EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1137

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1137 tal-10 ta' Awwissu 2018 dwar is-superviżjoni, il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u l-miżuri li għandhom jittieħdu rigward il-materjal tal-ippakkjar tal-injam għat-trasport ta' prodotti li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi (notifikata bid-dokument C(2018) 5245)

C/2018/5245

ĠU L 205, 14.8.2018, p. 54–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2021; Revokat u sostitwit bi 32021R0127

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1137/oj

14.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/54


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1137

tal-10 ta' Awwissu 2018

dwar is-superviżjoni, il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u l-miżuri li għandhom jittieħdu rigward il-materjal tal-ippakkjar tal-injam għat-trasport ta' prodotti li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi

(notifikata bid-dokument C(2018) 5245)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tielet u r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE (2) tistipula l-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u l-miżuri li għandhom jittieħdu rigward il-materjal tal-ippakkjar tal-injam li bħalissa jintuża fit-trasport ta' prodotti speċifikati li joriġinaw fiċ-Ċina L-Artikoli 1 sa 4 ta' dik id-Deċiżjoni jiskadu fil-31 ta' Lulju 2018.

(2)

Il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti mwettqa mill-Istati Membri abbażi ta' dik id-Deċiżjoni, kif ukoll tal-Artikolu 13a tad-Direttiva 2000/29/KE, urew li l-materjal tal-ippakkjar tal-injam li jintuża fit-trasport ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Belarus u ċ-Ċina (“il-prodotti speċifikati”) ma kinux konformi mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-immarkar tal-materjal tal-ippakkjar tal-injam kif stabbiliti fil-punt 2 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE, u f'xi każijiet kien ukoll infestat minn organiżmi ta' ħsara elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta' dik id-Direttiva.

(3)

Sabiex tiġi żgurata tħejjija aħjar tal-awtoritajiet li jwettqu kontrolli rispettivi tas-saħħa tal-pjanti, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-ajruport, l-awtoritajiet tal-portijiet, awtoritajiet oħra responsabbli mill-kontroll tal-moviment ta' oġġetti jew kwalunkwe operatur professjonist involut fl-importazzjoni tal-prodotti speċifikati akkumpanjati minn materjal tal-ippakkjar tal-injam, malli jkunu jafu dwar il-wasla imminenti ta' dak il-materjal tal-ippakkjar tal-injam, jagħtu avviż tiegħu bil-quddiem lill-uffiċċju doganali fil-punt tad-dħul u lill-korp uffiċjali responsabbli tal-punt tad-dħul.

(4)

Jenħtieġ li l-materjal tal-ippakkjar tal-injam tal-kunsinni tal-prodotti speċifikati jkun soġġett għall-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti fuq bażi regolari. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu r-rata ta' materjal tal-ippakkjar tal-injam tal-prodotti speċifikati soġġetti għal kontrolli tas-saħħa tal-pjanti. Jenħtieġ li dik ir-rata ma tkunx inqas minn 1 % tal-materjal importat tal-ippakkjar tal-injam tal-prodotti speċifikati, sabiex jiġi żgurat li l-kampjun rappreżentattiv ikun iċċekkjat.

(5)

Jenħtieġ li l-materjal tal-ippakkjar tal-injam, kif ukoll prodotti speċifikati, ikunu soġġetti għar-regoli tal-Unjoni dwar is-superviżjoni doganali sakemm jitlestew dawn il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti, sabiex jiġi żgurat li l-moviment liberu tagħhom fit-territorju tal-Unjoni ma jintroduċi l-ebda riskju fitosanitarju.

(6)

Jenħtieġ li l-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti jsiru fil-punt tad-dħul fl-Unjoni jew fil-post tad-destinazzjoni approvata għal dak l-għan mill-korp uffiċjali responsabbli, sabiex ikun żgurat li dawk il-kontrolli jitwettqu fil-faċilitajiet l-aktar xierqa.

