista’ jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-miżura makroprudenzjali tal-politika applikata fil-Belġju skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-Bord Ġenerali tal-BERS iddeċieda li jinkludi din il-miżura fil-lista ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali li huma rakkomandati li jiġu rreċiprokati taħt ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2.

    (6)

    Għalhekk, ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    EMENDI

    Id-Deċiżjoni BERS/2015/2 hija emendata kif ġej:

    1.

    Fit-Taqsima 1, is-subrakkomandazzjoni C(1) hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “1.

    L-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżuri tal-politika makroprudenzjali adottati minn awtoritajiet rilevanti oħrajn u rrakkomandati għal reċiprokazzjoni mill-BERS. Huwa rrakkomandat li l-miżuri li ġejjin, kif deskritt aktar fl-Anness, jiġu rreċiprokati:

    L-Estonja:

    rata tar-riżerva tar-riskju sistemiku ta’ 1 fil-mija applikata skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE għall-iskoperturi domestiċi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Estonja;

    Il-Finlandja

    perċentwali minima ta’ 15 għall-piż għar-riskju medju fuq self ipotekarju residenzjali ggarantit minn ipoteka fuq unitajiet domestiċi fil-Finlandja applikata b’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 lil istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Finlandja, billi jintuża l-metodu ibbażat fuq il-klassifikazzjoni interna (IRB) għal kalkolu tar-rekwiżiti tal kapital regolatorju;

    Il-Belġju:

    żieda ta’ piż għar-riskju għal skoperturi tal-imnut assigurati minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, applikata skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 lil istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju bl-użu tal-Approċċ IRB għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kapital regolatorju u magħmul minn:

    (a)

    żieda fissa ta’ piż għar-riskju ta’ 5 punti perċentwali; u

    (b)

    żieda proporzjonata fil-piż għar-riskju li tikkonsisti fi 33 fil-mija tal-medja peżata tal-iskopertura tal-piżijiet għar-riskju applikati għall-portafoll ta’ skoperturi tal-imnut iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju.”;

    2.

    dan l-Anness jinbidel bl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Lulju 2018.

    Francesco MAZZAFERRO

    Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS

    f’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS


    (1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

    (2)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

    (3)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

    (4)  Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 97, 12.3.2016, p. 9).

    (5)  Rakkomandazzjoni BERS/2017/4 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-24 ta’ Marzu 2015 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 431, 15.12.2017, p. 1).

    (6)  Deċiżjoni BERS/2015/4 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-16 ta’ Diċembru 2015 dwar qafas ta’ koordinazzjoni għan-notifika ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali nazzjonali minn awtoritajiet rilevanti, il-ħruġ ta’ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet mill-BERS, u li tħassar id-Deċiżjoni BERS/2014/2 (ĠU C 97, 12.3.2016, p. 28).


    ANNESS

    Anness

    L-Estonja

    Rata tar-riżerva tar-riskju sistemiku ta’ 1 fil-mija applikata skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE għall-iskoperturi domestiċi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Estonja

    I.   Deskrizzjoni tal-miżura

    1.

    Il-miżura Estonjana tikkostitwixxi rata tar-riżerva tar-riskju sistemiku ta’ 1 fil-mija applikata skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE għall-iskoperturi domestiċi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Estonja.

    II.   Reċiprokazzjoni

    2.

    Meta l-Istati Membri jkunu implimentaw l-Artikolu 134 tad-Direttiva 2013/36/UE fil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżura Estonjana għal skoperturi li jinsabu fl-Estonja ta’ istituzzjonijiet awtorizzati domestikament skont l-Artikolu 134(1) tad-Direttiva 2013/36/UE. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tapplika l-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    3.

    Meta l-Istati Membri ma jkunux implimentaw l-Artikolu 134 tad-Direttiva 2013/36/UE fil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżura Estonjana għal skoperturi li jinsabu fl-Estonja ta’ istituzzjonijiet awtorizzati domestikament skont is-subrakkomandazzjoni C(2). Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti fi żmien sitt xhur.

