EUR-Lex Достъп до правото на Европейския съюз

Обратно към началната страница на EUR-Lex

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Документ 32018R1012

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 tas-17 ta' Lulju 2018 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/671

C/2018/4547

ĠU L 181, 18.7.2018г., стр. 7—38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Правен статус на документа В сила

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1012/oj

18.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1012

tas-17 ta' Lulju 2018

li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/671

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1)“ir-Regolament bażiku”, u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fl-20 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) tat bidu għal investigazzjoni antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju (“roti elettriċi”), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

(2)

Il-Kummissjoni ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta' Bidu”).

(3)

Il-Kummissjoni tat bidu għall-investigazzjoni wara lment li ġie ppreżentat fit-8 ta' Settembru 2017 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (“l-ilmentatur” jew l-“EBMA”). L-ilmentatur jirrappreżenta aktar minn 25 % tar-roti elettriċi kollha prodotti fl-Unjoni. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali riżultanti, u dan kien biżżejjed biex jiġġustifka l-bidu tal-investigazzjoni.

(4)

Fil-21 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-RPĊ, u bdiet investigazzjoni separata. Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

1.2.   Reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet

(5)

Fil-31 ta' Jannar 2018, l-ilmentatur ippreżenta talba għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ta' roti elettriċi mir-RPĊ, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Fit-3 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/671 (ir-“Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”) (4) li jagħmel l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi mir-RPĊ suġġetti għal reġistrazzjoni mill-4 ta' Mejju 2018 'il quddiem.

(6)

B'rispons għat-talba għal reġistrazzjoni, il-partijiet interessati ppreżentaw kummenti li ġew indirizzati fir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni tikkonferma li l-ilmentaturi ppreżentaw biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-ħtieġa li l-importazzjonijiet jiġu rreġistrati. L-importazzjonijiet u l-ishma mis-suq mir-RPĊ kienu żdiedu bil-qawwa. Għalhekk, il-kummenti ġew rifjutati.

1.3.   Perjodu ta' investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(7)

L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2016 sat-30 ta' Settembru 2017 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kunsidrat”).

1.4.   Partijiet interessati

(8)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat speċifikament lill-ilmentaturi, lil produtturi tal-Unjoni oħra magħrufa, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tar-RPĊ, kif ukoll lill-importaturi magħrufa dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(9)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjonijiet u jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(10)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li, proviżorjament, hija kienet għażlet lill-Iżvizzera bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“pajjiż analogu”) skont it-tifsira tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità jikkummentaw u jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(11)

Xi wħud mill-partijiet interessati li appoġġaw l-ilment talbu trattament kunfidenzjali tal-identitajiet tagħhom minħabba f'biża' ta' ritaljazzjoni, billi huma jixtru ċerti partijiet tar-roti elettriċi tagħhom fir-RPĊ. Il-Kummissjoni laqgħet it-talbiet tagħhom wara valutazzjoni ta' dawn l-argumenti.

(12)

Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta' Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (“CCCME”), u l-Kollettiva tal-Importaturi Ewropej ta' Roti Elettriċi (“CEIEB”), li t-tnejn li huma rrappreżentaw bosta partijiet interessati, ippreżentaw xi kummenti wara l-bidu tal-proċediment.

(13)

Is-CCCME ppreżentat l-argument li r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tat trattament kunfidenzjali lill-identità ta' xi wħud mill-partijiet interessati li appoġġaw l-ilment kienu kemm insuffiċjenti kif ukoll mingħajr bażi. Skont is-CCCME, xi wħud mill-membri tal-Industrija tal-Unjoni jimportaw roti elettriċi kompluti mir-RPĊ u għalhekk, fid-dawl tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku, jistgħu jiġu preklużi milli jitqiesu bħala membri tal-Industrija tal-Unjoni. Is-CCCME ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li t-trattament kunfidenzjali tal-identità ta' xi wħud mill-partijiet interessati jipprekludi lill-produtturi esportaturi milli jeżaminaw ir-rappreżentattività f'dan il-każ b'mod xieraq.

(14)

B'mod simili, is-CEIEB ippreżentat l-argument li l-ilment la jinkludi lista tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha tal-prodott simili, u lanqas il-volum u l-valur prodott minn dawn il-produtturi. Il-Kummissjoni ma laqgħetx dan l-argument. L-ilment kien jinkludi lista ta' produtturi magħrufa fl-Unjoni (5), kif ukoll il-volum totali tal-produzzjoni tagħhom (6). Is-CEIEB b'dan il-mod, kienet f'pożizzjoni li tevalwa l-lista ta' produtturi magħrufin tal-Unjoni tal-prodott simili.

(15)

Din l-informazzjoni ppermettiet lis-CEIEB li tidentifika li żewġ kumpaniji elenkati bħala produtturi tal-Unjoni qed jimportaw ukoll il-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk, huwa ċar li s-CEIEB setgħet teżerċita bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha f'dan ir-rigward. Għalhekk it-talbiet ma ntlaqgħux.

(16)

Barra minn hekk, is-CCCME ppreżentat l-argument li l-ilment ma kienx jinkludi l-livell meħtieġ ta' biżżejjed evidenza biex jirriżulta fit-tnedija ta' investigazzjoni. Is-CCCME tat erba' raġunijiet għal dan.

(17)

L-ewwel nett, id-data dwar l-importazzjoni bbażata fuq l-istatistika dwar l-esportazzjoni Ċiniża, li nkisbet mingħand id-dwana Ċiniża, flimkien mal-aġġustamenti li sarulha biex jiġi ffiltrat il-prodott li huwa suġġett għal din l-investigazzjoni, ma għandhiex tinżamm kunfidenzjali u s-sors tagħha għandu jiġi eżaminat kif xieraq mill-Kummissjoni.

(18)

It-tieni, ċerta informazzjoni inkluża fl-ilment, bħal pereżempju l-kapaċità eċċessiva allegata fis-settur rilevanti fir-RPĊ, hija qarrieqa billi mhijiex relatata biss mas-settur tar-roti elettriċi iżda minflok ma' dak tar-roti elettriċi u r-roti konvenzjonali flimkien. B'mod simili, il-valur tas-suq tar-roti elettriċi tal-Unjoni jkun stmat b'mod eċċessiv, billi jkopri l-vetturi elettriċi ħfief kollha u mhux ir-roti elettriċi biss.

(19)

It-tielet, it-talbiet għas-sussidjar li saru fl-ilment ma għandhomx bażi u jistħoqqilhom l-investigazzjoni antisussidji proprja tagħhom.

(20)

Ir-raba'skont is-CCCME, l-ilment għamel sensiela ta' stqarrijiet mhux iġġustifikati li jikkawżaw dannu lill-industrija tar-roti elettriċi fir-RPĊ, waqt li jallega li huma l-produtturi tal-Unjoni li jixprunaw l-innovazzjoni f'dan in-negozju u li l-produtturi Ċiniżi sempliċiment qed jirreplikaw l-istatus quo tat-teknoloġija tar-roti elettriċi żviluppata fl-Unjoni.

(21)

Il-Kummissjoni eżaminat l-ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, u wasslet għall-konklużjoni li r-rekwiżiti għall-bidu ta' investigazzjoni ġew issodisfati, jiġifieri li l-adegwatezza u l-preċiżjoni tal-evidenza preżentata mill-ilmentatur kienu suffiċjenti. Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku, ilment għandu jinkludi dik l-informazzjoni li b'mod raġonevoli tkun disponibbli għall-ilmentatur fuq il-fatturi indikati fih. Fuq il-bażi tal-evidenza pprovduta, il-Kummissjoni qieset li din il-kundizzjoni kienet issodisfata.

(22)

Rigward l-argument tad-data tal-importazzjonijiet Ċiniżi, il-Kummissjoni tirreferi għat-taqsima 3.2 tar-Regolament ta' reġistrazzjoni u għat-taqsima 4.3 ta' dan ir-Regolament, fejn dan l-argument huwa indirizzat biżżejjed.

(23)

Rigward l-argument dwar il-kapaċità żejda, huwa tabilħaqq rilevanti li jiġu eżaminati l-kapaċitajiet żejda għat-taqsima tar-roti elettriċi u r-roti konvenzjonali flimkien, billi l-kapaċità ta' produzzjoni għar-roti konvenzjonali tista' tiġi kkonvertita f'roti elettriċi bi spiża baxxa u bi ftit sforz (ara l-premessa (172)), u teżisti evidenza rreġistrata li dan tabilħaqq isir regolarment minn kumpaniji li jipproduċu ż-żewġ prodotti.

(24)

Rigward il-kummenti dwar sussidju allegat fis-suq Ċiniż, il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni antisussidji fil-21 ta' Diċembru 2017, fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-RPĊ, u bdiet investigazzjoni separata. Din l-investigazzjoni għadha għaddejja.

(25)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tal-innovazzjoni u tar-riproduzzjoni, l-eżattezza tal-allegazzjonijiet imsemmija fil-punt erba' ma kellha l-ebda piż fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li fuqha huwa msejjes il-bidu ta' dan il-każ, peress li dawm ma jaqgħux fil-fatturi kkunsidrati għal dan l-għan.

(26)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali li rriżulta, li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.5.   Kampjunar

(27)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista' tieħu kampjun ta' produtturi esportaturi, ta' produtturi tal-Unjoni u ta' importaturi mhux relatati, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.5.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(28)

Fin-Notifiki ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet għażlet proviżorjament kampjun ta' produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun fuq il-bażi tal-volumi ta' bejgħ l-aktar rappreżentattivi tal-prodott simili fil-perjodu tal-investigazzjoni filwaqt li żgurat firxa fit-tipi ta' prodotti u firxa ġeografika.

(29)

Dan il-kampjun kien jikkonsisti f'erba' produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni kkampjunati kienu responsabbli għal 60 % tal-volum tal-produzzjoni totali u 58 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom dwar dan il-kampjun proviżorju.

(30)

L-EBMA saħqet li l-kampjun kien iffukat wisq fuq is-suq Olandiż, u ma kienx iqis b'mod xieraq lill-produtturi Franċiżi.

(31)

Il-Kummissjoni osservat li l-kampjun kien jinkludi l-akbar swieq għall-prodott li qed jiġi investigat, kif ukoll l-akbar produtturi f'termini ta' volum u ta' bejgħ fis-suq tal-Unjoni li setgħu jiġu investigati b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

(32)

Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-produzzjoni tal-produtturi Franċiżi tirrappreżenta biss parti żgħira mill-produzzjoni ta' roti elettriċi fl-Unjoni. Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li jiġi inkluż produttur Franċiż biex tiġi żgurata r-rappreżentattività tal-kampjun.

(33)

Wieħed mill-partijiet interessati ssuġġerixxa li mal-kampjun jiżdied manifattur Ġermaniż. Madankollu, jidher li l-kumpanija inkwistjoni ma kinitx qed tikkoopera, u għalhekk il-kumment kellu jiġi injorat. Din ma affettwatx ir-rappreżentattività tal-kampjun, peress li l-kampjun kien ikopri 60 % tal-volum tal-produzzjoni, u kien jinkludi manifattur Ġermaniż.

(34)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat li l-kampjun huwa rappreżentattiv fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni.

1.5.2.   Kampjunar tal-importaturi

(35)

Biex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati li jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(36)

Wieħed u għoxrin importatur mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F'konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' ħames importaturi mhux relatati abbażi tal-akbar volum ta' importazzjonijiet fl-Unjoni. F'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, l-importaturi kollha magħrufa kkonċernati ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun.

(37)

Wieħed mill-partijiet interessati kkummenta li l-kampjun tal-importaturi mhuwiex rappreżentattiv, billi ma jkoprix importaturi mid-Danimarka, mill-Ġermanja, mill-Italja u mir-Renju Unit, u huwa ffukat iżżejjed fuq importaturi li jixtru roti elettriċi għall-bliet.

(38)

Madankollu, l-importaturi li kkooperaw mid-Danimarka, mill-Ġermanja u mir-Renju Unit kienu ħafna iżgħar mill-importaturi kkampjunati, u ma kkoopera l-ebda importatur mill-Italja. Barra minn hekk, l-importaturi kkampjunati importaw firxa wiesgħa ta' prodotti, inklużi roti elettriċi għall-ibliet, roti elettriċi għat-trekking, roti elettriċi għall-isport (electric mountain bicycles) u roti elettriċi li jintwew.

(39)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-kampjun kien jinkludi l-akbar volum importat li seta' jiġi investigat b'mod raġonevoli fil-ħin disponibbli.

(40)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat li l-kampjun huwa rappreżentattiv fir-rigward tal-importaturi li kkooperaw.

1.5.3.   Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(41)

Sabiex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(42)

Sitta u disgħin produttur esportatur fir-RPĊ ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Wieħed mill-produtturi ma rrapporta ebda esportazzjoni ta' roti elettriċi lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni, u għalhekk ma tqiesx bħala ammissibbli għall-kampjun. Proviżorjament, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' erba' gruppi ta' produtturi li kkooperaw, abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

(43)

F'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha ta' roti elettriċi, kif ukoll l-awtoritajiet tar-RPĊ, ġew ikkonsultati dwar il-kampjun magħżul.

(44)

Tliet produtturi esportaturi mhux kkampjunati li ma kkooperawx ippreżentaw l-argument li huma għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, minħabba karatteristiki partikolari allegati fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tagħhom, li jagħmilhom distinti mill-produtturi esportaturi kollha jew minn xi wħud minnhom.

(45)

Dawn il-karatteristiċi mhumiex rilevanti mill-perspettiva tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, li fuq il-bażi tiegħu il-kampjun għandu jiġi magħżul. F'konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fil-ħin disponibbli. Ebda wieħed mit-tliet produtturi esportaturi mhux kkampjunati ma kkontesta l-fatt li ma kienx jikkwalifika għall-kampjun skont dan il-kriterju, u ebda wieħed minnhom ma ppreżenta l-argument li għadu jinbidel il-kriterju għall-għażla tal-kampjun. Għalhekk, it-tliet talbiet ma ntlaqgħux.

(46)

Wara l-iskadenza għar-reazzjonijiet għall-kampjunar, u wara li l-kampjun intgħażel u l-kwestjonarji kienu diġà ntbagħtu, wieħed mill-produtturi esportaturi ppreżenta lilu nnifsu u talab li jitqies bħala li qed jikkoopera, billi kien wieġeb fiż-żmien dovut għall-eżerċizzju ta' kampjunar fl-investigazzjoni antisussidji parallela. It-talba ma ntlaqgħetx billi l-kumpanija ma ppreżentatx lilha nfisha fiż-żmien dovut fl-investigazzjoni preżenti.

1.6.   Eżami individwali

(47)

Sitt produtturi esportaturi mhux ikkampjunati għamlu talba formali għal eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Tnejn minnhom talbu trattament ta' ekonomija tas-suq, li jippermetti għal żewġ formoli għal talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq addizzjonali biex jiġu analizzati u vverifikati. Barra minn hekk, tlieta mill-kumpaniji li formalment talbu eżami individwali huma gruppi ta' kumpaniji b'total ta' sitt negozjanti relatati. It-tweġibiet tagħhom għall-parti rilevanti tal-kwestjonarju dwar l-antidumping ikollhom ukoll jiġu analizzati u vverifikati mit-timijiet tal-każ. L-eżami ta' numru daqshekk kbir ta' talbiet ikun ta' piż kbir wisq u ma jistax jiġi raġjonevolment mistennija matul iż-żmien disponibbli għall-investigazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tilqa' l-ebda talba għal eżami individwali.

