Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H1016(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi

    ST/11001/2018/INIT

    ĠU C 374, 16.10.2018, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 374/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Ottubru 2018

    dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi

    (2018/C 374/01)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita mill-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Il-punt (b) tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill irid jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti indikati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni matul iż-żewġ fażijiet inizjali konsekuttivi (is-snin 2018-2020 u 2021-2025) u li jispeċifikaw fil-bidu ta’ kull fażi l-objettivi aktar preċiżi għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti.

    (2)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Marzu 2018 dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO (2) tipprevedi li huwa xieraq li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji, li wkoll teħtieġ tiddefinixxi l-indikaturi komunement maqbula biex jassistu lill-Istati Membri parteċipanti fit-twettiq tal-impenji u fil-valutazzjoni tal-progress f’dak ir-rigward.

    (3)

    Is-segretarjat tal-PESCO, ipprovdut b’mod konġunt mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, inkluż l-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea (EUMS, European Union Military Staff), u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA, European Defence Agency), skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, ipprovda feedback inizjali sal-aħħar ta’ Marzu 2018 fir-rigward tat-tip, il-granularità u l-istruttura tal-informazzjoni pprovduta fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali kkomunikati f’Diċembru 2017 mill-Istati Membri parteċipanti, kif mitlub mill-Kunsill fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2018.

    (4)

    Fil-25 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/909 (3), li tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti tal-PESCO. Fl-istess data, il-Kunsill adotta konklużjonijiet fejn hu ddikjarat li hu jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi.

    (5)

    Il-Kunsill ser jiġi mistieden biex f’Novembru 2018 jaqbel dwar l-ewwel implimentazzjoni sħiħa tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD, Coordinated Annual Review on Defence) li għandha tinbeda fil-ħarifa tal-2019.

    (6)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas tal-PESCO u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi,

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    I.   Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

    1.

    L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hu li tiżgura approċċ komuni u li tippermetti lill-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu l-impenji aktar vinkolanti stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 u biex jiffaċilitaw il-proċess ta’ valutazzjoni annwali stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ dik id-Deċiżjoni, abbażi ta’ sett komplet ta’ data rilevanti inklużi pjanijiet direzzjonali, fejn applikabbli li jirriflettu l-objettivi intermedji u l-istadji importanti. Jenħtieġ li dik id-data tiġi pprovduta kull sena mill-Istati Membri parteċipanti fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali (NIPs, national implementation plans) tagħhom, riveduti u aġġornati skont l-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni. Ir-regoli ta’ sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (4) għandhom jiġu applikati wkoll għall-NIPs. Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti, appoġġati mis-segretarjat tal-PESCO, jiżguraw it-trasparenza u jiżviluppaw aktar il-koerenza u l-konsistenza fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa u pprovduta fil-kuntest tal-PESCO u inizjattivi oħrajn relatati mad-difiża, inkluż il-CARD. Jenħtieġ li l-koerenza bejn inizjattivi differenti relatati mad-difiża tiġi żviluppata u msaħħa aktar, inkluż fir-rigward tar-rappurtar mill-Istati Membri, b’kont meħud tal-lezzjonijiet identifikati fi tmiem l-ewwel fażi tal-PESCO (2018-2020).

    2.

    F’konformità mal-impenji stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, u mingħajr ma tibdilhom jew iddaħħal impenji ġodda, din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi gwida għas-sekwenzjar tat-twettiq ta’ dawk l-impenji għall-fażijiet 2018-2020 u 2021-2025, u tispeċifika objettivi aktar preċiżi għal kull impenn, inklużi l-impenji li jridu jitwettqu qabel l-2020. Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi wkoll indikaturi tal-progress għall-assistenza tal-Istati Membri parteċipanti meta jippjanaw it-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti u biex tiġi faċilitata l-valutazzjoni tal-progress f’dak ir-rigward.

    3.

