EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1960

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1960 tal-10 ta' Diċembru 2018 dwar miżura ta' salvagwardja meħuda mill-Iżvezja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' tip ta' magna pinsetter u kitt supplimentari li għandu jintuża flimkien ma' dik it-tip ta' magna pinsetter, immanifatturata minn Brunswick Bowling & Billiards, u biex tirtira dawk il-magni li diġà tqiegħdu fis-suq (notifikata bid-dokument C(2018) 8253) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/8253

ĠU L 315, 12.12.2018, p. 29–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1960/oj

12.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/29


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1960

tal-10 ta' Diċembru 2018

dwar miżura ta' salvagwardja meħuda mill-Iżvezja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' tip ta' magna pinsetter u kitt supplimentari li għandu jintuża flimkien ma' dik it-tip ta' magna pinsetter, immanifatturata minn Brunswick Bowling & Billiards, u biex tirtira dawk il-magni li diġà tqiegħdu fis-suq

(notifikata bid-dokument C(2018) 8253)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Diċembru 2013, l-Iżvezja infurmat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta' Awwissu 2013 li tieħu miżura ta' salvagwardja biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' magna pinsetter GSX ta' Brunswick (il-“magna pinsetter”) u l-kitt supplimentari tal-parts tagħha “Mezzi ta' Lqugħ Avvanzati” (il-“kitt supplimentari”) u li tirtira tali makkinarju mis-suq. Iż-żewġ prodotti kienu mmanifatturati minn Brunswick Bowling & Billiards (il-“manifattur”).

(2)

Dwar l-irtirar, l-Iżvezja offriet lill-manifattur il-possibbiltà li jikkoreġi d-difetti relatati mal-ambjent tax-xogħol tal-operatur, li jieħu lura l-magna pinsetter u l-kitt supplimentari u jibdilhom ma' prodott ieħor teknikament bla difetti tal-istess tip jew ekwivalenti, jew li jieħu lura l-pinsetter u l-kitt supplimentari u jikkumpensa lis-sid għalihom.

(3)

Ir-raġunijiet invokati mill-Iżvezja wara dik il-miżura ta' salvagwardja kienu n-nuqqas tal-magna pinsetter u l-kitt supplimentari li jissodisfaw ċerti rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza (“EHSRs”) stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE u l-applikazzjoni żbaljata ta' xi wħud mill-istandards armonizzati.

(4)

Wara li rċeviet in-notifika dwar il-miżura ta' salvagwardja mill-Iżvezja, il-Kummissjoni bdiet konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex tisma' l-opinjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-manifattur fil-11 ta' April 2014 u l-manifattur ipprovda l-osservazzjonijiet tiegħu fl-24 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni ltaqgħet mal-manifattur fl-24 ta' Settembru 2014 u fl-24 ta' Mejju 2016. Il-manifattur bagħat spjegazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni fis-6 ta' Diċembru 2016. Il-Kummissjoni kellha wkoll bosta skambji ta' informazzjoni mal-awtoritajiet Żvediżi, l-Aġenzija Żvediża dwar l-Ambjent tax-Xogħol (skambju ta' posta elettronika, diskussjonijiet fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma tal-Makkinarju u l-Grupp ta' Sorveljanza tas-Suq tal-Makkinarju).

(5)

