EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(22)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tar-Rumanija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Rumanija tal-2018

ST/9448/2018/INIT

ĠU C 320, 10.9.2018, p. 98–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/98


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tar-Rumanija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Rumanija tal-2018

(2018/C 320/22)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Fis-17 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lir-Rumanija bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2018 għar-Rumanija ġie ppublikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress tar-Rumanija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (2), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tar-Rumanija lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

(3)

Fl-10 ta' Mejju 2018, ir-Rumanija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2018 u fil-14 ta' Mejju 2018, il-Programm ta' Konverġenza 2018 tagħha. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(4)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(5)

Bħalissa r-Rumanija tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2018, il-Gvern jippjana defiċit nominali ta' 2,95 % tal-PDG fl-2018, u li wara dan it-tnaqqis gradwali tiegħu, għal 1,45 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju, defiċit strutturali ta' 1 % tal-PDG, mhuwiex mistenni li jintlaħaq sal-2021, li huwa t-tmiem tal-perjodu tal-programm. Il-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid huwa mistenni li jilħaq it-2,1 % fl-2021. Skont il-Programm ta' Konverġenza, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jilħaq l-40 % fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli. Barra minn hekk, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ppjanati tad-defiċit ma ġewx speċifikati biżżejjed.

(6)

Fis-16 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) li fl-2016 seħħet devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv fit-terminu medju fir-Rumanija. Fl-isfond tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fis-16 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (4) ma taqbiżx it-3,3 % fl-2017, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,5 % tal-PDG. Fil-5 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill osserva li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017 u għaldaqstant ħareġ rakkomandazzjoni riveduta. Fir-rakkomandazzjoni l-ġdida, il-Kunsill talab lir-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata nominali ta' tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-3,3 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,8 % tal-PDG. Fit-22 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill (5) osserva li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-5 ta' Diċembru 2017. Fuq il-bażi tad-data tar-riżultati tal-2017 instab li r-Rumanija kienet f'devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament rakkomandat fl-2017.

Fuq il-bażi tal-Artikolu 121(4) TFUE u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, fit-23 ta' Mejju 2018 il-Kummissjoni ħarġet twissija lir-Rumanija li fl-2017 ġiet osservata devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Fit-22 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill (6) adotta Rakkomandazzjoni sussegwenti li tikkonferma l-ħtieġa li r-Rumanija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata nominali ta' tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-3,3 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,8 % tal-PDG. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta' devjazzjoni minn din ir-rakkomandazzjoni fl-2018.

(7)

Rigward l-2019, fit-22 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata nominali ta' tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx il-5,1 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,8 % tal-PDG. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta' xi devjazzjoni minn dak ir-rekwiżit fl-2019. Barra minn hekk, il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni tipprevedi defiċit tal-gvern ta' 3,4 % u 3,8 % tal-PDG għall-2018 u l-2019, ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG. B'mod globali, il-Kunsill huwa tal-fehma li mill-2018 se jkunu meħtieġa miżuri sinifikanti ulterjuri biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, minħabba prospettiva fiskali li qed tmur pjuttost għall-agħar, konformi mar-rakkomandazzjoni indirizzata lir-Rumanija fit-22 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju.

(8)

L-ippjanar baġitarju tar-Rumanija jinjora b'mod regolari l-preskrizzjonijiet tal-qafas fiskali tagħha, minkejja l-ħtieġa għal politika fiskali responsabbli. Il-liġi dwar ir-responsabbiltà fiskali tar-Rumanija tittrasponi l-Patt Fiskali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-regoli huma mfassla tajjeb iżda fil-prattika huma sikwit injorati. Fl-2016, id-defiċit strutturali żdied 'il fuq mill-objettiv fit-terminu medju, bi ksur tar-regola tad-defiċit. Iż-żewġ baġits tal-2017 u tal-2018 immiraw lejn defiċit nominali ta' madwar 3 % tal-PDG, li jimplika deterjorament tal-bilanċ strutturali kontra r-regola. Iż-żewġ emendi tal-baġit li saru fl-2017 ma kinux konformi mar-regoli li jipprojbixxu żidiet tal-limiti massimi tad-defiċit nominali u primarji u żidiet fil-persunal u n-nefqa totali tal-gvern matul is-sena fiskali rispettivament. Barra minn hekk, bħal fi snin preċedenti, fl-2017 l-aġġornament tal-istrateġija fiskali ngħata lill-Parlament ferm wara l-iskadenza statutorja, u b'hekk naqas milli jipprovdi perspettiva fit-tul għall-ippjanar baġitarju.