(7)

Meta l-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti jsiru fil-post tad-destinazzjoni, u dawn juru li ma jkunx hemm konformità mal-punt 2 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE, jew li l-materjal tal-ippakkjar tal-injam instab infestat minn organiżmi ta' ħsara elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta' dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jittratta kif xieraq il-materjal rispettiv tal-ippakkjar tal-injam u jeqirdu b'mod immedjat, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar in-numru u r-riżultati tal-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti mwettqa skont din id-Deċiżjoni permezz ta' mudell speċifiku tar-rappurtar elettroniku.

(9)

L-esperjenza tal-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti mwettqa sa issa turi li, biex jingħataw aktar dettalji dwar l-interċettazzjonijiet irreġistrati fuq il-materjal tal-ippakkjar tal-injam lill-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti ta' dawk il-pajjiżi terzi, huwa neċessarju li l-Istati Membri jirrappurtaw kwalunkwe informazzjoni meħtieġa sabiex jidentifikaw is-sorsi ta' mmarkar mhux affidabbli jew mhux korrett.

(10)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Ottubru 2018, sabiex tippermetti żmien xieraq għall-korpi uffiċjali responsabbli u l-operaturi professjonisti biex jadattaw għad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

(11)

Sabiex ikun żgurat li l-ebda lakuna ġuridika sseħħ sa dik id-data, jenħtieġ li l-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE, li jiskadu fil-31 ta' Lulju 2018, japplikaw sat-30 ta' Settembru 2018.

(12)

Għall-fini ta' ċarezza ġuridika, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE titħassar mill-1 ta' Ottubru 2018, li hija d-data tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(13)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sat-30 ta' Ġunju 2020, sabiex tippermetti l-adozzjoni sa dak iż-żmien tal-miżuri meħtieġa kif inhu xieraq.

(14)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“materjal tal-ippakkjar tal-injam” tfisser injam jew prodotti tal-injam li jintużaw biex jirrinfurzaw, jipproteġu jew iġorru xi prodott, fil-forma ta' kontenituri tal-ippakkjar, kaxxi, ċestuni, ċilindri u ppakkjar simili, palits, palits f'forma ta' kaxxi u twavel oħrajn għat-tagħbija, ġnub tal-palits u padding tal-injam, kemm jekk jintużaw realment fit-trasport ta' oġġetti ta' kull tip u kemm jekk le; huwa eskluż l-injam ipproċessat li jkun manifatturat bil-kolla, bis-sħana jew bil-pressjoni jew b'taħlit ta' dawn, u l-materjal tal-ippakkjar magħmul kollu kemm hu mill-injam b'6 mm ħxuna jew anqas.

(b)

“prodotti speċifikati” tfisser prodotti li joriġinaw fil-Belarus jew fiċ-Ċina importati fl-Unjoni li huma rinfurzati jew protetti minn materjal tal-ippakkjar tal-injam jew jinġarru fih, bil-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) jew il-kodiċijiet TARIC elenkati fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni u li jissodisfaw id-deskrizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (3);

(c)

“kunsinna” tfisser kwantità ta' oġġetti koperti b'dokument uniku li huwa meħtieġ għall-formalitajiet doganali jew għal formalitajiet oħrajn;

(d)

“operatur professjonist” tfisser kwalunkwe persuna, irregolata bil-liġi pubblika jew privata, involuta professjonalment u legalment responsabbli għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta' materjal tal-ippakkjar tal-injam.

Artikolu 2

Superviżjoni

Mill-ħin tad-dħul fit-territorju doganali, il-materjal tal-ippakkjar tal-injam ta' kull kunsinna tal-prodotti speċifikati għandu jkun soġġett għas-superviżjoni doganali skont l-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u għas-superviżjoni mill-korpi uffiċjali responsabbli kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE.