L-Iżvezja ddikjarat li qabel ma ħadet il-miżura ta' salvagwardja, l-awtoritajiet tagħha kienu f'kuntatt mal-manifattur bosta drabi biex jispjegawlhom in-nuqqasijiet tal-magni pinsetter u l-kitts supplimentari li għandhom jiġu rranġati sabiex jikkonformaw mad-Direttiva 2006/42/KE. Madankollu, minħabba li wara bosta snin ta' diskussjoni nofs tan-nuqqasijiet biss ġew riżolti, l-Iżvezja kkunsidrat li huwa meħtieġ li jiskatta l-mekkaniżmu tal-klawżola ta' salvagwardja. Rigward il-miżuri adottati, l-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li huma rrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Fuq il-bażi ta' dak il-prinċipju, meta wieħed iqis is-severità tar-riskji u l-ispejjeż tal-irtirar, uħud mill-azzjonijiet meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqasijiet għall-magni pinsetter u l-kitts supplimentari ġodda, ma kinux meħtieġa fil-każ tal-irtirar tal-magni pinsetter u l-kitts supplimentari eżistenti. Jiġifieri, dawk li jikkonċernaw it-twaħħil ta' tlett idwal separati li jindikaw modalitajiet differenti fil-pannell tal-kontroll, it-tkabbir tal-punti ta' aċċess bejn il-magni użati wkoll bħala pjattaformi tax-xogħol u d-dehra ġenerali taż-żona ta' periklu.

(6)

Fl-2015, l-Iżvezja infurmat lill-Kummissjoni li l-manifattur indirizza n-nuqqasijiet stabbiliti fil-miżura ta' salvagwardja rigward il-magna pinsetter u l-kitt supplimentari fiċ-ċentru tal-bowling f'Gustavsberg biss.

(7)

Barra minn dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni wettqet studju indipendenti (3) (l-“istudju”) biex tevalwa jekk il-magna pinsetter u l-kitt supplimentari kkonformawx jew le mal-EHSR stabbilit fl-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE fiż-żmien meta l-Iżvezja ħadet il-miżura ta' salvagwardja. Sabiex jiġi elaborat l-istudju, l-esperti indipendenti spezzjonaw il-magna pinsetter bil-kitt supplimentari installat f'Gustavsberg u ltaqgħu mal-awtoritajiet Żvediżi u mal-Viċi President tal-Capital Marketing & Engineering tal-manifattur.

(8)

Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati dwar l-istudju tal-Kummissjoni. Il-kummenti tal-manifattur ma jqegħdux f'dubju l-konklużjonijiet tal-istudju għaliex dawn jirreferu għall-konformità tal-magna pinsetter u l-kitt supplimentari installati f'Gustavsberg wara li l-Iżvezja nnotifikat il-miżura ta' salvagwardja lill-Kummissjoni.

(9)

Fir-rigward tal-EHSRs invokati mill-Iżvezja, l-EHSR 1.2.2 dwar l-apparat ta' kontroll u l-1.7.1 dwar l-informazzjoni u t-twissijiet dwar il-makkinarju, jeħtieġu li l-apparat ta' kontroll ikun viżibbli, imqiegħed b'mod li jkun jista' jitħaddem b'mod sikur u li l-informazzjoni u t-twissijiet fuqu jkunu espressi bil-lingwa tal-Unjoni ddeterminata mill-Istat Membru li fih tqiegħed il-makkinarju.

F'dan ir-rigward, l-Iżvezja indikat li waħda mill-buttuni fuq il-pannell tal-kontroll tal-magna ma kinitx immarkata u t-test fuq il-pannell tal-kontroll kien bl-Ingliż minkejja li l-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tqiegħed il-makkinarju hija l-Iżvediż. Barra minn hekk, tlett idwal separati kienu jindikaw modalitajiet differenti. Il-kuluri ta' dawn it-tlett idwal tqiegħdu b'mod differenti fuq magni differenti u għalhekk setgħu jinftiehmu ħażin. Is-sinjal ta' waqfien ta' emerġenza ġie mmuntat rasu 'l isfel.

Il-manifattur iddikjara li fir-rigward tad-dwal fuq il-pannelli tal-kontroll, jista' jkun hemm konfużjoni żgħira.

Rigward il-viżibilità ċara u l-immarkar tal-apparat ta' kontroll, il-manifattur ammetta xi diskrepanzi bejn il-magni attwali, it-tikketti u l-manwali.

Barra minn hekk, il-manifattur iddikjara li t-tikketti, li m'għandhom l-ebda impatt fuq il-funzjonijiet tas-sikurezza, ma kellhomx neċessarjament jiġu tradotti.