    L-objettivi aktar preċiżi msemmija fit-Taqsima II, li jinkludu wkoll l-indikaturi tal-progress, fejn applikabbli, għal impenji speċifiċi, ser jippermettu lill-Istati Membri parteċipanti jippjanaw għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti b’mod strutturat u trasparenti u jipprovdu informazzjoni dettaljata u li tista’ tiġi valutata dwar il-progress miksub fit-twettiq ta’ kull impenn fl-NIPs tagħhom.

    4.

    L-għan huwa li jinkisbu l-ewwel riżultati speċifiċi fir-rigward tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti sa tmiem l-2020, u li jiġi żviluppat proċess ta’ ippjanar solidu biex jiġi żgurat progress kontinwu fit-twettiq tagħhom lil hinn mill-ewwel fażi. Fi tmiem l-ewwel fażi, f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, il-Kunsill ser jaġġorna, u jsaħħaħ jekk meħtieġ, l-impenji aktar vinkolanti indikati f’dik id-Deċiżjoni fid-dawl tal-kisbiet li jkunu saru permezz tal-PESCO, sabiex jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ kapaċità u dawk operazzjonali tal-Unjoni u l-ambjent tas-sigurtà tagħha kif jevolvi. Tali deċiżjoni ser tkun ibbażata fuq proċess strateġiku ta’ rieżami li jivvaluta t-twettiq tal-impenji tal-PESCO mill-Istati Membri parteċipanti individwali. F’dan il-kuntest, fil-bidu tal-fażi li jmiss, jenħtieġ li l-Kunsill jadotta t-tieni sett ta’ objettivi aktar preċiżi għall-fażi 2021-2025, aġġornat u mtejjeb jekk meħtieġ, b’kont meħud tal-punt (c) tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

    II.   Is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji permezz tal-ispeċifikazzjoni ta’ objettivi aktar preċiżi

    Impenji 1 sa 5

    5.

    Impenn 1: Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jipprovdu fl-NIPs tagħhom data finanzjarja preċiża dwar l-evoluzzjoni tal-ispiża totali għad-difiża meta mqabbla mas-sena ta’ qabel f’termini reali (5), inkluż f’ċifri assoluti, li turi pjan għal żieda regolari fl-infiq. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jipprovdu wkoll fl-NIPs tagħhom il-projezzjonijiet ta’ nfiq miftiehma fil-livell nazzjonali tagħhom għas-snin li ġejjin. Jenħtieġ li dawk l-Istati Membri parteċipanti li huma wkoll membri tan-NATO u li qed jonfqu kemm indikat, jew aktar, mil-linji gwida rilevanti tan-NATO għall-ispiża għad-difiża jipprovdu indikazzjoni dwar il-pjan tagħhom li jżommu jew jibdlu dak il-livell tan-nefqa fuq id-difiża. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-NIPs, ir-rapport annwali tar-Rappreżentant Għoli ser jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali dettaljata tal-evoluzzjoni tan-nefqa fuq id-difiża mill-Istati Membri parteċipanti, f’konformità mal-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

    6.

    Impenn 2: Jenħtieġ li kull Stat Membru parteċipanti jipprovdi data finanzjarja preċiża fl-NIP tiegħu dwar kif biħsiebu jikkontribwixxi għall-parametru referenzjarju kollettiv ta’ 20 % (6) fir-rigward tal-investiment għad-difiża. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tipprovdi l-previżjoni taż-żieda meta mqabbla mas-sena preċedenti f’termini reali, bħala perċentwal tal-baġit totali għad-difiża. Jenħtieġ li ċ-ċifri pprovduti jinkludu investimenti għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u għar-riċerka u żvilupp (R&Ż). Jenħtieġ li dawk l-Istati Membri parteċipanti li diġà qed jonfqu fil-livell tal-parametru referenzjarju (kollettiv), jew aktar minnu, jipprovdu indikazzjoni tal-pjanijiet tagħhom biex iżommu jew jibdlu dak il-livell ta’ nfiq.

    7.

