Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1227(01)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2018 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill “Zagorski mlinci” (IĠP)

C/2018/8778

ĠU C 464, 27.12.2018, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

27.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 464/7


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Diċembru 2018

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

“Zagorski mlinci” (IĠP)

(2018/C 464/07)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar l-iskemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kroazja bagħtet applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-isem “Zagorski mlinci” skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jitressqu d-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-Dokument Uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmijin fl-Artikolu 50(2)(a) ta’ dak ir-Regolament għall-isem “Zagorski mlinci” jenħtieġ li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-Dokument Uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmijin fl-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-isem “Zagorski mlinci” (IĠP) jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

“Zagorski mlinci”

Nru tal-UE: PGI-HR-02315 — 19.6.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Zagorski mlinci”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Iż-“Zagorski mlinci” huma prodotti tal-furnara magħmula minn dqiq tal-qamħ fin tat-tip 550, ilma u melħ, magħġuna biex tiġi prodotta folja rqiqa ta’ għaġina, li tiġi mifruxa u mġebbda bl-idejn sakemm ma tibqax eħxen minn 2,5 mm. Il-folja tal-għaġina tinqata’ f’rettangoli, li jinħmew darbtejn fuq pjanċi msaħħna u mbagħad jitħallew jinxfu għalkollox.

Il-prodott finali, “Zagorski mlinci”, hu biċċiet rettangolari ta’ għaġina magħġuna rqiqa, bi truf li jistgħu ma jkunux dritti, ta’ lewn abjad sa isfar, b’qoxra lixxa li tkun pjuttost għolja f’partijiet u ħotob karatteristiċi parzjalment maħruqa b’kulur li jvarja minn kannella ċar sa kannella u iswed bħala riżultat tal-bżieżaq li jifformaw fuq l-għaġina waqt li tkun qed tinħema.

Qabel ma jittiekjlu, iż-“Zagorski mlinci” jitkissru f’biċċiet iżgħar bl-idejn, jitgħallew fl-ilma jagħli u jitħallew jistrieħu għal ħin qasir. Imbagħad jitlaħalħu u jitħawru b’mod tradizzjonali bil-gravy sħun tal-ikel imsajjar fil-forn qabel ma jiġu servuti.

Il-kriterji tal-kwalità għaż-“Zagorski mlinci”

Forma

Rettangolari, truf mhux dritti permessi.

Wiċċ

Lixx, b’partijiet għoljin u, minħabba l-bżieżaq li jifformaw fuq l-għaġina matul il-ħami, b’ħotob karatteristiċi parzjalment maħruqa.

Kulur

Abjad sa isfar (tipiku tal-għaġina tal-qamħ) b’ħotob karatteristiċi parzjalment maħruqa li jvarjaw minn kannella ċar sa kannella u iswed.

Konsistenza

Jitfarrku malajr u jinkisru faċilment.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-materja prima meħtieġa biex isiru ż-“Zagorski mlinci” hija dqiq tal-qamħ fin tat-tip 550, melħ tal-baħar jew melħ tal-blat u ilma.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni taż-“Zagorski mlinci”, mit-tħallit tal-għaġina sal-ħami u sal-mistrieħ, trid isseħħ għalkollox fi ħdan iż-żona ġeografika definita fil-punt (4).