Barra minn hekk, l-EHSR 1.2.2 jirrikjedi wkoll li l-apparat ta' kontroll għandu jkun iddisinjat biex jipprevjeni l-operat tiegħu jekk ikun hemm xi ħadd fiż-żona ta' periklu.

Skont l-Iżvezja, il-magna setgħet terġa' tinxtegħel anke jekk iż-żona ta' periklu ma kinitx viżibbli kompletament għall-operatur, li jinvolvi r-riskju li xi ħadd ikun fiż-żona ta' riskju.

Il-manifattur ma qabilx mal-Iżvezja dwar il-viżibilità mnaqqsa tal-operatur miż-żona ta' kontroll minħabba n-nuqqas ta' inċidenti ta' sikurezza rrappurtati u l-konklużjonijiet ta' Stati Membri oħra li “l-viżibilità, waqt li forsi mhux perfetta, kienet tabilħaqq adegwata minħabba li l-operatur jipprattika attenzjoni raġonevoli u mistennija meta jixgħel il-magni”.

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li d-dipendenza fuq l-attenzjoni mistennija mill-operatur meta jixgħel il-magna ma tindirizzax ir-riskju minħabba li n-nuqqas ta' viżibilità ġenerali taż-żona ta' periklu li jifdal ma jħallix lill-operatur jivverifika jekk hemmx xi ħadd fiż-żona ta' periklu.

Għalhekk, meta jitqiesu l-argumenti t'hawn fuq u meta jitqies l-istudju li jikkonferma dawk l-argumenti, jista' jiġi konkluż li l-EHSRs stabbiliti fit-Taqsima 1.2.2 u 1.7.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE ma ġewx issodisfati fir-rigward tal-magna pinsetter u l-kitt supplimentari.

(10)

L-EHSR 1.1.6 dwar l-ergonomija, il-1.6.1 dwar il-manutenzjoni tal-makkinarju u l-1.6.2 dwar l-aċċess għal pożizzjonijiet operattivi u punti ta' manutenzjoni, jeħtieġu disinn u kostruzzjoni tal-magna li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-operatur, li jippermettulu jaħdem b'mod komdu u sikur, barra miż-żoni ta' periklu.

F'dan ir-rigward, l-Iżvezja enfasizzat li l-punti ta' aċċess u l-pjattaformi tax-xogħol tal-magni pinsetter inkwistjoni ma jirrispettawx dawn l-EHSRs minħabba li r-rotta ta' aċċess li sservi wkoll bħala pjattaforma tax-xogħol bejn dawk il-magni kienet imkejla bħala 190 mm biss. F'xi każijiet, l-operaturi ntalbu jibbilanċjaw fuq trufijiet tal-metall dojoq. Dan l-ambjent tax-xogħol kien jinvolvi riskju bla bżonn li wieħed jaqa' fil-magna. Barra minn hekk, ir-rotta ta' aċċess bejn dawn il-magni kienet tispiċċa f'daqqa minn quddiem fejn hemm ir-riskju li wieħed jaqa' bejn wieħed u ieħor minn 1 000 mm.

Fid-dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE tiegħu, il-manifattur irrefera għall-istandard armonizzat EN ISO 14122-2:2001 iżda fil-fajl tekniku ma pprovdiex rabta bejn ir-referenzi tal-istandards armonizzati u l-EHSR rispettiv kif meħtieġ mill-Anness VII għad-Direttiva 2006/42/KE. Minkejja dan in-nuqqas min-naħa tal-manifattur, l-Iżvezja identifikat l-EHSR li setgħet tkopri r-referenza għal dak l-istandard armonizzat. Speċifikament, l-Iżvezja identifikat li r-referenza għall-istandard armonizzat kienet tikkonċerna l-EHSR stabbilit fit-Taqsimiet 1.1.6, 1.6.1 u 1.6.2 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE.