    Impenn 3: Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jipprovdu informazzjoni fl-NIPs tagħhom dwar kif u b’liema mezzi biħsiebhom iżidu l-għadd, id-daqs u l-impatt ta’ proġetti, kollaborattivi u konġunti, tal-kapaċitajiet strateġiċi tad-difiża filwaqt li jsemmu wkoll iċ-ċifri baġitarji u l-proġetti speċifiċi li jibbenefikaw jew li kienu bbenefikaw minn assistenza finanzjarja tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, kull Stat Membru parteċipanti jenħtieġ li jipprovdi data finanzjarja preċiża dwar kif biħsiebu jikkontribwixxi biex f’termini reali jilħaq il-parametru referenzjarju kollettiv tal-akkwist kollaborattiv Ewropew ta’ tagħmir – 35 % tan-nefqa totali fuq it-tagħmir – u l-parametru referenzjarju kollettiv tar-riċerka u t-teknoloġija (R&T) kollaborattiva Ewropea għad-difiża – 20 % tan-nefqa totali għad-difiża fir-R&T. enħtieġ li dawk l-Istati Membri parteċipanti li diġà qed jonfqu fuq dawk il-livelli jipprovdu indikazzjoni tal-pjanijiet tagħhom biex iżommu jew jibdlu dawk il-livelli ta’ nfiq.

    8.

    Impenn 4: Jenħtieġ li kull Stat Membru parteċipanti jipprovdi, b’mod ċar fl-NIP tiegħu, data finanzjarja preċiża dwar kif ser jikkontribwixxi, bl-għan li joqorbu lejn it-2 % tan-nefqa totali għad-difiża (parametru referenzjarju kollettiv) bħala sehem tal-ispiża totali tad-difiża għal R&T fil-qasam tad-difiża, inkluż tbassir tal-ispiża, sabiex jgħinu fil-monitoraġġ tal-progress attwali minn sena għall-oħra.

    9.

    Impenn 5: Kull sena, l-Istati Membri parteċipanti huma mħeġġa jużaw l-NIPs tagħhom biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom f’termini ta’ ppjanar u ta’ kontribut għat-twettiq tal-impenji 1 sa 4 fid-dawl tal-objettivi aktar preċiżi stabbiliti hawn fuq. Fi tmiem l-2020 se jsir rieżami ta’ dawk l-impenji, abbażi tad-data tal-infiq ipprovduta fl-NIPs, bil-ħsieb li l-indikaturi u l-objettivi jiġu adattati għal dawk l-impenji kif meħtieġ, għall-approvazzjoni mill-Kunsill.

    Impenji 6 sa 11

    10.

    Impenn 6: Sal-2020, l-Istati Membri parteċipanti ser ikunu wżaw aktar, u pparteċipaw aktar, fl-għodod tal-Unjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, bħall-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP, Capability Development Plan) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) biex jinfurmaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-ippjanar tad-difiża nazzjonali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ attivitajiet kollaborattivi tal-kapaċità tad-difiża fl-Unjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jindikaw fl-NIPs tagħhom kif jimplimentaw il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet li jirriżultaw mis-CDP, anke permezz tal-istabbiliment ta’ prijoritajiet nazzjonali, u jiddeskrivu l-pjanijiet u l-objettivi tagħhom dwar il-prijoritajiet rispettivi li għandhom jintlaħqu fis-snin li ġejjin.

    11.

    Impenn 7: Sal-2020, kull Stat Membru parteċipanti jenħtieġ li jkun għamel l-aħjar użu tal-għodod u l-proċessi disponibbli biex jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha mitluba taħt il-CARD, inkluż permezz ta’ djalogi bilaterali. Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jkunu qiesu l-lezzjonijiet identifikati matul il-prova tal-CARD u jenħtieġ li jindikaw fl-NIPs tagħhom informazzjoni dwar l-appoġġ tagħhom għall-prova tal-CARD u, sa fejn ikun possibbli, l-ewwel ċiklu sħiħ tal-CARD fl-2019-2020, inkluż l-użu ta’ rakkomandazzjonijiet ipprovduti fir-rappurtar tal-CARD bħala referenza f’kuntesti nazzjonali u multinazzjonali biex jittieħdu deċiżjonijiet rilevanti.