    Il-Finlandja

    Livell minimu ta’ 15 % speċifikament għal istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-piż għar-riskju medju fuq self iggarantit minn ipoteka fuq unitajiet domestiċi fil-Finlandja applikabbli għal istituzzjonijiet ta’ kreditu billi jintuża l-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjonijiet Interni (IRB) (minn hawn ’il quddiem “istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB”) skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    I.   Deskrizzjoni tal-miżura

    1.

    Il-miżura Finlandiża, applikata b’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, tikkonsisti minn livell minimu ta’ 15 % speċifikament għal istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-piż għar-riskju medju ta’ 15 fil-mija għal istituzjonijiet ta’ kreditu IRB, fil-livell ta’ portafoll, għal self ipotekarju residenzjali ggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja.

    II.   Reċiprokazzjoni

    2.

    B’konformità mal-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati li jirreċiprokaw il-miżura Finlandiża u japplikawha għall-portafolli tal-istituti ta’ kreditu IRB ta’ self ipotekarju għall-konsumatur iggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja, maħruġ minn fergħat domestiċi awtorizzati li jinsabu fil-Finlandja. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tapplika l-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    3.

    Huwa rrakkomandat ukoll lill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura Finlandiża u japplikawha għall-portafolli tal-istituti ta’ kreditu IRB ta’ self ipotekarju għall-konsumatur iggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja, maħruġ direttament b’mod transkonfinali minn istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tapplika l-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    4.

    Skont is-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, il-miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li jkollha l-aktar effett l-aktar ekwivalenti għar-reċiprokazzjoni fuq msemmija, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri u setgħat superviżorji stipulati fit-Titolu VII, Kapitolu 2, Taqsima IV tad-Direttiva 2013/36/UE. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti fi żmien erba’ xhur.

    III.   Livell limitu ta’ materjalità

    5.

    Il-miżura hija kkumplimentata minn livell limitu ta’ materjalità ta’ skopertura ta’ EUR 1 biljun lis-suq tas-self ipotekarju residenzjali fil-FInlandja sabiex tiggwida l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-Istati Membri reċiprokanti.

    6.

    B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lil istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB individwali b’portafolli non-materjali ta’ self ipotekarju għall-konsumatur iggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja li huma taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 1 biljun. F’dan il-każ, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jissorveljaw il-materjalità tal-iskoperturi u huma rrakkomandati li jirreċiprokaw meta istituzzjoni ta’ kreditu IRB taqbeż il-limitu ta’ EUR 1 biljun.

    7.

    Fejn ma hemmx istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB awtorizzati fi Stati Membri kkonċerati oħra b’fergħat li jinsabu fil-Finlandja jew li jipprovdu servizzi finanzjarji direttament fil-Finlandja li għandhom skoperturi ta’ EUR 1 biljun jew aktar għas-suq ipotekarju Finlandiż, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx kif stipulat fit-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2. F’dan il-każ, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jissorveljaw il-materjalità tal-iskoperturi u huma rrakkomandati li jirreċiprokaw meta istituzzjoni ta’ kreditu IRB taqbeż il-limitu ta’ EUR 1 biljun.

    Il-Belġju

    Żieda ta’ piż għar-riskju għal skoperturi tal-imnut ggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, imposta fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju li jużaw l-Approċċ IRB u applikati skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Iż-żieda hija komposta minn żewġ komponenti:

    (a)

    żieda fissa ta’ piż għar-riskju ta’ 5 punti perċentwali; u

    (b)

    żieda proporzjonata fil-piż għar-riskju li tikkonsisti fi 33 fil-mija tal-medja peżata tal-iskopertura tal-piżijiet għar-riskju applikati għall-portafoll ta’ skoperturi tal-imnut ggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju.

    I.   Deskrizzjoni tal-miżura

    1.