L-istandard armonizzat EN ISO 14122-2:2001 jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi ta' sikurezza għal mezzi permanenti ta' aċċess għall-makkinarju u speċifikament għall-pjattaformi tax-xogħol u għall-passaġġi tal-makkinarju. L-Iżvezja ddikjarat li filwaqt li l-istandard inkwistjoni jeħtieġ wisa' ta' 500 mm, il-passaġġ tal-magna pinsetter inkwistjoni kien wiesa' 190 mm.

F'dan ir-rigward, il-manifattur iddikjara li l-passaġġ dejjaq ta' 190 mm kien meqjus bħala wisa' sikur u xieraq meta wieħed iżomm f'moħħu l-użu maħsub u mistenni, il-frekwenza tal-aċċess u l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku għaż-żona tar-ritorn tal-ballun anke jekk ma ġiex applikat bis-sħiħ l-EN ISO 14122-2:2001. Għalhekk, għalkemm il-manifattur kien irrefera għal dak l-istandard fid-dikjarazzjoni ta' konformità, dan ma applikahx.

Fir-rigward tar-riskju ta' waqgħa assoċjat mal-aċċess minn quddiem il-magna pinsetter, il-manifattur stima li l-pjattaforma alternattiva għal aċċess aktar faċli biex wieħed jitla' u jinżel minn fuq il-pjattaforma ta' quddiem, mitluba mill-Iżvezja, ma kinitx meħtieġa minħabba li l-aċċess minn quddiem għall-magna pinsetter mhuwiex frekwenti ħafna meta jitqies id-disinn tal-magni eżistenti fid-dinja, fejn l-aċċess huwa pprovdut primarjament minn wara.

Il-Kummissjoni tqis li r-riskju ta' korriment meta wieħed jaċċessa l-magni pinsetter (billi jaqa' jew jitlef il-bilanċ) minħabba l-passaġġ dejjaq bejn il-magni jew it-tarf mhux mistenni fuq quddiem tal-magna ta' 1 000 mm, ma jistax jiġi injorat billi wieħed jargumenta li l-aċċess għalih mhuwiex frekwenti jew li huwa impossibbli li jitranġa.

Għalhekk, abbażi tal-argumenti t'hawn fuq u meta jitqies l-istudju li jikkonferma dawk l-argumenti, jista' jiġi konkluż li l-EHSR stabbilit fit-Taqsimiet 1.1.6, 1.6.1 u 1.6.2 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE ma ġewx issodisfati fir-rigward tal-magna pinsetter.

(11)

Fir-rigward tal-EHSR stabbilit fit-Taqsimiet 1.3.8 u 1.4 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE, l-Iżvezja indikat li l-iskrins bejn il-magni pinsetter għandhom ikunu għoljin biżżejjed biex jipprevjenu li l-ħaddiema jkunu f'kuntatt ma' partijiet perikolużi u li jiċċaqilqu ta' magni li jmissu magħhom li jkunu qed jitħaddmu. L-iskrin għandu jkopri n-naħa kollha tal-magna jiġifieri, eżatt sa quddiem tal-gaġġa tal-magna. Madankollu, l-ilqugħ tal-pinsetter li kien immuntat bejn il-magni kellu għoli ta' 500 mm biss f'xi stazzjonijiet tax-xogħol u kien kompletament nieqes f'postijiet oħra fejn kienu qed jaħdmu n-nies. Dan kien jinvolvi r-riskju li wieħed jaqa' fil-magna li tmiss magħha. Għalhekk, dik l-istruttura ma tikkonformax mal-EHSR 1.3.8 dwar l-għażla tal-protezzjoni kontra r-riskji li jirriżultaw minn partijiet li jiċċaqilqu.

Fid-dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE tiegħu, il-manifattur irrefera għall-istandard armonizzat EN ISO 13857:2008 iżda fil-fajl tekniku ma pprovdiex rabta bejn ir-referenzi tal-istandards armonizzati u l-EHSR rispettiv kif meħtieġ mill-Anness VII għad-Direttiva 2006/42/KE. Minkejja dan in-nuqqas min-naħa tal-manifattur, l-Iżvezja identifikat l-EHSR li setgħet tkopri r-referenza għal dak l-istandard armonizzat. Speċifikament, l-Iżvezja identifikat li r-referenza għall-istandard armonizzat kienet tikkonċerna l-EHSR stabbilit fit-Taqsima 1.3.8 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE.