    12.

    Impenn 8: Sa tmiem l-2020, l-Istati Membri parteċipanti ser jagħmlu l-aħjar użu ta’, u jiżguraw segwitu għal, ir-riżultati kemm tal-azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża (2019-2020) kif ukoll tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp Industrijali fil-Qasam tad-Difiża (EDIDP, European Defence Industrial Development Programme) (2019-2020) għal proġetti kollaborattivi b’valur miżjud identifikat tal-UE. Fl-NIPs tagħhom, bil-ħsieb li jiġu appoġġati prijoritajiet ta’ kapaċità li jirriżultaw mis-CDP u wkoll b’kont meħud tal-CARD, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jindikaw f’liema proġetti kollaborattivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet huma jieħdu sehem u/jew qed jippjanaw li jieħdu sehem li għalihom jingħata jew huwa previst kofinanzjament b’assistenza finanzjarja mill-Unjoni. Jenħtieġ li jindikaw ukoll, sa fejn hu possibbli, is-sehem tal-investiment fid-difiża nazzjonali li huma impenjaw, jew qed jippjanaw li jimpenjaw, għal dawk il-proġetti kollaborattivi.

    13.

    Impenn 9: Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jelenkaw il-proġetti kollaborattivi rilevanti għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet li għaddejjin f’konformità mas-CDP fil-PESCO, kif ukoll f’oqfsa oħra, u jindikaw il-bidu u t-tlestija ppjanati tal-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti. Jenħtieġ li l-bidu previst tal-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tal-kapaċità jiġi indikat ukoll għall-proġetti ppjanati u maħsuba. Dan jenħtieġ li jsir għas-snin li ġejjin, b’mod partikolari b’attenzjoni speċjali fuq it-tneħħija ta’ lakuni ta’ kapaċitajiet identifikati permezz tas-CDP u b’kont meħud tal-CARD.

    14.

    Impenn 10: Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti juru b’mod ċar fl-NIPs tagħhom dawk il-kapaċitajiet u l-faċilitajiet li ġew magħmula disponibbli u huma pprovduti biex jintużaw b’mod konġunt minn Stati Membri parteċipanti oħra, b’eżempji speċifiċi bħal taħriġ u eżerċizzji, bażijiet militari u appoġġ loġistiku, inkluż f’każ ta’ operazzjonijiet, u wkoll bil-ħsieb li jippromwovu l-użu tal-Bażi tad-Data Kollaborattiva (CODABA, Collaborative Database) għall-appoġġ tal-Istati Membri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-pjanijiet u l-programmi ta’ difiża tagħhom fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet. L-Istati Membri parteċipanti jistgħu wkoll juru b’mod ċar liema kapaċitajiet fl-NIPs tagħhom, inkluża infrastruttura offruta minn Stati Membri parteċipanti oħra, jistgħu jipprovdu bażi għal kooperazzjoni. L-NIPS għandhom jindikaw kif tali kooperazzjoni tista’ tottimizza r-riżorsi disponibbli u ttejjeb l-effikaċja ġenerali tagħhom, inkluż billi tipprovdi, meta disponibbli, informazzjoni dwar l-iffrankar potenzjali u l-ambitu finanzjarju ppjanat f’ċifri assoluti għas-snin li ġejjin.

    15.

    Impenn 11: Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jindikaw fl-NIPs tagħhom kif ser iżidu l-kooperazzjoni fid-difiża ċibernetika, inkluż permezz ta’ inizjattivi eżistenti jew attivitajiet kollaborattivi ġodda, inkluż billi jindikaw il-livell ta’ parteċipazzjoni f’eżerċizzji ċibernetiċi multinazzjonali. Sal-2020, kull Stat Membru parteċipanti jenħtieġ li jkun indika l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa fi proġett PESCO dwar id-difiża ċibernetika u pprovda appoġġ lil Stati Membri parteċipanti oħra rigward theddid ċibernetiku, pereżempju permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Sal-2020, jenħtieġ ukoll li kull Stat Membru parteċipanti jidentifika r-riżorsi tiegħu li huwa għamel disponibbli għall-kooperazzjoni, fil-qafas tal-EDA jew ta’ pjattaforma ġdida tad-difiża ċibernetika fil-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża, u li ntużaw biex iżidu l-livell ta’ difiża ċibernetika.

