Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1197

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1197 tas-26 ta' Ġunju 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

    ST/8461/2018/INIT

    ĠU L 216, 24.8.2018, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1197/oj

    Related international agreement

    24.8.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 216/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1197

    tas-26 ta' Ġunju 2018

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta' Novembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jiftħu negozjati mal-Ġappun dwar ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.

    (2)

    In-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) ġew konklużi b'mod pożittiv f'April 2018.

    (3)

    L-objettiv tal-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu f'firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet bilaterali, reġjonali u multilaterali.

    (4)

    Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

    (5)

    Fid-dawl tal-importanza li l-Ftehim jiġi implimentat malajr kemm jista' jkun wara l-firma tiegħu, partijiet mill-Ftehim jenħtieġ li jiġu applikati fuq bażi proviżorja, sakemm jiġu konklużi l-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    (6)

    Dikjarazzjoni li ser issir mill-Unjoni Ewropea mal-iffirmar tal-Ftehim ser tiċċara li l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim għandu jiġi interpretat b'mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 25 “Applikazzjoni proviżorja” tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati u jenħtieġ li din tiġi approvata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

    2.   It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea dwar l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim annessa ma' din id-Deċiżjoni hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 4

    Sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, skont l-Artikolu 47 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Ġappun (1):

    (a)

    l-Artikoli 11, 12, 14, 16, 18, 20, 25, 28, 40 u 41;

    (b)

    l-Artikoli 13, 15 (bl-eċċezzjoni tal-punt (b) tal-paragrafu 2), 17, 21, 22, 23, 24, 26, 27, 29, 30, 31 u 37, l-Artikolu 38(1) u l-Artikolu 39 sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li għalihom l-Unjoni diġà eżerċitat il-kompetenza tagħha internament;

    (c)

    l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5(1) sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika estera u ta' sigurtà komuni;

    (d)

    l-Artikoli 42 (bl-eċċezzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2), l-Artikoli 43 sa 47, l-Artikolu 48(3) u l-Artikoli 49, 50 u 51 sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati għall-fini li jiżguraw l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta' Ġunju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. ZAHARIEVA


    (1)  Id-data minn meta l-partijiet tal-Ftehim imsemmija f'dan l-Artikolu ser jiġu applikati b'mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    ANNESS

    DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI EWROPEA DWAR L-ARTIKOLU 47(3) TAL-FTEHIM

    L-Unjoni Ewropea tiddikjara li l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim għandu jiġi interpretat b'mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.


    Top