L-istandard armonizzat EN ISO 13857:2008 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi dwar id-distanzi ta' sikurezza tal-makkinarju biex jipprevjeni li ż-żoni ta' periklu jintlaħqu minn dirgħajn u saqajn. L-Iżvezja tirreferi għal dan l-istandard biex tirrinforza l-ġustifikazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta' konformità tal-manifattur mal-EHSRs 1.3.8.

Minkejja l-istandard imsemmi fid-dikjarazzjoni ta' konformità, il-manifattur ma mexiex skont l-istandard biex juri l-konformità tal-prodott mad-Direttiva meta pprovda l-ispjegazzjonijiet lill-awtoritajiet Żvediżi. Minflok, il-manifattur speċifika li l-ilqugħ ta' 500 mm immuntat bejn il-magni kien iddisinjat biex jipprovdi protezzjoni massima filwaqt li jibqa' jissodisfa r-rekwiżiti tal-għoli ta' għoli komuni tas-soqfa madwar l-Ewropa. Mezz ta' lqugħ ogħla jipprovdi miżura ta' sikurezza inkrimentali iżda din is-sikurezza inkrimentali tkun imnaqqsa jekk l-ostakoli tas-soqfa ma jippermettux l-installazzjoni tal-mezzi ta' lqugħ jew jekk il-mezzi ta' lqugħ ikunu ġew immodifikati ħażin biex jakkomodaw l-ostakoli tas-soqfa.

Il-Kummissjoni tqis li biex jinżamm l-ilqugħ tal-pinsetter, immuntat bejn il-magni, f'għoli ta' 500 mm minħabba l-ostakoli tas-soqfa, ma jispjegax għalfejn f'xi stazzjonijiet tax-xogħol l-ilqugħ kien nieqes kompletament u ma jindirizzax ir-riskju li wieħed jaqa' fil-magna li tmiss magħha.

Għalhekk, fuq il-bażi tal-argumenti t'hawn fuq u meta jitqies l-istudju li jikkonferma dawk l-argumenti, jista' jiġi konkluż li l-EHSRs stabbiliti fit-Taqsima 1.3.8 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE ma ġewx issodisfati fir-rigward tal-magna pinsetter u l-kitt supplimentari.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-magna pinsetter, l-Iżvezja spjegat li l-gaġġa tal-magna kien fiha bibien żgħar li setgħu jinfetħu iżda ma kellhomx mekkaniżmu ta' qfil li jwaqqaf il-magna meta jinfetħu l-bibien.

Fid-dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE tiegħu, il-manifattur irrefera għall-istandard armonizzat EN 953:1998 iżda fil-fajl tekniku ma pprovdiex rabta bejn ir-referenzi tal-istandards armonizzati u l-EHSR rispettiv kif meħtieġ mill-Anness VII għad-Direttiva 2006/42/KE. Minkejja dan in-nuqqas min-naħa tal-manifattur, l-Iżvezja identifikat l-EHSR li setgħet tkopri r-referenza għal dak l-istandard armonizzat. Speċifikament, l-Iżvezja identifikat li r-referenza għall-istandard armonizzat kienet tikkonċerna l-EHSR stabbilit fit-Taqsimiet 1.3.8 u 1.4 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE.

L-istandard armonizzat EN 953:1997+A1:2009 jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi ta' sikurezza għall-mezzi ta' lqugħ tal-makkinarju u r-rekwiżiti ġenerali għad-disinn u l-kostruzzjoni ta' mezzi ta' lqugħ fissi u li jiċċaqilqu. L-Iżvezja tirreferi għal dan l-istandard biex tirrinforza l-ġustifikazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta' konformità tal-manifattur mal-EHSRs 1.3.8 u 1.4.

