EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1475

Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

PE/47/2018/REV/1

ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0888

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1475/oj

4.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/1


REGOLAMENT (UE) 2018/1475 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-2 ta' Ottubru 2018

li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165(4) u 166(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Is-solidarjetà fost iċ-ċittadini tal-Unjoni u fost l-Istati Membri hija waħda mill-valuri universali li fuqhom hija mibnija l-Unjoni. Dan il-valur komuni jiggwida l-azzjonijiet tal-Unjoni u jipprovdiha bl-unità neċessarja biex tindirizza l-isfidi kurrenti u tal-ġejjieni tas-soċjetà, li ż-żgħażagħ Ewropej huma lesti li jgħinu jindirizzaw billi jesprimu s-solidarjetà tagħhom fil-prattika. Is-solidarjetà tistimola wkoll l-interess taż-żgħażagħ fil-proġett komuni Ewropew. Il-prinċipju tas-solidarjetá huwa minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fil-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Matul id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta' Settembru 2016, kien enfasizzat li hemm bżonn li ninvestu fiż-żgħażagħ u kien imħabbar li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà kellu jiġi stabbilit bl-għan li jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Unjoni biex dawn jagħtu kontribut sinifikanti lis-soċjetà, juru solidarjetà u jiżviluppaw il-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien tagħhom, u b'hekk jiksbu esperjenza umana imprezzabbli, li hija essenzjali wkoll biex tinħoloq ċittadinanza tal-Unjoni attiva u impenjata.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-7 ta' Diċembru 2016 intitolata “Korp Ewropew ta' Solidarjetà”, il-Kummissjoni saħqet fuq il-bżonn li jissaħħu l-pedamenti għal ħidma ta' solidarjetà madwar l-Ewropa, biex iż-żgħażagħ jiġu pprovduti b'iktar opportunitajiet u ta' kwalità aħjar għall-attivitajiet ta' solidarjetà ta' kwalità għolja li jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma, u biex jingħata appoġġ lill-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali, fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw sfidi u kriżijiet differenti. Dik il-Komunikazzjoni nediet l-ewwel fażi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li fiha kienu mobilizzati programmi differenti tal-Unjoni biex joffru opportunitajiet ta' volontarjat, traineeships jew impjiegi liż-żgħażagħ mal-Unjoni. Dawn l-attivitajiet ta' solidarjetà, kemm jekk implimentati qabel jew inkella wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkomplu japplikaw ir-regoli u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-programmi rispettivi tal-Unjoni li ffinanzjawhom fl-ewwel fażi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

(4)

Fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, is-solidarjetà taf tinftiehem bħala sens ta' responsabbiltà min-naħa ta' kulħadd fir-rigward ta' kulħadd sabiex wieħed jimpenja ruħu għall-ġid komuni, li huwa espress permezz ta' azzjonijiet konkreti mingħajr ma jkun mistenni servizz lura bħala tpattija.

(5)

Jenħtieġ li ż-żgħażagħ jiġu pprovduti b'opportunitajiet li jkunu faċilment aċċessibbli biex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' solidarjetà ta' kwalità għolja b'dimensjoni qawwija Ewropea bħala mezz biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni, is-solidarjetà, l-inklużjoni soċjali u d-demokrazija fil-pajjiżi parteċipanti għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali, filwaqt li jtejbu l-kompetenzi tagħhom għall-iżvilupp personali tagħhom, u b'hekk iħeġġu l-kunfidenza fihom infushom, l-awtonomija u l-motivazzjoni għat-tagħlim, jistimolaw l-iżvilupp edukattiv, soċjali, artistiku, lingwistiku, kulturali, ċiviku u professjonali tagħhom, kif ukoll jiffaċilitaw iċ-ċittadinanza attiva, l-impjegabbiltà u t-tranżizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Dawk l-attivitajiet ta' solidarjetà jappoġġjaw ukoll il-mobbiltà tal-parteċipanti.

(6)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm għal azzjoni tal-Unjoni msejjaħ il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà bħala bażi biex issir bidla pożittiva fis-soċjetà billi jipprovdi appoġġ lill-komunitajiet ta' individwi u lill-entitajiet impenjati favur it-titjib tas-solidarjetà madwar l-Ewropa. Għalhekk, huwa jipprovdi għal strument ta' nfiq ta' azzjoni tal-Unjoni stabbilit bl-għan li japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament fuq bażi kontinwa u jistabbilixxi wkoll il-bażi għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà bħala komunità u bħala sors ta' ispirazzjoni għal spirtu ta' solidarjetà aktar b'saħħtu fl-Ewropa permezz tal-impatt usa' tal-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

(7)

L-attivitajiet ta' solidarjetà offruti liż-żgħażagħ jenħtieġ li jkunu ta' kwalità għolja, fis-sens li jenħtieġ li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u jgħinu biex jingħelbu l-isfidi tas-soċjetà, waqt li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali. L-attivitajiet ta' solidarjetà jenħtieġ li joffru liż-żgħażagħ l-opportunità li jiksbu kompetenzi siewja għall-iżvilupp personali, soċjali, ċiviku u professjonali, inkluża d-dimensjoni ta' tagħlim u taħriġ solidu, ikunu aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, jiġu implimentati f'kundizzjonijiet sikuri u tajbin u jkunu vvalidati kif xieraq. L-attivitajiet ta' solidarjetà jenħtieġ li ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-impjiegi u t-traineeships eżistenti u jenħtieġ li jikkontribwixxu biex isaħħu l-impenji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-kumpaniji, filwaqt li ma jissostitwixxuhomx.

(8)

Jenħtieġ li kwalunkwe entità li tkun lesta tipparteċipa fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, kemm jekk iffinanzjata mill-baġit tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, minn xi programm ieħor tal-Unjoni kif ukoll minn sors ta' finanzjament differenti, tirċievi tikketta tal-kwalità dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti speċifiċi. Jenħtieġ li r-rekwiżit li tirċievi tikketta tal-kwalità ma jkunx japplika għal persuni fiżiċi li jfittxu appoġġ finanzjarju f'isem grupp informali ta' parteċipanti għall-proġetti ta' solidarjetà tagħhom. Jenħtieġ li t-tikketta tal-kwalità attribwita lill-organizzazzjonijiet parteċipanti tiċċertifika l-kapaċità ta' dawk l-organizzazzjonijiet li jiżguraw il-kwalità tal-attivitajiet ta' solidarjetà offruti minnhom. Il-proċess lgħall-għoti ta' tikketta tal-kwalità jenħtieġ li jitwettaq mill-korpi ta' implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà b'mod aċċessibbli u trasparenti. It-tikketta tal-kwalità mogħtija jenħtieġ li terġa' tiġi vvalutata b'mod perjodiku u jenħtieġ li jkun possibli li tiġi revokata t-tikketta tal-kwalità fejn, fil-kuntest tar-rivalutazzjoni, jinstab li l-kundizzjonijiet li wasslu għall-għoti tagħha m'għadhomx issodisfati.

(9)

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkun jipprovdi punt ta' dħul uniku għall-attivitajiet ta' solidarjetà fi ħdan l-Unjoni. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-konsistenza u l-komplementarjetà tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà ma' politiki, strumenti u ma' programmi rilevanti oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jibni fuq il-vantaġġi u fuq is-sinerġiji tal-programmi eżistenti u dawk preċedenti, b'mod partikolari l-programmi Erasmus+ u ż-Żgħażagħ fl-Azzjoni. Jenħtieġ li jikkomplimenta wkoll l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ u biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol taħt skemi bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ stabbilita f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (3) billi jipprovdulhom opportunitajiet addizzjonali biex jieħdu sehem f'attivitajiet ta' solidarjetà fil-forma ta' traineeships jew ta' impjiegi fi ħdan l-Istat Membru rispettiv tagħhom jew b'mod transfruntier. Jenħtieġ li l-komplimentarjetà tiġi żgurata wkoll ma' netwerks eżistenti fil-livell tal-Unjoni li huma pertinenti għall-attivitajiet taħt il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, bħan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, EURES u n-netwerk Eurodesk,. Barra minn hekk, il-komplimentarjetà u l-kooperazzjoni leali bejn l-iskemi relatati eżistenti u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jenħtieġ li jitrawmu b'mod partikolari permezz ta' skemi ta' solidarjetà, volontarjat, servizzi ċiviċi u mobbiltà għaż-żgħażagħ, li joperaw fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, kif ukoll ma' prijoritajiet marbuta mas-solidarjetà u ż-żgħażagħ fil-pajjiżi parteċipanti, kif xieraq, biex itejbu u jsaħħu b'mod reċiproku l-impatti u l-kwalitajiet ta' skemi bħal dawn u jibnu fuq prattiki tajba. Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jenħtieġ li ma jissostitwixxix skemi nazzjonali simili ta' solidarjetà, volontarjat, servizzi ċiviċi u mobbiltà. Jenħtieġ li jiġi żgurat aċċess ugwali taż-żgħażagħ kollha għall-attivitajiet ta' solidarjetà nazzjonali. Jenħtieġ li jitħeġġu sħubijiet ma' netwerks Ewropej li huma speċjalizzati f'ċerti problemi soċjali urġenti.