(9)

Il-konformità tat-taxxa tibqa' baxxa, b'mod partikolari t-taxxa fuq il-valur miżjud. F'din l-aħħar sena, ir-Rumanija kisbet progress limitat fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż ripetuta biex tissaħħaħ il-konformità u l-ġbir tat-taxxa. Fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud, id-differenza bejn id-dħul teoretikament mistenni u dak attwalment miġbur għadha għolja ħafna. Sabiex titjieb il-konformità, l-awtoritajiet introduċew il-pagamenti maqsuma. Dan mhuwiex obbligatorju ħlief għal kumpaniji insolventi u l-kontribwenti b'obbligazzjonijiet sinifikanti pendenti tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Madankollu, il-miżura għadha trid tagħti riżultati sinifikanti. L-introduzzjoni ta' cash reġisters elettroniċi mqabbdin mas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika tal-amministrazzjoni tat-taxxa għadha tenħtieġ l-implimentazzjoni.

(10)

Is-saħħa tas-settur finanzjarju kompla jitjieb, iżda ċerti żviluppi jenħtieġu monitoraġġ. Is-settur bankarju huwa kapitalizzat tajjeb u l-kwalità tal-assi tjiebet. Madankollu, diversi inizjattivi leġiżlattivi li għaddejjin, li jirriskjaw li jaffettwaw b'mod negattiv iċ-ċessjoni ta' self improduttiv u l-kreditu u l-investiment, jenħtieġu monitoraġġ mill-qrib. It-tnaqqis riċenti fil-kontribuzzjonijiet għall-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru ffinanzjati minn qabel taffa t-tħassib fiskali fit-terminu qasir, iżda jista' jkollu implikazzjonijiet negattivi fuq l-iżvilupp tas-swieq kapitali.

(11)

Is-suq tax-xogħol kien limitat minħabba t-tkabbir fl-impjiegi flimkien ma' tnaqqis fil-forza tax-xogħol minħabba t-tixjiħ demografiku u l-emigrazzjoni. Fl-istess ħin ir-Rumanija għandha potenzjal sostanzjali mhux użat ta' xogħol, u diversi gruppi bħaż-żgħażagħ, ir-Roma, il-persuni qiegħda fit-tul u nies b'diżabbiltà isibu diffikultà biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol. F'din l-aħħar sena, ir-Rumanija għamlet ftit progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż biex issaħħaħ il-politiki ta' attivazzjoni mmirati u s-servizzi pubbliċi integrati, b'enfasi fuq dawk li huma l-aktar bogħod mis-suq tax-xogħol. Minkejja aktar inċentivi finanzjarji għal skemi ta' mobbiltà, il-parteċipazzjoni fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol baqgħet baxxa ħafna, u l-piż amministrattiv kien għoli. Il-programmi ta' ħidma pubblika ta' interess lokali ftit li xejn għamlu sforzi biex jipprovdu ħiliet rilevanti u appoġġ għal tranżizzjonijiet f'impjiegi standard. Ma hemm l-ebda ġestjoni tal-każijiet għall-persuni li ilhom qiegħda u dawk li jirċievu assistenza soċjali. Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-fornituri ta' servizzi soċjali u edukattivi u dawk esterni rispettivament kienet limitata.

(12)

Ir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali kien għoli ħafna. Familji bit-tfal, persuni b'diżabbiltà, ir-Roma, u l-popolazzjoni rurali kienu pjuttost affettwati. Għad hemm inugwaljanza għolja fir-rigward tal-introjtu, anki minħabba l-impatt baxx tas-sistema tal-benefiċċju tat-taxxi fuq il-mitigazzjoni tal-inugwaljanza fid-dħul tas-suq. L-indiċi ta' referenza soċjali, li jipprovdi punt ta' referenza meta jiġu kkalkulati l-aktar benefiċċji soċjali importanti, mill-2008 għadu ma ġiex aġġornat. Il-liġi tal-inklużjoni minimu, skedata għad-dħul fis-seħħ fl-2018, kieku kienet iżżid il-kopertura u l-adegwatezza tal-assistenza soċjali. Madankollu, id-dħul fis-seħħ tagħha ġiet posposta għal aktar minn sena. L-età ta' rtirar aktar baxx għan-nisa tirriżulta f'intitolamenti tal-pensjoni aktar baxxi, li jaggrava l-faqar fost l-anzjani u d-diskrepanza bejn fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa.