    Impenji 12 sa 14

    16.

    Impenn 12: sal-2020, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti:

    (a)

    f’konformità mal-Kunċett ta’ Reazzjoni Militari Rapida tal-UE, ilestu l-Bażi tad-Data ta’ Reazzjoni Rapida biex jippermettulha tkun għodda utli għall-ippjanar militari biex tikkontribwixxi biex jintlaħaq il-livell ta’ ambizzjoni tal-UE. Meta jikkontribwixxu għall-Bażi tad-Data ta’ Reazzjoni Rapida, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit kostituzzjonali nazzjonali fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar skjerament, l-Istati Membri parteċipanti ser jindikaw il-kontribut potenzjali tagħhom ta’ formazzjonijiet skjerabbli b’mod rapidu, ta’ kapaċitajiet u ta’ infrastruttura rilevanti ta’ appoġġ, li jkunu jistgħu jiġu skjerati jew utilizzati b’mod rapidu f’missjoni jew operazzjoni militari taħt il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) b’appoġġ għal-livell ta’ ambizzjoni tal-UE. Għal dan il-għan, kull Stat Membru parteċipanti jenħtieġ li jaġġorna l-bażi tad-data matul il-Konferenza annwali ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni Rapida Militari b’lista tal-formazzjonijiet u kapaċitajiet disponibbli militari tiegħu. Dak il-proċess stabbilit jinkludi t-tlestija ta’ bażijiet tad-data tal-art, marittimi u tal-ajru u jinkludi indikazzjoni tal-livell ta’ tħejjija għall-kapaċitajiet u forzi, fejn applikabbli. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni, jenħtieġ li din il-parti tal-Bażi ta’ Data tar-Reazzjoni Rapida tkun aċċessibbli għall-Istati Membri parteċipanti sabiex tappoġġa l-kapaċità li ssir valutazzjoni inizjali rigward il-possibbiltà li tiġi varata missjoni jew operazzjoni militari tal-PSDK. Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jirriflettu l-kontributi tagħhom għal din il-bażi tad-data fl-NIPs tagħhom.

    (b)

    ikunu vvalutaw il-fattibilità ta’ impenn politiku aċċellerat fil-livell nazzjonali, filwaqt li jirrispettaw ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom, inkluż permezz ta’ rieżami possibbli, jekk dan ma jkunx diġà sar, tal-proċedura nazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali tagħhom bil-ħsieb li jsir titjib. Jekk applikabbli, jenħtieġ li l-eżerċizzju ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’xenarji ta’ reazzjoni rapida permezz ta’ eżerċizzji tat-tip POLEX, u l-konklużjonijiet rilevanti, jiġu riflessi wkoll fl-NIPs.

    (c)

    ikunu pprovdew appoġġ sostanzjali skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħhom lil operazzjonijiet u missjonijiet militari tal-PSDK bil-għan li jimlew kompletament id-dikjarazzjonijiet ta’ rekwiżiti (SORs, statements of requirement) u b’hekk jipprovdu sehem ġust għall-ġenerazzjoni tal-forza rispettiva, u jirrappurtaw dan fl-NIPs tagħhom.

    (d)

    jikkonfermaw il-kontributi sostanzjali u rikorrenti tagħhom lill-Gruppi Tattiċi tal-UE (EU BGs, EU Battlegroups) fil-prinċipju tal-inqas erba’ snin minn qabel u jħejju u jħarrġu l-forzi u l-kapaċitajiet kontribwenti tagħhom f’konformità mal-Kunċett tal-EU BG u l-Gwida ta’ Tħejjija tal-EU BG. Għal dan il-għan, jenħtieġ li kull Stat Membru parteċipanti jirrifletti l-aġġornamenti ta’ darbtejn f’sena lir-Roster tal-EU BG fl-NIPs tagħhom.