1.7.   Formoli ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

(48)

Għall-finijiet tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta' talba għal TES lill-produtturi esportaturi kooperattivi kollha fir-RPĊ magħżula biex ikunu fil-kampjun u lill-produtturi esportaturi kooperativi li ma kinux kkampjunati li xtaqu japplikaw għal marġni tad-dumping individwali. Wieħed biss mill-gruppi ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ li ntgħażlu fil-kampjun ippreżenta formola ta' talba għal TES, u din ġiet ivvalutata mill-Kummissjoni.

1.8.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju

(49)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-kumpaniji kollha kkampjunati, lill-produtturi esportaturi kollha li kellhom il-ħsieb jitolbu eżami individwali, u lil 27 produtturi f'pajjiżi analogi potenzjali fl-Awstralja, fil-Ġappun, fil-Messiku, fil-Korea t'Isfel, fl-Iżvizzera, fit-Tajwan, fit-Turkija, fit-Tajlandja u fl-Istati Uniti.

(50)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju mill-produtturi kollha tal-Unjoni, mill-importaturi mhux relatati kkampjunati kollha, mill-produtturi esportaturi kkampjunati fir-RPĊ, mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ li kienu qed jitolbu eżami individwali, u minn produttur f'pajjiż analogu wieħed mill-Iżvizzera.

1.9.   Żjarat ta' verifika

(51)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għal determinazzjoni proviżorja tad-dumping, id-dannu li jirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi tal-Unjoni:

Accell Group (Heerenveen, in-Netherlands),

Eurosport DHS SA (Deva, ir-Rumanija), u l-kumpanija relatata tagħhom Prophete GmbH & Co. KG (Rheda-Wiedenbrück, il-Ġermanja),

Derby Cycle Holding GmbH (Cloppenburg, il-Ġermanja);

Koninklijke Gazelle NV (Dieren, in-Netherlands);

 

Produtturi esportaturi fir-RPĊ:

Bodo Vehicle Group Co., Ltd.(Tianjin);

Giant Electric Vehicle Co. (Kunshan), Ltd; Giant (China) Co.(Kunshan), Ltd. u Giant (Tianjin) Co., Ltd. (Tianjin);

Jinhua Vision Industry Co., Ltd u Yongkang Hulong Electric Vehicle Co., Ltd. (Jinhua);

Suzhou Rununion Motivity Co., Ltd. (Suzhou);

 

Produtturi f'pajjiż analogu:

Bicycletec AG; (Huttwil, l-Iżvizzera);

 

Importaturi mhux relatati fl-Unjoni:

Hartmobile B.V. (Amsterdam, in-Netherlands);

Stella Fietsen B.V. (Nunspeet, in-Netherlands);

 

Importaturi relatati fl-Unjoni:

Giant Europe B.V. (Lelystad, in-Netherlands);

Giant Europe B.V. (Lelystad, in-Netherlands);

Giant Deutschland GmbH. (Düsseldorf, il-Ġermanja).

1.10.   Perjodu ta' investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(52)

L-investigazzjoni dwar dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2016 sat-30 ta' Settembru 2017 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kunsidrat”).

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott ikkonċernat

(53)

Il-prodott ikkonċernat huwa ċikli, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju, li joriġina fir-RPĊ, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (kodiċi TARIC 8711609010)(“il-prodott ikkonċernat”).

(54)

Din id-definizzjoni tkopri diversi tipi ta' roti elettriċi.

2.2.   Prodott simili

(55)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi, kif ukoll l-istess użu bażiku:

(a)

il-prodott ikkonċernat;

(b)

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Isvizzera, li serva proviżorjament bħala pajjiż analogu;

(c)

il-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(56)

F'dan l-istadju, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għalhekk simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Talbiet rigward il-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott

(57)

Fil-kummenti tagħha wara l-bidu tal-investigazzjoni, is-CCCME kkontestat l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiġbor fi grupp ir-roti elettriċi kollha bħala prodott uniku. B'mod partikolari, hija ppreżentat l-argument li r-roti elettriċi veloċi (roti elettriċi b'veloċità ta' aktar minn 25 km/h u sa 45 km/h) jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni. Filwaqt li l-magni ta' roti elettriċi standard għandhom potenza massima (7) ta' 250 W, il-magni ta' roti elettriċi veloċi jista' jkollhom potenza ogħla, tipikament ta' 350 – 500 W.

(58)

Is-CCCME ppreżentat l-argument li dawn ir-roti għandhom karatteristiki u użu intenzjonat sinifikattivament differenti, kif ukoll prezzijiet sinifikattivament differenti. Mill-perspettiva tal-konsumaturi, roti elettriċi veloċi ma jistgħux jiġu skambjati mar-roti elettriċi kollha l-oħra koperti minn din l-investigazzjoni.

(59)

Skont is-CCCME, hemm bosta raġunijiet għalfejn ir-roti elettriċi veloċi huma differenti minn roti elettriċi oħra. L-ewwel nett, il-materja prima u l-komponenti huma differenti. Pereżempju, il-magna għal roti elettriċi veloċi għandha potenza nominali ogħla, u l-materjali għar-roti elettriċi għandhom saħħa u kwalità aħjar.

(60)

It-tieni, il-kostijiet u l-prezzijiet huma sinifikattivament differenti. Billi hemm rekwiżiti aktar stretti għall-kwalità u s-saħħa tal-partijiet li jintużaw fil-produzzjoni ta' roti elettriċi veloċi, il-kost tal-produzzjoni ta' roti elettriċi veloċi huwa ogħla minn dak ta' roti elettriċi ordinarji, li min-naħa tiegħu jirriżulta fi prezz finali tal-bejgħ ogħla.

(61)

It-tielet, il-kodiċijiet NM huma differenti. Mill-1 ta' Jannar 2017, ir-roti elettriċi ordinarji ġew ikklassifikati taħt il-kodiċi NM 8711 60 10, u r-roti elettriċi veloċi ġew ikklassifikati taħt il-kodiċi NM 8711 60 90. Qabel l-2017, ir-roti elettriċi ordinarji kienu kklassifikati taħt (dak li kien) il-kodiċi NM 8711 90 10 u r-roti elettriċi veloċi kienu kklassifikati taħt (dak li kien) il-kodiċi NM 8711 90 90.

(62)

Ir-raba', ir-roti elettriċi veloċi jitqiesu bħala vetturi bil-mutur (vettura tal-kategorija L1e-B), allura min isuqhom irid ikollu liċenzja u jrid jilbes elmu. Ma hemmx rekwiżiti bħal dawn għal roti elettriċi ordinarji. Dawn ir-rekwiżiti se jirrestrinġu b'mod sostanzjali lix-xerrejja u lill-operaturi tar-roti elettriċi veloċi.

(63)

Il-ħames, it-tipi ta' konsumaturi għar-roti elettriċi veloċi huma differenti. Normalment, ix-xerrejja ta' roti elettriċi ordinarji huma prinċipalment ħaddiema f'uffiċċji jew persuni anzjani li japprezzaw l-assistenza addizzjonali fir-rigward ta' potenza, filwaqt li x-xerrejja ta' roti elettriċi veloċi huma fil-biċċa l-kbira żgħażagħ li jużaw dawn ir-roti elettriċi għal attivitajiet aktar intensivi jew sportivi.

(64)

L-ilmentatur ippreżenta l-argument li r-roti elettriċi kollha jikkondividu karatteristiki ewlenin komuni. B'mod partikolari, it-tlieta li huma huma ċikli mfassla bil-pedali, mgħammra b'mutur elettriku awżiljarju għall-assistenza ta' pedali. Barra minn hekk, ir-roti elettriċi kollha huma suġġetti għall-istess testijiet taħt l-Istandard Ewropew EN 15194. Abbażi ta' dan, l-ilmentatur ikkonkluda li għall-fini tal-investigazzjonijiet preżenti, dawn jiffurmaw prodott uniku.

(65)

L-ilmentatur ġibed l-attenzjoni wkoll għal fatt li l-limitu ta' veloċità bl-assistenza tal-mutur awżiljarju jista' jinbidel faċilment minn 25 km/h għal 45 km/h u vice-versa, iżda din hija essenzjalment kwistjoni ta' programmazzjoni tas-softwer aktar milli kwistjoni ta' differenzi fiżiċi.

(66)

Matul l-investigazzjoni, wieħed mill-importaturi saħaq li r-roti elettriċi li jaqgħu taħt il-kategorija L1e-A jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott li qed jiġi investigat. Il-kategorija L1e-A tkopri roti elettriċi b'appoġġ ta' mutur awżiljarju li jwassal sa 25 km/h, iżda b'potenza tal-magna li twassal sa 1 kW. Allegatament, ir-roti elettriċi tal-kategorija L1e-A mhumiex prodotti fl-Unjoni, u mhumiex speċifikament imsemmija fl-ilment. L-importatur jisħaq ukoll li r-roti elettriċi tal-kategorija L1e-A ma setgħux ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, billi l-ewwel rota elettrika tal-kategorija L1e-A inbiegħet fis-suq tal-Unjoni aktar minn 8 ġimgħat wara li l-ilmentatur ressaq l-ilment.

(67)

Il-Kummissjoni qieset dawn il-kummenti kollha. Hija nnutat li l-ambitu tal-prodott tal-ilment tabilħaqq kopra r-roti kollha, bl-assistenza tal-pedali, b'mutur elettriku awżiljarju. L-ambitu tal-prodott tal-ilment ma fih l-ebda limitu f'dak li għandu x'jaqsam mal-klassifikazzjoni tal-vetturi. Għalhekk ġie konkluż li r-roti elettriċi tal-kategorija L1e-A huma koperti mill-ilment. Mis-sit web tal-importatur stess, kien jidher ċar li r-roti elettriċi L1e-A għandhom il-benefiċċji kollha ta' rota elettrika regolari iżda b'potenza iktar qawwija. L-importatur jenfasizza b'mod partikolari li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, ir-roti elettriċi tal-kategorija L1e-A ma jirrikjedux elmu u jistgħu jintużaw fil-mogħdijiet u t-trejqiet speċifiċi għaċ-ċiklisti.

(68)

Fir-rigward ta' roti elettriċi veloċi, huwa sostnut li l-kost tal-produzzjoni u l-prezz ta' bejgħ tagħhom huma ogħla b'mod sinifikanti. Dan, fih innifsu, mhuwiex raġuni għall-esklużjoni ta' prodott mill-ambitu tal-prodott, peress li l-ambitu tal-prodott ta' spiss jinkludi merkanzija mibjugħa bi prezzijiet differenti. Dan il-fattur huwa madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni fil-paraguni fil-kalkoli ta' dumping u ta' dannu.

(69)

Għal dak li jirrigwarda l-użu intenzjonat differenti u l-perċezzjoni tal-konsumaturi, huwa argumentat li r-roti elettriċi normali huma fil-biċċa l-kbira mibjugħa lill-persuni anzjani, liċ-ċiklisti ta' rekreazzjoni, kif ukoll lill-ħaddiema tal-uffiċini, filwaqt li r-roti elettriċi veloċi jintużaw l-aktar għal attivitajiet aktar diffiċli bħall-ivvjaġġar. Peress li l-ħaddiema tal-uffiċini x'aktarx jużaw ir-roti elettriċi normali tagħhom biex isuqu minn darhom lejn il-post tax-xogħol, dan l-użu huwa simili ħafna għall-użu ta' vvjaġġar fir-rigward tar-roti elettriċi veloċi. Huwa għalhekk konkluż li l-użu maħsub u l-perċezzjoni tal-konsumaturi huma simili f'ħafna aspetti, u għalhekk ma jwasslux għall-esklużjoni ta' prodott.

(70)

Rigward iż-żewġ talbiet għall-esklużjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-roti elettriċi veloċi u r-roti tal-kategorija L1e-A jikkondividu l-istess karatteristiċi fiżiċi ma' roti elettriċi oħra u għalhekk jaqgħu fl-ambitu tal-prodott. Filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li hemm tipi ta' prodotti differenti fl-istess kategorija ġenerali tal-prodott ikkonċernat, dan ma jistax fih innifsu jwassal għall-esklużjoni mill-ambitu tal-prodott. Klassifikazzjoni doganali differenti fl-istess kategorija ġenerali tal-prodott ikkonċernat ukoll mhijiex kriterju li fih innifsu jwassal għall-esklużjoni. Huwa tabilħaqq komuni ħafna fl-investigazzjonijiet antidumping li l-prodott ikkonċernat jinkludi firxa ta' kodiċijiet doganali. Finalment, ir-rekwiżiti marbuta mal-użu ta' wara l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat jew tal-prodott simili ma jaffettwawx il-karatteristiċi fiżiċi bażiċi li jiddefinixxu l-prodott għall-fini tal-investigazzjonijiet tal-antidumping. Bl-istess mod, l-ambitu tal-prodott mhuwiex definit mill-kategoriji ta' konsumaturi li se jagħżlu tip partikolari ta' prodott wieħed jew ta' ieħor. Għalhekk it-talbiet ma ntlaqgħux.

(71)

Importatur wieħed stqarr li jenħtieġ li t-triċikli elettriċi jinħarġu mill-ambitu tal-prodott li qed jiġi investigat. Huwa allega li mhuwiex ċar jekk l-investigazzjoni attwalment koprietx it-tipi kollha ta' ċikli (roti, triċikli u kwadriċikli) jew ir-roti biss, minħabba li t-titolu ta' din in-Notifika ta' Bidu kien jgħid li l-proċediment antidumping jikkonċerna l-importazzjoni ta' roti elettriċi.

(72)

Il-Kummissjoni nnotat li l-ambitu tal-prodott li qed jiġi investigat, madankollu, mhuwiex definit mit-titolu tan-Notifika ta' Bidu, iżda mit-Taqsima “2. il-Prodott li qed jiġi investigat” Din it-taqsima tiddefinixxi b'mod ċar li l-prodott li qed jiġi investigat ikopri ċ-“ċikli”. It-terminu “ċikli” mhuwiex limitat għal roti b' 2 roti, iżda jinkludi wkoll triċikli u kwadriċikli. Billi r-roti huma bil-bosta l-iktar tip komuni ta' ċiklu, it-titolu isemmi r-roti, mingħajr ma jeskludi tipi oħra ta' ċikli mill-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni.

(73)

L-importatur sostna wkoll li l-investigazzjoni ffukat speċifikament fuq ir-roti. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' din il-pretensjoni. Hija ġabret l-informazzjoni li tkopri t-tipi kollha ta' ċikli elettriċi; Il-produtturi tal-Unjoni u l-esportaturi kienu marbuta li jindikaw in-numru ta' roti għall-prodotti kollha li huma produċew u biegħu fis-suq tal-Unjoni. Huwa għalhekk ċar li t-triċikli ġew identifikati separatament u investigati matul l-investigazzjoni kollha. Billi r-roti huma bla dubju l-aktar tip komuni ta' ċikli, mhuwiex sorprendenti li t-terminu roti-e/roti elettriċi/normalment jintuża biex jirreferi għal kull tip ta' rota elettrika, kemm fl-investigazzjoni kif ukoll fis-suq. Dan ma jfissirx li tipi oħra ta' ċikli ġew injorati fl-investigazzjoni.