(10)

Biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jenħtieġ li programmi oħra tal-Unjoni jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà billi jappoġġjaw attivitajiet li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li din il-kontribuzzjoni tiġi ffinanzjata skont l-atti legali rispettivi tal-programmi kkonċernati bil-għan li jiġi żgurat involviment akbar taż-żgħażagħ, tas-soċjetà ċivili u tal-iskemi ta' volontarjat eżistenti fl-Istati Membri. Ladarba jkunu kisbu tikketta tal-kwalità valida l-organizzazzjonijiet parteċipanti jenħtieġ li jingħataw aċċess għall-portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u jirċievu miżuri ta' kwalità u ta' appoġġ ipprovduti skont it-tip ta' attività ta' solidarjetà offruta.

(11)

Jenħtieġ li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jiftaħ opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ biex dawn jinpenjaw ruħhom f'volontarjat, traineeships jew impjiegi kif ukoll biex ifasslu u jiżviluppaw, fuq l-inizjattiva tagħhom stess proġetti ta' solidarjetà li jippreżentaw valur Ewropew ċar. Jenħtieġ li dawk l-opportunitajiet jgħinu fl-indirizzar tal-ħtiġijiet mhux issodisfati tas-soċjetà u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-komunitajiet u tal-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali taż-żgħażagħ. Jenħtieġ ukoll li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jappoġġja lill-attivitajiet ta' netwerking għall-parteċipanti u għall-organizzazzjonijiet parteċipantikif ukoll il-miżuri li jiżguraw il-kwalità tal-attivitajiet appoġġjati u li jsaħħu l-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim tagħhom. Jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ u t-tisħiħ ta' organizzazzjonijiet eżistenti li jimplimentaw azzjonijiet ta' solidarjetà.

(12)

Il-volontarjat jikkostitwixxi esperjenza rikka f'kuntest ta' tagħlim formali u mhux formali li ssaħħaħ l-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u l-iżvilupp professjonali, l-impjegabbiltà u ċ-ċittadinanza attiva. Il-volontarjat jenħtieġ li ma jissostitwixxix traineeships jew impjiegi u jenħtieġ li jkun ibbażat fuq ftehim ta' volontarjat bil-miktub. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jikkooperaw fir-rigward tal-politiki ta' voluntarjat fil-qasam taż-żgħażagħ permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.

(13)

It-traineeships u l-impjiegi jenħtieġ li jkunu separati b'mod ċar mill-volontarjat, kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll dak organizzattiv. It-traineeships ma għandhom qatt ma jwasslu għas-sostituzzjoni tal-impjiegi. Madankollu, it-traineeships u l-impjiegi remunerati jistgħu jirrappreżentaw inċentiv għaż-żgħażagħ żvantaġġati u għal żgħażagħ b'inqas opportunitajiet biex jipparteċipaw f'attivitajiet relatati mas-solidarjetà li altrimenti jaf ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għalihom. It-traineeships jistgħu jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-impjieg u jistgħu jrawmu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, li hija essenzjali biex tintlaħaq l-integrazzjoni sostenibbli tagħhom fis-suq tax-xogħol. It-traineeships u l-impjiegi offruti mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jenħtieġ li jitħallsu dejjem mill-organizzazzjoni parteċipanti li tospita jew li timpjega lill-parteċipant. It-traineeships jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ftehim ta' traineeship bil-miktub skont il-qafas regolatorju applikabbli tal-pajjiż fejn isir it-traineeship, kif xieraq, u jenħtieġ li jsegwu l-prinċipji spjegati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships (4).

L-impjiegi jenħtieġ li jkunu bbażati fuq kuntratt ta' impjieg f'konformità mal-qafas regolatorju nazzjonali jew ftehimiet kollettivi applikabbli jew iż-żewġ pajjiżi parteċipanti fejn ikun qed jitwettaq l-impjieg. It-traineeships jenħtieġ li jkunu temporanji u b'durata massima ta' sitt xhur rinnovabbli darba b'tul ta' żmien massimu ta' 12-il xahar fi ħdan l-istess organizzazzjoni parteċipanti. Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet parteċipanti ma jaqbiżx tnax-il xahar. It-traineeships u l-impjiegi jenħtieġ li jiġu akkumpanjati minn tħejjija, taħriġ fuq il-post tax-xogħol u appoġġ wara l-kollokament adegwati b'rabta mal-parteċipazzjoni tal-parteċipant. It-traineeships u l-impjiegi jistgħu jiġu ffaċilitati mill-atturi rilevanti tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari mis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, mis-sħab soċjali u mill-Kamra tal-Kummerċ, kif ukoll l-organizzazzjonijiet membri tal-EURES, skont ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fil-każ ta' attivitajiet transfruntiera.

(14)

L-ispirtu ta' inizjattiva taż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza attiva tagħhom huma kwalitajiet importanti għas-soċjetà. Jenħtieġ li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jikkontribwixxi għat-trawwim ta' dan l-aspett billi joffri l-opportunità liż-żgħażagħ li jfasslu u jimplimentaw il-proġetti tagħhom stess li jippreżentaw valur miżjud ċar immirati biex jindirizzaw sfidi ewlenin għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali, b'mod partikolari komunitajiet f'żoni rurali, iżolati jew marġinalizzati. Jenħtieġ li dawk il-proġetti jkunu opportunità għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi u biex jiġu ppruvati ideat b'mod sostenibbli u biex ikollhom l-esperjenza li jkunu huma stess dawk li jixprunaw l-attivitajiet ta' solidarjetà. Dawn jistgħu jservu wkoll bħala punt tat-tluq għall-involviment ulterjuri f'attivitajiet ta' solidarjetà u jistgħu jkunu l-ewwel pass biex il-parteċipanti jitħeġġu jinvolvu ruħhom f'intraprenditorija soċjali jew bħala voluntiera f'assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jew korpi oħra attivi fis-setturi tas-solidarjetà, dawk mingħajr skop ta' qligħ u dawk taż-żgħażagħ kif ukoll jistabbilixxu l-assoċjazzjonijiet tagħhom stess. L-appoġġ ta' wara l-kollokament se jkollu l-għan li jappoġġja liż-żgħażagħ jibqgħu impenjati u attivi fis-settur tas-solidarjetà, inkluż permezz ta' involviment ma' assoċjazzjonijiet, kooperattivi, intrapriżi soċjali, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ċentri tal-komunità.

(15)

Il-volontarjat u l-proġetti ta' solidarjetà jenħtieġ li jkopru l-ispejjeż tal-parteċipanti li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f'tali attivitajiet ta' solidarjetà iżda jenħtieġ li ma jipprovdulhomx salarji jew xi benefiċċju ekonomiku.

(16)

Jenħtieġ li l-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti jħossu li huma jappartjenu għal komunità ta' individwi u għal entitajiet li jkunu ħadu impenn li jsaħħu s-solidarjetà madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet parteċipanti jeħtieġu l-appoġġ biex isaħħu l-abilità tagħhom biex joffru attivitajiet ta' solidarjetà ta' kwalità tajba għal għadd dejjem jiżdied ta' parteċipanti u jattiraw parteċipanti ġodda. Jenħtieġ li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jappoġġja l-attivitajiet ta' netwerking li jfittxu li jsaħħu l-kapaċità taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet parteċipanti biex jimpenjaw ruħhom f'din il-komunità, irawmu spirtu tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, kif ukoll iħeġġu l-iskambju ta' prattiki u ta' esperjenza tas-solidarjetà siewja billi jisiltu wkoll mill-esperjenza fil-protezzjoni ċivili, fejn ikun xieraq. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta' netwerking jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fost entitajiet pubbliċi u privati kif ukoll għall-ġbir ta' feedback mingħand il-parteċipanti u mingħand l-organizzazzjonijiet parteċipanti dwar l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

(17)

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-iżgurar tal-kwalità tal-attivitajiet ta' solidarjetà u ta' opportunitajiet oħra offruti mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, b'mod partikolari billi jiġu offruti lill-parteċipanti taħriġ online u offline u appoġġ lingwistiku b' mod li jirrispetta l-prinċipju tal-multilingwiżmu, assigurazzjoni, appoġġ amministrattiv u appoġġ qabel l-attività ta' solidarjeta', wara l-attività ta' solidarjeta', jew it-tnejn, kif ukoll il-validazzjoni ta' kompetenzi miksuba permezz tal-esperjenza tagħhom fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Jenħtieġ li dawk il-miżuri ta' appoġġ jiġu żviluppati u jkunu pprovduti f'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ma' organizzazzjonijiet oħra mingħajr skop ta' qligħ u ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiġi sfruttat l-għarfien espert tagħhom fil-qasam. Dawk il-miżuri ta' appoġġ jenħtieġ li jqisu l-ambjent u n-natura tal-attivitajiet imwettqa mill-parteċipanti, b'attenzjoni speċjali għal kwalunkwe riskju potenzjali.

(18)

Biex jiġi żgurat l-impatt tal-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fuq l-iżvilupp personali, edukattiv, artistiku, soċjali, ċiviku u professjonali tal-parteċipanti, jenħtieġ li l-kompetenzi li huma l-eżiti tat-tagħlim tal-attivitajiet ta' solidarjetà jiġu identifikati u ddokumentati kif xieraq, f'konformità maċ-ċirkustanzi u mal-ispeċifiċitajiet nazzjonali, kif irrakkomandat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (6). Għal dak il-għan, jenħtieġ li jitħeġġeġ, kif xieraq, l-użu ta' strumenti effettivi fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali għar-rikonoxximent ta' tagħlim mhux formali u informali, bħalma huma l-Youthpass u l-Europass.