    (e)

    ikunu taw kontribut tanġibbli lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-mobbiltà militari u l-proġetti PESCO f’dak il-qasam, soġġett għas-sovranità, it-teħid tad-deċiżjonijiet, il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, inkluż billi jmexxu ‘l quddiem l-erba’ miżuri fil-livell nazzjonali kif maqbul fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sigurtà u d-difiża tal-25 ta’ Ġunju 2018, partikolarment fil-paragrafu 18 ta’ dawk il-konklużjonijiet, kemm jista’ jkun malajr iżda mhux aktar tard mill-2024. Għandhom jimmiraw ukoll li jwettqu l-ewwel miżuri msemmija sa tmiem l-2019, inkluż l-iżvilupp ta’ pjan nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-mobbiltà militari. Jenħtieġ li dawk il-kontributi nazzjonali jiġu deskritti fid-dettall fl-NIPs.

    17.

    Impenn 13. Fil-qasam tal-interoperabbiltà tal-forzi, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti:

    (a)

    jużaw il-Gwida ta’ Tħejjija tal-EU BG, inkluż il-kriterji komuni ta’ evalwazzjoni u validazzjoni tal-pakkett ta’ forza tal-EU BG li huma allinjati mal-istandards tan-NATO, filwaqt li tinżamm iċ-ċertifikazzjoni nazzjonali. Fl-NIPs tagħhom, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiddikjaraw kif iħarrġu u jiċċertifikaw il-forzi tagħhom billi, pereżempju, jiżviluppaw programm ta’ eżerċizzju tal-EU BG għall-fażi ta’ tħejjija u billi jiġi eżegwit eżerċizzju attiv (LIVEX, live exercise) finali bħala parti mill-pakkett ta’ ċertifikazzjoni tal-BG;

    (b)

    jispeċifikaw fl-NIPs tagħhom kif biħsiebhom jaqblu dwar standards tekniċi u operazzjonali komuni li għandhom jiġu utilizzati mill-forzi tal-Istati Membri parteċipanti kollha, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-koerenza bejn l-UE u n-NATO u jiġi żgurat li l-prerekwiżiti adatti għall-interoperabbiltà massima jeħtieġ li jkunu fis-seħħ biex jippermettu lill-Istati Membri parteċipanti kollha jwettqu l-impenji tagħhom;

    (c)

    jindikaw fl-NIPs tagħhom il-parteċipazzjoni attwali u l-intenzjoni li jżidu, fejn possibbli, il-parteċipazzjoni u l-kontribut tagħhom lill-istrutturi multinazzjonali Ewropej rilevanti, b’mod partikolari dawk disponibbli għall-Unjoni.

    18.

    Impenn 14: Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jimpenjaw ruħhom fl-iżvilupp ta’ approċċ ambizzjuż għall-finanzjament komuni ta’ operazzjonijiet u missjonijiet militari tal-PSDK, filwaqt li jippreżentaw opzjonijiet u possibbiltajiet, lil hinn minn dik li ser tiġi ddefinita bħala spiża komuni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (7), attwalment taħt reviżjoni. L-Istati Membri parteċipanti huma mistiedna jippreżentaw proposti f’dan ir-rigward qabel tmiem l-2018. Sal-bidu tal-2020, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jkunu eżaminaw tali proposti sabiex jiffaċilitaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill fejn adatt.

    Impenji 15 sa 17

    19.

