Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1535

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1535 tat-28 ta' Settembru 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja rigward azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    ST/12027/2018/INIT

    ĠU L 257, 15.10.2018, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1535/oj

    15.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 257/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1535

    tat-28 ta' Settembru 2018

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja rigward azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwaril-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 77(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 79(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) f'każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f'pajjiż terz f'azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f'pajjiżi terzi jirrikjedu dan, għandu jintlaħaq Ftehim dwar l-Istatus, mill-Unjoni mal-pajjiż terz konċernat. Il-Ftehim dwar l-Istatus għandu jkopri l-aspetti kollha li huma neċessarji għat-twettiq tal-azzjonijiet.

    (2)

    Fil-21 ta' Frar 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja rigward Ftehim dwar l-Istatus rigward azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (il-“Ftehim”).

    (3)

    In-negozjati dwar il-Ftehim infetħu fil-15 ta' Settembru 2017 u ġew iffinalizzati b'suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim fit-18 ta' Lulju 2018.

    (4)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (2); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (5)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (6)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Billi din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (7)

    Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat u li d-dikjarazzjonijiet konġunti annessi ma' din id-Deċijoni jiġu approvati, f'isem l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja rigward azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (il-“Ftehim”), huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (4).

    Artikolu 2

    It-test tad-dikjarazzjonijiet anness ma' din id-Deċiżjoni għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. SCHRAMBÖCK


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131,1.6.2000,p. 43).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (4)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


    ANNESS

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

    Il-Partijiet Kontraenti jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

    F'tali ċirkostanzi ikun tajjeb li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali rigward azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jkollhom termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

    Iż-żewġ partijiet jaqblu li l-astensjoni milli tittieħed kwalunkwe miżura li tista' tfixkel xi prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti tinkludi l-astensoni minn attività li tiffaċilita b'mod attiv ir-ritorn tal-membru kkonċernat tat-tim mill-bini operazzjonali tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja lejn l-Istat Membru ta' oriġini tiegħu, sakemm issir iċ-ċertifikazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.


    Top