F'dan ir-rigward, il-manifattur spjega li l-fatt li l-gaġġa tal-magna kien fiha bieb ieħor iżgħar f'kull ċellula mingħajr lokk li jwaqqaf il-magna ma kienx kontra d-Direttiva 2006/42/KE minħabba li l-mezzi ta' lqugħ tad-diviżjoni ta' wara kienu jeħtieġu aċċess ħafna anqas frekwenti u l-mezzi ta' lqugħ fissi kienu jipprovdu biżżejjed sikurezza f'dan il-każ. Il-manifattur indika li skont din il-ġustifikazzjoni u skont EN 953, intgħażel mezz ta' lqugħ fiss. Il-manifattur ma indirizzax in-nuqqas tal-mekkanżimu li jillokkja.

Il-Kummissjoni tqis li r-riskju li jirriżulta mill-partijiet li jiċċaqilqu ma kienx indirizzat minħabba li l-mekkaniżmu li jillokkja ma kienx iwaqqaf il-magna meta jersaq lejha l-ħaddiem.

Għalhekk, abbażi tal-argumenti t'hawn fuq u meta jitqies l-istudju li jikkonferma dawk l-argumenti, jista' jiġi konkluż li l-EHSR stabbilit fit-Taqsimiet 1.3.8 u 1.4 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE ma ġewx issodisfati fir-rigward tal-magna pinsetter.

L-Iżvezja indikat ukoll li l-kappa ta' protezzjoni fuq il-mekkaniżmu tar-ritorn tal-ballun ma kinitx tissodisfa l-ESHR dwar il-mezzi ta' lqugħ fissi stabbilit fit-Taqsima 1.4.2.1 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE minħabba li ma kinitx imwaħħla bl-ebda mod u ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti għall-mezzi ta' lqugħ li jillokkjaw stabbiliti fit-Taqsima 1.4.2.2 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE billi ma kien hemm l-ebda mekkaniżmu li jillokkja.

L-Iżvezja rreferiet ukoll f'dan il-każ għal EN 953:1997+A1:2009 biex tirrinforza l-ġustifikazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta' konformità tal-manifattur mal-EHSRs 1.4.2.1 u 1.4.2.2.

Madankollu, il-manifattur iddikjara li l-aċċess fil-kopertura tar-ritorn tal-ballun kien meħtieġ ħafna anqas frekwenti minn darba kull shift u llimita l-ispjegazzjonijiet tiegħu għal dikjarazzjoni li l-mezz ta' lqugħ fiss kien rakkomandat mill-istandards. Fil-fehma tiegħu, ma kien hemm l-ebda ħtieġa li jittieħdu l-azzjonijiet mitluba mill-Iżvezja.

Il-Kummissjoni tqis li r-riskju li jirriżulta mill-partijiet li jiċċaqilqu ma kienx indirizzat fil-kappa protettiva fuq il-mekkaniżmu tar-ritorn tal-ballun għaliex, minbarra n-nuqqas ta' mekkaniżmi li jillokkjaw, il-mezzi ta' lqugħ fissi ma kinux fissi.

Għalhekk, abbażi tal-argumenti t'hawn fuq u meta jitqies l-istudju li jikkonferma dawk l-argumenti, jista' jiġi konkluż li l-EHSR stabbilit fit-Taqsimiet 1.4.2.1 u 1.4.2.2 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE ma ġiex issodisfat fir-rigward tal-magna pinsetter.

(12)

Fir-rigward tal-EHSR stabbilit fit-Taqsimiet 1.7.4, 1.7.4.1 u 1.7.4.2, rigward ir-rekwiżiti dwar l-istruzzjonijiet, l-Iżvezja infurmat li l-istampa mwaħħla fuq il-magna pinsetter u l-kitt supplimentari suppost kellha turi fejn kienu jinsabu l-mezzi ta' lqugħ, iżda din ma kinitx tikkorrispondi ma' fejn kienu fil-fatt jinsabu fuq il-magna. Rigward l-istruzzjonijiet għall-utenti, l-Iżvezja qalet li ma kienx hemm struzzjonijiet għall-użu li jikkorrispondu mal-magni mwassla u li jenħtieġ ikopru l-operazzjonijiet varji li se jitwettqu.