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Iż-“Zagorski mlinci” għandhom forma rettangolari karatteristika u identifikabbli, li tinkiseb bit-tqattigħ tal-għaġina mġebbda rqiqa qabel il-ħami. Bħala prodott finali ż-“Zagorski mlinci” għandhom konsistenza li titfarrak malajr u faċilment jinkisru jekk ma jiġux immaniġġati kif suppost. It-trasport tal-prodott finali mhux imballat minn qabel (mhux imgeżwer) jew l-imballaġġ mill-ġdid jista’ jwassal biex il-prodott jitkisser għalkollox u jista’ jwassal ukoll biex tintilef il-forma rettangolari distintiva tiegħu. Biex jiġi żgurat li l-prodott finali jżomm il-forma rettangolari distintiva tiegħu u jiġi evitat l-assorbiment tal-umdità li jista’ jwebbes il-prodott, iż-“Zagorski mlinci” jiġu imballati eżatt wara l-produzzjoni fi ħdan iż-żona ġeografika definita fil-punt 4. Dan jiżgura li jinżammu l-kwalità oriġinali u l-karatteristiċi distintivi tal-prodott li jitqiegħed fis-suq.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni taż-“Zagorski mlinci” tinkludi t-territorju ta’ Hrvatsko Zagorje, jiġifieri t-territorju sħiħ tal-Kontea ta’ Krapina-Zagorje, it-territorju sħiħ tal-Kontea ta’ Varaždin u l-limiti tal-Kontea ta’ Zagreb li jaqsmu fruntiera mal-Kontej ta’ Krapina-Zagorje u ta’ Varaždin, speċifikament il-muniċipalitajiet ta’: Brdovec, Marija Gorica, Pušća, Dubravica, Luka, Jakovlje, Bistra u Bedenica.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali bejn iż-“Zagorski mlinci” u ż-żona ġeografika definita hi bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott, il-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali, jiġifieri l-mod speċifiku li bih jitħejja, ir-riċetta li ġiet preservata sal-lum, u l-karatteristiċi taż-żona ġeografika.

L-irziezet fi Hrvatsko Zagorje tradizzjonalment kienu jkunu żgħar u n-nies foqra, u dan kien ifisser li l-ikel tagħhom kien jikkonsisti primarjament fi kwalunkwe ingredjent li kienu jipproduċu huma stess. Peress li d-dqiq tal-qamħ dejjem kien abbundanti, kienu jħejju u jġebbdu firxa ta’ għaġejjen, li mbagħad kienu jitfgħu għat-togħlija jew jaħmu.

Kull dar f’Zagorje kellha forn tal-ħatab bi pjanċi tas-sħana li fuqhom l-ikel, inklużi ż-“Zagorski mlinci”, kien jintefa’ għat-togħlija u jinħema.

Ir-reġjun ta’ Hrvatsko Zagorje għandu l-għan li jkompli jiżviluppa l-industrija turistika tiegħu, u wieħed mill-aktar assi b’saħħithom tiegħu hu l-gastronomija rikka tiegħu bbażata fuq l-ispeċjalitajiet lokali tradizzjonali, li fosthom iż-“Zagorski mlinci” huma mill-aktar rinomati. Il-fatt li l-kelma Kroata “mlinci” (jew “mlinec”, biex nużaw it-tipiku djalett lokali kajkavjan) tista’ tiġi rintraċċata lura għas-seklu 17, meta kienet tiddenota folja mifruxa rqiqa tal-għaġina (J. Ivanišević, 2011, il-ġurnal iće & piće, Zagreb), juri li l-“mlinci” ilhom sekli sħaħ jitħejjew u jiġu msajra fi Hrvatsko Zagorje.

Ir-riċetta sempliċi taż-“Zagorski mlinci” li titlob biss dqiq, melħ u ilma baqgħet tingħadda minn ġenerazzjoni għall-oħra tal-familji fi Hrvatsko Zagorje sal-lum. Anki jekk iż-“Zagorski mlinci” huma prodott tradizzjonali ta’ Hrvatsko Zagorje, dawn jitħejjew ukoll f’postijiet oħra fil-Kroazja, għalkemm mhux ferm spiss, li fihom dejjem jintuża l-bajd.