(19)

Jenħtieġ li kwalunkwe entità pubblika jew privata, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-intrapriżi soċjali jkunu jistgħu japplikaw għal tikketta tal-kwalità. Jenħtieġ li jiġu introdotti tikketti tal-kwalità separati għall-volontarjat u għat-traineeships u l-impjiegi biex tiġi żgurata l-konformità effettiva u kontinwa ta' organizzazzjonijiet parteċipanti mal-prinċipji u mar-rekwiżiti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fir-rigward tad-drittijiet u tar-responsabbiltajiet tagħhom matul l-istadji kollha tal-esperjenza ta' solidarjetà. Jenħtieġ li l-kisba ta' tikketta tal-kwalità tkun prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni iżda jenħtieġ li din ma twassalx b'mod awtomatiku għal finanzjament mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

(20)

L-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jwettqu ħafna funzjonijiet fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Fil-funzjoni ospitanti, huma se jwettqu attivitajiet relatati mar-riċeviment tal-parteċipanti, inklużi l-organizzazzjoni ta' attivitajiet u l-għoti ta' gwida u appoġġ għall-parteċipanti matul l-attività ta' solidarjetà, kif xieraq. F'funzjoni ta' appoġġ, huma se jwettqu attivitajiet biex il-parteċipanti jintbagħtu u jiġu ppreparati qabel it-tluq, u matul u wara l-attività ta' solidarjetà, inkluż li jitħarrġu l-parteċipanti u jiġu ggwidati għall- organizzazzjonijiet lokali wara l-attività ta' solidarjetà.

(21)

Jenħtieġ li ċ-Ċentri tar-Riżorsi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jassistu lill-korpi ta' implimentazzjoni, lill-organizzazzjonijiet parteċipanti u lill-parteċipanti biex tiżdied il-kwalità tal-attivitajiet ta' solidarjetà u tal-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll tissaħħaħ l-identifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba permezz ta' attivitajiet ta' solidarjetà, inkluż permezz tal-ħruġ ta' Youth passes.

(22)

Jenħtieġ li l-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jiġi żviluppat b'mod kontinwu biex jiġi żgurat aċċess faċli għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u jiġi pprovdut punt uniku ta' kuntatt kemm għall-individwi kif ukoll għall-organizzazzjonijiet interessati fir-rigward, fost l-oħrajn, tar-reġistrazzjoni, tal-identifikazzjoni u tat-tlaqqigħ tal-profili u tal-opportunitajiet, tal-bini ta' netwerks u tal-iskambji virtwali, tat-taħriġ online, tal-appoġġ lingwistiku kif ukoll tal-appoġġ kollu l-ieħor qabel l-attività ta' solidarjetà, jew wara l-attività ta' solidarjetà, jew it-tnejn u ta' funzjonijiet siewja oħra, li jistgħu jinħolqu fil-futur.

(23)

L-istrutturi ta' implimentazzjoni se jieħdu l-miżuri neċessarji bil-għan li jiżguraw li kandidati rreġistrati jiġu offruti opportunitajiet ta' volontarjat, traineeships u impjiegi f'ammont ta' żmien raġonevoli u relattivament prevedibbli. Barra minn hekk, se jiġu implimentati attivitajiet regolari ta' informazzjoni u komunikazzjoni u netwerking sabiex jistimulaw l-involviment ta' kandidati rreġistrati.

(24)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perjodu 2018-2020 li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' baġit globali, fit-tifsira tal-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni f'materji baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba (7), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(25)

Biex tiġi żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet appoġġjati mill-programmi li jikkontribwixxu għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, l-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet ta' solidarjetà jenħtieġ jkun b'mod indikattiv 90 % għal proġetti ta' volontarjat u ta' solidarjetà, fuq naħa waħda, u 10 % jew għal traineeships, jew għal impjiegi, jew it-tnejn, fuq in-naħa l-oħra, b'massimu ta' 20 % għall-attivitajiet fil-pajjiż.

(26)

Biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jenħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet biex il-pajjiżi parteċipanti jitħallew jagħmlu finanzjament nazzjonali, reġjonali jew lokali addizzjonali disponibbli f'konformità mar-regoli tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

(27)

Biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti għall-benefiċjarji, jenħtieġ li jintużaw kemm jista' jkun somom f'daqqa, kostijiet għal kull unità jew finanzjament b'rata fissa.

(28)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw f'attivitajiet ta' volontarjat, ta' traineeships, ta' impjiegi, ta' proġetti ta' solidarjetà u f'attivitajiet ta' netwerking. Barra minn hekk, kif inhu l-każ għas-Servizz Volontarju Ewropew, l-attivitajiet ta' volontarjat, ta' proġetti ta' solidarjetà u ta' netwerking jenħtieġ li jkunu miftuħin għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi oħra, billi tingħata attenzjoni partikolari lil pajjiżi fil-viċinat tal-Unjoni. Jenħtieġ li dik il-parteċipazzjoni tkun ibbażata, fejn rilevanti, fuq approprjazzjonijiet addizzjonali li jridu jsiru disponibbli f'konformità mal-proċeduri li jridu jiġu miftiehma mal-pajjiżi kkonċernati.

(29)

Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà tkun miftuħa għaż-żgħażagħ ta' età bejn 18 u 30 sena. Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' solidarjetà jenħtieġ li tkun tirrikjedi reġistrazzjoni minn qabel fil-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li huwa disponibbli għal individwi ta' età bejn 17 u 30 sena.

(30)

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali biex ikun żgurat li l-attivitajiet appoġġjati mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkunu aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, b'mod partikolari ż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet, kif spjegat f'aktar dettall fl-Istrateġija ta' Inklużjoni u Diversità żviluppata u applikata fi ħdan il-qafas tal-programm Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ. Għaldaqstant jenħtieġ li jittieħdu miżuri speċjali, bħal formats xierqa ta' attivitajiet ta' solidarjetà u gwida personalizzata, biex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati, kif ukoll jiġu meqjusa r-restrizzjonijiet imposti mid-distanza remota tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u tal-Pajjiżi u tat-Territorji extra-Ewropej skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (8). B'mod simili, jenħtieġ li l-pajjiżi parteċipanti jiimpenjaw ruħhom li jadottaw il-miżuri xierqa kollha biex ineħħu l-ostakli legali u amministrattivi għall-funzjonament xieraq tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Dak jinkludi s-soluzzjoni, fejn possibbli, u mingħajr ħsara għall-acquis ta' Schengen u għal-liġi tal-Unjoni dwar id-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, ta' kull kwistjonijiet amministrattivi li joħolqu diffikultajiet fil-kisba ta' viżi u ta' permessi ta' residenza.

(31)

Entità li tkun tixtieq tapplika għal finanzjament biex toffri attivitajiet ta' solidarjetà skont il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jenħtieġ li l-ewwel tkun irċeviet tikketta tal-kwalità bħala prekundizzjoni b'mod aċċessibbli u trasparenti. Dan ir-rekwiżit jenħtieġ li ma jkunx japplika għal persuni fiżiċi li jfittxu appoġġ finanzjarju f'isem grupp informali ta' parteċipanti għall-proġetti ta' solidarjetà tagħhom. Il-korpi ta' implimentazzjoni kompetenti jenħtieġ li jwettqu kontrolli tal-kwalità biex jaċċertaw il-konformità, minn dawk il-persuni fiżiċi, mar-rekwiżiti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

(32)

Il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-komunitajiet lokali jenħtieġ li jkunu kriterju importanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-proġetti. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stabbiliti indikaturi xierqa.

(33)

Il-ġestjoni effikaċi tal-prestazzjoni, inklużi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, jeħtieġu l-iżvilupp ta' sett speċifiku, miżurabbli u realistiku ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi li jistgħu jitkejlu maż-żmien u li jirriflettu l-loġika tal-intervenzjoni.

(34)

Jenħtieġ li jiġu żgurati sensibilizzazzjoni, pubbliċità u disseminazzjoni xierqa tal-opportunitajiet u tar-riżultati tal-attivitajiet appoġġjati mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fil-livelli Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-intrapriżi soċjali, billi jitħeġġu jappoġġjaw l-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, ta' pubbliċità u ta' disseminazzjoni jibbażaw, mingħajr ma jżidu l-piż amministrattiv, fuq il-korpi ta' implimentazzjoni kollha tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, inkluż, fejn jkun rilevanti, bl-appoġġ tal-partijiet ikkonċernati ewlenin l-oħra.

(35)

Sabiex jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji nazzjonali jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib fi sħubija mal-NGOs, mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mal-partijiet ikkonċernati lokali li għandhom għarfien espert fl-azzjonijiet ta' solidarjetà.

(36)

Biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jagħmel użu massimali mill-arranġamenti ta' ġestjoni eżistenti li diġà jinsabu fis-seħħ fil-programm Erasmus+. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà tiġi fdata f'idejn l-istrutturi eżistenti, bħall-Kummissjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, u l-aġenziji nazzjonali maħtura għall-ġestjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Proċeduri ċari u dettaljati għall-parteċipanti u għall-organizzazzjonijiet parteċipanti se jiġu stabbiliti għall-fażijiet kollha tal-attività ta' solidarjetà fid-dokumenti xierqa tal-programm, bħalma huma l-Programm ta' Ħidma Annwali u l-Gwida tal-Programm. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta regolarment mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi organizzazzjonijiet parteċipanti, dwar l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

(37)

Biex jiġu żgurati implimentazzjoni finanzjarjament soda u monitoraġġ mill-qrib tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fil-livell nazzjonali, importanti li jintużaw l-awtoritajiet nazzjonali maħtura għall-ġestjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013.