(74)

Huwa għalhekk konkluż li r-roti elettriċi ta' veloċità, ir-roti elettriċi u t-triċikli elettriċi tal-kategorija L1e-A jikkondividu l-istess karatteristiċi fiżiċi u proprjetajiet bażiċi kif ukoll l-użi aħħarija ma' tipi oħra ta' roti elettriċi, għaldaqstant ma jistgħux jiġu esklużi mill-ambitu tal-li qed jiġi investigat.

3.   ID-DUMPING

3.1.   Valur normali

3.1.1.   Trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

(75)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tiddetermina l-valur normali skont l-Artikolu 2minn (1) sa (6) tar-Regolament bażiku għal kull produttur esportatur fir-RPĊ li jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u li għalhekk jista' jingħata TES.

(76)

Is-CCCME saħqet li wara l-iskadenza tal-paragrafu 15(a)(ii) tal-Protokoll dwar l-Adeżjoni tar-RPĊ mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) fil-11 ta' Diċembru 2016, jenħtieġ li r-regoli ġenerali għad-determinazzjoni tal-valur normali japplikaw għall-esportaturi Ċiniżi. F'dan ir-rigward, hija stqarriet li l-użu ta' metodoloġija ta' ekonomija mhux tas-suq biex tintlaħaq determinazzjoni wara l-11 ta' Diċembru 2016 imur kontra l-obbligi tal-Unjoni fil-konfront tal-WTO. Hija allegat ukoll li l-valur normali ma jistax ikun ibbażat fuq pajjiż analogu, iżda jenħtieġ li jkun ibbażat fuq id-data tal-bejgħ u tal-ispejjeż Ċiniżi.

(77)

In-Notifika ta' Bidu ġiet ippubblikata fl-20 ta' Ottubru 2017. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni rilevanti applikabbli għal din il-proċedura hija r-Regolament bażiku fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien ta' tnedija. Għaldaqstant jenħtieġ li l-valur normali jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 2(7)(a) u (b) tar-Regolament bażiku kif applikabbli fid-data ta' bidu ta' din l-investigazzjoni f'Ottubru 2017. Għalhekk, il-pretensjoni li saret mis-CCCME ma ntlaqgħetx.

(78)

Fil-qosor, u għal faċilità ta' referenza biss, il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku għal trattament ta' ekonomija tas-suq huma li:

(1)

id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b'reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat, u l-kostijiet jirriflettu l-valuri tas-suq;

(2)

id-ditti jkollhom sett ċar ta' records kontabilistiċi bażiċi li jiġu awditjati indipendentement, f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà u jiġu applikati għall-għanijiet kollha;

(3)

ma jkunx hemm distorsjonijiet sinifikanti riportati mis-sistema ekonomika preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq;

(4)

iċ-ċertezza u l-istabbiltà legali jiġu pprovduti permezz tal-liġijiet dwar il-fallimenti u dwar il-proprjetà; kif ukoll;

(5)

il-kambju tal-munita jsir skont ir-rata tas-suq.

(79)

Biex tiddetermina jekk ġewx issodisfati l-kriterji tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni neċessarja billi talbet lill-produtturi esportaturi jimlew il-formola ta' talba tat-TES. Wieħed biss mill-produtturi esportaturi kkampjunati, il-grupp Giant, talab TES u wieġeb sad-data ta' skadenza.

(80)

Billi dan il-każ kien jinvolvi partijiet relatati, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-grupp tal-kumpaniji relatati kollu kemm hu ssodisfax il-kundizzjonijiet għal TES. Għalhekk, f'każijiet fejn kumpanija sussidjarja jew kwalunkwe kumpanija oħra relatata mal-produttur esportatur fir-RPĊ kienet involuta, direttament jew indirettament, fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, l-eżami tat-TES sar fir-rigward ta' kull kumpanija individwalment kif ukoll fir-rigward tal-grupp ta' kumpaniji kollu kemm hu.

(81)

Il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha li hija qieset neċessarja, u vverifikat l-informazzjoni kollha ppreżentata fit-talbiet għal TES fl-uffiċċji tal-entitajiet legali l-kbar tal-grupp.

(82)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni sabet li l-grupp Giant naqas milli juri li huwa jissodisfa l-kriterji tat-TES skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, b'mod partikolari il-kriterji 1 u 3. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba għal TES.

(83)

Barra minn hekk, il-grupp Giant ma rnexxilux juri li ma hemmx interferenza sinifikanti mill-Istat u li l-kostijiet ta' inputs kbar jirriflettu l-valur tas-suq b'mod sostanzjali fil-produzzjoni tiegħu tal-prodott ikkonċernat. Kif spjegat fid-divulgazzjoni tat-TES, il-grupp Giant jixtri frejms u tubi tal-aluminju Ċiniżi, li l-prezzijiet tagħhom huma affettwati minn distorsjonijiet sinifikanti tal-aluminju primarju minħabba interferenza sinifikanti mill-Istat. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-grupp Giant naqas milli juri li huwa jissodisfa l-kriterju 1 tat-TES.

(84)

Barra minn hekk, il-grupp Giant ma rnexxilux juri li huwa ma kienx suġġett għal distorsjonijiet sinifikanti riportati mis-sistema ta' ekonomija mhux tas-suq ta' qabel. Skont l-iżvelar tat-TES, Giant Group ibbenefika minn diversi skemi ta' taxxa preferenzjali, rifużjonijiet, inċentivi finanzjarji, u tnaqqis speċjali għal spejjeż magħmula. Dawn il-vantaġġi, b'mod partikolari b'mod kombinat, jitqiesu bħala distorsjonijiet sinifikanti trasferiti mis-sistema ekonomika mhux tas-suq. Għalhekk, ma ssodisfax il-kriterju 3 tat-TES.

(85)

Il-Kummissjoni żvelat is-sejbiet lill-produttur esportatur ikkonċernat, lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u lill-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwar is-sejbiet u jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. Il-Kummissjoni kkunsidrat il-fehmiet ippreżentati.

(86)

Wara l-iżvelar tas-sejbiet tat-TES, il-grupp Giant ressaq għadd ta' kummenti.

(87)

Rigward il-kriterju 1, il-grupp Giant saħaq li l-prezz tal-aluminju użat fil-produzzjoni ta' roti elettriċi kien konformi mal-prezzijiet internazzjonali, kif rifless fil-London Metal Exchange (“LME”). Sussidjarjament, huwa sostna li d-distorzjoni li tirriżulta ma setatx tiġi kkwalifikata bħala sinifikattiva peress li f'termini ta' valur l-impatt tad-distorsjoni allegata kien de minimis.

(88)

Kif il-Kummissjoni spjegat fid-dettall fid-dokument ta' żvelar, l-SHFE hija mfassla b'mod li l-gvern Ċiniż jista' jeżerċita kontroll sħiħ fuq is-suq tal-aluminju. Jekk din l-influwenza tintużax biex tistabbilixxi prezzijiet f'livell tas-suq jew le, jew jekk hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oħra u għalhekk b'diskrepanza li tvarja fil-livell tas-suq, huwa irrilevanti għall-konstatazzjoni ta' interferenza sinifikanti mill-Istat. Il-kriterju ta' interferenza sinifikanti mill-Istat huwa ssodisfat meta l-Istat jista' jinfluwenza l-prezzijiet, mhux biss b'mod marġinali, iżda jista' jeżerċita kontroll sinifikanti, indipendentement minn kif huwa fil-fatt jeżerċita dak il-kontroll.

(89)

Il-fatt li l-proporzjon ta' aluminju użat fil-produzzjoni ta' roti elettriċi huwa inqas minn dak ta' prodotti oħra ma jbiddilx il-fatt li l-produtturi ta' roti elettriċi joperaw f'suq b'distorsjonijiet sinifikanti. F'dan il-każ partikolari, u irrispettivament mill-valur tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fuq il-bażi tal-fatti miġbura matul l-investigazzjoni, li l-frejm tal-aluminju (prodott minn tubi tal-aluminju) huwa wieħed mill-aktar elementi essenzjali għall-produzzjoni ta' roti elettriċi b'konsegwenzi qawwija fuq il-partijiet u l-komponenti l-oħra kollha.

(90)

Fir-rigward tal-kriterju 3, il-grupp Giant isostni li l-benefiċċju li jirriżulta mir-rata ta' tassazzjoni differenzjali huwa l-espressjoni tal-objettivi leġittimi tal-politika industrijali tar-RPĊ u ma jistax jitqies bħala distorsjoni ttrasferita minn ekonomija mhux tas-suq preċedenti. Barra minn hekk, il-grupp Giant stqarr li d-distorsjonijiet, jekk ikun hemm, mhumiex sinifikanti. Il-grupp saħaq ukoll li ġiet applikata metodoloġija żbaljata biex tiddetermina jekk l-għoti preferenzjali tad-drittijiet tal-użu tal-art kienx jikkostitwixxi distorsjoni sinifikanti, minħabba li dan ma kienx jammortizza l-benefiċċju riċevut matul il-perjodu ta' ħajja tal-assi.

(91)

Il-Kummissjoni ma qablitx li kwalifika ta' distorsjoni sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku għandha korrelazzjoni legali jew fattwali mal-kunċett ta' “benefiċċju” fis-sens tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (“ir-Regolament antisussidju bażi”. Pjuttost, dan huwa kunċett intrinsiku għal din il-valutazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(92)

Il-Kummissjoni sabet li żewġ kumpaniji tal-grupp irċevew kważi rifużjoni sħiħa tal-prezz għad-dritt għall-użu tal-art, filwaqt li kumpanija terza ħallset perċentwal żgħir tal-valur tal-prezz għad-dritt għall-użu tal-art wara r-rifużjoni. Minħabba n-natura tal-industrija, fejn l-art hija l-aktar assi importanti u ta' natura sinifikanti, il-Kummissjoni tista' biss tikkonkludi li l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja huma soġġetti għal distorsjonijiet sinifikanti trasferiti mis-sistema ekonomika mhux tas-suq.

(93)

Għalhekk, il-konklużjoni li tiġi rrifjutata l-pretensjoni ta' TES tal-grupp Giant baqgħet ma nbidlitx.

(94)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati bid-determinazzjoni TES finali.

3.1.2.   Pajjiż analogu

(95)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien determinat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“il-pajjiżi analogu”) għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES. Għal dan l-għan, kellu jintagħżel pajjiż terz b'ekonomija tas-suq.

(96)

Flimkien mal-Isvizzera, il-Ġappun u t-Tajwan, li ssemmew fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ppruvat tidentifika l-produtturi tal-prodott investigat fl-Awstralja, fil-Messiku, fil-Korea t'Isfel, fit-Tajlandja, fit-Turkija u fl-Istati Uniti tal-Amerka. Abbażi tal-informazzjoni riċevuta, il-Kummissjoni talbet lil sebgħa u għoxrin produttur magħruf tal-prodott simili biex jipprovdu l-informazzjoni. Produttur wieħed fl-Iżvizzera u produttur wieħed fit-Tajwan wieġbu għall-kwestjonarju tal-produtturi f'pajjiżi analogi. It-tweġiba mill-produttur fit-Tajwan kienet nieqsa informazzjoni essenzjali, inkluża l-ispiża tal-produzzjoni għal kull tip ta' prodott u l-lista tal-bejgħ domestiku. Minkejja t-talbiet tal-Kummissjoni, il-produttur ma ffinalizzax it-tweġiba, li ħalla lill-Iżvizzera bħala l-uniku pajjiż analogu potenzjali.

(97)

Is-CCCME ippreżentat l-argument li, għal diversi raġunijiet, l-Iżvizzera ma tkunx xierqa bħala pajjiż analogu. L-ewwel nett, ir-roti elettriċi Żvizzeri huma differenti minn dawk Ċiniżi – dawn għandhom mutur ċentrali filwaqt li, b'mod predominanti, ir-roti elettriċi Ċiniżi għandhom mutur tal-buttun tar-rota (hub motor) (immuntat fir-roti), u dawn huma teknoloġiji differenti. L-Iżvizzeri jużaw ukoll partijiet li huma sinifikattivament differenti (muturi ċentrali aktar qawwijin, kontrolluri bil-GPS, skrinijiet tattili, eċċ.). It-tieni, il-produtturi Żvizzeri jipproduċu l-marki tagħhom stess, filwaqt li dawk Ċiniżi huma prinċipalment fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali (“OEM”) għall-importaturi tal-Unjoni. It-tielet, l-iskala globali tal-produzzjoni fl-Iżvizzera hija ħafna iżgħar minn dik fir-RPĊ. Ir-raba', l-Iżvizzeri jimpurtaw il-partijiet tagħhom mill-Unjoni u mill-Ġappun, filwaqt li ċ-Ċiniżi għandhom sorsi domestiċi. Fl-aħħar nett, mit-tmien produtturi Żvizzeri, tlieta biss jimportaw roti elettriċi lesti mit-Tajwan u jerġgħu jbigħuhom, u l-akbar produttur jimporta l-partijiet kollha minn barra l-pajjiż u jarmahom biss fl-Iżvizzera.

(98)

Is-CEIEB ukoll ippreżentat l-argument li l-Iżvizzera mhijiex xierqa bħala l-pajjiż analogu. Hija ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-Iżvizzera għandha livell ta' żvilupp differenti ħafna minn dak tar-RPĊ, u għalhekk kostijiet ta' produzzjoni differenti (speċjalment il-manodopera). Barra minn hekk, ebda suq ieħor fid-dinja ma għandu sehem daqstant għoli ta' roti elettriċi veloċi, li minħabba l-approvazzjoni tat-tip li hija meħtieġa bil-liġi, ġeneralment ikunu aktar għaljin.

(99)

L-investigazzjoni kkonfermat li, filwaqt li maġġoranza vasta ta' roti elettriċi esportati lejn l-Unjoni mir-RPĊ mill-produtturi esportaturi kkampjunati għandha muturi tal-buttun tar-rota, ir-roti elettriċi kollha mibjugħa fis-suq Żvizzeru mill-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu matul il-PI għandhom muturi ċentrali. Minbarra l-batterija, normalment il-mutur ikun l-aktar parti unika għalja minn rota elettrika. Il-muturi ċentrali u dak tal-buttun tar-rota huma żewġ teknoloġiji distinti bi speċifikazzjonijiet tekniċi u livell ta' kumplessità differenti. Il-muturi ċentrali mhux talli għandhom prezz differenti mill-muturi tal-buttun tar-rota, iżda l-użu ta' tip wieħed minflok l-ieħor għandu konsegwenza qawwija fuq partijiet oħra. Pereżempju, rota elettrika b'mutur ċentrali jkollha frejm differenti, ħafna drabi aktar għali, imfassal biex jidħol fil-mutur. L-istess jgħodd għar-roti (wheels) fil-każ ta' roti elettriċi b'muturi tal-buttun tar-rota. Ċerti partijiet addizzjonali, bħal motor holders speċjali, huma neċessarji għal roti elettriċi b'mutur ċentrali iżda mhux neċessarji għal dawk b'muturi tal-buttun tar-rota. Partijiet oħra, bħal sensuri tat-torque, huma differenti skont it-tip ta' mutur.