Mhux biss ir-riċetta hi tradizzjonali, iżda anki t-tħejjija tal-għaġina għaż-“Zagorski mlinci” hi sengħa speċjali. L-għaġina l-ewwel tinfirex fuq wiċċ kbir, tradizzjonalment mejda tal-kċina, u mbagħad—illum hekk kif kien isir dari—tiġi mġebbda esklużivament bl-idejn. Dan jinvolvi ħila speċjali u esperjenza, peress li hu vitali li l-għaġina tiġġebbed bl-irqaq mod u lixx possibbli, u ma tkunx eħxen minn 2,5 mm. L-għaġina tinfirex f’folji kbar, skont id-daqs tal-wiċċ (il-mejda) użat; din għandha tinfirex sakemm it-truf tagħha jiddendlu mill-mejda għal isfel. Din hi xi ħaġa kważi impossibbli mingħajr ħila speċjali, peress li l-għaġina kieku titqatta’. Għaġejjen tat-tip fillo bħal dawn huma karatteristika tipika tal-kċina tradizzjonali Kroata, u b’mod partikolari ta’ Hrvatsko Zagorje, fejn in-nisa tad-dar għaddew din il-ħila minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Iż-“Zagorski mlinci” jiksbu d-dehra tipika u l-konsistenza fraġli tagħhom minħabba l-mod speċjali li bih tinħema l-għaġina fuq pjanċi jaħarqu ċatti jew milwija għal mhux aktar minn ftit minuti. Billi juża l-għarfien u l-esperjenza tiegħu, il-furnar ikun dak li jiddeċiedi meta l-għaġina tkun saret. Il-mod tradizzjonali tal-ħami taż-“Zagorski mlinci” hu fuq pjanċi jaħarqu ċatti jew milwija, hekk kif kien isir fi fran tal-ħatab fid-djar ta’ Hrvatsko Zagorje. Karatteristika speċifika oħra taż-“Zagorski mlinci” hi li dawn jinħmew darbtejn u jitħallew jistrieħu wara kull darba. L-ewwel ħami u mistrieħ ineħħu l-umdità mill-għaġina, filwaqt li t-tieni ħami jlesti l-proċess ta’ ħami u jagħti lil mlinci l-ħotob maħruqa tipiċi tagħhom. Dan hu l-metodu tipiku għat-tħejjija taż-“Zagorski mlinci”, għall-kuntrarju ta’ tipi simili oħra ta’ għaġina li jinħmew fi fran magħluqa, fuq il-grill, f’forn tal-ħobż jew taħt għatu tal-metall forma ta’ qanpiena.

Peress li ż-“Zagorski mlinci”, meta jitħejjew bħala ikla, tradizzjonalment jiġu servuti mat-tiġieġ il-forn, kważi kull rekord miktub fuq iż-“Zagorski puran” bħala ikla jirreferu għal dan bħala servit ma’ porzjon “Zagorski mlinci”. It-tnejn huma fost l-aktar prodotti awtentiċi importanti ta’ Hrvatsko Zagorje u jidhru prattikament f’kull pubblikazzjoni dwar it-turiżmu u l-gastronomija fi Hrvatsko Zagorje, jew fir-reġjun b’mod ġenerali, u, meta jiġu servuti flimkien, jifformaw it-taħlita distintiva, l-aktar ikla popolari ta’ Hrvatsko Zagorje, magħrufa b’mod komuni bħala “Zagorski puran s mlincima” [“Zagorski puran” bil-“mlinci”].

L-artiklu “Okusi i mirisi plemićkih gozbi” fil-fuljett Zagorje gastroturizam ippubblikat mill-Bord Turistiku tal-Kontea ta’ Krapina-Zagorje fih riċetta għad-dundjan bil-mlinci akkumpanjata mid-dikjarazzjoni li “d-dundjan il-forn bil-“mlinci” hu ikla klassika dejjiema tal-kċina ta’ Zagorje”. Ir-rabta bejn dawn iż-żewġ prodotti u Hrvatsko Zagorje tissemma wkoll fl-artiklu “Moćni okusi kraljevskih i pučkih jela”, li jidher fil-ktieb ta’ gwida dwar it-Tramuntana u ċ-Ċentru tal-Kroazja: “Id-dundjan bil-“mlinci” hu s-simbolu tal-kċina ta’ Hrvatsko Zagorje’ (Ž. Žutelja, 2011, f’: Kontinentala Hrvatska, ktieb ta’ gwida tal-2011, EPH media d.o.o.).