(38)

L-awtoritajiet nazzjonali maħtura għall-ġestjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 jenħtieġ li jaġixxu wkoll bħala awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jipprevenix il-ħatra ta' aktar minn awtorità nazzjonali waħda f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 27(1) ta' dak ir-Regolament. Fejn pajjiż parteċipanti jixtieq li jissostitwixxi l-awtorità nazzjonali tiegħu matul il-ħajja tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jenħtieġ li tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 27(2) ta' dak ir-Regolament.

(39)

Biex jiġu żgurati l-ġestjoni finanzjarja tajba u ċ-ċertezza tad-dritt f'kull pajjiż parteċipanti, jenħtieġ li kull awtorità nazzjonali taħtar korp indipendenti tal-awditjar. Fejn ikun fattibbli, u biex tiġi mmassimizzata l-effiċjenza, il-korp indipendenti tal-awditjar jista' jkun l-istess bħal dak maħtur għall-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013.

(40)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jitħarsu permezz ta' miżuri proporzjonati fiċ-ċiklu kollu tal-infiq, inklużi l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod ħażin u, fejn ikun xieraq, il-penali,

(41)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fuq il-. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(42)

Skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta programmi ta' ħidma u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan. Jenħtieġ li programmi ta' ħidma jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni f'konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, mal-kriterji tal-għażla u tal-għoti għall-għotjiet, kif ukoll mal-elementi l-oħra kollha meħtieġa. Jenħtieġ li l-programmi ta' ħidma u kwalunkwe emenda għalihom jiġu adottati b'atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami.

(43)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(44)

Għal raġunijiet ta' effiċjenza u ta' effikaċja, jenħtieġ li l-kumitat imwaqqaf skont ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 jassisti wkoll lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fir-rigward tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jenħtieġ li dak il-kumitat jiltaqa' f'konfigurazzjoni speċifika u jenħtieġ li l-mandat tiegħu jiġi allinjat biex jissodisfa dan ir-rwol il-ġdid. Jenħtieġ li l-pajjiżi parteċipanti jaħtru r-rappreżentanti rilevanti għal dawk il-laqgħat, filwaqt li jitqiesu s-suġġett, l-għan, l-objettivi u l-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

(45)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 jiġi emendat biex jittieħed kont tat-tibdiliet fis-Servizz Volontarju Ewropew li jirriżultaw mill-volontarjat taħt dan ir-Regolament.

(46)

Il-pakkett finanzjarju tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà taħt l-Intestatura 1a tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jibni wkoll fuq il-fondi riallokati mill-programm Erasmus+. Jenħtieġ li dawk il-fondi jiġu esklussivament mill-approprjazzjonijiet immirati għall-finanzjament tal-attivitajiet tas-Servizz Volontarju Ewropew li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-volontarjat taħt dan ir-Regolament.

(47)

Jenħtieġ li l-pakkett finanzjarju tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà taħt l-Intestatura 1a tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jiġi ssupplimentat ukoll minn kontribuzzjonijiet finanzjarji minn programmi u minn intestaturi oħra, li jeħtieġu l-emenda tar-Regolamenti (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) kif ukoll tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(48)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI1

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas legali għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li għandu jsaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet f'attivitajiet ta' solidarjetà li jkunu aċċessibbli u ta' kwalità għolja, bil-ħsieb li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-koeżjoni, is-solidarjetà u d-demokrazija fl-Ewropa, bi sforz partikolari favur il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.

2.   Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jikseb l-objettivi tiegħu permezz ta' attivitajiet ta' solidarjetà u permezz ta' miżuri ta' kwalità u ta' appoġġ. L-attivitajiet ta' solidarjetà għandhom jiġu implimentati f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi stipulati għal kull tip ta' attività ta' solidarjetà mwettqa fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, kif ukoll ma' oqfsa regolatorji applikabbli fil-pajjiżi parteċipanti.

3.   Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jappoġġja lill-attivitajiet ta' solidarjetà li jippreżentaw valur miżjud Ewropew ċar, pereżempju minħabba:

(a)

il-karattru transnazzjonali tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni għal fini ta' tagħlim;

(b)

l-abbiltà tagħhom li jikkumplimentaw programmi u politiki oħra fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali, tal-Unjoni u dak internazzjonali;

(c)

id-dimensjoni Ewropea tagħhom fir-rigward tas-suġġetti, l-għanijiet, l-approċċi, ir-riżultati mistennija u aspetti oħra ta' dawn l-attivitajiet ta' solidarjetà;

(d)

l-approċċ tagħhom fir-rigward tal-involviment ta' żgħażagħ minn sfondi differenti;

(e)

il-kontribut tagħhom għall-użu effettiv tal-għodod ta' trasparenza u ta' rikonoxximent tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“attività ta' solidarjetà” tfisser attività temporanja ta' kwalità għolja, li ma tinterferixxix fil-funzjonament tas-suq tax-xogħol; li tindirizza sfidi importanti tas-soċjetà għall-benefiċċju tal-komunità jew tas-soċjetà sħiħa, li biex b'hekk tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; li tieħu l-forma ta' volontarjat, traineeships, impjiegi, proġetti ta' solidarjetà u attivitajiet ta' netwerking f'oqsma varji; li tiżgura valur miżjud Ewropew u konformità ma' regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà; li tinkludi dimensjoni solida ta' tagħlim u taħriġ permezz ta' attivitajiet rilevanti li jistgħu jiġu offruti lill-parteċipanti qabel, matul u wara l-attività; li ssir f'firxa wiesgħa ta' oqsma, bħal fl-oqsma tal-protezzjoni tal-ambjent, tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta' inklużjoni soċjali akbar, iżda li ma tinkludix attivitajiet li huma parti minn kurrikula f'edukazzjoni formali, edukazzjoni vokazzjonali u sistemi tat-taħriġ u attivitajiet għal rispons ta' emerġenza;

(2)

“kandidat irreġistrat” tfisser individwu ta' bejn is-17 u t-30 sena li jirrisjedi legalment f'pajjiż parteċipanti u li jkun irreġistra fil-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għal finijiet tal-espressjoni ta' interess fl-involviment f'attività ta' solidarjetà, iżda li jkun għadu mhux qed jipparteċipa f'attività ta' solidarjetà;

(3)

“parteċipant” tfisser individwu ta' bejn it-18 u t-30 sena li jirrisjedi legalment f'pajjiż parteċipanti, li jkun irreġistra fil-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u li jieħu sehem f'attività ta' solidarjetà;

(4)

“żgħażagħ b'inqas opportunitajiet” tfisser individwi ta' bejn it-18 u t-30 sena li jeħtieġu appoġġ addizzjonali minħabba l-fatt li huma qegħdin fi żvantaġġ meta mqabbla ma' sħabhom minħabba ostakli varji, pereżempju diżabbiltà, problemi tas-saħħa, diffikultajiet edukattivi, differenzi kulturali jew ekonomiċi, soċjali jew ostakli ġeografiċi, inklużi ż-żgħażagħ minn komunitàmarġinalizzata jew f'riskju li jiffaċċjaw diskriminazzjoni bbażata fuq xi waħda mir-raġunijiet minquxa fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

(5)

“organizzazzjoni parteċipanti” tfisser kwalunkwe entità pubblika jew privata, kemm jekk tkun bla skop ta' profitt kif ukoll jekk tagħmel profitt, lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali, li ġiet attribwita t-tikketta tal-kwalità, jew f'funzjoni ospitanti, jew f'funzjoni ta' appoġġ, inkluża funzjoni emittenti, jew it-tnejn, li tiżgura li din l-entità tkun tista' timplimenta l-attivitajiet ta' solidarjetà f'konformità mal-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u li toffri volontarjat, traineeship jew opportunità ta' xogħol lil parteċipant jew timplimenta u tappoġġja attivitajiet oħra fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

(6)

“volontarjat” tfisser attività ta' solidarjetà li sseħħ fil-forma ta' attività ta' volontarjat bla ħlas għal perjodu ta' mhux aktar minn tnax-il xahar, li tipprovdi liż-żgħażagħ bl-opportunità li jikkontribwixxu fil-ħidma ta' kuljum ta' organizzazzjonijiet f'attivitajiet ta' solidarjetà għall-benefiċċju aħħari tal-komunitajiet li fihom jitwettqu l-attivitajiet, li ssir jew f'pajjiż li mhuwiex il-pajjiż ta' residenza tal-parteċipant (transfruntier) jew fil-pajjiż ta' residenza tal-parteċipant (fil-pajjiż), li ma tissostitwixxix traineeships jew impjiegi u, għalhekk, bl-ebda mod ma tista' titqies bħala impjieg u li tkun ibbażata fuq ftehim ta' volontarjat bil-miktub;

(7)

“attivitajiet minn timijiet ta' volontarjat” tfisser volontarjat li jippermetti li timijiet ta' parteċipanti minn pajjiżi parteċipanti differenti jagħmlu volontarjat flimkien għal perjodu ta' bejn ġimagħtejn u xahrejn u li jikkontribwixxi b'mod partikolari għall-inklużjoni ta' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jew ikun ġustifikat minħabba l-miri speċifiċi tiegħu, jew it-tnejn;

(8)