Rigward in-nuqqas ta' manwal operattiv u tal-istruzzjonijiet, il-manifattur iddikjara li l-manwali tradotti ġew fornuti mal-magni u għalhekk jista' jkun possibbli li l-manwali tqiegħdu f'post żbaljat fiċ-ċentru tal-bowling spezzjonat. It-tikketti li ma għandhomx impatt fuq il-funzjonijiet tas-sikurezza ma ġewx tradotti. Barra minn hekk, it-tikketti tal-magni u l-manwali osservati mill-ispetturi setgħu ma kinux jaqblu mal-magna minħabba li l-manifattur jakkomoda t-talbiet speċifiċi ta' spetturi reġjonali u minħabba l-limiti ta' żmien biex jadatta għal dawk it-talbiet.

Il-Kummissjoni tqis, abbażi tal-argumenti t'hawn fuq u meta jitqies l-istudju li jikkonferma dawk l-argumenti, li l-EHSR stabbilit fit-Taqsimiet 1.7.4, 1.7.4.1 u 1.7.4.2 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE ma ġiex issodisfat fir-rigward tal-magna pinsetter u l-kitt supplimentari.

(13)

L-EHSR stabbilit fit-Taqsima 1.1.2 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE dwar il-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza jeħtieġ li l-makkinarju għandu jkun iddisinjat u mibni biex jipprevjeni li l-persuni jitpoġġew f'riskju meta jħaddmu l-makkinarju skont il-kundizzjonijiet previsti iżda wkoll billi jitqies kull użu ħażin raġonevolment prevedibbli.

L-Iżvezja indikat li l-brekits tal-immuntar użati għall-interlocks tas-sikurezza ġew maqfula b'viti standard, li huma faċli biex jitneħħew b'għodod standard, għall-kuntrarju tal-prinċipju tal-integrazzjoni tas-sikurezza. Dan jinvolvi r-riskju ta' użu ħażin prevedibbli biex jiġu mmanipulati l-brekits tal-immuntar minflok jintużaw il-bibien li jillokkjaw.

Il-manifattur iddikjara li r-raġuni kienet li l-bibien li jillokkjaw jipprovdu aċċess raġonevoli li jnaqqas il-motivazzjoni tal-operatur biex jimmanipula l-interlocks meta tkun qed issir manutenzjoni estensiva. Il-viti standard inaqqsu r-riskju ta' ħsara permanenti fis-sistema tal-mezzi ta' lqugħ jew tat-tneħħija permanenti tal-mezzi ta' lqugħ.

Barra minn hekk, l-Iżvezja spjegat li l-mezzi ta' lqugħ fissi ġew immuntati bi qfieli li jinfetħu malajr, li kienu jinvolvu r-riskju li xi ħadd jiftaħ il-mezz ta' lqugħ fiss u jużah għall-aċċess minflok ma juża l-bieb li jillokkja. L-Iżvezja żiedet li fejn il-valutazzjoni tar-riskju turi li għandu jkun hemm mezz ta' lqugħ fiss, m'għandux ikun iddisinjat b'tali mod li jkun għażla attraenti ta' aċċess għall-magna billi jinfetaħ il-mezz ta' lqugħ fiss minflok jintuża l-bieb li jillokkja.

Il-manifattur iġġustifika l-użu tal-qfieli li jinfetħu malajr biex titnaqqas il-motivazzjoni tal-ħaddiema li jimmanipulaw il-mezzi ta' lqugħ fissi.