Il-materjal tal-ippakkjar tal-injam u l-prodotti speċifikati jistgħu jitpoġġew biss skont xi waħda mill-proċeduri doganali kif speċifikati fil-punt 16(a) u (b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 bl-eċċezzjoni tal-proċeduri speċjali msemmija fl-Artikolu 210(a) u (b) ta' dak ir-Regolament, jekk ikunu tlestew il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti kif speċifikati fl-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Notifika bil-quddiem tal-materjal tal-ippakkjar tal-injam

L-awtoritajiet tal-ajruport, l-awtoritajiet tal-port, awtoritajiet oħra responsabbli mill-kontroll tal-moviment ta' oġġetti jew kwalunkwe operatur professjonist involut fl-importazzjoni tal-prodotti speċifikati akkumpanjati minn materjal tal-ippakkjar tal-injam, għandhom, malli jkunu jafu bil-wasla imminenti ta' dak il-materjal tal-ippakkjar tal-injam, jagħtu notifika bil-quddiem lill-uffiċċju doganali fil-punt tad-dħul jew lill-korp uffiċjali responsabbli tal-punt tad-dħul.

Artikolu 4

Kontrolli tas-saħħa tal-pjanti

Il-materjal tal-ippakkjar tal-injam tal-kunsinni tal-prodotti speċifikati għandu jkun soġġett għall-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti previsti fl-Artikolu 13a(1)(b)(iii) tad-Direttiva 2000/29/KE fuq bażi regolari, biex ikun ikkonfermat li l-materjal tal-ippakkjar tal-injam jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE.

Abbażi tar-riskji identifikati għas-saħħa tal-pjanti, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-rata ta' materjal tal-ippakkjar tal-injam tal-prodotti speċifikati soġġett għall-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti. Din ir-rata ma għandhiex tkun inqas minn 1 % tal-kunsinni tal-prodotti speċifikati. Sakemm jitlestew il-kontrolli, dak il-materjal tal-ippakkjar tal-injam u l-prodotti speċifikati rispettivi għandhom jibqgħu taħt is-superviżjoni tad-dwana skont l-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 kif ukoll għas-superviżjoni mill-korp uffiċjali responsabbli.

Il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti għandhom isiru fil-punt tad-dħul fl-Unjoni jew fil-post tad-destinazzjoni approvat għal dak il-fini mill-korp uffiċjali responsabbli.

Artikolu 5

Miżuri f'każ ta' nuqqas ta' konformità

F'każ li l-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 4 juru li ma hemmx konformità mal-punt (2) tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE jew li l-materjal tal-ippakkjar tal-injam instab infestat mill-organiżmi ta' ħsara elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta' dik id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu minnufih jissoġġetta l-materjal tal-ippakkjar tal-injam mhux konformi għal waħda mill-miżuri stipulati fl-Artikolu 13c(7) ta' dik id-Direttiva.

Meta t-tali nuqqas ta' konformità jew meta l-iskoperta tat-tali infestazzjoni hija konkluża fil-post ta' destinazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-materjal tal-ippakkjar tal-injam rispettiv jinqered minnufih. Qabel ma ssir dik il-qerda, il-materjal tal-ippakkjar tal-injam għandu jiġi ttrattat biex ikun żgurat li l-ebda riskju fitosanitarji jseħħ matul u wara li jinqered.

Artikolu 6

Rappurtar

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kummissjoni 94/3/KE (5), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bin-numru u r-riżultati tal-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti mwettqa skont din id-Deċiżjoni bl-użu tal-mudell tar-rappurtar elettroniku speċifikat fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni sad-dati li ġejjin:

(a)

sal-31 ta' Ottubru 2019 għall-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2018 sat-30 ta' Settembru 2019;

(b)

sal-31 ta' Marzu 2020 għall-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2019 sad-29 ta' Frar 2020.

Artikolu 7

Emenda tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/92/UE

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Artikoli 1 sa 4 għandhom japplikaw sat-30 ta' Settembru 2018”.