(100)

Meta jitqies li dawn huma żewġ teknoloġiji differenti bi strutturi differenti ta' kostijiet u ta' prezzijiet, l-użu tal-Iżvizzera bħala l-pajjiż analogu ma jkunx jipprovdi lill-Kummissjoni b'valur normali għall-maġġoranza vasta tal-importazzjonijiet, minħabba l-konsegwenza qawwija msemmija hawn fuq u d-diffikultà biex jiġu kkwantifikati aġġustamenti li jkunu meħtieġa biex il-valur normali mill-Iżvizzera jiġi aġġustat biex jaqbel mat-tipi ta' prodott esportati miċ-Ċina lejn l-Unjoni.

(101)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset l-esportazzjoni tal-produttur li kkoopera mill-pajjiż analogu lejn pajjiżi oħra, iżda dawk ukoll kienu esklużivament roti elettriċi b'muturi ċentrali.

(102)

Għalhekk, f'dan l-istadju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iżvizzera mhijiex pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(103)

Konsegwentement, fin-nuqqas ta' pajjiż terz xieraq b'ekonomija tas-suq, ġie konkluż b'mod proviżorju b'konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat valur normali għall-produtturi kkampjunati abbażi tal-prezzijiet domestiċi jew tal-valur normali maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq jew il-prezz minn tali pajjiż terz lejn pajjiżi oħrajn, inkluża l-Unjoni, u li għaldaqstant kien neċessarju li jiġi ddeterminat il-valur normali msejjes fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, f'dan il-każ abbażi tal-prezzijiet li attwalment tħallsu jew li huma pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili. Dan tqies xieraq minħabba l-inadegwadezza tal-Iżvizzera u n-nuqqas ta' kull kooperazzjoni oħra kif imsemmi fil-premessi (96) u fil-premessi minn (99) sa (102). Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset din bħala ġustifikata minħabba d-daqs tas-suq tal-Unjoni, l-eżistenza tal-importazzjonijiet u l-kompetizzjoni interna qawwija fis-suq tal-Unjoni għal dan il-prodott.

3.1.3.   Valur normali

(104)

Billi f'dan il-każ ma ngħatax TES, il-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha ġie ddeterminat, kif spjegat fil-premessa (103) hawn fuq, abbażi tal-prezzijiet imħallsa fattwalment jew li huma pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili abbażi tad-data vverifikata fl-uffiċċji tal-produtturi tal-Unjoni kkampjunati li huma elenkati fil-premessa (51).

(105)

Il-valur normali ta' kull tip ta' prodott kien ibbażat fuq il-prezz reali tal-bejgħ (mill-fabbrika), aġġustat biex jinkludi l-qliegħ fil-mira tal-industrija tal-Unjoni.

(106)

Il-maġġoranza vasta tat-tipi ta' prodotti esportati mir-RPĊ lejn l-Unjoni jistgħu jitqabblu mat-tipi ta' prodotti mmanifatturati u mibjugħa fl-Unjoni. Fil-każijiet rari fejn ma kienx possibbli tqabbil eżatt fil-livell tan-numru għall-kontroll tal-prodott (“product control number”, “PCN”), il-Kummissjoni, b'mod iterattiv, eliminat il-karattri tal-PCN sakemm irnexxielha ssib tqabbil. F'xi każijiet eċċezzjonali, fejn it-tipi partikolari ta' roti ma ġewx immanifatturati fl-Unjoni, sar l-aktar tqabbil mill-qrib possibbli bbażat fuq karatteristiki oħra. Id-dettalji ta' din il-proċedura issa ġew żvelati lill-produtturi esportaturi.

3.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(107)

Il-produtturi esportaturi kkampjunati esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil klijenti indipendenti jew inkella permezz ta' kumpaniji mhux relatati li jaġixxu bħala importaturi.

(108)

Fil-każ li l-produtturi esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat direttament lill-klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li tħallas realment jew dak pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(109)

Meta l-produtturi esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta' kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importaturi, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa' nbiegħ għall-ewwel darba lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F'dawn il-każijiet, l-aġġustamenti tal-prezz saru għall-ispejjeż kollha li ġġarrbu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inklużi l-ispejjeż SG&A, u l-qliegħ (9 %).

3.3.   Tqabbil

(110)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur kkampjunat fuq il-bażi tal-prezz mill-fabbrika.

(111)

Sabiex ikun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konsiderazzjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kumparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet dawn l-aġġustamenti li ġejjin fil-prezz tal-esportazzjoni u fil-valur normali bl-użu tad-data mogħtija mill-produtturi esportaturi kkampjunati fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju u matul iż-żjara ta' verifika: l-imposti tal-bank, l-ispejjeż tal-maniġġ u tat-tagħbija fil-pajjiż tal-esportazzjoni, l-ispejjeż ta' kreditu u l-qliegħ għan-negozjanti mhux relatati f'każ ta' kummerċjanti relatati fl-Unjoni.

(112)

Is-CCCME u produttur esportatur wieħed ikkampjunat argumentaw li sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, dan tal-aħħar jenħtieġ li jiġi aġġustat 'il fuq minħabba li l-produtturi esportaturi huma fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali (“original equipment manufacture”, OEM).

(113)

Is-CCCME argumentat li peress li l-parti l-kbira tal-produtturi Ċiniżi tar-roti elettriċi huma OEM, ir-roti elettriċi prodotti minnhom huma mibjugħa lill-konsumaturi finali permezz ta' importaturi u distributuri tad-ditta. Il-prezz mitlub lill-konsumaturi finali jinkludi kemm il-marġni kummerċjali tal-importatur kif ukoll il-marġni kummerċjali tad-distributur. Il-KKĊMPE enfasizzat li, l-importaturi tal-marka fl-industrija tar-roti elettriċi huma differenti mill-importaturi ordinarji f'industriji oħra.

(114)

Is-CCCME innotat li r-raġuni għal dan ikun li, għall-biċċa l-kbira ta' roti elettriċi esportati mir-RPĊ lejn l-Unjoni, id-disinn, ir-riċerka u l-iżvilupp isiru mill-importaturi tal-marka jew mill-importaturi tal-marka f'kooperazzjoni mal-esportatur. F'kull każ, l-importaturi tal-marka għamlu investiment sinifikanti f'din il-ħidma, simili ħafna tal-produtturi tal-Unjoni nfushom. Lil hinn tal-prezz tal-importazzjoni, l-importaturi se jżidu l-valur tal-marka kummerċjali tagħhom stess, fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-prezz tal-esportazzjoni ta' roti elettriċi Ċiniżi jiġi aġġustat 'il fuq biż-żieda tal-marġni kummerċjali tal-importatur tal-marka qabel ma jiġu mqabbla mal-valur normali.

(115)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li jagħmlu aġġustament xieraq skont l-Artikolu 2(10)(d) (“livell tal-kummerċ”) tar-Regolament bażiku. Madankollu, il-kundizzjonijiet rilevanti ma ntlaħqux, billi l-Kummissjoni ma sabet l-ebda differenza konsistenti u distinta fil-funzjonijiet u fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bejn il-bejgħ OEM tagħhom u dak mhux OEM fis-suq tal-Unjoni fil-livell ta' tipi ta' prodotti, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku. L-Artikolu 2(10)(d)(ii) tar-Regolament bażiku kien ugwalment inapplikabbli billi l-livell rilevanti tal-kummerċ – l-OEM – ma jeżistix fis-suq domestiku tal-produtturi tal-Unjoni.

(116)

Il-Kummissjoni ikkonsidrat ukoll li tagħmel aġġustament għall-Artikolu 2(10)(k) (“fatturi oħra”) biex jagħmel tajjeb għall-kostijiet tat-tfassil u tar-R&Ż tal-importaturi tal-marka. Madankollu, f'dan l-istadju tal-investigazzjoni, il-produtturi esportaturi ma pprovdewx lill-Kummissjoni bi kwantifikazzjoni affidabbli ta' dawn il-kostijiet. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-partijiet interessati biex jipprovduha bi kwantifikazzjoni tal-ispejjeż affidabbli u verifikabbli għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

(117)

Għaldaqstant din it-talba mis-CCCME ma ntlaqgħetx.

(118)

Skont tliet produtturi esportaturi kkampjunati, il-klassifikazzjoni tat-tip ta' prodott proposta mill-Kummissjoni kienet insuffiċjenti biex issir distinzjoni bejn roti elettriċi ta' livell ta' prezzijiet differenti. Huma talbu lill-Kummissjoni biex iżżid bosta karatteristiki għall-klassifikazzjoni tat-tip ta' prodott, jiġifieri:

Derailleur – biex tiġi riflessa d-differenza bejn id-derailleur estern u d-derailleur intern;

Brejk – biex tiġi riflessa d-differenza bejn brejk mekkaniku u brejk idrawliku;

Sospensjoni — biex tiġi riflessa d-differenza bejn sospensjoni bil-molol, sospensjoni idrawlika u sospensjoni tal-arja; kif ukoll;

Karatteristiki tal-batterija — żieda ta' żewġ meded ta' kapaċità — taħt 250 Wh u bejn 250 Wh u 350 Wh.

(119)

Min-naħa l-oħra, l-ilmentatur ippreżenta l-argument li partijiet differenti fi ħdan kull karatteristika proposta ma għandhomx fihom infushom, prezzijiet differenti. Barra minn hekk, roti elettriċi b'partijiet allegatament aktar għaljin f'kull karatteristika proposta mhux bilfors ikunu aktar għaljin minn dawk li allegatament ikollhom partijiet irħas. L-ilmentatur ipprovda bosta eżempji ta' dan.

(120)

Min-naħa tagħhom, il-produtturi esportaturi ma qablux u ġibdu l-attenzjoni, pereżempju, għall-fatt li fl-eżempji tiegħu, l-ilmentatur iqabbel derailleur estern ta' livell għoli (b'10 veloċitajiet) ma' derailleur intern ta' livell baxx (bi 3 veloċitajiet). Din hija r-raġuni għalfejn il-prezz huwa simili. B'mod simili, brejkijiet mekkaniċi ta' livell għoli qed jitqabblu ma' brejkijiet idrawliċi ta' livell baxx. Il-produttur esportatur ġibed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li t-tqabbil ta' roti li jinkludu partijiet differenti biex tingħata prova li dawn il-partijiet ma jaffettwawx il-prezz tar-rota sħiħa ma jfisser xejn, billi f'kull eżempju hemm fatturi differenzjati oħra għajr il-partijiet inkwistjoni.

(121)

Il-Kummissjoni ħadet nota taż-żewġ settijiet ta' kummenti. Rigward il-karatteristiki addizzjonali, il-Kummissjoni stqarret li ma hemmx evidenza ċara li derailleur intern dejjem ikun sinifikattivament ogħla minn wieħed estern, jew li brejk idrawliku dejjem ikun sinifikattivament ogħla minn wieħed mekkaniku. F'dawn is-sottokategoriji, hemm partijiet li għandhom prezz għoli u oħrajn li għandhom prezz baxx. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma jidhirx li hemm differenza sinifikanti konsistenti fil-prezz bejn il-partijiet fil-karatteristiċi addizzjonali proposti li tkun tiġġustifika bidliet għat-tipi ta' prodott stabbiliti f'din l-investigazzjoni.

(122)

F'dan l-istadju tal-investigazzjoni, ma hemmx evidenza li tiġġustifika aġġustamenti bbażati fuq differenzi fil-prezz tal-partijiet fil-karatteristiki msemmija hawn fuq, kif ukoll il-karatteristiki addizzjonali msemmija aktar tard mill-produtturi esportaturi (jiġifieri l-għadd ta' veloċitajiet tad-derailleur u l-marka tal-mutur ċentrali). Ir-roti elettriċi Ċiniżi esportati lejn l-Unjoni jużaw taħlita ta' partijiet fi ħdan dawn il-karatteristiki, li l-Kummissjoni tqis li ma tifforixxix xi tip partikolari. L-istess ħaġa tista' tingħad dwar ir-roti elettriċi prodotti fl-Unjoni. Għal darb' oħra, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jipprovdu tali evidenza verifikabbli u informazzjoni sabiex tlesti l-valutazzjoni tagħha dwar l-argumenti ta' hawn fuq.

3.4.   Marġni tad-dumping

(123)

Għall-produtturi esportaturi kkampjunati, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju pponderat ta' kull tip ta' prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju pponderat tat-tip korrispondenti għall-prodott ikkonċernat, f'konformità mal-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(124)

Il-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux kkampjunati kien stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Dan il-marġni ġie kkalkulat bħala medja ġponderata fuq il-bażi tal-marġnijiet stabbiliti għall-produtturi esportaturi kkampjunati.

(125)

Fir-rigward tal-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fir-RPĊ, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta' kooperazzjoni fir-RPĊ. Dan tkejjel billi ġie vvalutat il-proporzjon tal-volum ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, mill-volum totali ta' esportazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(126)

Il-livell ta' kooperazzjoni kien għoli. Għaldaqstant, il-marġni ta' dumping residwu applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fir-RPĊ ġie proviżorjament stabbilit fuq livell li jikkorrispondi għall-ogħla marġni ta' dumping misjub għall-produtturi esportaturi kkampjunati li kkooperaw.

(127)

Il-marġnijiet proviżorji tad-dumping mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Tabella 1

Kumpanija

Il-marġni proviżorju ta' dumping

Bodo Vehicle Group Co., Ltd.

90,6 %

Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd;

34,6 %

Jinhua Vision Industry Co., Ltd u Yongkang Hulong Electric Vehicle Co., Ltd.

42,8 %

Suzhou Rununion Motivity Co., Ltd.

106,4 %

Produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex ikkampjunati (ara l-Anness)

51,0 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

106,4 %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(128)

Fil-bidu tal-perjodu li qed jiġi kkunsidrat, wieħed u erbgħin produttur immanifatturaw il-prodott simili fl-Unjoni. Huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Erba' minnhom waqqfu l-produzzjoni tagħhom matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(129)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni ġiet stabbilita f'livell ta' madwar 1,1 miljun unità. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi taċ-ċifra tal-konsum sottomessa mill-Konfederazzjoni tal-Industrija Ewropea tar-Roti (“Confederation of the European Bicycle Industry”,“CONEBI”), tal-istatistika dwar l-importazzjoni, u tal-proporzjon ta' bejgħ imqabbel mal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni kkampjunati.

(130)

Wieħed mill-partijiet interessati ppreżenta l-fatt li żewġ produtturi tal-Unjoni huma wkoll importaturi ta' roti elettriċi. Madankollu, huma ma saħqux li dawn il-produtturi għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, u lanqas ma ppreżentaw argumenti dwar għalfejn għandhom jiġu esklużi. L-importazzjonijiet fihom infushom ma jikkostitwixxux raġuni għal esklużjoni mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(131)

Parti oħra saħqet li l-kumpanija ATALA u l-kumpanija relatata tagħha Accell Nederland ma għandhomx jiffurmaw parti mill-industrija tal-Unjoni, minħabba li ATALA timporta roti elettriċi mir-RPĊ. Skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament bażiku, ATALA u Accell mhumiex relatati. F'kull każ, l-importazzjonijiet fihom infushom, ma jikkostitwux raġuni għal esklużjoni mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(132)

Produtturi tal-Unjoni oħra li talbu l-kunfidenzjalità rrappurtaw xi importazzjonijiet mir-RPĊ. Dawn il-kumpaniji, flimkien ma' dawk li jissemmew fil-Premessi (130) u (131), jirrappreżentaw inqas minn 5 % tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, dawn ma għandhom ebda impatt materjali fuq l-indikaturi tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni inġenerali. Jekk dawn il-kumpaniji jitqisux bħala parti mill-industrija tal-Unjoni ma għandu ebda impatt materjali fuq l-analiżi tad-dannu. Din il-kwistjoni se tiġi eżaminata ulterjorment għas-sejbiet finali.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(133)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-informazzjoni ppreżentata minn CONEBI.

