EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0211

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/211 tal-21 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi pjan ta' skartar tal-ħut fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku

C/2017/7672

ĠU L 41, 14.2.2018, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/211/oj

14.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/211

tal-21 ta' Novembru 2017

li jistabbilixxi pjan ta' skartar tal-ħut fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv l-iskartar tal-ħut fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid.

(2)

Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta' ħatt l-art japplika fis-sajd għas-salamun mill-1 ta' Jannar 2015.

(3)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta' pjanijiet pluriennali stabbiliti skont l-Artikolu 9 ta' dak ir-Regolament, biex tadotta pjan ta' skartar tal-ħut li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għal perjodu inizjali ta' tliet snin, li jista' jiġġedded għal perjodu ieħor ta' tliet snin. Dawk il-pjanijiet ta' skartar tal-ħut iridu jiġu adottati fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1396/2014 (2) stabbilixxa pjan ta' skartar tal-ħut rigward is-sajd għas-salamun, għall-aringa, għal-laċċa kaħla u għall-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku. Dan il-pjan ta' skartar jinkludi, fost l-oħrajn, eżenzjoni mill-obbligu ta' ħatt l-art għall-merluzz u għas-salamun minħabba rati ta' sopravivenza għoljin li ntwerew għal dawk l-ispeċijiet kif stipulat fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1396/2014 jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd tal-merluzz, tal-aringi u tal-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku. Dak il-pjan pluriennali ma jkoprix l-istokkijiet tas-salamun u s-sajd għal dak l-istokk fil-Baħar Baltiku.

(6)

Fin-nuqqas ta' pjan pluriennali applikabbli għall-istokkijiet tas-salamun u għas-sajd ta' dak l-istokk fil-Baħar Baltiku, id-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art wara l-iskadenza tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1396/2014, iridu jiġu adottati fil-qafas ta' pjan ġdid ta' skartar tal-ħut ibbażat fuq rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata mill-Istati Membri.

(7)

Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja għandhom interess dirett ta' ġestjoni fil-Baħar Baltiku. Fil-31 ta' Mejju 2017, dawn l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta (4) lill-Kummissjoni, wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Baltiku. Inkisbet kontribuzzjoni xjentifika mill-korpi xjentifiċi rilevanti.

(8)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi li l-eżenzjoni mill-obbligu ta' ħatt l-art għas-salamun li jinqabad fix-xbieki tad-tidwir, fil-kavetti/fin-nases tal-ħut, fix-xbieki fyke u fix-xbieki nases, prevista bir-Regolament Delegat (UE) Nru 1396/2014, jenħtieġ li tkompli tapplika wara l-31 ta' Diċembru 2017.

(9)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta hija bbażata fuq evidenza xjentifika ta' livell għoli ta' sopravvivenza, li ngħatat mill-Forum dwar is-Sajd fil-Baħar Baltiku (BALTFISH) u ġiet rieżaminata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). L-STECF ikkonkluda li billi dawn it-tipi ta' rkaptu jaħdmu billi jaqbdu l-ħut fi struttura statika ta' xbieki, u mhux, pereżempju, billi l-ħut jitgħaqqad f'xibka jew jibla' ganċ, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li b'dawn it-tipi ta' rkaptu il-mortalità tkun baxxa.

(10)

Il-miżuri li ġew issuġġeriti fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għaldaqstant, b'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li jiġu inklużi f'dan ir-Regolament.

(11)

Billi r-Regolament Delegat (UE) Nru 1396/2014 jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta' Jannar 2018,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fir-rigward tas-salamun li jinqabad fis-sajd għas-salamun, l-aringa, il-laċċa kaħla u l-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

 

“Il-Baħar Baltiku” tfisser id-diviżjonijiet IIIb, IIIc u IIId tal-ICES, kif speċifikat fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Artikolu 3

Eżenzjoni ta' sopravivenza

1.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta' ħatt l-art ma għandux japplika għas-salamun li jinqabad fix-xbieki tad-tidwir, fil-kavetti/fin-nases tal-ħut, fix-xbieki fyke u fix-xbieki nases.

2.   Is-salamun li jinqabad mingħajr kwota disponibbli jew taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, għandu jintefa' lura l-baħar.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.1.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1396/2014 tal-20 ta' Ottubru 2014 li jwaqqaf pjan ta' skartar fil-Baħar Baltiku (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 40)

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).

(4)  “BALTFISH High Level Group Joint Recommendation on the Outline of a Discard Plan for the Baltic Sea” (Rakkomandazzjoni Konġunta tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-BALTFISH dwar Qafas ta' Pjan ta' Skartar tal-Ħut għall-Baħar Baltiku), ippreżentata fis-27 ta' Mejju 2014 u fil-31 ta' Mejju 2017.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).


Top