    Il-miżura Belġjana, applikata skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u imposta fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju bl-użu tal-Approċċ IRB, tikkonsisti f’żieda ta’ piż għar-riskju għal skoperturi tal-imnut iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, li hija magħmula minn żewġ komponenti:

    (a)

    L-ewwel komponent jikkonsisti f’żieda ta’ 5 punti perċentwali għall-piż għar-riskju għal skoperturi tal-bejgħ bl-imnut garantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju miksuba wara li tiġi kkalkulata t-tieni parti taż-żieda tal-piż għar-riskju skont il-punt (b).

    (b)

    It-tieni komponent jikkonsisti f’żieda fil-piż għar-riskju ta’ 33 fil-mija tal-medja peżata tal-iskopertura tal-piżijiet għar-riskju applikati għall-portafoll ta’ skoperturi tal-imnut iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju. Il-medja peżata għall-iskopertura hija l-medja tal-piżijiet għar-riskju tas-self individwali kkalkulat skont l-Artikolu 154 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, peżat bil-valur tal-iskopertura rilevanti.

    II.   Reċiprokazzjoni

    2.

    Skont l-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżura Belġjana billi japplikawha għal fergħat li jinsabu fil-Belġju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament bl-użu tal-Approċċ IRB fiż-żmien speċifikat fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    3.

    L-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżura Belġjana billi japplikawha għal istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament bl-użu tal-Approċċ IRB li għandu skoperturi diretti bl-imnut assigurati minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju. Skont is-subrakkomandazzjoni C(2), l-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li japplikaw l-istess miżura bħal dik li ġiet implimentata fil-Belġju mill-awtorità li tattiva fiż-żmien speċifikat fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    4.

    Jekk l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali ma hijiex disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li jkollha l-aktar effett ekwivalenti għar-reċiprokazzjoni msemmija hawn fuq, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri u setgħat superviżorji stipulati fit-Titolu VII, Kapitolu 2, Taqsima IV tad-Direttiva 2013/36/UE. L-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li jadottaw il-miżura ekwivalenti sa mhux aktar tard minn erba’ xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    III.   Livell limitu ta’ materjalità

    5.

    Il-miżura hija kkumplimentata minn limitu ta’ materjalità speċifiku għall-istituzzjoni ta’ EUR 2 biljun biex tidderieġi l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura.

    6.

    B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw individwalment lil istituzzjonijiet ta’ kreditu bl-użu tal-Approċċ IRB li jkollhom skoperturi fil-livell tal- bl-imnut iggarantiti minn unitajiet domestiċi fil-Belġju li huma taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun. Meta jiġi applikat il-limitu ta’ materjalità, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jissorveljaw il-materjalità tal-iskoperturi u huma rrakkomandati li japplikaw il-miżura Belġjana għal istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati qabel li jkunu eżentati qabel meta jinkiser il-limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun.

    7.

    Fejn m’hemm l-ebda istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata fl-Istati Membri kkonċernati ma’ fergħat li jinsabu fil-Belġju jew li għandhom skoperturi diretti għall-bejgħ bl-imnut garantiti minn proprjetà immobbli residenzjali fil-Belġju, li jużaw l-Approċċ IRB u li għandhom skoperturi ta’ EUR 2 biljun jew iktar fis-suq tal-proprjetà immobbli residenzjali Belġjan, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu, skont is-Sezzjoni 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx il-miżura Belġjana. F’dan il-każ, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jissorveljaw il-materjalità tal-iskoperturi u huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżura Belġjana meta istituzzjoni ta’ kreditu li tuża l-Approċċ IRB taqbeż il-limitu ta’ EUR 2 biljun.

    8.

    F’konformità mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni ESRB/2015/2, il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun huwa livell minimu ta’ limitu rakkomandat. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu għalhekk japplikaw il-livell limitu rakkomandat, japplikaw livell limitu aktar baxx għall-ġurisdizzjonijiet tagħhom fejn xieraq, jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità.
    ”.

    Top