(134)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Il-konsum tal-Unjoni (unitajiet)

 

2014

2015

2016

PI

Konsum total tal-Unjoni (unitajiet)

1 139 000

1 363 842

1 666 251

1 982 269

Indiċi

100

120

146

174

Sors: CONEBI

(135)

Il-konsum tal-Unjoni żdied b'mod kostanti minn 1,1 miljun unità fl-2014 għal kważi 2 miljun unità matul il-perjodu ta' investigazzjoni, li jirrifletti tkabbir ta' 74 % matul il-perjodu kkunsidrat. Dan l-iżvilupp kien dovut għal sensibilizzazzjoni ambjentali akbar u investiment kontinwu fil-kummerċjalizzazzjoni u fil-promozzjoni, kif ukoll fl-iżvilupp teknoloġiku tar-roti elettriċi.

4.3.   Importazzjonijiet mir-RPĊ

4.3.1.   Volum u sehem tas-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

(136)

Mill-2017, ir-roti elettriċi ġew ikklassifikati taħt il-kodiċi NM 8711 60 10. Qabel l-2017, ir-roti elettriċi kienu kklassifikati taħt (dak li kien) il-kodiċi NM 8711 90 10, li taħtu kienu inklużi prodotti oħra. Biex jegħleb din il-kwistjoni, l-ilmentatur ippreżenta statistika dettaljata tad-dwana Ċiniża li fiha huwa seta' jidentifika l-esportazzjonijiet Ċiniżi tar-roti elettriċi.

(137)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tad-data tal-Eurostat, billi estrapolat sal-kodiċi HS rilevanti l-proporzjon ta' esportazzjonijiet Ċiniżi ta' roti elettriċi (kif stabbilit hawn fuq) fuq l-esportazzjonijiet totali mir-RPĊ taħt l-istess kodiċi HS. Għad-disa' xhur tal-2017, l-istatistika Ċiniża dwar l-importazzjoni ġiet ibbażata direttament fuq l-Eurostat.

(138)

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit billi tqabblu l-volumi tal-importazzjonijiet mal-konsum tal-Unjoni kif jidher fit-Tabella 2 tal-premessa (134).

(139)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ żviluppaw kif ġej:

Tabella 3

Volum tal-importazzjoni (unitajiet) u sehem mis-suq

 

2014

2015

2016

PI

Volum ta' importazzjonijiet mir-RPĊ (unitajiet)

199 728

286 024

389 046

699 658

Indiċi

100

143

195

350

Sehem mis-suq (%)

18

21

23

35

Indiċi

100

120

133

201

Sors: Eurostat, statistika dwar l-esportazzjoni Ċiniża

(140)

Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ qabeż it-triplu, fejn żdied minn kważi 200 000 unità fl-2014 għal kważi 700 000 unità fil-perjodu ta' investigazzjoni. Il-pass tat-tkabbir aċċelera bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni.

(141)

B'mod parallel, is-sehem mis-suq tal-Unjoni li kellu l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied minn 17 % fl-2014 għal 35 % fil-perjodu tal-investigazzjoni.

(142)

Is-CCCME esprimiet it-tħassib tagħha rigward l-affidabbiltà tal-istatistika tad-dwana Ċiniża li ġiet ippreżentata mill-ilmentatur, u talbet id-divulgazzjoni tal-istatistika dettaljata u s-sors ta' din id-data.

(143)

L-ilmentatur qiegħed l-istatistika ddettaljata li ntużat bħala sostenn għall-ilment tiegħu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Fuq il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, l-ilmentatur qiegħed għad-dispożizzjoni ċ-ċifri aggregati tal-esportazzjoni għal kull sena. L-ilmentatur indika wkoll li s-sors kien id-dwana Ċiniża, semma l-kodiċijiet użati u spjega l-metodoloġija tiegħu biex jeskludi prodotti oħra li mhumiex il-prodott ikkonċernat.

(144)

Permezz ta' verifika ta' din id-data, il-Kummissjoni stabbiliet li l-ilmentatur kien xtara l-istatistika tad-dwana Ċiniża pprovduta minn kumpanija li ilha stabbilita f'dan il-qasam, u li l-istess informazzjoni kienet disponibbli minn fornituri ta' servizzi Ċiniżi oħra.

(145)

Min-naħa l-oħra, il-verifika wriet ukoll li l-ilmentatur kien iddeskriva bir-reqqa fil-fajl miftuħ il-metodoloġija segwita sabiex jiġu stabbiliti l-esportazzjonijiet ta' roti elettriċi mir-RPĊ.

(146)

Barra minn hekk, id-data dettaljata ppreżentata mill-ilmentatur ġie ikkontroverifikata ma' sorsi oħra ta' informazzjoni, u kienet affidabbli. Ebda parti oħra ma pproponiet sors alternattiv ta' informazzjoni jew ta' metodoloġija alternattiva.

(147)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll li d-data dettaljata u l-identità tal-kumpanija li tforni din l-informazzjoni kienu ta' natura kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku. L-iżvelar tal-identità tal-fornitur tal-informazzjoni jkollu effett negattiv sinifikanti fuq il-persuna li tipprovdi l-informazzjoni jew fuq il-persuna li mingħandha tkun inkisbet l-informazzjoni.

(148)

F'dawn iċ-ċirkostanzi, u minħabba l-livell ta' divulgazzjoni tad-data aggregata u l-metodoloġija fuq il-fajl mhux kunfidenzjali, il-Kummissjoni qieset li d-data tal-input u l-identità tal-kumpanija li qed tbigħhom mill-ġdid mhumiex meħtieġa biex il-parti kkonċernata teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

(149)

Għalhekk, l-argument tas-CCCME ma ntlaqgħax.

(150)

Il-partijiet interessati ddikjaraw li l-importazzjonijiet mir-RPĊ segwew xejriet tas-suq, peress li kemm il-konsum fl-Unjoni kif ukoll l-esportazzjonijiet Ċiniżi kienu qegħdin jiżdiedu. Madankollu, huwa osservat li d-daqs tat-tkabbir bejn l-esportazzjonijiet Ċiniżi u l-konsum fl-Unjoni huwa differenti ħafna. Bejn l-2014 u l-perjodu ta' investigazzjoni, l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b'250 % filwaqt li l-konsum fl-Unjoni żdied b'pass ħafna iktar bil-mod b'74 %. Għalhekk, filwaqt li x-xejra kienet ċertament l-istess, id-daqs taż-żieda kien differenti ħafna.

4.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-twaqqigħ tal-prezz

(151)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tad-data tal-Eurostat, billi segwiet il-metodu deskritt fil-premessa (137).

(152)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ żviluppa kif ġej:

Tabella 4

Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/unità)

 

2014

2015

2016

PI

Ir-RPĊ

472

451

477

422

Indiċi

100

96

101

89

Sors: Eurostat, statistika dwar l-esportazzjoni Ċiniża

(153)

Il-prezz medju tal-importazzjoni mir-RPĊ naqas bi 11 % bejn l-2014 u l-perjodu ta' investigazzjoni, bl-ewwel tnaqqis ta' 4 % bejn l-2014 u l-2015 u t-tieni tnaqqis ta' 12 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni.

(154)

Peress li t-taħlita ddettaljata tat-tip tal-prodott ma kinitx magħrufa minħabba n-natura ġenerali tal-Eurostat, l-evoluzzjoni tal-prezzijiet mhijiex kompletament affidabbli. Madankollu, il-Kummissjoni osservat li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu sinifikattivament taħt dawk tal-produtturi tal-Unjoni u tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra għajr ir-RPĊ. Barra minn hekk, filwaqt li l-esportaturi Ċiniżi espandew il-firxa ta' prodotti tagħhom mibjugħa fis-suq tal-Unjoni u inkludew roti elettriċi aktar għaljin, il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqas.

(155)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta' investigazzjoni billi qabblet:

(1)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati, skont it-tip ta' prodott, tal-erba' produtturi tal-Unjoni kkampjunati li ġew iddebitati lill-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell tal-prezz mill-fabbrika; kif ukoll;

(2)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti, għal kull tip ta' prodott, tal-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ kkampjunati lejn l-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi CIF, b'aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali ta' 6 % u għall-kostijiet tal-importazzjoni.

(156)

Il-MOFCOM stqarret li l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz għandha tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħalma huma t-tip ta' roti elettriċi (eż. city-bike elettrika u rota elettriċa għall-isport (electric mountain bike), il-post fejn tinsab il-magna (muturi tal-buttun tar-rota jew muturi ċentrali), il-qawwa tal-batterija u l-materjal li minnu ssir ir-rota elettrika (eż. l-azzar, l-aluminju, l-karbonju). Huwa kkonfermat li dawn il-fatturi kollha kienu kkunsidrati meta saret l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz.

(157)

Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet fuq bażi ta' tip b'tip għat-tranżazzjonijiet, aġġustati kif xieraq fejn meħtieġ, u wara t-tnaqqis ta' ribassi u skontijiet. Rigward il-livell ta' kummerċ ta' dawn it-tranżazzjonijiet, ġie stabbilit li kemm il-produtturi tal-Unjoni kkampjunati kif ukoll l-esportaturi Ċiniżi kkampjunati jbigħu kemm lil klijenti OEM kif ukoll taħt il-marka tagħhom stess. Għalhekk, ġie eżaminat jekk kienx iġġustifikat aġġustament għal-livell ta' kummerċ. F'dan ir-rigward, ġie eżaminat jekk hemmx differenza konsistenti u distinta fil-prezzijiet bejn il-bejgħ lil klijenti OEM u l-bejgħ taħt il-marka tagħhom stess. Ġie stabbilit li ma teżisti ebda differenza konsistenti u distinta bħal din fil-prezzijiet għall-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni kkampjunati.

(158)

Ir-riżultat tat-tqabbil ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-erba' produtturi tal-Unjoni kkampjunati matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Wera marġnijiet ta' twaqqigħ tal-prezz li jvarjaw minn 16,2 % sa 41 %.

4.4.   Qagħda Ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(159)

B'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-impatt li għandhom l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(160)

Kif imsemmi fil-premessa (28), intuża l-kampjunar għad-determinazzjoni tad-dannu possibbli li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

(161)

Biex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi.

(162)

Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi (il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum ta' bejgħ, is-sehem mis-suq, l-impjieg, it-tkabbir, il-produttività, il-kobor tal-marġni tad-dumping, u l-irkupru mid-dumping fl-imgħoddi) abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn CONEBI, tal-istatistika dwar l-importazzjoni u tal-produtturi tal-Unjoni kkampjunati.

(163)

Il-Kummissjoni vverifikat iċ-ċifra tal-konsum ippreżentata minn CONEBI. Il-Kummissjoni stabbilixxiet li din l-informazzjoni kienet ibbażata ġenwinament fuq l-informazzjoni miġbura minn assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-produtturi Ewropej, li kienet idderivata minn dikjarazzjonijiet tal-impriżi jew stimi raġonevoli u li din kienet appoġġata minn dokumentazzjoni adegwata u proċeduri ta' riċerka.

(164)

L-indikaturi tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tal-kapaċità u tal-impjieg tal-Industrija tal-Unjoni jidderivaw minn din l-informazzjoni. Dawn ġew stmati abbażi tal-proporzjonijiet rilevanti tal-produtturi tal-Unjoni kkampjunati. Dan l-approċċ isegwi l-metodoloġija deskritta mill-ilmentatur fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment. Ebda parti interessata ma għamlet xi kumment dwar din il-metodoloġija.

(165)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sett ta' data makroekonomika huwa rappreżentattiv tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(166)

Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi (prezzijiet medji tal-bejgħ ta' kull unità, il-kostijiet lavorattivi, il-kost tal-unità, l-inventarji, il-profittabilità, il-fluss ta' flus, l-investimenti, u r-redditu fuq l-investimenti) abbażi tad-data fit-tweġibiet tal-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni kkampjunati, verifikati kif xieraq. Id-data relatata mal-produtturi tal-Unjoni kkampjunati.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(167)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Il-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2014

2015

2016

PI

Volum tal-produzzjoni (unitajiet)

842 531

987 111

1 108 087

1 089 541

Indiċi

100

117

132

129

Il-kapaċità tal-produzzjoni (unitajiet)

1 140 553

1 397 145

1 694 853

1 538 347

Indiċi

100

122

149

135

Użu tal-kapaċità (%)

74

71

65

71

Indiċi

100

96

89

96

Sors: CONEBI, produtturi tal-Unjoni kkampjunati

(168)

Il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied b'29 % matul il-perjodu kkunsidrat, minkejja tnaqqis ta' 2 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni.

(169)

Iż-żieda fil-produzzjoni ġiet xprunata miż-żieda fil-konsum. Il-produzzjoni trid tiġi ppjanata qabel staġuni ta' bejgħ qosra ħafna, u għalhekk sa ċertu punt tiddependi fuq it-tbassir tal-bejgħ. Għalhekk, it-tnaqqis fil-produzzjoni bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni kien primarjament relatat ma' telf kontinwu tas-sehem mis-suq għall-importazzjonijiet mir-RPĊ, li ġiegħel lill-Industrija tal-Unjoni biex terġa' tivvaluta l-aspettattivi tagħha.

(170)

Il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b'35 % bejn l-2014 u l-perjodu ta' investigazzjoni. Bejn l-2014 u l-2016, il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b'49 %, u mbagħad naqset b'9 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni.

(171)

L-użu tal-kapaċità naqas minn 74 % fl-2014 għal 71 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Bejn l-2014 u l-2016, l-użu tal-kapaċità naqas minn 74 % għal 65 % minħabba aktar tkabbir fil-kapaċità milli fil-produzzjoni. Ix-xejra marret għall-kuntrarju bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni, meta l-kapaċità naqset aktar mit-tnaqqis fil-produzzjoni, li ġġenera żieda minn 65 % għal 71 % fl-użu tal-kapaċità.

(172)

Il-kapaċità tirreferi għall-għadd teoretiku ta' roti elettriċi li jistgħu jiġu mmanifatturati fil-linji ta' produzzjoni disponibbli. Il-linji ta' produzzjoni li attwalment jintużaw għall-manifattura ta' roti elettriċi huma prinċipalment ikkonvertiti mil-linji ta' produzzjoni eżistenti li qabel kienu jintużaw għal roti konvenzjonali. Din il-konverżjoni tista' ssir malajr u ma tiswiex ħafna flus. Il-kapaċità ta' manifattura tar-roti elettriċi tirrappreżenta porzjon żgħir mill-kapaċità eżistenti għall-manifattura ta' roti konvenzjonali. Għalhekk, l-indikaturi tal-kapaċità u l-użu tal-kapaċità huma ta' rilevanza limitata peress li jistgħu jiġu adattati biex jieħdu kont tal-iżviluppi tas-suq. F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li l-konverżjoni bejn ir-roti elettriċi u dawk konvenzjonali wkoll ma teħtieġx investiment sinifikanti (b'impatt fuq il-likwidità, l-abbiltà li jiġi ġġenerat il-kapital, jew it-tkomplija ta' operazzjonijiet), spiża fissa sinifikanti (b'impatt kbir fuq il-profittabbiltà marbuta mal-użu), jew restrizzjoni biex tiżdied il-produzzjoni.