“traineeship” tfisser attività ta' solidarjetà li tieħu l-forma ta' prattika ta' xogħol għal perjodu ta' bejn xahrejn u sitt xhur, li tista' tiġi rinnovata darba, u għal perjodu massimu ta' 12-il xahar fl-istess organizzazzjoni parteċipanti; li hija offruta u mħallsa mill-organizzazzjoni parteċipanti li tospita lill-parteċipant, jew f'pajjiż li mhuwiex il-pajjiż ta' residenza tal-parteċipant (transfruntier) jew fil-pajjiż ta' residenza tal-parteċipant (fil-pajjiż); li tinkludi komponent ta' tagħlim u taħriġ biex jgħinu lill-parteċipant jikseb esperjenza rilevanti bil-għan li jiżviluppa kompetenzi siewja għall-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali tal-parteċipant; li hija bbażata fuq ftehim ta' traineeship bil-miktub konkluż fil-bidu tat-traineeship skont il-qafas regolatorju applikabbli tal-pajjiż fejn isir it-traineeship, kif adatt, li jindika l-objettivi edukattivi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-tul ta' żmien tat-traineeship, ir-remunerazzjoni tal-parteċipant u d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u b'kont meħud tal-prinċipji tal-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships, u li ma tissostitwixxix l-impjiegi;

(9)

“impjieg” tfisser attività ta' solidarjetà, li ssir għal perjodu bejn tliet xhur u tnax-il xahar, imħallsa mill-organizzazzjoni parteċipanti li timpjega lill-parteċipant, jew f'pajjiż li mhuwiex il-pajjiż ta' residenza tal-parteċipant (transfruntier) jew fil-pajjiż ta' residenza tal-parteċipant (fil-pajjiż). Meta t-tul tal-kuntratt tax-xogħol jaqbeż tnax-il xahar, l-appoġġ finanzjarju għal organizzazzjonijiet parteċipanti li joffru impjiegi m'għandux jaqbeż 12-il xahar. Tali impjiegi għandhom jinkludu komponent ta' tagħlim u taħriġ u għandhom ikunu bbażati fuq kuntratt tax-xogħol bil-miktub li jirrispetta t-termini u l-kundizzjonijiet kollha tal-impjieg kif definit fil-liġi nazzjonali, fil-ftehimiet kollettivi applikabbli, jew it-tnejn li huma, tal-pajjiż li fih ikun qed jitwettaq l-impjieg;

(10)

“proġett ta' solidarjetà” tfisser attività ta' solidarjetà mhux imħallsa fil-pajjiż, li ssir għal perjodu ta' bejn xahrejn u tnax-il xahar, li hi ppreparata u mwettqa minn grupp li jkun fih minn tal-inqas ħames parteċipanti, bl-għan li jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin fi ħdan il-komunitajiet tagħhom filwaqt li jiġi ppreżentat valur miżjud Ewropew ċar, u li ma tissostitwixxix traineeships jew impjiegi;

(11)

“attivitajiet ta' netwerking” tfisser attività fil-pajjiż jew attività transfruntiera mmirata biex issaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet parteċipanti li joffru proġetti ta' kwalità lil numru dejjem akbar ta' parteċipanti, biex tattira parteċipanti ġodda, kemm żgħażagħ kif ukoll organizzazzjonijiet, biex tipprovdi opportunitajiet għal feedback dwar attivitajiet ta' solidarjetà, u li tista' tikkontribwixxi wkoll għal skambju ta' esperjenzi u tisħiħ tas-sens ta' appartenenza fost parteċipanti u organizzazzjonijiet parteċipanti biex b'hekk tappoġġja l-impatt pożittiv usa' tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

(12)

“tikketta tal-kwalità” tfisser iċ-ċertifikazzjoni attribwita lil organizzazzjoni li tkun lesta li tipprovdi attivitajiet ta' solidarjetà, jew fil-funzjoni ta' ospitant jew fil-funzjoni ta' appoġġ, inkluża funzjoni ta' emittent, jew it-tnejn, li tiċċertifika li l-organizzazzjoni tkun kapaċi tiżgura l-kwalità tal-attivitajiet ta' solidarjetà f'konformità mal-prinċipji u l-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u li hija attribwita skont rekwiżiti speċifiċi li jvarjaw skont it-tip ta' attività ta' solidarjetà u l-funzjoni tal-organizzazzjoni;

(13)

“Ċentri ta' Riżorsi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà” tfisser il-funzjonijiet addizzjonali mwettqa minn aġenziji nazzjonali maħtura biex jappoġġjaw l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-kwalità tal-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà kif ukoll l-identifikazzjoni tal-kompetenzi miksuba mill-parteċipanti matul l-attivitajiet ta' solidarjetà tagħhom, inklużi attivitajiet ta' taħriġ relatati;

(14)

“Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà” tfisser għodda interattiva bbażata fuq il-web, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, immaniġġjata taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li tipprovdi servizzi online rilevanti biex tappoġġja l-implimentazzjoni ta' kwalità tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, billi tikkumplimenta attivitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, inkluż billi tipprovdi informazzjoni dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, tirreġistra l-parteċipanti, tfittex parteċipanti, tirreklama u tfittex attivitajiet ta' solidarjetà, tfittex sħab potenzjali għall-proġetti, tappoġġja l-istabbiliment ta' kuntatti u l-offerti għal attivitajiet ta' solidarjetà, l-attivitajiet ta' taħriġ, ta' komunikazzjoni u ta' netwerking, tinforma u tinnotifika dwar opportunitajiet, tipprovdi mekkaniżmu ta' feedback rigward il-kwalità ta' attivitajiet ta' solidarjetà, kif ukoll żviluppi rilevanti oħra relatati mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

(15)

“għodod tal-Unjoni għat-trasparenza u r-rikonoxximent” tfisser strumenti li jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jifhmu, japprezzaw u, kif adatt, jirrikonoxxu l-eżiti tat-tagħlim mhux formali u informali fl-Unjoni kollha.

Artikolu 3

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa li jħeġġeġ is-solidarjetà bħala valur, prinċipalment permezz tal-volontarjat, isaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet f'attivitajiet ta' solidarjetà aċċessibbli u ta' kwalità għolja bħala mezz biex dawn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni, is-solidarjetà, id-demokrazija u ċ-ċittadinanza fl-Ewropa, filwaqt li jirreaġixxu wkoll għall-isfidi tas-soċjetà u jsaħħu l-komunitajiet, bi sforz partikolari favur il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Huwa għandu wkoll jikkontribwixxi għal kooperazzjoni Ewropea li hi rilevanti għaż-żgħażagħ.

Artikolu 4

Objettivi speċifiċi

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jikseb l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jipprovdi liż-żgħażagħ, bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, opportunitajiet faċilment aċċessibbli għall-involviment f'attivitajiet ta' solidarjetà li jġibu bidla pożittiva fis-soċjetà filwaqt li jtejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom għall-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku, kulturali u professjonali, kif ukoll jiffaċilita ċ-ċittadinanza attiva, l-impjegabbiltà u t-tranżizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, inkluż billi jappoġġja l-mobbiltà tal-voluntiera, tal-persuni f'taħriġ u tal-ħaddiema żgħażagħ;

(b)

li jiżgura li l-attivitajiet ta' solidarjetà li jkunu offruti lill-parteċipanti jkunu ta' kwalità għolja, ivvalidati kif xieraq u jirrispettaw il-prinċipji tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà msemmija fl-Artikolu 13(2);

(c)

li jiżgura li jsiru sforzi partikolari biex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs, b'mod partikolari għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet, permezz ta' firxa ta' miżuri speċjali bħall-formats xierqa ta' attivitajiet ta' solidarjetà u ta' appoġġ personalizzat;

(d)

li jikkontribwixxi għal kooperazzjoni Ewropea rilevanti għaż-żgħażagħ u li jtejjeb l-għarfien dwar l-impatt pożittiv tiegħu.

Artikolu 5

Koerenza u komplementarjetà tal-azzjoni tal-Unjoni

1.   L-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandhom ikunu konsistenti u komplementari mal-politiki, programmi u strumenti rilevanti fil-livell tal-Unjoni kif ukoll man-netwerks eżistenti fil-livell tal-Unjoni li huma pertinenti għall-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

2.   L-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandhom, fil-pajjiżi parteċipanti, ikunu wkoll konsistenti mal-politiki, programmi u strumenti rilevanti fil-livell nazzjonali, u komplementari għalihom. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji nazzjonali għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar skemi u prijoritajiet nazzjonali eżistenti fir-rigward tas-solidarjetà u ż-żgħażagħ, minn naħa, u l-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà min-naħa l-oħra, bil-ħsieb li jkomplu jibnu fuq prattiki tajba u jiksbu effiċjenza u effikaċja.

3.   Programmi oħra tal-Unjoni jistgħu jikkontribwixxu ukoll għall-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà billi jappoġġjaw attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Din il-kontribuzzjoni għandha tiġi ffinanzjata skont l-atti bażiċi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU II

AZZJONIJIET TAL-KORP EWROPEW TA' SOLIDARJETÀ

Artikolu 6

L-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jsegwi l-objettivi tiegħu permezz tat-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin:

(a)

volontarjat;

(b)

traineeships, impjiegi;

(c)

proġetti ta' solidarjetà u attivitajiet ta' netwerking; u

(d)

miżuri ta' kwalità u ta' appoġġ.