(13)

L-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' riformi ekonomiċi u soċjali kien limitat ħafna. Il-fehmiet tas-sħab soċjali ta' spiss ma jiġux ikkunsidrati anki meta dawn jikkonverġu. Qafas ta' negozjar kollettiv tar-Rumanija ma jwassalx għal sistema li tiffunzjona tajjeb ta' relazzjonijiet industrijali. Id-djalogu soċjali huwa kkaratterizzat minn livell baxx ta' negozjar kollettiv, speċjalment fil-livell settorjali u sħubija baxxa ta' trejdjunjins u organizzazzjonijiet ta' impjegaturi. Il-limiti ta' rappreżentanza għolja u d-definizzjoni vaga tas-setturi huma fost l-ostakli ewlenin għal djalogu soċjali aktar effettiv. L-emendi leġiżlattivi biex jitjieb il-qafas ftit li xejn kellhom progress sa issa.

(14)

F'dawn l-aħħar ftit snin, il-paga minima żdiedet ripetutament b'mod diskrezzjonali. Mill-2015, il-paga minima żdiedet b'aktar minn 60 %. Fl-2017, madwar 30 % tal-ħaddiema jaqilgħu l-paga minima, li jimplika tqassim tal-pagi b'mod kompressat ħafna. Proposta għal mekkaniżmu oġġettiv għal żidiet fil-paga minima ġiet approvata mis-sħab soċjali, iżda ma ġiex applikata mill-Gvern.

(15)

Il-provvediment tal-ħiliet mhux qed ilaħħaq mal-ħtiġijiet tal-ekonomija. Il-livelli ta' kisbiet baxxi fil-ħiliet bażiċi u f'ħiliet diġitali għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività, l-impjiegi u l-konverġenza. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti kienet baxxa ħafna. Mekkaniżmu biex il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jirriflettu d-domanda għal ħiliet għadu mhuwiex fis-seħħ, u l-kapaċità biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet futuri tal-ħiliet u jiġi stmat l-impatt mistenni ta' teknoloġiji ġodda hija dgħajfa. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jibqgħu t-tieni għażla alternattiva u mhumiex allinjati biżżejjed mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni reġjonali jew settorjali.

(16)

Il-prestazzjoni dgħajfa tas-sistema edukattiva tikkontribwixxi għall-inugwaljanza għolja tal-opportunitajiet u din idgħajjef il-prospetti tat-tkabbir tar-Rumanija fit-tul. Il-provvediment tal edukazzjoni formali inklużiva ta' kwalità u l-aċċess għaliha joħolqu sfida b'mod partikolari għar-Roma u t-tfal f'żoni rurali. Il-metodoloġija ta' monitoraġġ biex tiġi indirizzata s-segregazzjoni skolastika għad trid tiġi żviluppata. Ir-rata ta' tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ qed tonqos iżda għadha għolja. Qed jiġi żviluppat mekkaniżmu ta' twissija bikrija biex jiġu identifikati tfal f'riskju li jitilqu kmieni mill-iskola, iżda l-enfasi fuq il-kwalità tal-edukazzjoni hija dgħajfa. Minkejja li ttieħdu ċerti miżuri, l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-iskejjel u l-edukazzjoni għolja qed tirrappreżenta sfidi. Il-kisba tal-edukazzjoni terzjarja hija baxxa. L-investiment fl-edukazzjoni huwa relattivament baxx, u b'mod partikolari l-iskejjel żvantaġġati ma għandhomx appoġġ xieraq.