4.4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(173)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2014

2015

2016

PI

Volum ta' bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni (unitajiet)

862 168

941 937

1 074 335

1 042 268

Indiċi

100

109

125

121

Sehem mis-suq (%)

76

69

64

53

Indiċi

100

91

85

69

Sors: CONEBI, produtturi tal-Unjoni kkampjunati

(174)

Il-volum ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied b'21 % matul il-perjodu kkunsidrat. Bejn l-2014 u l-2016, il-volum ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied b'25 %, u mbagħad naqas bi 3 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni.

(175)

B'mod simili għall-iżvilupp tal-volum tal-produzzjoni, iż-żieda fil-kwantità ta' bejgħ bejn l-2014 u l-2016 kienet xprunata minn konsum li kien qed jiżdied. It-tnaqqis fil-kwantità ta' bejgħ bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni kien relatat direttament mat-telf kontinwu ta' sehem mis-suq għall-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(176)

Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied b'rata ħafna aktar bil-mod milli l-iżvilupp tal-konsum. B'konsegwenza ta' dan, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b'mod sinifikanti, minn 76 % fl-2014 għal 53 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

4.4.2.3.   Tkabbir

(177)

L-Industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika għal kollox mit-tkabbir fil-konsum bejn l-2014 u l-perjodu ta' investigazzjoni. Tabilħaqq, il-konsum żdied b'74 % u l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżid il-bejgħ tagħha b'21 % biss. B'konsegwenza ta' dan, matul dan il-perjodu l-industrija tal-Unjoni tilfet sehem sinifikanti mis-suq (23 punt perċentwali). L-Industrija tal-Unjoni kellha tnaqqas il-produzzjoni, il-bejgħ, l-impjieg u l-kapaċità tagħha bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni, minħabba importazzjonijiet mir-RPĊ li huma l-oġġett ta' dumping.

4.4.2.4.   Impjiegi u produttività

(178)

L-impjieg u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Impjiegi u produttività

 

2014

2015

2016

PI

Għadd ta' impjegati

2 577

3 030

3 546

3 610

Indiċi

100

118

138

140

Produttività (unitajiet/impjegat)

327

326

312

302

Indiċi

100

100

96

92

Sors: CONEBI, produtturi tal-Unjoni kkampjunati

(179)

L-industrija tal-Unjoni żiedet il-livell ta' impjieg b'40 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-biċċa l-kbira minn din iż-żieda seħħet bejn l-2014 u l-2016. L-impjieg żdied bi 2 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni.

(180)

Il-produttività naqset bi 8 % b'riżultat taż-żieda fl-impjieg li kienet aktar veloċi milli dik fil-produzzjoni.

4.4.2.5.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping tal-passat

(181)

L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, meta jitqies il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(182)

Ma hemm ebda evidenza ta' dumping fil-passat.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(183)

Matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat, il-prezzijiet unitarji medji pponderati tal-bejgħ tal-erba' produtturi tal-Unjoni kkampjunati lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 8

Il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2014

2015

2016

PI

Il-prezz unitarju medju tal-bejgħ fl-Unjoni (EUR/unità)

1 112

1 156

1 237

1 276

Indiċi

100

104

111

115

Il-kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/unità)

1 068

1 134

1 173

1 234

Indiċi

100

106

110

116

Sors: produtturi tal-Unjoni kkampjunati

(184)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni kkampjunati żdiedu bi 15 % matul il-perjodu kkunsidrat, f'konformità maż-żieda fil-kost medju tal-produzzjoni li żdied b'16 %.

(185)

Billi l-kostijiet u l-prezzijiet medji jiġu affettwati mit-taħlita ta' prodotti mibjugħa minn dawn il-produtturi, dan ma jfissirx li l-kost u l-prezz ta' prodott kumparabbli żdied b'16 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(186)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-kostijiet lavorattivi medji tal-erba' produtturi tal-Unjoni kkampjunati żviluppaw kif ġej:

Tabella 9

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2014

2015

2016

PI

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

38 348

37 042

34 818

34 659

Indiċi

100

97

91

90

Sors: produtturi tal-Unjoni kkampjunati

(187)

Il-kost lavorattiv medju għal kull impjegat naqas b'10 % matul il-perjodu kkunsidrat, minħabba ż-żieda fl-għadd ta' ħaddiema tal-fabbriki meta mqabbel maż-żieda fl-għadd ta' membri tal-persunal impjegati fil-funzjonijiet tal-bejgħ u dawk amministrattivi.

4.4.3.3.   Inventarji

(188)

Il-livelli tal-istokk tal-erba' produtturi tal-Unjoni kkampjunati żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 10

Inventarji

 

2014

2015

2016

PI

Stokks tal-għeluq (unitajiet)

59 375

73 521

90 573

98 412

Indiċi

100

124

153

166

Sors: produtturi tal-Unjoni kkampjunati

(189)

Il-livell ta' stokks tal-għeluq tal-erba' produtturi tal-Unjoni kkampjunati żdied b'66 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(190)

Għandu jiġi osservat li l-livell ta' stokks fil-perjodu ta' investigazzjoni ttieħed fi tmiem Settembru, meta normalment l-istokks ikunu baxxi billi dan jikkoinċidi ma tmiem l-istaġun tal-bejgħ. Għall-kuntrarju, il-livell ta' stokks fil-perjodi l-oħra ttieħed fi tmiem Diċembru, meta huwa normali li l-istokks ikunu għoljin biex jiġi antiċipat l-istaġun tal-bejgħ li jkun imiss.

(191)

Iż-żieda fil-ħażniet kienet għalhekk sinifikanti. Instab li dan kien minħabba l-iżvilupp ġenerali tas-suq u minħabba l-fatt li filwaqt li l-volumi ta' produzzjoni nżammu 'l isfel sew miż-żieda fil-konsum, il-volumi ta' bejgħ żviluppaw b'rata inqas mgħaġġla minn tal-produzzjoni, li ġġeneraw akkumulazzjoni ta' stokks li kienet partikolarment viżibbli fi tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni.

4.4.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

(192)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-erba' produtturi tal-Unjoni kkampjunati żviluppaw kif ġej:

Tabella 11

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2014

2015

2016

PI

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

2,7

4,3

3,8

3,4

Indiċi

100

160

142

125

Fluss tal-flus (EUR)

5 178 860

– 5 433 666

17 079 409

4 955 399

Indiċi

100

– 105

330

96

Fluss tal-flus (% tal-fatturat mill-bejgħ)

1,1

– 1,0

2,5

0,6

Indiċi

100

– 89

218

55

Investimenti (EUR)

6 775 924

17 773 148

7 888 936

11 965 802

Indiċi

100

262

116

177

Redditu fuq l-investimenti (%)

18

30

38

37

Indiċi

100

164

213

203

Sors: produtturi tal-Unjoni kkampjunati

(193)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabbiltà tal-erba' produtturi tal-Unjoni kkampjunati billi esprimiet il-profitt nett, qabel it-taxxa, mill-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni, bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ.

(194)

Minn bażi baxxa ta' 2,7 % fl-2014, il-marġnijiet tal-profitt naqsu minn 4,3 % fl-2015 għal 3,4 % fil-perjodu ta' investigazzjoni.

(195)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Il-fluss tal-flus naqas b'4 % matul il-perjodu kkunsidrat, u qaleb għan-negattiv fl-2015. Dan ma kopriex l-investimenti mġarrba matul il-perjodu kkunsidrat.

(196)

It-tqabbil bejn il-marġni tal-profitt, f'perċentwal tal-fatturat, u l-fluss tal-flus operazzjonali espress fuq l-istess bażi juri konverżjoni dgħajfa ħafna tal-profitt fi flussi tal-flus, minħabba l-varjazzjoni fl-istokks.

(197)

L-investimenti żdiedu b'77 % matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li rrappreżentaw mhux aktar minn 2 % tal-bejgħ.

(198)

Il-proporzjon tar-redditu fuq l-investimenti żdied b'103 % matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, filwaqt li strutturalment l-industrija tar-roti elettriċi hija negozju b'użu intensiv ta' flus kontanti, hija teħtieġ assi żgħar biex topera u dawn ġeneralment diġà jeżistu mill-produzzjoni ta' roti konvenzjonali. F'dan il-kuntest, ir-redditu fuq l-investimenti huwa ta' rilevanza limitata.

(199)

Il-prestazzjoni finanzjara dgħajfa tal-industrija tal-Unjoni f'termini ta' profitti u fluss tal-flus matul il-perjodu ta' investigazzjoni illimitat il-kapaċità tagħha li tiġġenera l-kapital.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(200)

Iffaċċata bi fluss dejjem jaċċelera ta' importazzjonijiet miċ-Ċina li huma l-oġġett ta' dumping, l-Industrija tal-Unjoni ma setgħetx tikkapitalizza fuq it-tkabbir tas-suq tar-roti elettriċi. Il-bejgħ żdied b'21 % fil-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-konsum żdied b'74 %. Intilfu 23 punti fis-sehem mis-suq, li minnhom 18 % marru għall-importazzjonijiet Ċiniżi li waqqgħu il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'bejn 16 % u 43 % fil-perjodu ta' investigazzjoni.

(201)

Il-pressjoni fuq il-bejgħ inħasset fuq il-produzzjoni, l-istokks, il-kapaċità, l-użu tal-kapaċità u l-livelli ta' impjieg. F'termini wiesgħa, bejn l-2014 u l-2015, il-produzzjoni żdiedet bl-istess rata bħall-konsum (+ 17 % u + 20 % rispettivament). Madankollu, wara l-2015, l-industrija tal-Unjoni kienet sfurzata terġa' tivvaluta mill-ġdid l-aspettattivi tal-bejgħ tagħha. Ix-xejra fil-produzzjoni mbagħad ma segwietx b'mod sinifikanti u dejjem aktar l-iżvilupp ġenerali tas-suq, bi produzzjoni li żdiedet bi 12-il punt perċentwali u konsum li żdied b'54 punt perċentwali bejn l-2015 u l-perjodu ta' investigazzjoni.

(202)

Minkejja dan, minbarra fl-2014, il-produzzjoni kienet sistematikament ogħla mill-bejgħ, li wassal għal żieda sinifikanti fl-istokks. Il-kapaċità ta' produzzjoni, li sal-2016 kienet żdiedet f'konformità mal-konsum, imbagħad naqset biex twaqqaf id-deterjorament tar-rata ta' użu tal-kapaċità li tilfet 9 punti perċentwali bejn l-2014 u l-2016.

(203)

Bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni, kumplessivament, naqset il-produzzjoni, l-istokks kienu ogħla wara l-istaġun tal-bejgħ milli qablu, naqset il-kapaċità u waqaf l-impjieg, filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b'155 punti perċentwali.

(204)

Il-pressjoni fuq il-prezzijiet u l-inabbiltà li jinħatfu ekonomiji ta' skala f'suq li għadu kemm jibda żammew il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni f'livelli baxxi matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat. Dan il-livell baxx ta' profitt u l-varjazzjoni tal-istokks wasslu għal flussi tal-flus operazzjonali baxxi li kienu taħt il-livell ta' investiment imġarrab matul il-perjodu kkunsidrat, u dan ħoloq element addizzjonali ta' vulnerabbiltà għal dan in-negozju b'użu intensiv ta' flus kontanti li jiddependi ħafna fuq il-likwidità pprovduta mill-banek. Erba' produtturi fallew matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(205)

Kien hemm żvilupp negattiv fl-indikaturi tad-dannu għat-tkabbir, is-sehem mis-suq, il-kapaċità, l-użu tal-kapaċità, l-istokks, il-marġnijiet tal-profitt, il-flussi tal-flus u l-abbiltà li jiġi ġġenerat kapital. Kien biss bis-saħħa tat-tkabbir sottostanti qawwi fid-domanda li l-indikaturi l-oħra ma qalbux ukoll għan-negattiv.

(206)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f'dan l-istadju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

(207)

F'konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufin oħrajn setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

(208)

Il-Kummissjoni żgurat li kull dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn barra l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Dawn il-fatturi huma: l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, il-prestazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni fil-bejgħ għall-esportazzjoni, u impatt allegat tal-investiment u tal-espansjoni tal-kapaċitajiet.

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

(209)

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ waqqgħu b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni, bil-marġnijiet ta' twaqqigħ mifruxa bejn 16,2 % u 43,2 %. Matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni tilfet 23 punt mis-sehem mis-suq f'suq li qed jikber b'74 %, filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b'250 % u rebħu 17-il punt mis-sehem mis-suq, minn 18 % għal 35 %. Il-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ żammet il-profitti u l-flussi tal-flus f'livelli baxxi.

5.2.   Effetti ta' fatturi oħra

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(210)

Il-volum ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 12

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2014

2015

2016

PI

It-Tajwan

Volum (unitajiet)

21 335

43 095

79 312

108 817

Indiċi

100

202

372

510

Sehem mis-suq (%)

2

3

5

5

Prezz medju (EUR)

622

571

843

1 016

Indiċi

100

92

135

163

Il-Vjetnam

Volum (unitajiet)

37 892

74 259

91 468

101 376

Indiċi

100

196

241

268

Sehem mis-suq (%)

3

5

5

5

Prezz medju (EUR)

435

539

542

570

Indiċi

100

124

125

131

L-Iżvizzera

Volum (unitajiet)

883

14 310

30 477

28 440

Indiċi

100

1 621

3 452

3 221

Sehem mis-suq (%)

0

1

2

1

Prezz medju (EUR)

1 140

1 391

1 606

1 606

Indiċi

100

122

141

141

Il-Ġappun

Volum (unitajiet)

16 994

4 217

1 613

1 710

Indiċi

100

25

9

10

Sehem mis-suq (%)

1

0

0

0

Prezz medju (EUR)

1 098

1 406

1 687

952

Indiċi

100

128

154

87

Total tal-pajjiżi terzi kollha għajr ir-RPĊ

Volum (unitajiet)

77 104

135 881

202 870

240 343

Indiċi

100

176

263

312

Sehem mis-suq (%)

7

10

12

12

Prezz medju (EUR)

641

666

828

897

Indiċi

100

104

129

140

Sors: Eurostat

(211)

Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr ir-RPĊ żviluppa bil-qawwa, fejn żied is-sehem mis-suq tiegħu minn 7 % fl-2014 (77 000 unità) għal-12 % (240 000 fil-perjodu ta' investigazzjoni). Iżda r-rata taż-żieda ddeċellerat meta l-esportaturi Ċiniżi intensifikaw l-attività tagħhom wara l-2015.