Artikolu 8

Tħassir tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/92/UE

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/92/UE hija mħassra b'seħħ mill-1 ta' Ottubru 2018.

Artikolu 9

Applikazzjoni

L-Artikoli 1 sa 6 għandhom japplikaw mill-1 ta' Ottubru 2018.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2020.

Artikolu 10

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/92/UE tat-18 ta' Frar 2013 dwar is-superviżjoni, il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u l-miżuri li għandhom jittieħdu rigward il-materjal tal-ippakkjar tal-injam li bħalissa jintuża fit-trasport ta' prodotti speċifikati li joriġinaw fiċ-Ċina (ĠU L 47, 20.2.2013, p. 74).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 94/3/KE tal-21 ta' Jannar 1994 li tistabbilixxi proċedura għan-notifika ta' interċettazzjoni ta' kunsinna jew organiżmu jikkawżaw ħsara minn pajjiżi terzi u li jkun ta' periklu fitosanitarju imminenti (ĠU L 32, 5.2.1994, p. 37).


ANNESS I

PRODOTTI SPEĊIFIKATI

2514 00 00

Lavanja, kemm jekk mirquma mingħajr finezza jew sempliċiment maqtugħa, permezz ta' ssegar jew mod ieħor, fi blokki jew f'ċangaturi ta' forma rettangolari (inkluża kwadra) u kemm jekk le

2515

Irħam, travertina, ecaussine u ġebla kalkaruża oħra għall-monumenti jew għall-kostruzzjoni ta' gravità speċifika fid-dieher ta' 2,5 jew iżjed, u alabastru, kemm jekk mirqumin mingħajr finezza jew sempliċiment maqtugħin, permezz ta' ssegar jew mod ieħor, fi blokki jew f'ċangaturi ta' forma rettangolari (inkluża kwadra) u kemm jekk le

2516

Granit, porfirju, bażalt, blat sedimentarju gres u ġebla oħra għall-monumenti jew għall-kostruzzjoni, kemm jekk mirqumin mingħajr finezza jew sempliċiment maqtugħin, permezz ta' ssegar jew mod ieħor, fi blokki jew f'ċangaturi ta' forma rettangolari (inkluża kwadra) u kemm jekk le

4401

Injam għall-fjuwil, f'forma ta' zkuk, zkuk ħoxnin, friegħi, qatet ta' għesieleġ jew forom simili; injam f'laqx jew frak; serratura u skart u fdal tal-injam, kemm jekk magħqudin fi zkuk, briquettes, gerbub jew forom simili u kemm jekk le

4415

Kontenituri tal-ippakkjar, kaxxi, ċestuni, ċilindri u ppakkjar simili, tal-injam; rukkelli kbar tal-injam għall-kejbils; palits, palits f'forma ta' kaxxi u twavel oħrajn għat-tagħbija, tal-injam għenuq tal-palits tal-injam (ħlief kontenituri mfassla u mgħammra speċjalment għal mod ta' trasport wieħed jew aktar)

4415 20

palits, palits f'forma ta' kaxxi u twavel oħrajn għat-tagħbija, tal-injam għenuq tal-palits tal-injam (ħlief kontenituri mfassla u mgħammra speċjalment għal mod ta' trasport wieħed jew aktar)

4415 20 90

palits f'forma ta' kaxxi u twavel oħrajn għat-tagħbija, tal-injam (ħlief kontenituri mfassla u mgħammra speċjalment għal mod ta' trasport wieħed jew aktar: palits ċatti u għenuq tal-palits)

4415 20 20

Palits u għenuq tal-palits, tal-injam

4418

Xogħol ta' injam għall-bennejja, inklużi pannelli tal-injam ċellulari, pavimenti tal-art immuntati, madumiet “shingles” u “shakes” għas-soqfa, tal-injam (ħlief pannelli tal-plywood, blokki, strixxi u freġji għall-pavimenti tal-parkè, mhux immuntati, u binjiet prefabbrikati)