Artikolu 7

Attivitajiet ta' solidarjetà

1.   L-azzjonijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 6 għandhom jappoġġjaw attivitajiet ta' solidarjeta' fil-forma ta':

(a)

volontarjat, traineeships u impjiegi, inklużi kemm attivitajiet transfruntiera individwali kif ukoll attivitajiet fil-pajjiż. Fil-każ tal-volontarjat għandhom ukoll jiġu appoġġjati attivitajiet li jinvolvu timijiet ta' parteċipanti minn pajjiżi parteċipanti differenti;

(b)

proġetti ta' solidarjetà fuq l-inizjattiva tal-parteċipanti;

(c)

attivitajiet ta' netwerking għal parteċipanti u għal organizzazzjonijiet parteċipanti.

2.   Il-volontarjat taħt is-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkompli jsir kemm taħt ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 kif ukoll taħt dan ir-Regolament, kif adatt. Ir-referenzi għas-Servizz Volontarju Ewropew fl-atti legali tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttiva (UE) Nru 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), għandhom jinqraw bħala li jinkludu volontarjat kemm taħt ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 kif ukoll taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Miżuri ta' kwalità u ta' appoġġ

L-azzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 6 għandha tappoġġja:

(a)

miżuri mmirati biex jiżguraw il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-volontarjat, it-traineeships, l-impjiegi, jew il-proġetti ta' solidarjetà u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha fil-pajjiżi parteċipanti inklużi t-taħriġ offline u online, l-appoġġ lingwistiku, l-appoġġ amministrattiv għall-parteċipanti u għall-organizzazzjonijiet parteċipanti, l-assigurazzjoni komplementarja, l-appoġġ qabel u, fejn ikun neċessarju, wara l-attività ta' solidarjetà kif ukoll l-użu ulterjuri tal-Youthpass biex jidentifika u jiddokumenta l-kompetenzi miksuba matul l-attivitajiet ta' solidarjetà;

(b)

l-iżvilupp u ż-żamma ta' tikketti tal-kwalità separati għal entitajiet li lesti jipprovdu rispettivament volontarjat jew traineeships u impjiegi għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà biex jiżguraw il-konformità mal-prinċipji u mar-rekwiżiti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

(c)

l-attivitajiet taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà biex jappoġġjaw u jżidu l-kwalità tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u jsaħħu l-validazzjoni tal-eżiti tagħhom;

(d)

l-istabbiliment, iż-żamma u l-aġġornament tal-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u ta' servizzi online rilevanti oħra kif ukoll is-sistemi informatiċi neċessarji ta' appoġġ u għodod ibbażati fuq il-web, filwaqt li jitqies il-bżonn li jingħeleb id-distakk diġitali.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 9

Baġit

1.   Il-baġit ġenerali disponibbli għall-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa stabbilit għal EUR 375 600 000 fil-prezzijiet kurrenti, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020.

2.   L-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet ta' solidarjetà msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7(1) għandu b'mod indikattiv ikun ta' 90 % għall-volontarjat u għall-proġetti ta' solidarjetà; u ta' 10 % għal jew traineeships jew impjiegi, jew għat-tnejn li huma, b'massimu ta' 20 % għall-attivitajiet fil-pajjiż.

3.   L-allokazzjoni finanzjarja tista' tkopri wkoll spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet ta' preparazzjoni, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u l-kisba tal-objettivi tiegħu, b'mod partikolari għal studji, għal laqgħat ta' esperti u għal azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, għal spejjeż marbuta mal-istabbiliment, mal-manutenzjoni u mal-aġġornament tal-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u tas-sistemi meħtieġa ta' appoġġ informatiku, u għall-ispejjeż l-oħrajn kollha relatati mal-assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

4.   Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit wara l-2020 biex ikopru spejjeż simili, sabiex jippermettu l-ġestjoni tal-azzjonijiet li jkunu għadhom ma tlestewx sal-31 ta' Diċembru 2020.

5.   Pajjiż parteċipanti jista' jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji finanzjament nazzjonali li għandu jkun ġestit skont ir-regoli tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u għal dan l-għan jista' juża l-istrutturi deċentralizzati tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, sakemm jiżgura l-finanzjament prorata komplementari ta' dawn l-istrutturi.

Artikolu 10

Forom ta' finanzjament mill-Unjoni

1.   Il-finanzjament mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jista' jiġi pprovdut f'waħda jew iktar mill-forom stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, b'mod partikolari għotjiet, akkwist u premjijiet.

2.   Biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti għall-benefiċjarji, għandhom jintużaw kemm jista' jkun somom f'daqqa, kostijiet għal kull unità u finanzjament b'rata fissa.

3.   Il-Kummissjoni tista' timplimenta l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà b'mod indirett f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

KAPITOLU IV

PARTEĊIPAZZJONI FIL-KORP EWROPEW TA' SOLIDARJETÀ

Artikolu 11

Il-pajjiżi parteċipanti

1.   Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi segwenti (il-“pajjiżi parteċipanti”):

(a)

il-volontarjat, it-traineeships, l-impjiegi, il-proġetti ta' solidarjetà u l-attivitajiet ta' netwerking għandhom ikunu miftuħin għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri;

(b)

il-volontarjat, il-proġetti ta' solidarjetà u l-attivitajiet ta' netwerking għandhom ikunu wkoll miftuħin għall-parteċipazzjoni ta':

(i)

il-pajjiżi tal-adeżjoni, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet ta' qafas rispettivi, id-deċiżjonijiet ta' Assoċjazzjoni tal-Kunsill jew ftehimiet simili;

(ii)

dawk il-pajjiżi EFTA li huma Partijiet għall-Ftehim ŻEE, skont id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim;

(iii)

il-Konfederazzjoni Żvizzera, abbażi ta' ftehim bilaterali li għandu jiġi konkluż ma' dak il-pajjiż;

(iv)

dawk il-pajjiżi koperti mill-politika Ewropea tal-viċinat li kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni li jipprevedu l-possibbiltà li jipparteċipaw fil-programmi tal-Unjoni, soġġetti għall-konklużjoni ta' ftehim bilaterali mal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

2.   Il-pajjiżi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu (1) għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi kollha u għandhom jissodisfaw il-kompiti kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament b'rabta mal-Istati Membri.

3.   Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jappoġġja l-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab, b'mod partikolari pajjiżi tal-Viċinat Ewropew, f'attivitajiet kif imsemmija fil-punti (6) u (11) tal-Artikolu 2.

Artikolu 12

Parteċipazzjoni tal-individwi

1.   Żgħażagħ ta' età bejn 17 u 30 sena li huma lesti li jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandhom jirreġistraw fil-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jew għandhom jiksbu appoġġ biex jagħmlu dan. Madankollu, fil-mument li jkun se jibda xi volontarjat, traineeship, impjieg jew proġett ta' solidarjetà, żagħżugħ għandu jkollu tal-inqas 18-il sena u ma jkollux aktar minn 30 sena.

2.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u pajjiżi parteċipanti oħrajn għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri speċifiċi u effettivi għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u kundizzjonijiet ta' aċċess ugwali, b'mod partikolari għall-parteċipazzjoni ta' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet.

Artikolu 13

Organizzazzjonijiet parteċipanti

1.   Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet pubbliċi jew privati, kemm jekk bla skop ta' profitt kif ukoll jekk għal skop ta' profitt, dment li joffru attivitajiet li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta' attività ta' solidarjetà skont dan ir-Regolament u li jkunu rċevew tikketta tal-kwalità. F'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-għotjiet ma għandux ikollhom l-għan jew l-effett li jipproduċu profitt.

2.   L-applikazzjoni ta' entità biex issir organizzazzjoni parteċipanti għandha tiġi vvalutata mill-korp ta' implimentazzjoni kompetenti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà abbażi tal-prinċipji tat-trattament indaqs; opportunitajiet indaqs u nondiskriminazzjoni; evitar ta' sostituzzjoni ta' impjieg; forniment ta' attivitajiet ta' kwalità għolja b'dimensjoni ta' tagħlim u li jiffukaw fuq l-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u professjonali; taħriġ adegwat, arranġamenti tax-xogħol u tal-volontarjat; ambjent u kundizzjonijiet sikuri u deċenti; u, “il-prinċipju ta' mingħajr skop ta' profitt” f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Il-konformità ma dawk il-prinċipji taċċerta li l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti jaderixxu mar-rekwiżiti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. It-tikketta tal-kwalità għandha tiġi attribwita biss lil organizzazzjonijiet li jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw ma' dawn il-prinċipji. Il-konformità fattwali għandha tiġi kkontrollata f'konformità mal-Artikoli 22 u 23 ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe entità li tibdel l-attivitajiet tagħha b'mod sostanzjali għandha tinforma lill-korp ta' implimentazzjoni kompetenti għal rivalutazzjoni. Il-proċess għall-għoti ta' tikketta tal-kwalità għall-volontarjat għandu jkun differenzjat minn dak għall-impjiegi u t-traineeships.

3.   Bħala riżultat tal-valutazzjoni, l-entità tista' tingħata t-tikketta tal-kwalità. It-tikketta miksuba għandha terġa' tiġi perjodikament vvalutata u tista' tiġi revokata. F'każ li t-tikketta tal-kwalità tiġi revokata, hija tista' mbagħad tiġi attribwita mill-ġdid wara applikazzjoni ġdida u valutazzjoni ulterjuri.

4.   Kwalunkwe entità li tkun irċeviet it-tikketta tal-kwalità għandha tingħata aċċess għall-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jew f'funzjoni ta' ospitant jew f'funzjoni ta' appoġġ, jew fit-tnejn, u tista' tagħmel offerti għal attivitajiet ta' solidarjetà lill-individwi rreġistrati.