(212)

Dawn l-importazzjonijiet oriġinaw kważi esklużivament mit-Tajwan u mill-Vjetnam. Minkejja dan, wara l-2015, Il-Kummissjoni osservat żieda aktar bil-mod fl-importazzjonijiet mill-Vjetnam, li tista' tiġi spjegata mid-differenza sinifikanti u dejjem tikber fil-prezz meta mqabbel mal-importazzjonijiet Ċiniżi. Bl-istess mod, il-progress kontinwu tal-importazzjonijiet mit-Tajwan seħħ waqt żieda daqstant sinifikanti fil-prezzijiet, li jissuġġerixxi li jista' jkun li dawn l-importazzjonijiet ġew spostati lejn is-segment ta' livell għoli fis-suq.

(213)

Bħala medja, l-importazzjonijiet mit-Tajwan u mill-Vjetnam kellhom prezzijiet aktar baxxi mill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, meta titqies il-firxa wiesgħa ta' prezzijiet tar-roti elettriċi, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li dawn l-importazzjonijiet waqqgħu il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bl-istess mod. Barra minn hekk, il-prezzijiet medji tagħhom żdiedu, filwaqt li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu.

(214)

Minkejja dan, id-differenza bejn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Vjetnam u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienet sinifikanti, u ma jistax jiġi eskluż il-fatt li dawn ikkontribwew għad-dannu b'mod marġinali. Madankollu, l-importazzjonijiet mill-Vjetnam ma baqgħux jirbħu sehem mis-suq wara l-2015, u l-volumi tagħhom baqgħu żgħar.

(215)

Konsegwentement, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha barra r-RPĊ ma kisrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, u ma setax kellhom aktar minn effett marġinali fuq id-dannu tal-industrija tal-Unjoni.

5.2.2.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(216)

Matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat, il-volum tal-esportazzjonijiet tal-erba' produtturi tal-Unjoni kkampjunati żviluppa kif ġej:

Tabella 13

Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni kkampjunati

 

2014

2015

2016

PI

Volum tal-esportazzjoni (unitajiet)

5 539

14 529

24 922

21 548

Indiċi

100

262

450

389

Prezz medju (EUR)

1 570

680

676

907

Indiċi

100

43

43

58

Sors: Produtturi tal-Unjoni kkampjunati

(217)

L-esportazzjonijiet barra l-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni kkampjunati kienu negliġibbli (3 % tal-volum totali tal-bejgħ matul il-perjodu kkunsidrat). Anki meta jitqies it-tnaqqis fil-prezz medju, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma setgħetx kienet kawża ta' dannu.

5.2.3.   Investiment u espansjoni tal-kapaċitajiet

(218)

Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża CCCME saħqet li l-investiment fil-kapaċità rriżulta fl-2016, f'eċċess ta' kapaċità tal-produzzjoni li jmur lil hinn minn kull aspettattiva realistika tal-bejgħ, u kellu l-effetti kemm li naqqas l-użu tal-kapaċità b'mod sinifikanti kif ukoll li ħalla impatt gravi fuq il-profittabbiltà.

(219)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx dan l-argument. L-ewwel nett, ma jistax jingħad li l-investiment fil-kapaċità kien lil hinn minn kull aspettattiva realistika tal-bejgħ. Kif jidher fit-Tabella 5 hawn fuq, il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet bi 300 000 unità bejn l-2015 u l-2016. Dan jikkonforma kompletament mat-tkabbir fil-konsum bejn l-2015 u l-2016, li wkoll kien ta' 300 000 unità kif jidher fit-Tabella 2 hawn fuq. Minħabba l-pressjoni inġusta mill-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping, l-industrija tal-Unjoni sussegwentement naqqset il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni b'aktar minn 150 000 unità, minkejja li kien hemm tkabbir fis-suq ta' aktar minn 300 000 unità.

(220)

It-tieni, il-Kummissjoni osservat li l-livell ta' nefqa kapitali ma kienx għoli. Għall-kuntrarju, dan kien taħt 2 % tal-fatturat totali matul il-perjodu kkunsidrat. L-industrija tal-Unjoni kkonvertiet il-linji ta' produzzjoni eżistenti u għalhekk, iż-żieda fil-kapaċità ma kinitx motivatur kbir tan-nefqiet kapitali.

(221)

It-tielet, in-nefqiet kapitali ma ġewx ikkunsidrati fil-profittabbiltà (minbarra għad-deprezzament u l-amortizzament li ma żdidux materjalment) jew fil-flussi tal-flus (li jinsabu f'livell operazzjonali). Għalhekk, mhuwiex preċiż li dawn l-indikaturi jiġu interpretati fid-dawl tal-livell ta' investimenti.

(222)

Fl-aħħar nett, l-indikaturi tal-Kummissjoni wrew li l-kost tal-produzzjoni żdied f'linja mal-prezzijiet tal-bejgħ. B'riżultat ta' dan, ma jistax jingħad li ż-żieda fil-kapaċità kellha impatt sproporzjonat fuq il-kost tal-produzzjoni.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(223)

Il-Kummissjoni b'mod proviżorju stabbilixxiet rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni u l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ.

(224)

Il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping.

(225)

B'mod proviżorju, il-fatturi identifikati l-oħra bħal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, il-prestazzjoni tal-bejgħ minn esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni, u l-impatt allegat tal-investiment u tal-espansjoni fil-kapaċità ma nstabux li jkissru r-rabta ta' kawżalità, anki jekk jitqies l-effett ikkombinat possibbli tagħhom.

(226)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, f'dan l-istadju l-Kummissjoni kkonkludiet li d-dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ u li l-fatturi l-oħra, meqjusa individwalment jew kollettivament, ma attenwawx ir-rabta ta' kawżalità bejn id-dannu u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

6.   INTERESSI TAL-UNJONI

(227)

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi biċ-ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f'dan il-każ, minkejja li ġie ddeterminat dumping dannuż. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

6.1.   Interess tal-fornituri

(228)

CONEBI, li tlaqqa' flimkien assoċjazzjonijiet nazzjonali li jirrappreżentaw kemm il-manifatturi tar-roti kif ukoll il-fornituri tal-partijiet, tappoġġa l-impożizzjoni ta' miżuri. Madankollu, ebda fornitur ma ħa pożizzjoni individwali f'din l-investigazzjoni.

(229)

Skont iċ-ċifri ppreżentati minn CONEBI, il-partijiet tar-roti (kemm għar-roti konvenzjonali kif ukoll għar-roti elettriċi) jiġu mmanifatturati minn 424 kumpanija fi 19-il Stat Membru, li jimpjegaw kważi 21 000 membru tal-persunal u li, fl-2016, investew aktar minn EUR 660 miljun fil-manifattura u l-innovazzjoni.

(230)

Il-Kummissjoni kkonkludiet proviżorjament, li l-impożizzjoni ta' dazju antidumping ikun fl-interess tal-fornituri tal-industrija tal-Unjoni.

6.2.   Interessi tal-industrija tal-Unjoni

(231)

L-industrija tal-Unjoni hija magħmula minn kumpaniji kbar kif ukoll żgħar u medji, u matul il-perjodu kkunsidrat kienet timpjega b'mod dirett madwar 3 600 impjegat mifruxa fi tnax-il Stat Membru. Barra minn hekk, filwaqt li l-konsum ta' roti elettriċi għadu jirrappreżenta porzjon żgħir mis-suq kumplessiv tar-roti, il-bidla fid-domanda minn roti konvenzjonali għal roti elettriċi hija rapida u tippreżenta sfida strutturali biex jinżammu l-livell ta' attività, il-valur miżjud u l-impjiegi fl-industrija kollha tar-roti.

(232)

Kif muri fit-taqsima 4.4.4 hawn fuq, fl-analiżi tal-iżvilupp tal-indikaturi tad-dannu sa mill-bidu tal-perjodu kkunsidrat, l-industrija sħiħa tal-Unjoni esperjenzat deterjorament tas-sitwazzjoni tagħha u kienet affettwata b'mod negattiv mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping.

(233)

Il-Kummisjoni tistenna li l-impożizzjoni ta' dazju antidumping proviżorju se jippermetti li l-produtturi kollha joperaw taħt kundizzjonijiet ta' kummerċ ġust fis-suq tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta' miżuri, huwa probabbli ħafna li jkun hemm deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

(234)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod proviżorju li l-impożizzjoni ta' dazji antidumping tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

6.3.   Interess ta' importaturi mhux relatati

(235)

Is-CEIEB interveniet biex topponi l-impożizzjoni ta' miżuri. Hija rrappreżentat wieħed u għoxrin importatur minn seba'Stati Membri.

(236)

Mill-membri tas-CEIEB, ħdax kienu pparteċipaw fl-eżerċizzju ta' kampjunar. Barra minn hekk, żewġ kumpaniji kkampjunati barra minn din il-kollettiva esprimew ukoll in-nuqqas ta' qbil tagħhom mal-impożizzjoni ta' miżuri antidumping. Flimkien, it-tlettax-il kumpanija li għalihom huma magħrufin l-importazzjonijiet irrappreżentaw 10 % mill-importazzjonijiet totali mir-RPĊ fil-perjodu ta' investigazzjoni.

(237)

Il-preżentazzjonijiet li saru mill-importaturi kkampjunati wrew li l-impożizzjoni tad-dazji x'aktarx kienet se tfixkel il-katini ta' provvista tagħhom mill-inqas temporanjament, kif ukoll thedded il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom jekk ma setgħux jgħaddu l-kostijiet miżjuda relatati mad-dazju lill-klijenti tagħhom.

(238)

Il-preżentazzjonijiet li saru mill-importaturi kkampjunati wrew ukoll li l-akbar importaturi setgħu isibu sorsi oħra ta' roti elettriċi xierqa u/jew kellhom sorsi alternattivi potenzjali ta' forniment barra mir-RPĊ, inkluża l-industrija tal-Unjoni. Dawn l-importaturi jimpjegaw il-biċċa l-kbira mill-impjegati msemmija fil-premessa (236).

(239)

L-istatistika dwar l-importazzjoni turi li l-Vjetnam u t-Tajwan ipprovdew volumi sinifikanti ta' roti elettriċi lill-importaturi Ewropej. Huwa probabbli wkoll li pajjiżi oħra li jinsabu f'pożizzjoni tajba fil-manifattura ta' roti konvenzjonali jistgħu, potenzjalment, ifornu lill-importaturi.

(240)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-impożizzjoni tad-dazji fuq l-importazzjonijiet ta' roti konvenzjonali mir-RPĊ ma kellhiex l-effett li tagħlaq is-suq tal-Unjoni għall-importazzjonijiet, u għall-kuntrarju espandiet l-għadd ta' pajjiżi li jfornu roti konvenzjonali. Għall-kuntrarju, fi swieq kbar mingħajr miżuri fuq roti konvenzjonali mir-RPĊ, bħall-Istati Uniti tal-Amerka u l-Ġappun, l-importazzjonijiet kienu jirrappreżentaw 99 % u 90 % mis-suq rispettivament, u l-biċċa l-kbira minn dawn l-importazzjonijiet kienu ġejjin mir-RPĊ.

(241)

Il-Kummissjoni osservat li l-industrija tar-roti tikkonsisti f'aktar minn 450 produttur, li minnhom 37 biss attwalment jimmanifatturaw roti elettriċi. Barra minn hekk, il-manifatturi attwali ta' roti elettriċi diġà jfornu firxa wiesgħa ta' roti elettriċi, u jistgħu jżidu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħhom f'kundizzjonijiet normali tas-suq.

(242)

Għalkemm l-impożizzjoni ta' dazji jista' jkollha effett avvers fuq għadd ta' importaturi prinċipalment żgħar, l-impatt negattiv tal-impożizzjoni tad-dazji jista' jiġi mmitigat bid-disponibbiltà ta' sorsi ta' roti xierqa fl-industrija tal-Unjoni, f'pajjiżi terzi oħra u fir-RPĊ bi prezzijiet ġusti.

(243)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impożizzjoni tad-dazji ma kinitx fl-interess tal-importaturi, iżda li l-effett negattiv probabbli fuq l-importaturi ma kienx akbar mill-effett pożittiv tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni.

6.4.   Interess tal-utenti

(244)

Il-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċiklisti (“ECF”) interveniet f'din l-investigazzjoni. L-ECF tirrappreżenta l-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet taċ-ċiklisti. L-ECF ippreżentat l-argument li l-prezz mhuwiex il-fattur li jiddetermina jekk in-nies jużawx ir-roti aktar jew inqas, u pprovdiet evidenza li l-pajjiżi fejn in-nies jużaw l-aktar roti huma dawk fejn ir-roti u r-roti elettriċi huma aktar għaljin.

(245)

Din ix-xejra ġiet ikkorroborata minn preżentazzjoni li saret mill-kollettiva tal-importaturi li kienu kontra l-miżuri, li wriet li l-pajjiżi bir-rati l-aktar veloċi ta' adozzjoni tar-roti elettriċi kienu l-pajjiżi fejn, bħala medja, ir-roti elettriċi kienu l-aktar għaljin.

(246)

Il-kollettiva tal-importaturi ppreżentat ukoll l-argument li kien hemm rabta qawwija bejn il-prezzijiet tar-roti elettriċi, il-kultura nazzjonali taċ-ċikliżmu, il-kwalità tal-infrastrutturi u, fl-aħħar mill-aħħar, l-adozzjoni tar-roti elettriċi.

(247)

L-ECF tappoġġa kundizzjonijiet tas-suq li jrawmu l-kwalità, l-innovazzjoni u s-servizzi. Għalhekk, li kieku d-dumping jiġi stabbilit, l-ECF saħqet li dan ikollu rwol negattiv fl-iżvilupp tar-roti elettriċi u, konsegwentement, fuq it-tranżizzjoni għal Ewropa aktar ekoloġika li toffri mobbiltà aktar effettiva liċ-ċittadini tagħha.

(248)

Min-naħa l-oħra, il-kollettiva tal-importaturi li kienet kontra l-impożizzjoni tal-miżuri ppreżentat l-argument li l-miżuri ma jħallux lill-produtturi Ċiniżi la jfornu l-prodotti ta' livell baxx u lanqas jiżviluppaw prodotti ta' livell medju u għoli, li jirriżulta f'inqas kompetizzjoni. Billi, allegatament, sa ċertu punt l-industrija tal-Unjoni hija attiva fis-segment medju u f'dak għoli, dan ikun iwassal għal inqas għażla u prezzijiet ogħla għall-konsumaturi Ewropej.

(249)

L-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni hija attiva fis-segmenti kollha tas-suq, inklużi prodotti ta' livell baxx. Huwa mistenni li l-miżuri jamplifikaw u jiddiversifikaw il-forniment ta' roti elettriċi billi jirrestawraw il-kompetizzjoni f'kundizzjonijiet ekwi. Ta' min jiftakar li l-impożizzjoni tal-miżuri fuq roti konvenzjonali ma naqqsitx l-għażla tal-konsumaturi, iżda żiedet id-diversità tal-fornituri u tal-pajjiżi ta' oriġini tagħhom. Għalhekk, instab li l-argument ma kienx sostanzjat u kellu jiġi rrifjutat.

(250)

Filwaqt li l-impożizzjoni tal-miżuri hija mistennija tirrestawra l-prezzijiet tas-suq li huma de facto ogħla mill-prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping, il-prezz huwa wieħed mill-fatturi li jiggwida l-għażla tal-konsumaturi, u l-impatt probabbli fuq il-prezzijiet għall-konsumaturi jrid jiġi bbilanċjat minn tqabbil tal-kostijiet-benefiċċji mal-alternattivi għar-roti elettriċi, bħal karozzi, muturi jew scooters.