4421

Oġġetti oħra tal-injam, mhux speċifikati x'imkien ieħor

6501 00

Forom tal-kpiepel, oqfsa tal-kpiepel u barnużi tal-feltru, la jekk magħfusin għall-forma u lanqas bil-faldi maħdumin; “plateaux” u “manchons”, inklużi manchons bil-qasma, tal-feltru

6801 00 00

Ċangaturi tal-pavimenti, għazez u ċangar, ta' ġebla naturali (ħlief lavanja)

6802

Ġebla maħduma għall-monumenti jew għall-bini (ħlief lavanja) u oġġetti tagħha, ħlief oġġetti tal-intestatura 6801 ; kubi tal-mużajk u bħalhom, ta' ġebla naturali (inkluża lavanja), fuq blocking jew le; ħbub, laqx u trab, ta' ġebla naturali, ikkuluriti b'mod artifiċjali (inkluża lavanja)

6803 00

Lavanja maħduma u oġġetti tal-lavanja jew tal-lavanja agglomerata (ħlief granuli, żrar u trab, kubi tal-mużajk u oġġetti simili tal-lavanja, lapsijiet tal-lavanja, u lavanji jew bords lesti għall-użu b'uċuħ għall-kitba jew għat-tpinġija)

6810

Oġġetti tas-siment, tal-konkrit jew tal-ġebla artifiċjali, rafforzati jew le

6811 40

Oġġetti tas-siment tal-asbestos, tas-siment tal-fibra taċ-ċelluloża jew simili, li fihom l-asbestos

6902 00

Brikks, blokki, madumiet refrattarji u oġġetti refrattarji taċ-ċeramika simili għall-kostruzzjoni, ħlief dawk ta' komposti ta' fossili siliċikużi jew ta' fuħħar siliċikuż simili

6904 00

Brikks taċ-ċeramika għall-kostruzzjoni, blokki għall-pavimenti tal-art, madumiet ta' riforz jew tal-mili u oġġetti simili, mhux refrattarji

6905 00

Madumiet għat-tisqif, irjus taċ-ċmieni, għotjien taċ-ċmieni (cowls), kondjuwits taċ-ċmieni, tiżjin arkitettoniku u oġġetti oħrajn taċ-ċeramika għall-kostruzzjoni

6906 00

Pajpijiet, kondjuwits, imwieżeb u tagħmir tal-pajpijiet taċ-ċeramika (ħlief komposti ta' fossili siliċikużi jew oġġetti siliċikużi simili, oġġetti refrattarji taċ-ċeramika, kondjuwits taċ-ċmieni, pajpijiet immanifatturati speċifikament għal-laboratorji, tubi u fittings ta' iżolament u pajpijiet oħrajn għal skopijiet elettrotekniċi)

6907

Ċangaturi u pavimenti taċ-ċeramika, madum għall-qigħan taċ-ċmieni jew għall-ħitan; kubi tal-mużajk taċ-ċeramika u oġġetti simili, fuq rinforz jew le (ħlief komposti tal-fossili siliċikużi jew fuħħar siliċikuż simili, oġġetti refrattarji, madumiet adattati apposta bħala mats tal-mejda, oġġetti ornamentali u madumiet immanifatturati speċifikament għall-istufi)

6912 00 83

Oġġetti tad-dar u tal-kamra tal-banju, tal-fuħħar (ħlief pożati u reċipjenti għal fuq il-mejda, oġġetti tal-kċina, banjijiet, bidejiet, sinkijiet u stallazzjonijiet sanitarji simili, statwetti u oġġetti ornamentali oħra, borom, vażetti, damiġġjani u reċipjenti simili għat-trasport jew għall-imballaġġ ta' oġġetti)