Il-fiera popolari 100 % Zagorsko, dedikata għall-wiri, għall-bejgħ u għall-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli tradizzjonali ta’ Hrvatsko Zagorje ilha tiġi organizzata għal dawn l-aħħar sitt snin konsekuttivi. Wieħed mill-prodotti tradizzjonali muri fl-avveniment kien iż-“Zagorski mlinci” (100 % Zagorsko, 2011, fuljett tal-fiera, Sajamska izložba Krapinsko - zagorske županije, lista ta’ esibituri).

L-avveniment kulinarju Chtef - Zagorski chef hu kompetizzjoni tat-tisjir li fiha l-parteċipanti jużaw ingredjenti tradizzjonali minn Hrvatsko Zagorje biex iħejju ikliet innovattivi u immaġinattivi. Il-kompetizzjoni tgħaqqad flimkien l-aqwa elementi tal-kċina ta’ Hrvatsko Zagorje u t-tradizzjoni tar-reġjun. Iċ-Chtef - Zagorski chef tal-2014 iffoka fuq it-tħejjija ta’ “Zagorski mlinci”.

Artiklu ieħor li jappella għall-karattru distintiv taż-“Zagorski mlinci”, għar-riċetta, għall-ħila li teħtieġ biex tagħmilhom u għar-rabta ma’ Hrvatsko Zagorje hu “Milostive ne mijese mlince … ali ih rado jedu”, ippubblikat fit-taqsima dwar il-kċina tradizzjonali (“Tradicijska kuhinja”) ta’ wieħed mill-ġurnali gastronomiċi ewlenin tal-Kroazja. It-titlu tiegħu stess, “Is-sinjura tagħġen ma tridx … imma tiekol il-mlinci, iva”, jissuġġerixxi li t-tħejjija tal-mlinci kienet tirrekjedi ħila speċjali, ħila li n-nisa tal-ibliet ma kellhomx. L-artiklu jispjega wkoll ir-rabta bejn iż-“Zagorski mlinci” u Hrvatsko Zagorje. “Minn hemm inkiteb id-destin tal-mlinci”. Id-dundjan u l-“mlinci” ntrabtu flimkien għal dejjem, qishom ħobża w sikkina. L-aqwa storja ta’ mħabba minn Hrvatsko Zagorje mhix dik dwar Veronika ta’ Desenice, iżda dik tad-dundjan u l-“mlinci”, din il-koppja dejjiema mill-għoljiet ta’ Hrvatsko Zagorje, li forsi Joža Horvat iddeskriva bl-aħjar mod sempliċiment bħala: Zagorje!” (J. Ivanišević, 2011, il-ġurnal iće & piće, Zagreb).

Ir-reputazzjoni taż-“Zagorski mlinci” kompliet tiġi affermata fl-2012 meta ddaħħlu fil-Lista ta’ ikel awtoktonu mill-agrikoltura u mill-forestrija u ta’ ikliet tradizzjonali tal-kċina ta’ Hrvatsko Zagorje mill-Kontea ta’ Krapina-Zagorje (Lista tal-2012 ta’ ikel awtoktonu mill-agrikoltura u mill-forestrija u ta’ ikliet tradizzjonali tal-kċina ta’ Hrvatsko Zagorje, il-Kontea ta’ Krapina-Zagorje).

Iż-“Zagorski mlinci” jidhru fil-lista ta’ wirt kulturali Kroat importanti, fil-pubblikazzjoni xjentifika intitolata Prirodna i antropogena osnova turizma Hrvatske (P. Ružić u D. Demonja, 2013, Prirodna i antropogena osnova turizma Hrvatske, l-Istitut tal-Agrikoltura u tat-Turiżmu ta’ Poreč).

Bħala destinazzjoni turistika attraenti fil-qalba tal-Kroaza bis-saħħa tal-istorja u tal-kultura tiegħu, Hrvatsko Zagorje beda jiġbed ukoll ħafna viżitaturi bil-gastronomija tiegħu bbażata fuq prodotti lokali tradizzjonali. Iż-“Zagorski mlinci” jidhru b’mod regolari f’firxa ta’ fuljetti dwar Hrvatsko Zagorje u jistgħu jinstabu fil-menu ta’ prattikament kull bar u restorant.