5.   It-tikketta tal-kwalità ma għandhiex twassal b'mod awtomatiku għal finanzjament taħt il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

6.   L-attivitajiet ta' solidarjetà u l-miżuri ta' kwalità u ta' appoġġ relatati offruti minn organizzazzjoni parteċipanti jistgħu jirċievu finanzjament taħt il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jew taħt programm ieħor tal-Unjoni li jikkontribwixxi b'mod awtonomu għall-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u li jirrispetta r-rekwiżiti tiegħu jew minn sorsi oħra ta' finanzjament li ma jiddependux mill-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 14

Aċċess għall-finanzjament mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Kwalunkwe entità pubblika jew privata stabbilita f'pajjiż parteċipanti li twettaq attivitajiet ta' solidarjetà fil-pajjiżi parteċipanti tista' tapplika għall-finanzjament taħt il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Fil-każ tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1), l-organizzazzjoni parteċipanti għandha tikseb tikketta tal-kwalità bħala prekundizzjoni biex tirċievi l-finanzjament mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Fil-każ tal-proġetti ta' solidarjetà msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1), persuni fiżiċi jistgħu wkoll japplikaw għal finanzjament f'isem gruppi informali ta' parteċipanti.

KAPITOLU V

PRESTAZZJONI, RIŻULTATI U DISSEMINAZZJONI

Artikolu 15

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-prestazzjoni u tar-riżultati

1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti, u bl-involviment ta' organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll partijiet ikkonċernati nazzjonali u tal-Unjoni bħal organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, għandha tissorvelja b'mod regolari u effikaċi l-prestazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fil-kisba tal-objettivi tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta regolarment mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi l-organizzazzjonijiet parteċipanti, dwar l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

2.   Abbażi tal-qafas minimu ta' indikaturi stabbilit fl-Anness, tal-inqas sa tas-6 ta' April 2019, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Il-programm dettaljat għandu jinkludi sett estiż ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għal dak l-iskop, kif ukoll skeda ta' żmien u metodoloġija għal tali monitoraġġ. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

3.   Fl-2020, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jqis il-progress li jkun sar fil-kisba tal-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

4.   Sa tas-6 ta' Ottubru 2022, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni indipendenti ta' dan ir-Regolament biex tivvaluta l-effiċjenza, l-effikaċja u l-impatt tal-programm fid-dawl tal-objettivi tal-programm u għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin, inklużi rakkomandazzjonijiet għall-futur tal-programm, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Bħala parti mill-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsultazzjoni regolari mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-parteċipanti, l-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-komunitajiet lokali kkonċernati, kif adatt. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jiġu integrati fit-tfassil futur tal-programm u fil-proposti għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 16

Komunikazzjoni u disseminazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti u n-netwerks rilevanti fil-livell tal-Unjoni, għandha tiżgura d-disseminazzjoni tal-informazzjoni, il-pubbliċità u segwitu fir-rigward tal-azzjonijiet kollha appoġġjati fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

2.   L-aġenziji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 20 għandhom jiżviluppaw politiki fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni effettiva tal-pubbliku. Tali politiki għandu jkollhom ukoll fil-mira ż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet, inkluż f'żoni remoti, kif ukoll id-disseminazzjoni u l-isfruttament tar-riżultati ta' attivitajiet appoġġjati taħt l-azzjonijiet li huma jiġġestixxu, li jinvolvu wkoll organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u servizzi speċjalizzati ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ, kif adatt.

3.   L-attivitajiet ta' komunikazzjoni għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, dment li huma jkunu relatati mal-objettivi ġenerali ta' dan ir-Regolament u li jirrappreżentaw valur miżjud u viżibbiltà għall-Unjoni.

4.   L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom jużaw il-marka kummerċjali “Korp Ewropew ta' Solidarjetà” għall-fini ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni ta' informazzjoni relatata mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

KAPITOLU VI

SISTEMA TA' ĠESTJONI U TA' AWDITJAR

Artikolu 17

Korpi ta' implimentazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat b'mod konsistenti minn:

(a)

il-Kummissjoni fil-livell tal-Unjoni;

(b)

l-aġenziji nazzjonali fil-livell nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti.

Artikolu 18

Awtorità nazzjonali

F'kull pajjiż parteċipanti fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, l-awtoritajiet nazzjonali maħturin għall-ġestjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandhom jaġixxu wkoll bħala awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. L-Artikolu 27(1), (3), (8), (9) u (11) sa (16) ta' dak ir-Regolament għandu b'analoġija japplika għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Artikolu 19

Korp tal-awditjar indipendenti

1.   L-awtorità nazzjonali għandha taħtar korp tal-awditjar indipendenti. Il-korp tal-awditjar indipendenti għandu joħroġ opinjoni tal-awditjar dwar id-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 155(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

2.   Il-korp tal-awditjar indipendenti għandu

(a)

ikollu l-kompetenza professjonali meħtieġa biex jagħmel l-awditjar tas-settur pubbliku;

(b)

jiżgura li l-awditjar tiegħu jkun iqis l-istandards tal-awditjar aċċettati fil-livell internazzjonali;

(c)

ma jkunx f'pożizzjoni ta' kunflitt ta' interess fir-rigward tal-entità ġuridika li minnha tagħmel parti l-aġenzija nazzjonali msemmija fl-Artikolu 20 u għandu jkun indipendenti, f'dak li għandu x'jaqsam mal-funzjonijiet tiegħu, mill-entità ġuridika li minnha tagħmel parti l-aġenzija nazzjonali.

3.   Il-korp tal-awditjar indipendenti għandu jagħti lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti tagħha, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, l-aċċess sħiħ għad-dokumenti u r-rapporti kollha b'appoġġ tal-opinjoni tal-awditjar li joħroġ hu dwar id-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali.

Artikolu 20

Aġenzija nazzjonali

1.   F'kull pajjiż parteċipanti fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, l-aġenziji nazzjonali maħtura għall-ġestjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 fil-pajjiżi rispettivi tagħhom għandhom jaġixxu wkoll bħala aġenziji nazzjonali fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

L-Artikolu 28(1), (2), (5) sa (8) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandu b'analoġija japplika għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013, l-aġenzija nazzjonali għandha tkun responsabbli wkoll għall-ġestjoni tal-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett ta' dawk l-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà elenkati fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 24 ta' dan ir-Regolament, f'konformità mal-punti (c)(v) u (vi) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Artikolu 21

Il-Kummissjoni Ewropea

1.   Ir-regoli li japplikaw għar-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u aġenzija nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti, f'konformità mar-regoli fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013, f'dokument bil-miktub. Id-dokument għandu:

(a)

jistipula l-istandards interni ta' kontroll għall-aġenziji nazzjonali u r-regoli għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni għal għotjiet ta' appoġġ mill-aġenziji nazzjonali;

(b)

jinkludi l-programm ta' ħidma tal-aġenzija nazzjonali li jinkludi l-kompiti tal-ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali li lilha jkun ipprovdut l-appoġġ tal-Unjoni;

(c)

jispeċifika r-rekwiżiti tar-rapportar għall-aġenzija nazzjonali.

2.   Kull sena l-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-aġenzija nazzjonali dawn il-fondi li ġejjin:

(a)

fondi għal għotjiet ta' appoġġ fil-pajjiż parteċipanti kkonċernat għall-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li l-ġestjoni tagħhom hija fdata f'idejn l-aġenzija nazzjonali;

(b)

kontribuzzjoni finanzjarja b'appoġġ għall-kompiti ta' ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali ddefinita f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 29(4) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-programm ta' ħidma tal-aġenzija nazzjonali. Il-Kummissjoni m'għandhiex tqiegħed il-fondi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għad-dispożizzjoni tal-aġenzija nazzjonali qabel ma tkun approvat b'mod formali l-programm ta' ħidma tal-aġenzija nazzjonali, b'kont meħud tal-prinċipji kif stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 24.

4.   Fuq il-bażi tar-rekwiżiti ta' konformità għall-aġenziji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina s-sistemi nazzjonali ta' ġestjoni u ta' kontroll, id-dikjarazzjoni ta' ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali u l-opinjoni tal-korp tal-awditjar indipendenti dwar dan, filwaqt li tqis kif xieraq l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità nazzjonali dwar l-attivitajiet tagħha ta' monitoraġġ u ta' superviżjoni fir-rigward tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

5.   Wara li tivvaluta d-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni u l-opinjoni dwarha mill-korp tal-awditjar indipendenti, il-Kummissjoni għandha tindirizza l-opinjoni u l-osservazzjonijiet tagħha lill-aġenzija nazzjonali u lill-awtorità nazzjonali.

6.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tkunx tista' taċċetta d-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni jew l-opinjoni tal-awditjar indipendenti dwarha, jew fil-każ ta' implimentazzjoni mhux sodisfaċenti mill-awtorità nazzjonali tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista' timplimenta kull miżura prekawzjonarja jew korrettiva meħtieġa biex tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 131(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

7.   Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat regolari u taħriġ man-netwerk ta' aġenziji nazzjonali, u għalih, biex tiżgura l-implimentazzjoni koerenti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fost il-pajjiżi parteċipanti kollha. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta regolarment mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi l-organizzazzjonijiet parteċipanti, dwar l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

KAPITOLU VII

SISTEMA TA' KONTROLL

Artikolu 22

Prinċipji tas-sistema tal-kontroll

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jkunu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa mhux kif dovut u, fejn hu xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjari li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-kontrolli ta' superviżjoni fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà mmexxija mill-aġenziji nazzjonali. Għandha tistipula r-rekwiżiti minimi għall-kontrolli mill-aġenzija nazzjonali u l-korp tal-awditjar indipendenti.

