EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1504

Regolament (UE) 2018/1504 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea

PE/46/2018/REV/1

ĠU L 258, 15.10.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1504/oj

15.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/1


REGOLAMENT (UE) 2018/1504 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Ottubru 2018

li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li jikkooperaw sabiex jaġġornaw u jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3).

(2)

Sabiex jitnaddaf u jitnaqqas il-volum ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, hemm bżonn li tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni li tkun obsoleta jew li ma għadhiex adattata għall-iskop maħsub għaliha. Permezz tat-tħassir ta’ tali leġiżlazzjoni, il-qafas leġiżlattiv jibqa’ trasparenti, ċar u faċli biex jintuża.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jirrikjedi li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-proġetti ta’ investiment li fuqhom inbdiet ħidma ta’ kostruzzjoni jew ta’ dekummissjonar jew li fuqhom ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-investiment.

(4)

L-obbligi skont ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 dwar in-notifika ta’ proġetti ta’ investiment, u ċertu informazzjoni u data relatati ma' tali notifika, kienu ġew stabbiliti qabel fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 (5). Il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 617/2010 (6), għar-raġuni li dan kellu jiġi adottat fuq bażi ġuridika oħra, iżda l-effetti tiegħu nżammu sad-dħul fis-seħħir-Regolament (UE) Nru 256/2014.

(5)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 617/2010 kien maħsub biex jipprovdi lill-Kummissjoni bid-data u bl-informazzjoni dwar l-iżviluppi ppjanati fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, ta’ trażmissjoni u ta’ ħżin, kif ukoll dwar proġetti fis-setturi tal-enerġija. Kien maħsub biex jagħti lill-Kummissjoni stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni.

(6)

Minn mindu nħolqu l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 617/2010 u r-Regolament (UE) Nru 256/2014, saru tliet eżerċizzji ta’ rappurtar, fl-2011, fl-2013 u fl-2015. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet arranġamenti għal studju estern li kellu jitwettaq wara tliet eżerċizzji ta’ rappurtar mill-Istati Membri li saru skont ir-Regolament (UE) Nru 256/2014. Għaldaqstant, għadda biżżejjed żmien u nkisbet esperjenza suffiċjenti biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq analiżi kritika bbażata fuq l-evidenza dwar jekk ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 wassalx għar-riżultati mistennija jew le.

(7)

Fl-2016, il-Kummissjoni wettqet ir-rieżami previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 256/2014, inkluż konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati li tkopri l-obbligi kollha ta’ ppjanar u ta’ rappurtar fis-settur tal-enerġija. Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li kien hemm sovrappożizzjoni sinifikanti bejn l-obbligi ta’ rappurtar tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 u l-obbligi tal-Istati Membri li jirrappurtaw lin-netwerk Ewropew tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (l-“ENTSO-E”) u n-netwerk Ewropew tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass (l-“ENTSOG”). Deher ċar ukoll li l-kwalità u l-adegwatezza tal-informazzjoni u tad-data riċevuti ħafna drabi ma kinux ta' kwalità tajba, u li dik l-informazzjoni u din id-data kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni permezz ta’ sorsi oħra, bħan-netwerk Ewropew tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (l-“ENTSOs”), il-pjanijiet ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk (it-“TYNDPs”), ir-rapporti annwali tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni u ta' kumpaniji tal-utilitajiet u pjanijiet ta’ żvilupp nazzjonali. Barra minn hekk, ġie nnutat li l-Kummissjoni għandha aċċess dirett għal data tas-suq permezz tas-Sistema għall-Osservazzjoni tas-Suq tal-Enerġija (l-“EMOS”).

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 ma wassalx għar-riżultati mistennija f’termini ta’ kwantità, kwalità u adegwatezza tad-data u tal-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 jenħtieġ għalhekk li jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 103.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2018.

(3)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 256/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 61).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 tal-24 ta’ Ġunju 2010 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 7).

(6)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża C-490/10, il-Parlament v il-Kunsill ECLI:EU:C:2012:525.


Top