(251)

Il-Kummissjoni sabet li l-interess tal-konsumatur ma jistax jitnaqqas għall-impatt fuq il-prezzijiet li jirriżulta meta l-importazzjonijiet mir-RPĊ jiġu rrestawrati għal livelli mhux dannużi. Għall-kuntrarju, teżisti ħafna evidenza li l-għażla tal-konsumatur hija xprunata minn fatturi oħra, bħall-varjetà, il-kwalità, l-innovazzjoni u s-servizzi, li jistgħu jinkisbu biss taħt kundizzjonijiet normali tas-suq b'kompetizzjoni ġusta u miftuħa.

(252)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ma kinux se jaffettwaw b'mod mhux xieraq is-sitwazzjoni tal-konsumaturi, u li kienu se jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tar-roti elettriċi fl-Ewropa u għall-benefiċċji usa' tiegħu għas-soċjetà, f'termini ta' ħarsien tal-ambjent u mobbiltà aħjar.

6.5.   L-interess ta' partijiet oħrajn

(253)

Fl-aħħar nett, it-Trade Union Ewropea industriAll ressqet tħassib dwar l-impatt negattiv tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-istat tal-Industrija tal-Unjoni, kif ukoll appoġġat il-miżuri għall-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi u ta' impjieg kontinwu b'saħħtu fl-Unjoni.

6.6.   Konklużjoni dwar l-interessi tal-Unjoni

(254)

Għalkemm ma jistax jiġi eliminat għalkollox l-affett avvers tal-miżuri fuq importaturi żgħar tal-prodott ikkonċernat u fuq il-prezzijiet għall-konsumaturi, dan ma huwiex akbar mill-benefiċċji għall-fornituri, l-industrija tal-Unjoni u l-konsumaturi.

(255)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet persważivi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri proviżorji fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-RPĊ f'dan l-istadju tal-investigazzjoni.

7.   MIŻURI ANTIDUMPING PROVIŻORJI

(256)

Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar id-dumping, dannu, kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġu imposti miżuri proviżorji sabiex jiġi evitat li jsir aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta' dumping.

7.1.   Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu

(257)

Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbilixxiet l-ammont ta' dazju meħtieġ biex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(258)

Id-dannu jiġi eliminat li kieku l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni tagħha u tagħmel profitt qabel it-taxxa mill-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni, u dan jista' jinkiseb b'mod raġonevoli f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni minn industrija ta' dan it-tip fis-settur, jiġifieri fin-nuqqas ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping.

(259)

Biex ikun jista' jiġi stabbilit dan il-profitt li jista' jintlaħaq b'mod raġonevoli f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni normali, il-Kummissjoni qieset il-profitti li saru fuq il-bejgħ lil klijenti mhux relatati, li jintużaw għall-fini tad-determinazzjoni tal-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu.

(260)

Proviżorjament, il-profitt fil-mira ġie stabbilit f'livell ta' 4,3 %, li huwa l-ogħla marġni medju ta' profitt tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Il-produtturi tal-Unjoni kkampjunati ma kinux f'pożizzjoni li jipprovdu marġni ta' profitt għall-manifattura ta' roti elettriċi qabel l-2014.

(261)

Imbagħad, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu fuq il-bażi ta' tqabbil tal-prezz ta' importazzjoni medju ponderat tal-produtturi esportaturi kooperattivi kkampjunati fir-RPĊ, aġġustat kif xieraq għall-ispejjeż tal-importazzjoni u d-dazji doganali, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, mal-prezz mingħajr dannu medju ponderat tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni kkampjunati fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Kull differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju pponderat tal-importazzjoni.

(262)

Il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu għal “kumpaniji kooperattivi oħra” u għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” huwa definit bl-istess mod bħall-marġni tad-dumping għal dawn il-kumpaniji (ara l-premessi minn (123) sa (127)).

7.2.   Miżuri proviżorji

(263)

Jenħtieġ li jiġu imposti miżuri antidumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-RPĊ, f'konformità mar-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont tad-dazju għandu jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping aktar baxx u fil-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara.

(264)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, ir-rati tad-dazju proviżorju antidumping, espressi fil-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, id-dazju doganali mhux imħallas, għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping

Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu

Dazju antidumping proviżorju

Bodo Vehicle Group Co., Ltd.

90,6 %

77,6 %

77,6 %

Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd

34,6 %

27,5 %

27,5 %

Jinhua Vision Industry Co., Ltd u Yongkang Hulong Electric Vehicle Co., Ltd.

42,8 %

21,8 %

21,8 %

Suzhou Rununion Motivity Co., Ltd.

106,4 %

83,6 %

83,6 %

Produtturi esportaturi li kkooperaw mhux kkampjunati (ara l-Anness)

51,0 %

37,0 %

37,0 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

106,4 %

83,6 %

83,6 %

(265)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat suġġetti għar-reġistrazzjoni permezz tar-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni, fid-dawl tal-possibbiltà tal-applikazzjoni retroattiva ta' kwalunkwe miżura antidumping u kumpensatorja, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku antisussidji.

(266)

Rigward din l-investigazzjoni antidumping u fid-dawl tas-sejbiet imsemmijin hawn fuq, ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet għall-finijiet tal-investigazzjoni antidumping skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku jenħtieġ li tieqaf hawn.

(267)

Rigward l-investigazzjoni antisussidji parallela, jenħtieġ li tkompli r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku.

(268)

L-ebda deċiżjoni dwar l-applikazzjoni retroattiva possibbli tal-miżuri antidumping ma tista' tittieħed f'dan l-istadju tal-proċediment.

(269)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' din l-investigazzjoni. Gћaldaqstant, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta' dazju huma esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ u manifatturat mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmijin b'mod speċifiku, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Jenħtieġ li huma ma jkunux suġġetti għal xi rati individwali ta' dazju antidumping.

(270)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati individwali ta' dazju antidumping jekk sussegwentement hija tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (9). It-talba trid tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li t-tibdil ma jaffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata ta' dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata ta' dazju li tapplika għaliha, avviż dwar il-bidla tal-isem jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(271)

Biex ikun żgurat infurzar xieraq tad-dazji antidumping, id-dazju antidumping għall-kumpaniji l-oħra kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma jkunux ikkooperaw f'din l-investigazzjoni, iżda anki għall-produtturi li ma esportawx lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

8.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(272)

Fl-interessi ta' amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw kummenti bil-miktub u/jew biex jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali qabel skadenza fissa.

(273)

Il-konklużjonijiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta' dazji proviżorji huma proviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qed jiġi impost dazju antidumping proviżorju fuq ċikli, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (kodiċi TARIC 8711609010).

2.   Ir-rati tad-dazju antidumping proviżorju applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, se jkunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju antidumping proviżorju

Kodiċi addizzjonali TARIC

Bodo Vehicle Group Co., Ltd.

77,6 %

C382

Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd

27,5 %

C383

Jinhua Vision Industry Co., Ltd u Yongkang Hulong Electric Vehicle Co., Ltd.

21,8 %

C384

Suzhou Rununion Motivity Co., Ltd.

83,6 %

C385

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

37,0 %

Ara l-Anness

Il-kumpaniji l-oħra kollha

83,6 %

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta' dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmijin fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b'ismu/isimha u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li ċ-ċikli elettriċi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea koperti minn din il-fattura ġew immanifatturati minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, id-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha għandu japplika.

4.   Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għall-għoti ta' depożitu ta' garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju proviżorju.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar id-dazji doganali fis-seħħ.

Artikolu 2

1.   Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-partijiet interessati jistgħu:

(a)

Jitolbu divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie adottat dan ir-Regolament;

(b)

Jippreżentaw il-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni; kif ukoll;

(c)

Jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali.

2.   Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ dan ir-Regolament, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jistgħu jikkummentaw dwar l-applikazzjoni tal-miżuri proviżorji.

Artikolu 3

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/671, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet doganali huma b'dan mitluba, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċikli, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (il-kodiċi TARIC 8711609010) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.”

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak li fih jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika għal perjodu ta' sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU C 353, 20.10.2017, p. 19.

(3)  ĠU C 440, 21.12.2017, p. 22.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/671 tat-2 ta' Mejju 2018 li jagħmel importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 113, 3.5.2018, p. 4).

(5)  L-ilment, l-Anness 10.

(6)  L-ilment, l-Anness 9.

(7)  Potenza nominali kontinwa massima.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).

(9)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat H, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, Il-Belġju.


ANNESS

Isem Il-Kumpanija

Provinċja

Kodiċi addizzjonali TARIC

Acetrikes Bicycles (Taicang) Co., Ltd.

Jiangsu

C386

Active Cycles Co., Ltd.

Jiangsu

C387

Aigeni Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C388

Aima Technology Group Co., Ltd.

Tianjin

C389

Alco Electronics (Dongguan) Limited

Guangdong

C390

Beijing Tsinova Technology Co., Ltd.

Beijing

C391

Changzhou Airwheel Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C392

Changzhou Bisek Cycle Co., Ltd.

Jiangsu

C393

Changzhou Hj Pedal Co., Ltd.

Jiangsu

C394

Changzhou Rich Vehicle Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C395

Changzhou Ristar Cycle Co., Ltd

Jiangsu

C396

Changzhou Sobowo Vehicle Co., Ltd.

Jiangsu

C397

Changzhou Steamoon Intelligent Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C398

Cutting Edge Power Vehicle Int'l TJ Co., Ltd.

Tianjin

C399

Cycleman E-Vehicle Ltd,. Co.

Jiangsu

C400

Dongguan Benling Vehicle Technology Co., Ltd.

Guangdong

C401

Dongguan Honglin Industrial Co., Ltd and Melton Industrial (Dong Guan) Co., Ltd

Guangdong

C402

Eco International Elebike Co., Ltd.

Jiangsu

C403

Everestt International Industries Ltd.

Jiangsu

C404

Foshan Lano Bike Co., Ltd.

Guangdong

C405

Foshan Zenith Sports Co., Ltd.

Guangdong

C406

Geoby Advance Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C407

Guangdong Commercial Trading Imp. & Exp. Corp., Ltd.

Guangdong

C408

Guangdong Shunde Junhao Science & Technology Development Co., Ltd.

Guangdong

C409

Guangzhou Symbol Bicycle Co., Ltd.

Guangzhou

C410

Hangzhou Fanzhou Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C411

Hangzhou Morakot E-Bike Manufacture Co., Ltd.

Zhejiang

C412

Hangzhou TOP Mechanical And Electrical Technology, Co. Ltd.

Zhejiang

C413

Hua Chin Bicycle & Fitness (H.Z.) Co., Ltd.

Guangdong

C414

Jiangsu Imi Electric Vehicle Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C415

Jiangsu Lvneng Electrical Bicycle Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C416

Jiangsu Stareyes Bicycle Industrial Co., Ltd.

Jiangsu

C417

Jiaxing Onway Ev Tech Co., Ltd.

Zhejiang

C418

Jinhua Enjoycare Motive Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C419

Jinhua Feirui Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C420

Jinhua Jobo Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C421

Jinhua Suntide Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C422

Jinhua Yifei Electric Science And Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C423

Jinhua Zodin E-Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C424

Kenstone Metal (Kunshan) Co., Ltd.

Jiangsu

C425

Komda Industrial (Dongguan) Co., Ltd.

Guangdong

C426

Kunshan Sevenone Cycle Co., Ltd.

Jiangsu

C427

Nanjing Jincheng Machinery Co., Ltd.

Jiangsu

C428

Nantong Tianyuan Automatic Vehicle Co., Ltd.

Jiangsu

C429

Ningbo Bestar Co., Ltd.

Zhejiang

C430

Ningbo Lvkang Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C431

Ningbo Nanyang Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C432

Ningbo Oner Bike Co., Ltd.

Zhejiang

C433

Ningbo Pugonying Vehicle Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C434

Ningbo Roadsan New Energy Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C435

Ningbo Shenchima Vehicle Industry Co., Ltd.

Zhejiang

C436

Ningbo Zixin Bicycle Industry Co., Ltd.

Zhejiang

C437

Pronordic E-Bikes Limited Company

Jiangsu

C438

Shandong Eco Friendly Technology Co., Ltd.

Shandong

C439

Shanghai Promising Int'l Trade & Logistics Co., Ltd.

Shanghai

C440

Shenzhen SanDin Cycle Co., Ltd.

Guangdong

C441

Shenzhen Shenling Car Co., Ltd.

Guangdong

C442

Sino Lithium (Suzhou) Electric Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C443

Skyland Sport Tech Co., Ltd.

Tianjin

C444

Suzhou Dynavolt Intelligent Vehicle Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C445

Suzhou Guoxin Group Fengyuan Imp & Exp. Co., Ltd.

Jiangsu

C446

Suzhou Joydeer E-Bicycle Co., Ltd

Jiangsu

C447

Taioku Manufacturing (Jiangsu) Co., Ltd.

Jiangsu

C448

Tianjin Luodeshengda Bicycle Co., Ltd.

Tianjin

C449

Tianjin Upland Bicycle Co., Ltd.

Tianjin

C450

Tianjin Anbike Electric Bicycle Co., Ltd

Tianjin

C451

Ubchoice Co., Ltd.

Guangdong

C452

Universal Cycle Corporation (Guang Zhou)

Guangdong

C453

Wettsen Corporation

Shandong

C454

Wuxi Bashan E-Vehicle Co., Ltd.

Jiangsu

C455

Wuxi Merry Ebike Co., Ltd.

Jiangsu

C456

Wuxi METUO Vehicle Co., Ltd.

Jiangsu

C457

Wuxi Shengda Bicycle Co., Ltd.

Jiangsu

C458

Wuxi United Mobility Technology Inc

Jiangsu

C459

Wuyi Simino Industry & Trade Co., Ltd.

Zhejiang

C460

Wuyi Yuema Leisure Articles Co., Ltd.

Zhejiang

C461

Xiangjin (Tianjin) Cycle Co., Ltd.

Tianjin

C462

Yadea Technology Group Co., Ltd.

Jiangsu

C463

Yong Qi (China) Bicycle Industrial Corp

Jiangsu

C464

Yongkang Aijiu Industry & Trade Co., Ltd.

Zhejiang

C465

Yongkang Juxiang Vehicle Co, Ltd.

Zhejiang

C466

Yongkang Lohas Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C467

Yongkang Mars Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C468

Zhejiang Apollo Motorcycle Manufacturer Co., Ltd.

Zhejiang

C469

Zhejiang Baoguilai Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C470

Zhejiang Enze Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C471

Zhejiang Goccia Electric Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C472

Zhejiang Jsl Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C473

Zhejiang Kaiyi New Material Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C474

Zhejiang Lianmei Industrial Co., Ltd.

Zhejiang

C475

Zhejiang Luyuan Electric Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C476

Zhejiang Tuer Vehicle Industry Co., Ltd.

Zhejiang

C477

Zhejiang Xingyue Vehicle Co., Ltd., Zhejiang Xingyue Overfly Electric Vehicle Co., Ltd. and Zhejiang Xingyue Electric Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C478

Zhongshan Qiangli Electronics Factory

Guangdong

C479

Zhongxin Power (Tianjin) Bicycle Co., Ltd.

Tianjin

C480


Нагоре