This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D1994
Council Implementing Decision (EU) 2018/1994 of 11 December 2018 authorising Croatia to introduce a special measure derogating from point (a) of Article 26(1) and Article 168 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 tal-11 ta' Diċembru 2018 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 tal-11 ta' Diċembru 2018 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
ST/14474/2018/INIT
ĠU L 320, 17.12.2018, p. 35–37
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/11/2021
17.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 320/35 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1994
tal-11 ta' Diċembru 2018
li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq provvisti ta' merkanzija u servizzi rċevuti minn dik il-persuna għall-użu fit-tranżazzjonijiet taxxabbli ta' dik il-persuna. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta' dik id-Direttiva fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi ta' negozju jintuża għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b'mod iktar ġenerali, għal skopijiet mhux marbuta man-negozju tagħha. |
(2) |
Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta' Diċembru 2016, il-Kroazja talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq x-xiri fir-rigward tax-xiri u l-kiri tal-ajruplani, il-bastimenti u l-karozzi personali, inkluż ix-xiri ta' aċċessorji għal tali merkanzija kif ukoll is-servizzi pprovduti fir-rigward tagħhom. Wara numru ta' diskussjonijiet mal-Kummissjoni, il-Kroazja ssottomettiet talba modifikata limitata għall-karozzi tal-passiġġieri, li ġiet irreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta' Settembru 2018. |
(3) |
Il-Kummissjoni għaddiet it-talba tal-Kroazja lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra bid-data tal-21 ta' Settembru 2018. Permezz ta' ittra bid-data tal-24 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tevalwa t-talba. |
(4) |
Il-persuni taxxabbli fil-Kroazja ma jistgħux inaqqsu l-VAT marbuta mal-karozzi tal-passiġġieri li jintużaw parzjalment għal skopijiet kummerċjali. Il-Kroazja għandha l-ħsieb li timmodifika l-leġislazzjoni tagħha u tippermetti t-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri marbut ma' karozzi tal-passiġġieri. |
(5) |
Il-Kroazja ssostni li ħafna drabi huwa kkumplikat li tiddetermina b'mod preċiż sa liema punt il-karozzi jintużaw għal skopijiet privati jew professjonali u li, anke meta dan ikun possibbli, dan ikun ta' spiss wisq diffiċli. Il-Kroazja għalhekk tikkunsidra li jkun xieraq li tapplika l-perċentwali fiss għat-tnaqqis tal-VAT. Abbażi ta' stimi, il-Kroazja ssostni li l-limitu ta' 50 % huwa xieraq. |
(6) |
Skont il-Kroazja, l-applikazzjoni ta' limitu perċentwali fiss għat-tnaqqis tal-VAT ma jirriżultax f'piż amministrattiv addizzjonali jew kostijiet addizzjonali għan-negozji u għall-awtoritajiet tat-taxxa filwaqt li t-tnaqqis tal-VAT ikun possibbli. L-introduzzjoni tat-tnaqqis tal-VAT ser tnaqqas l-interess tal-kontribwenti biex jakkwistaw merkanzija u servizzi marbuta mal-karozzi tal-passiġġieri minn persuni li jwettqu attività mhux irreġistrata. |
(7) |
Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja talbet li tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 ta' dik id-Direttiva sabiex tillimita d-dritt għat-tnaqqis fuq il-karozzi tal-passiġġieri għal perċentwali stabbilit (“il-miżura speċjali”). |
(8) |
Ir-restrizzjoni fuq id-dritt għat-tnaqqis jenħtieġ li tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri u l-kiri tal-karozzi personali, inkluż ix-xiri tal-merkanzija u s-servizzi kollha pprovduti fir-rigward tagħhom. Il-karozzi tal-passiġġieri koperti huma kkunsidrati bħala vetturi bil-mutur intiżi għat-trasport tal-persuni b'massimu ta' tmien sitijiet minbarra s-sit tas-sewwieq. |
(9) |
Il-miżura speċjali hija mfassla biex tissimplifika l-proċedura tal-intaxxar u biex tilqa' kontra l-evażjoni tal-VAT filwaqt li tippermetti t-tnaqqis tal-VAT fuq il-karozzi tal-passiġġieri użati parzjalment għal skopijiet kummerċjali. Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv kemm fuq in-negozji u kemm fuq l-amministrazzjonijiet, huwa xieraq li tingħata l-miżura speċjali. |
(10) |
Il-miżura speċjali jenħtieġ li tapplika mill-1 ta' Jannar 2019 u jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien sal-31 ta' Diċembru 2021, bil-għan li jkun jista' jiġi vvalutat jekk ir-restrizzjoni ta' 50 % hijiex riflessjoni korretta tat-tqassim globali bejn l-użu kummerċjali u dak privat. |
(11) |
Fil-każ li l-Kroazja tikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2021, jenħtieġ li, sal-31 ta' Marzu 2021, tibgħat talba lill-Kummissjoni għal estensjoni flimkien ma' rapport li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwali applikat. |
(12) |
Il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja hija awtorizzata li tillimita għal 50 % d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) b'rabta man-nefqa fuq il-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali.
Artikolu 2
B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja ma għandhiex tittratta bħala provvista ta' servizzi b'rimunerazzjoni l-użu mhux kummerċjali ta' karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta' negozju ta' persuna taxxabbli, meta dik il-karozza kienet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
In-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkopri x-xiri u l-kiri tal-karozzi tal-passiġġiera inkluż ix-xiri tal-merkanzija u s-servizzi kollha pprovduti fir-rigward tagħhom.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għall-vetturi bil-mutur intiżi għat-trasport tal-persuni b'massimu ta' tmien sitijiet minbarra s-sit tas-sewwieq.
Artikolu 5
L-Artikoli 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal:
(a) |
vetturi użati għat-taħriġ tas-sewwieqa, l-ittestjar tal-karozzi, is-servizz ta' tiswija, attività ekonomika li tinvolvi t-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija, it-trasport ta' persuni deċeduti jew il-kiri; |
(b) |
vetturi mixtrija għall-iskop ta' bejgħ mill-ġdid. |
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2021.
Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2021 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwali stabbilit fl-Artikolu 1.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
G. BLÜMEL