Il-gastronomija ta’ Hrvatsko Zagorje ntweriet fil-kungress tal-Arti Internazzjonali tal-Gastronomija f’Istria, li sar fil-belt żgħira ta’ Umag fl-2012. Il-parteċipanti kienu partikolarment intrigati mit-tħejjija taż-“Zagorski mlinci”, li ġew serviti maż-“Zagorski puran”. Hekk kif qal ix-chef Gissur Guðmundsson, il-president tal-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Għaqdiet tax-Chefs: “Iż-‘Zagorski mlinci’ huma esperjenza gastronomika unika”.

Ir-rabta bejn Hrvatsko Zagorje u ż-“Zagorski mlinci” hi sostnuta wkoll mill-fatt li ż-“Zagorski mlinci” jidhru fil-gwida kulinarja Vodič kroz hrvatske gastro ikone [il-Gwida Kroata għall-Gourmets]. Iċ-ċitazzjoni li ġejja hi meħuda mit-taqsima dwar Hrvatsko Zagorje, taħt l-intestatura “Zagorski mlinci”: “Dan il-kontorn li fid-dehra tiegħu hu sempliċi u li jakkumpanja d-dundjan, il-papra jew il-wiżża l-forn tant għandu reputazzjoni kbira li m’hemmx għalfejn jingħad li joriġina mir-reġjun ta’ Hrvatsko Zagorje”. Il-gwida fiha wkoll riċetta indispensabbli għad-dundjan bil-mlinci (Gastronomadi 2007, il-Gwida Kroata għall-Gourmets).

Ir-reputazzjoni taż-“Zagorski mlinci” u r-rabta bejn il-prodott u Hrvatsko Zagorje ġew korroborati wkoll minn stħarriġ fost 1 000 rispondent fl-2016. L-istħarriġ sab li 79 % tan-nies fil-Kroazja jassoċjaw il-mlinci ma’ Hrvatsko Zagorje, filwaqt li 80 % iqisu li ż-“Zagorski mlinci” huma oġġett tal-ikel li joriġina minn Hrvatsko Zagorje. Barra minn hekk, sa 95 % mir-rispondenti kollha jemmnu li ż-“Zagorski mlinci” għandhom jissemmew f’materjal promozzjonali, f’pubblikazzjonijiet kulinari u f’monografi relatati ma’ Hrvatsko Zagorje. Skont l-istħarriġ, 68 % tar-rispondenti jixtru ż-“Zagorski mlinci” jekk imorru f’ħanut u jkollhom jagħżlu bejn ż-“Zagorski mlinci” u l-mlinci waħedhom. Erbgħa minn kull ħamsa tan-nies li ħadu sehem fl-istħarriġ jemmnu li ż-“Zagorski mlinci” huma prodott li hu rinomat ġewwa l-Kroazja. Ħafna mir-rispondenti jaqblu kompletament li ż-“Zagorski mlinci” għandhom togħma tajba (punteġġ medju ta’ 4,54 fuq skala ta’ 1-5) u ħafna jsostnu d-dikjarazzjonijiet dwar rabta b’saħħitha bejn il-mlinci u Hrvatsko Zagorje (punteġġ medju ta’ 4,4 fuq skala ta’ 1-5) (Hendal Market Research, 2016, Prepoznatljivost zagorskih mlinaca, stħarriġ, Zagreb).

Iż-“Zagorski mlinci” huma mqiegħda fis-suq b’dan l-isem u huma disponibbli kważi f’kull ħanut tal-prodotti tal-konsumatur fil-Kroazja kollha (fuljett minn Metro Cash&Carry).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.mps.hr/datastore/filestore/109/Izmijenjena_Specifikacija_proizvoda_Zagorski_mlinci.pdf


Top