3.   L-aġenziji nazzjonali għandhom ikunu responsabbli għall-kontrolli primarji tal-benefiċjarji tal-għotjiet għall-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li jiġu assenjati lilhom. Dawk il-kontrolli għandhom ikunu proporzjonati u adegwati u jagħtu assigurazzjoni raġonevoli li l-għotjiet mogħtija jintużaw kif kien intenzjonat u f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni.

4.   Fir-rigward tal-fondi ttrasferiti lill-aġenziji nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koordinazzjoni xierqa tal-kontrolli tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji nazzjonali, abbażi tal-prinċipju ta' awditu uniku u wara li ssir analiżi bbażata fuq ir-riskju. Dan il-paragrafu ma japplikax għall-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).

Artikolu 23

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri huma mogħtija s-setgħa ta' awditjar, abbażi ta' dokumenti u ta' spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha ta' għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi u l-partijiet terzi l-oħra li rċevew fondi tal-Unjoni taħt il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Huma jistgħu jagħmlu wkoll awditjar u kontrolli fir-rigward tal-aġenziji nazzjonali.

2.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq atturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn tali finanzjament, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16), bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew ma' deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjati taħt il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu tali awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET TA' IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 24

Implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

1.   Biex timplimenta dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma, b'kont meħud tal-prijoritajiet skont il-politiki ta' solidarjetà nazzjonali, fejn tali informazzjoni tiġi trażmessa lill-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Kull programm ta' ħidma għandu jiżgura li l-objettiv ġenerali u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 jiġu implimentati b'mod konsistenti u għandu jagħti deskrizzjoni tar-riżultati mistennija, tal-metodu tal-implimentazzjoni u tal-ammont totali tagħhom. Il-programmi ta' ħidma għandhom ukoll jinkludu deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni, indikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-fondi bejn il-pajjiżi parteċipanti għall-azzjonijiet li għandhom jiġu ġestiti permezz tal-aġenziji nazzjonali u skeda indikattiva tal-implimentazzjoni.

2.   Għall-baġit ġestit permezz tal-aġenziji nazzjonali, l-att ta' implimentazzjoni għandu jippermetti lill-aġenziji nazzjonali jallokaw ammonti bejn azzjonijiet prinċipali fil-pajjiż u azzjonijiet transfruntiera b'mod li jkun koerenti mal-prijoritajiet identifikati mill-politiki ta' solidarjetà nazzjonali, skont l-Artikolu 9(2) u fil-limiti stabbiliti fil-programmi ta' ħidma.

3.   Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

Artikolu 25

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET EMENDATORJI U FINALI

Artikolu 26

Emendar tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi

1.   Il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi għandha tappoġġja:

(a)

il-mobbiltà taż-żgħażagħ fl-attivitajiet ta' tagħlim mhux formali u informali bejn il-pajjiżi fil-Programm; tali mobbiltà tista' tieħu l-forma ta' skambji taż-żgħażagħ, kif ukoll ta' attivitajiet innovattivi abbażi ta' dispożizzjonijiet eżistenti għall-mobbiltà;

(b)

il-mobbiltà ta' persuni attivi fix-xogħol taż-żgħażagħ jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ; tali mobbiltà tista' tieħu l-forma ta' attivitajiet ta' taħriġ u ta' netwerking.

2.   Din l-azzjoni għandha tappoġġja wkoll il-mobbiltà taż-żgħażagħ, kif ukoll il-mobbiltà ta' persuni attivi fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ta' mexxejja taż-żgħażagħ, minn pajjiżi sħab jew lejhom, b'mod partikolari pajjiżi tal-viċinat.”;

(2)

fl-Artikolu 18, il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm mill-1 ta' Jannar 2014 huwa stabbilit għal EUR 14 542 724 000 fil-prezzijiet kurrenti.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat għall-azzjonijiet tal-Programm kif ġej, b'marġni ta' flessibbiltà li ma jeċċedix il-5 % ta' kull wieħed mill-ammonti allokati:

(a)

tal-inqas 80,8 % lill-edukazzjoni u t-taħriġ, li minnhom se jiġu assenjati l-allokazzjonijiet minimi li ġejjin:

(i)

44,3 % lill-edukazzjoni għolja, li jirrappreżentaw 35,7 % tal-baġit totali;

(ii)

21,4 % lill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li jirrappreżentaw 17,3 % tal-baġit totali;

(iii)

14,6 % lill-edukazzjoni fl-iskejjel, li jirrappreżentaw 11,8 % tal-baġit totali;

(iv)

4,9 % lit-tagħlim lill-adulti, li jirrappreżentaw 3,9 % tal-baġit totali;

(b)

8,6 % liż-żgħażagħ;

(c)

sa 1,5 % lill-Faċilità ta' Garanzija ta' Self lill-Istudenti;

(d)

1,9 % lil Jean Monnet;

(e)

1,8 % lill-isport, li minnhom mhux iktar minn 10 % lill-attività msemmija taħt il-punt (b) tal-Artikolu 17(1);

(f)

3,4 % bħala għotjiet operattivi lil aġenziji nazzjonali;

(g)

1,8 % biex ikopru n-nefqa amministrattiva.

3.   Mill-allokazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, mill-inqas 63 % għandhom jiġu allokati għall-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi, mill-inqas 27 % għall-kooperazzjoni għal innovazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajbin u mill-inqas 4,2 % għall-appoġġ għar-riforma tal-politika.”.

Artikolu 27

Emendar tar-Regolament (UE) Nru 1293/2013

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1293/2013, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Is-sottoprogramm għall-Ambjent li jikkorrispondi għall-qasam ta' prijorità Governanza Ambjentali u s-sottoprogramm għal Azzjoni Klimatika li jikkorrispondi għall-qasam ta' prijorità Governanza Klimatika u Informazzjoni jistgħu jiffinanzjaw proġetti skont it-tifsira tal-Artikolu 17(4) ta' dan ir-Regolament implimentati mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), li jikkontribwixxu għal wieħed jew aktar mill-oqsma ta' prijorità skont it-tifsira tal-Artikoli 9 u 13 ta' dan ir-Regolament. Dawk il-proġetti għandhom jiġu implimentati biss f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1475, għall-esklużjoni tar-rekwiżiti speċifiċi ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Emendar tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Fl-Artikolu 19(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, jiżdied is-subparagrafu li ġej wara t-tieni subparagrafu:

“Il-pakkett finanzjarju derivat mill-Intestatura 3 “Sigurtà u Ċittadinanza” jista' jiffinanzja azzjonijiet implimentati mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1475 (*2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jikkontribwixxu għal waħda jew aktar mill-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Dawk l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati biss f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1475, għall-esklużjoni tar-rekwiżiti speċifiċi tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-2 ta' Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 160.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2018.

(3)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(4)  ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.

(5)  Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1).

(6)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(7)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea”) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-“Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(12)  Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).

(13)  Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(14)  Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21).

(15)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(16)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib sabiex jitkejjel il-livell safejn ikunu ntlaħqu l-objettiv ġenerali u l-objettivi speċifiċi, kif ukoll biex jiġu mmonitorjati l-outputs, ir-riżultati u l-impatti tiegħu. Għal dak il-għan ġie stabbilit qafas minimu ta' indikaturi biex iservi bħala bażi għal programm dettaljat futur biex jimmonitorja l-outputs, ir-riżultati u l-impatti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, inkluż sett estiż ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2):

 

Indikaturi tal-output

(a)

numru ta' parteċipanti f'attivitajiet ta' volontarjat (fil-pajjiż u transfruntieri) imqassma skont il-pajjiż, l-età, is-sess, l-isfond professjonali u l-livell edukattiv miksub;

(b)

numru ta' parteċipanti fi traineeships (fil-pajjiż u transfruntieri) imqassma skont il-pajjiż, l-età, is-sess, l-isfond professjonali u l-livell edukattiv miksub;

(c)

numru ta' parteċipanti f'impjiegi (fil-pajjiż u transfruntieri) imqassma skont il-pajjiż, l-età, is-sess, l-isfond professjonali u l-livell edukattiv miksub;

(d)

numru ta' parteċipanti fi proġetti ta' solidarjetà mqassma skont il-pajjiż, l-età, is-sess, l-isfond professjonali u l-livell edukattiv miksub;

(e)

numru ta' organizzazzjonijiet li għandhom tikketta tal-kwalità mqassma skont il-pajjiż u l-finanzjament riċevut;

(f)

numru ta' żagħżagħ parteċipanti b'inqas opportunitajiet.

 

Indikaturi tar-riżultat (Indikaturi komposti)

(g)

numru ta' parteċipanti li jirrapportaw l-eżiti tat-tagħlim pożittivi;

(h)

perċentwal tal-parteċipanti li l-eżiti tat-tagħlim tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti permezz ta' ċertifikat bħall-Youthpass, jew tip ieħor ta' rikonoxximent formali tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

(i)

rata globali tas-sodisfazzjon tal-parteċipanti fir-rigward tal-kwalità tal-attivitajiet;

(j)

numru ta' nies appoġġjati direttament jew indirettament permezz ta' attivitajiet ta' solidarjetà.

Barra minn hekk, għandha tiġi żgurata, kif xieraq, il-koerenza ma' indikaturi ewlenin għaż-Żgħażagħ kif imsemmi fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013.


Top