    Impenn 15: Sal-2020, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jkunu żiedu l-għadd u l-volum tal-proġetti għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom, li jikkontribwixxu biex jagħlqu dawk il-lakuni ta’ kapaċità identifikati fis-CDP u deskritti fil-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, inkluż fil-każijiet strateġiċi ta’ kuntest (SCCs, strategic context cases) relatati u billi jintuża l-CARD. Il-prijoritajiet għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Unjoni derivati mir-rieżami tas-CDP jieħdu kont ukoll tan-nuqqasijiet ta’ kapaċitajiet prijoritizzati u tal-miri tal-kapaċitajiet ta’ impatt għoli. Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jipprovdu l-pjanijiet rispettivi tagħhom għas-snin li ġejjin billi jiddeskrivu l-għadd u l-volum stmat tal-proġetti kollaborattivi tagħhom f’termini finanzjarji u jipprovdu informazzjoni dwar il-proġetti nazzjonali tagħhom li jgħinu jegħlbu n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet identifikati skont is-CDP. L-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jikkondividu wkoll il-valutazzjonijiet tagħhom dwar l-importanza ta’ dawk il-proġetti għal awtonomija strateġika mtejba tal-Ewropa u Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB, European Defence Technological and Industrial Base) imsaħħa. Għal dawk l-attivitajiet li għandhom dimensjoni industrijali jew teknoloġika, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jiddikjaraw liema tip ta’ settur jew ta’ teknoloġija industrijali Ewropew huwa ppjanat li jissaħħaħ.

    20.

    Impenn 16: Sal-2020, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jirriflettu fl-NIPs tagħhom id-deċiżjonijiet adatti u l-passi meħuda fil-livell nazzjonali sabiex jikkunsidraw bħala prijorità approċċ kollettiv Ewropew għal proġetti futuri biex jingħalqu l-lakuni fil-kapaċitajiet identifikati fil-livell nazzjonali. L-użu attiv tal-CODABA jista’ jiffaċilità t-twettiq ta’ dak l-impenn. Għas-snin 2019 u 2020, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li fl-NIPs tagħhom jelenkaw il-proġetti kollaborattivi u l-attivitajiet multinazzjonali li jipprevedu li ser jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fil-livell nazzjonali u jikkondividu pjanijiet dwar kif biħsiebhom iżidu l-użu tal-approċċi kollaborattivi f’dan ir-rigward.

    21.

    Impenn 17: Peress li l-Istati Membri parteċipanti kollha qed jikkontribwixxu għal xi proġett, wieħed jew aktar, tal-PESCO, jenħtieġ li l-NIPs jiddeskrivu fid-dettall il-kontribut globali f’riżorsi u għarfien espert li jagħmlu jew li biħsiebhom jagħmlu u kif dak il-kontribut huwa ppjanat jipprovdi impatt strateġiku.

    Impenji 18 sa 20:

    22.

    Impenn 18: Sal-2020, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jiżguraw l-aħjar użu tal-EDA bħala l-forum Ewropew għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet konġunti. Għal dak il-għan, jenħtieġ li, fl-NIPs tagħhom, l-Istati Membri parteċipanti jindikaw liema proġetti jipparteċipaw fihom u l-volum finanzjarju assoċjat mgħoddi permezz tal-EDA, billi jittieħdu ċ-ċifri tal-2018 bħala linja bażi u billi jiġu elenkati l-attivitajiet ippjanati għall-2019 u l-2020, inklużi l-oqsma ta’ kapaċità u t-tip ta’ attivitajiet ippjanati. L-Istati Membri huma mistiedna jindikaw fl-NIPs tagħhom kif u f’liema sitwazzjonijiet iqisu l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR, Organisation for Joint Armament Cooperation) bħala l-organizzazzjoni kollaborattiva preferuta għall-ġestjoni tal-programm u biex jipprovdu informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu għall-għażla ta’ organizzazzjoni għall-ġestjoni ta’ programmi plurinazzjonali li fihom l-OCCAR tkun tqieset bħala alternattiva. Dan ma jippreġudikax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    23.

    Impenn 19: Sal-2020, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti juru li l-proġetti kollaborattivi ta’ kapaċità tagħhom, inklużi l-proġetti ta’ kapaċità tal-PESCO, jikkontribwixxu biex irawmu l-kompetittività, l-effiċjenza u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża madwar l-Unjoni.

