Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(04)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tad-Danimarka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tad-Danimarka

    ST/9433/2018/INIT

    ĠU C 320, 10.9.2018, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 320/16


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta' Lulju 2018

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tad-Danimarka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tad-Danimarka

    (2018/C 320/04)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lid-Danimarka bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

    (2)

    Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għad-Danimarka kien ippubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress tad-Danimarka biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (3), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tad-Danimarka lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

    (3)

    Fl-24 ta' April 2018, id-Danimarka ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tagħha u l-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (4)

    Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

    (5)

    Attwalment, id-Danimarka tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tal-2018, il-Gvern jippjana li jikseb defiċit nominali ta' 0,7 % tal-PDG fl-2018 u li jkompli jissodisfa l-objettiv baġitarju fit-terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG — matul il-perjodu tal-programm sal-2025. Skont il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni jonqos sa 35,6 % fl-2018 u jkompli jonqos sa 34,2 % fl-2020, qabel jiżdied sa kważi 40 % sal-2025. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli matul il-perjodu ta' programmar. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li se jilħaq surplus ta' 0,3 % tal-PDG fl-2018 u ta' 0,9 % tal-PDG fl-2019, xi ftit 'il fuq mill-mira tal-Programm ta' Konverġenza tal-2018 u aħjar mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Kumplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li fl-2018 u fl-2019 id-Danimarka mistennija li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (6)

    Biex ikun hemm tkabbir sostenibbli fid-Danimarka, hemm bżonn li tiġi żgurata l-provvista tal-ħaddiema fi żminijiet ta' sfida demografika u li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħaddiema li qed ifeġġ f'setturi speċifiċi. Riformi li għandhom l-għan li jżidu r-rati tal-parteċipazzjoni u t-tlestija tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll miżuri li jiffokaw fuq li jitrawmu livelli ta' ħiliet fl-ICT x'aktarx li se jżidu l-provvista ta' ħaddiema mħarrġa. Barra minn hekk, miżuri li jinkludu gruppi emarġinati u żvantaġġati fis-suq tax-xogħol se jkunu ta' benefiċċju f'dan ir-rigward. Dan japplika għal żgħażagħ b'livell baxx ta' edukazzjoni, persuni b'kapaċità ta' xogħol imnaqqsa u b'diżabbiltà u persuni bi sfond migratorju. Il-miżuri riċenti għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol bdew bil-mod, iżda jidhru li qed itejbu s-sitwazzjoni tar-refuġjati li għadhom kif waslu. L-integrazzjoni tat-tfal bi sfond ta' migrazzjoni fis-sistema edukattiva għadha sfida ewlenija, li tirriżulta fi prestazzjoni tal-edukazzjoni aktar baxxa bħala medja meta mqabbla ma' tfal oħra.

    (7)

    Tkabbir kbir fil-produttività huwa ta' importanza fundamentali biex isostni l-livell relattivament għoli ta' benessri soċjali fid-Danimarka u jiżgura l-kompetittività tal-pajjiż. Għalkemm il-livell ta' produttività fid-Danimarka huwa għoli meta mqabbel ma' Stati Membri oħra, it-tkabbir tal-produttività ilu f'xejra 'l isfel għal perjodu twil u hemm firxa wiesgħa ta' impedimenti possibbli għat-tkabbir tal-produttività (li ġew identifikati wkoll mill-Bord tal-Produttività Daniż u mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni). B'mod partikolari s-servizzi li huma orjentati lejn is-suq domestiku kienu kkaratterizzati minn żviluppi fqar fil-produttività u l-Gvern ħa biss miżuri limitati fl-2017 biex iżid il-kompetizzjoni f'dan is-settur, fejn xi partijiet, bħall-banek ipotekarji, ma humiex esposti għal kompetizzjoni barranija. Il-kompetizzjoni dgħajfa f'diversi setturi ta' servizzi li huma orjentati domestikament (pereż. fil-bejgħ bl-imnut, il-finanzi, id-distribuzzjoni tal-utilitajiet, it-trasport u l-bejgħ bl-ingrossa ta' farmaċewtiċi) għadhom ta' piż fuq il-produttività, l-investimenti u l-ħolqien tal-impjiegi.

    (8)

    Wara diversi snin ta' żidiet sostanzjali fil-prezzijiet tad-djar, qed jitfaċċaw riskji ta' sopravalwazzjoni, b'mod partikolari fiż-żoni urbani prinċipali. Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ħareġ twissija lil tmien pajjiżi tal-Unjoni, inkluża d-Danimarka, fejn indika vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali minħabba l-prezzijiet tad-djar li qed jiżdiedu, ikkombinati ma' dejn għoli tal-unitajiet domestiċi. L-unitajiet domestiċi komplew inaqqsu d-dejn tagħhom fl-2017, iżda d-dejn jibqa' fost l-ogħla fl-Unjoni (bħala perċentwali tal-PDG) u ogħla minn dak iġġustifikat mill-prinċipji ekonomiċi fundamentali u mil-limiti prudenzjali, skont l-istimi tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-proporzjon ta' ipoteki b'livelli għoljin ħafna tas-self meta mqabbel mal-introjtu żdied b'mod qawwi mill-2013, partikolarment ġewwa u madwar Kopenħagen. L-awtoritajiet Daniżi adottaw diversi miżuri makroprudenzjali ġodda li jkomplu jirrestrinġu t-teħid ta' self riskjuż (effettivi mill-2018 u mill-2020), kif ukoll riforma tat-taxxa fuq il-proprjetà (effettiva mill-2021) biex tindirizza l-iżbilanċi reġjonali fil-prezzijiet tad-djar. Minkejja dan, il-kombinament ta' livell għoli ħafna ta' proporzjonijiet tas-self mal-introjtu, dejn għoli b'sensittività għolja tar-rati tal-imgħax u prezzijiet tad-djar potenzjalment sovravalutati qed iżid ir-riskju ta' korrezzjoni tal-prezzijiet li tista' tagħmel ħsara lill-ekonomija reali u lis-settur bankarju.

    (9)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tad-Danimarka u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lid-Danimarka fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fid-Danimarka imma wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (10)

    Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza tal-2018 u huwa tal-opinjoni (5) li d-Danimarka hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir,

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li d-Danimarka tieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:

    1.

    Iżżid il-kompetizzjoni fis-setturi tas-servizzi li huma orjentati domestikament, pereżempju fid-distribuzzjoni tal-utilitajiet u fis-settur finanzjarju.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LÖGER


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (3)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (5)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top