(17)

L-istatus tas-saħħa tal-popolazzjoni tjiebet, iżda għadha ma laħqitx l-istandards tal-Unjoni. L-aċċess għall-kura tas-saħħa jibqa' sfida, u jħalli impatti negattivi fuq l-iżvilupp tat-tfal, l-impjegabbiltà tal-ħaddiema u tixjiħ f'saħħtu. Il-finanzjament baxx u l-użu ineffiċjenti tar-riżorsi jillimitaw l-effikaċja tas-sistema tal-kura tas-saħħa anki fl-isfond tan-nuqqas imdaqqas ta' tobba u infermiera. L-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa limitat minħabba l-prevalenza ta' ħlasijiet informali u d-distanza għall-infrastruttura tas-saħħa. Ir-Rumanija għamlet xi progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż biex jitrażżnu l-ħlasijiet informali, u qed jiġi implimentat mekkaniżmu ta' monitoraġġ, madankollu l-impatt konkret tiegħu għad irid jiġi vvalutat. Fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż biex issir tranżizzjoni għall-kura ambulatorja kien hemm progress limitat sa issa. L-implimentazzjoni li hija għaddejja tal-istrateġija tas-saħħa nazzjonali hija mxekkla minn tibdil tal-prijoritajiet u nuqqas ta' ppjanar ta' investiment.

(18)

L-ippjanar strateġiku, il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika u l-valutazzjoni tal-impatt regolatorju għadhom dgħajfa fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' politiki. Dan idgħajjef il-kwalità u l-prevedibbiltà tar-regolazzjoni. Barra minn hekk, bidliet frekwenti fil-leġiżlazzjoni, bħall-emendi għall-kodiċi fiskali, ixekklu l-ambjent tan-negozju. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' riformi huwa dgħajjef, u rarament jiġi applikat djalogu ġenwin, madankollu hemm strutturi istituzzjonali rilevanti disponibbli. Il-mekkaniżmu biex jiġu indirizzati l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati f'konsultazzjonijiet pubbliċi ma jiżgurax segwitu xieraq tagħhom. Eżempju riċenti u speċifiku huwa n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-proposta approvata mis-sħab soċjali għal mekkaniżmu oġġettiv biex tiżdied il-paga minima, li kieku kienet tindirizza rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż. Ma nkisbu l-ebda riżultati tanġibbli fir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika. Kien hemm dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti rigward il-ġestjoni tar-riżorsi umani fl-amministrazzjoni pubblika. Is-segretarjat ġenerali tal-gvern għandu rwol limitat fil-kontroll tal-kwalità tat-tfassil tal-politika.

(19)

Il-kwalità fqira tal-infrastruttura, inkluż it-trasport, l-iskart u l-ilma mormi, tillimita l-prospetti tat-tkabbir tar-Rumanija. L-investiment pubbliku huwa kkaratterizzat minn effiċjenza baxxa partikolarment fit-tħejjija tal-proġetti u l-prijoritizzazzjoni. Il-kundizzjoni ġenerali u l-affidabbiltà tal-infrastrutturi tat-toroq, tal-ferroviji u tal-passaġġi fuq l-ilma għadhom dgħajfa u r-riforma tas-settur tat-trasport miexi bil-mod ħafna. Il-progress fir-riforma tal-ġestjoni tal-iskart huwa bil-mod wisq, filwaqt li s-setturi tal-iskart solidu u l-ilma mormi qed jiffaċċjaw sfidi simili. Il-pjan prinċipali tat-trasport u l-pjan nazzjonali tal-immaniġġar tal-iskart huma maħsuba biex jipprovdu pjan direzzjonali stabbli għall-investimenti u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva fis-setturi, iżda l-allinjament ta' tħejjija tal-proġetti bi ppjanar strateġiku sa issa kien limitat. Sar progress limitat fir-Rumanija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż biex issaħħaħ il-prijoritizzazzjoni tal-proġetti u t-tħejjija tal-investiment pubbliku.

(20)

L-akkwist pubbliku effiċjenti u trasparenti huwa essenzjali biex jiġu indirizzati sfidi ta' politika ewlenin għar-Rumanija, inkluż l-infiq pubbliku effiċjenti, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u t-trawwim tal-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Ir-Rumanija għamlet xi progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż rigward l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-akkwist pubbliku, iżda l-pjan għadu ma ġiex implimentat b'mod sħiħ. Fl-istess ħin, it-titjib tal-effiċjenza u l-użu strateġiku tal-akkwist pubbliku, awditu effettiv u l-kontroll tal-frodi għadhom joħolqu sfidi. Is-sostenibbiltà tal-miżuri meħuda u l-irriversibbiltà tar-riformi jenħtieġu monitoraġġ kontinwu. L-isfidi tal-effiċjenza u t-trasparenza marbutin mal-akkwist pubbliku japplikaw b'mod partikolari għall-investimenti f'infrastruttura kbira tal-kura tas-saħħa fl-isptarijiet reġjonali ta' Iași, Cluj u Craiova.