    (a)

    L-NIPs jenħtieġ li jispeċifikaw kif politika industrijali adatta, jekk tkun fis-seħħ, tiggwida l-iżvilupp ta’ proġetti kollaborattivi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet biex tiġi evitata sovrapożizzjoni bla bżonn, b’indikazzjonijiet dwar l-oqsma industrijali msaħħa u dawk l-oqsma li fihom ġew evitati s-sovrapożizzjonijiet.

    (b)

    L-Istati Membri parteċipanti se jirrappurtaw dwar il-programmi kooperattivi li jibbenefikaw mill-kofinanzjament tal-UE taħt l-EDIDP f’konformità mal-impenn 8.

    24.

    Impenn 20:

    (a)

    Sal-2020, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti juru li l-programmi ta’ kooperazzjoni tagħhom huma ta’ benefiċċju għal entitajiet li jipprovdu valur miżjud fuq it-territorju tal-UE (e.ż. aspetti relatati ma’ riżultati ġenerati u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, it-titjib teknoloġiku, il-ħolqien ta’ opportunitajiet tas-suq). L-NIPs jenħtieġ li jipprovdu indikazzjonijiet kif adatt dwar l-entitajiet rilevanti li jibbenefikaw minn programmi kooperattivi u l-impatt relatat fuq l-EDTIB.

    (b)

    L-Istati Membri parteċipanti ser juru li l-istrateġiji ta’ akkwist li jkunu implimentaw mill-2018 sal-2020 ikollhom impatt pożittiv fuq l-EDTIB. Dan jista’ jiġi indikat billi jiġi elenkat il-volum assolut tal-investiment fid-difiża u s-sehem relattiv li huwa allokat għal soluzzjonijiet kemm żviluppati kif ukoll prodotti fl-Unjoni. B’mod partikolari l-NIPs jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar oqsma ta’ kapaċitajiet u teknoloġija kif maqbul fis-CDP u l-istrateġija ta’ akkwist fir-rigward tal-proġetti ta’ kapaċità li jkollhom dimensjoni industrijali.

    III.   It-triq ’il quddiem

    25.

    Wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri parteċipanti se jirrieżaminaw u jaġġornaw l-NIPs tagħhom, u jikkomunikawhom lis-segretarjat tal-PESCO mhux aktar tard mill-10 ta’ Jannar 2019, f’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, fid-dawl tal-proċess ta’ valutazzjoni stabbilit fl-Artikolu 6(3) tagħha. F’konformità mal-paragrafu 14 tal-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO, u fid-dawl ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, is-segretarjat tal-PESCO ser jaġġorna l-mudell użat għall-NIPs.

    26.

    Jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli tieħu kont ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fir-rapport annwali dwar il-PESCO li ser jappoġġa l-valutazzjoni tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti minn kull Stat Membru parteċipanti, li għandha tiġi ppreżentata f’konformità mal-paragrafi 14 sa 16 tal-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO.

    27.

    Din ir-Rakkomandazzjoni ser tiġi rieżaminata u aġġornata kif meħtieġ fil-bidu tal-fażi li jmiss fl-2021.

    Magħmul fi Luxembourg, il-15 ta’ Ottubru 2018

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.

    (2)  ĠU C 88, 8.3.2018, p. 1.

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 tal-25 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti PESCO (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 37).

    (4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

    (5)  Skont il-lista ta' definizzjonijiet tad-data tad-difiża tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA201807105).

    (6)  F'Novembru 2007, il-Bord ta' Tmexxija tal-EDA approva erba' parametri referenzjarji kollettivi għall-investiment: 20 % tan-nefqa totali tad-difiża għall-akkwist ta' tagħmir (inkluż R&Ż/R&T); 35 % tan-nefqa totali fuq it-tagħmir għall-akkwist kollaborattiv Ewropew ta' tagħmir; 2 % tan-nefqa totali għad-difiża għar-R&T fir-rigward tad-difiża; 20 % tan-nefqa totali għad-difiża fir-R&T għal R&T kollaborattiva Ewropea fir-rigward tad-difiża.

    (7)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal- operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).

    (8)  Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).


    Top