Fid-dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE tiegħu, il-manifattur irrefera għall-istandard armonizzat EN 1088:1995+A1:2007 iżda fil-fajl tekniku ma pprovdiex rabta bejn ir-referenza tal-istandard armonizzat u l-EHSR rispettiv kif meħtieġ mill-Anness VII għad-Direttiva 2006/42/KE. Minkejja dan in-nuqqas, l-Iżvezja għamlet rabta bejn ir-referenza ta' dak l-istandard armonizzat u l-EHSR stabbilit fit-Taqsima 1.1.2 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE.

L-istandard armonizzat EN 1088+A2:2008 jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi tas-sikurezza għal apparat li jillokkja tal-makkinarju assoċjat mal-mezzi ta' lqugħ u l-prinċipji għad-disinn u l-għażla. L-Iżvezja tirreferi għal dan l-istandard biex tirrinforza l-ġustifikazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta' konformità tal-manifattur mal-EHSR 1.1.2. Il-manifattur indika li t-Taqsima 5.7.1, in-Nota 4 tal-istandard tiddikjara li l-evitar ta' “manipulazzjoni b'mod raġonevolment prevedibbli” jeħtieġ li jqis il-karatteristiċi tal-applikazzjoni speċifika u għalhekk ikun ibbażat fuq il-valutazzjoni tar-riskju. Skont il-manifattur, il-bibien li jillokkjaw jipprovdu aċċess raġonevoli li jnaqqas il-motivazzjoni tal-operatur biex jimmanipula l-interlocks.

Il-Kummissjoni tqis li l-brekits tal-immuntar u l-mezzi ta' lqugħ fissi jistgħu jitneħħew faċilment b'għodod standard, li għaldaqstant jinvolvi użu ħażin raġonevolment prevedibbli ta' aċċess għall-magna billi jinqabżu l-bibien li jillokkjaw.

Għalhekk, fuq il-bażi tal-argumenti t'hawn fuq u meta jitqies l-istudju li jikkonferma dawk l-argumenti, jista' jiġi konkluż li l-EHSR stabbilit fit-Taqsima 1.1.2 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE dwar il-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza ma ġiex issodisfat fir-rigward tal-magna pinsetter u l-kitt supplimentari.

(14)

L-eżami tal-ġustifikazzjoni pprovduta mill-Iżvezja fir-rigward tal-miżura ta' salvagwardja, l-istudju indipendenti li jikkonferma l-konklużjonijiet li għamlet l-Iżvezja u l-osservazzjonijiet ikkomunikati mill-manifattur, jikkonfermaw li l-magna pinsetter ma kinitx tikkonforma mal-ESHRs stabbiliti fit-Taqsimiet 1.1.2, 1.1.6, 1.2.2, 1.3.8, 1.4, 1.6.1, 1.6.2, 1.7.1, 1.7.4, 1.7.4.1, 1.7.4.2 tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE u l-kitt supplimentari ma kienx jikkonforma mal-ESHRs stabbiliti fit-Taqsimiet 1.1.2, 1.2.2, 1.3.8, 1.4, 1.7.1, 1.7.4, 1.7.4.1 u 1.7.4.2 fiż-żmien li l-Iżvezja nnotifikat il-miżuri lill-Kummissjoni f'Diċembru 2013. Dawk in-nuqqasijiet x'aktarx li jikkompromettu s-saħħa u s-sikurezza tal-persuni. Għalhekk, il-miżuri ta' salvagwardja meħuda mill-Iżvezja għandhom jitqiesu bħala ġġustifikati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri meħuda mill-Iżvezja, li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-magna pinsetter GSX ta' Brunswick u l-kitt supplimentari tagħha ta' parts “Mezzi ta' Lqugħ Avvanzati” u li jirrikjedu li l-manifattur jirtira l-magni diġà mqiegħda fis-suq, huma ġġustifikati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p.30).

(3)  Rapport ta' konformità “Compliance of pinsetters with the Machinery Directive” (“Il-konformità tal-pinsetters mad-Direttiva dwar il-Makkinarju”), 8 ta' Mejju 2017


Top