(21)

L-intrapriżi tal-Istat għandhom rwol ċentrali fis-setturi tal-infrastruttura kritika bħall-enerġija u t-trasport ferrovjarju. Madankollu, il-prestazzjoni operazzjonali u finanzjarja tagħhom hija aktar dgħajfa minn dik tal-ekwivalenti fis-settur privat. Dan l-aħħar il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-Istat iddgħajfet b'mod sostanzjali, li reġġgħet lura l-progress li sar fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mill-2015 u l-2016. Mhux biss l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida kienet qed tinżamm lura, iżda għaddejjin tentattivi biex għadd ta' kumpaniji jiġu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, kien hemm dewmien fil-pubblikazzjoni ta' data finanzjarja dwar l-intrapriżi tal-Istat. B'riżultat ta' dan, il-kundizzjonijiet ewlenin biex jiġi promoss l-użu effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi qed jiġu mfixkla, u hemm lok għal distorsjoni fid-deċiżjonijiet ta' investiment. Fi Frar 2018, il-Qorti Kostituzzjonali talab lill-Parlament biex jirrevedi l-eżenzjonijiet ta' hawn fuq.

(22)

L-iżviluppi matul is-sena li għaddiet, fil-biċċa l-kbira, ħallew dubju fuq l-irriversibbiltà u s-sostenibbiltà tal-progress sostanzjali tar-Rumanija fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja tagħha u l-indirizzar tal-korruzzjoni f'livelli għolja. L-indipendenza ġudizzjarja qed tiġi kkontestata u qed issir pressjoni fuq istituzzjonijiet ġudizzjarji u dwar il-qafas legali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, filwaqt li l-progress fuq il-kumplament tal-isfidi qed jinżamm aktar lura. L-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni għall-2016-2020 biex jiġu żviluppati miżuri ulterjuri biex tiġi evitata u miġġielda l-korruzzjoni miexja 'l quddiem fil-livell tekniku iżda jenħtieġ appoġġ politiku aktar tanġibbli, minħabba li kwistjonijiet ta' korruzzjoni u kwistjonijiet ta' governanza fis-settur pubbliku jippersistu fil-livelli kollha u huma fost l-akbar sfidi għall-ambjent tan-negozju.

(23)

Skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja r-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija. Għalhekk dawn l-oqsma mhumiex koperti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għar-Rumanija iżda huma rilevanti għall-iżvilupp ta' ambjent soċjoekonomiku pożittiv fil-pajjiż.

(24)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Rumanija u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Rumanija fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Rumanija iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(25)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.

Tiżgura konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018, bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-qafas fiskali. Issaħħaħ il-konformità mar-regoli tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa.

2.

Tikkonkludi r-riforma ta' dħul minimu ta' inklużjoni. Ittejjeb il-funzjonament tad-djalogu soċjali. Tiżgura l-istipular tal-paga minima bbażata fuq kriterji oġġettivi. Ittejjeb il-ħiliet u l-provvediment ta' edukazzjoni formali ta' kwalità, b'mod partikolari għar-Roma u t-tfal f'żoni rurali. Ittejjeb l-aċċess għall-kura tas-saħħa, inkluż permezz tal-bidla għall-kura ambulatorja.

3.

Iżżid il-prevedibbiltà tat-teħid ta' deċiżjonijiet billi tinforza l-użu sistematiku u effettiv ta' valutazzjoni tal-impatt regolatorju u l-konsultazzjoni u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi. Ittejjeb it-tħejjija u l-prijoritizzazzjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar u tħaffef l-implimentazzjoni tagħhom, b'mod partikolari t-trasport, is-setturi tal-iskart u tal-ilma mormi. Ittejjeb it-trasparenza u l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku. Issaħħaħ il-governanza korporattiva ta' intrapriżi tal-Istat.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(4)  In-nefqa primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern mingħajr in-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li huma korrisposti bis-sħiħ minn dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fuq in-nefqa tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/923 tat-22 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017 (ĠU L 164, 29.6.2018, p. 42).

(6)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 223, 27.6.2018, p. 3).

(7)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top