6912 00 23

pożati u reċipjenti għal fuq il-mejda, oġġetti tal-kċina, tal-fuħħar (ħlief statwetti u oġġetti ornamentali oħrajn, borom, vażetti, damiġġjani u reċipjenti simili għat-trasport jew għall-imballaġġ ta' oġġetti, u mtieħen tal-kafè u mtieħen tal-ħwawar bir-reċipjenti magħmulin miċ-ċeramika u bil-partijiet għat-tħaddim magħmulin mill-metall)

7210

Prodotti laminati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, b'wisa' ta' ≥ 600 mm, illaminati fis-sħana jew fil-kiesaħ “kesħa mnaqqsa”, miksijin, indurati jew koperti

7313 00

Barbed wire tal-ħadid jew tal-azzar; wajer mibrum f'ċrieki jew singlu ċatt, imxewwek jew le, u wajer doppju mibrum ħafif, ta' tip użat għaċ-ċnut, tal-ħadid jew tal-azzar

7317 00

Imsiemer, taċċi, drawing pins, imsiemer korrugati, stejpils u oġġetti simili tal-ħadid jew tal-azzar, bl-irjus ta' materjal ieħor jew le (ħlief tali oġġetti b'irjus tar-ram u stejpils fi strixxi)

7318

Viti, boltijiet, skorfini, coach screws (viti b'irjus eżagonali biex jiddawwru bi spanner), ganċijiet bil-kamin, rivits, kavilji, ċavi, woxers, inklużi woxers bil-molla, u oġġetti simili, tal-ħadid jew tal-azzar (ħlief viti, waqqafa, plaggijiet u oġġetti simili, bil-kamin)

7415

Imsiemer, taċċi, drawing pins, stejpils u oħrajn simili oġġetti, tar-ram jew b'xaftijiet tal-ħadid jew tal-azzar u rjus tar-ram, viti, boltijiet, skorfini, ganċijiet bil-kamin, rivits, kavilji, ċavi, woxers “inklużi woxers bil-molla” u oġġetti simili, tar-ram (ħlief stejpils fi strixxi, u lag screws, plaggijiet, tappijiet tal-btieti u oġġetti simili, bil-kamin)

8101 96

Wajer tat-tungstenu

8102 96

Wajer tal-molibdenu

8205 90 10

Inkwini tal-kapsa; foroġ li jinġarru; moli tal-idejn jew li jitħaddmu bil-pedala bl-oqfsa tagħhom

8465 93

Moli, magni tal-ixkatlar jew tal-illostrar għax-xogħol fuq injam, sufra, għadma, lasktu iebes, plastik iebes jew materjali ibsin simili (ħlief magni għall-ħdim bl-idejn u magni għall-iċċentralizzar tax-xogħol bil-magna)

4504 90 80

Sufra agglomerata, b'sustanza li tgħaqqad jew mingħajrha, u oġġetti tas-sufra agglomerata (ħlief ilbies għar-riġlejn u partijiet tagħhom, suletti ta' ġewwa, li jistgħu jitneħħew jew le; ilbies għar-ras u partijiet tiegħu; plaggijiet u diviżuri għall-iskrataċ tas-snieter; ġugarelli, logħob u tagħmir sportiv u partijiet tagħhom; blokok, pjanċi, folji jew strixxi; madumiet ta' kull għamla; ċilindri solidi, inklużi diski; sufri u tappijiet)

4823 90 85

Karta, kartun, wadding taċ-ċelluloża u xbieki tal-fibri taċ-ċelluloża, fi strixxi jew f'rombli tal-wisa' ≤ 36 cm, f'folji kwadri jew rettangolari, bl-ebda naħa ma tkun > 36 ċm fi stat mhux mitwi, jew maqtugħa f'forom minbarra rettangolari jew kwadri, u oġġetti tal-polpa tal-karta, karta, wadding taċ-ċelluloża jew xbieki tal-fibri taċ-ċelluloża, mhux speċifikati xi mkien ieħor

6912 00 83

Oġġetti tad-dar u tal-kamra tal-banju, tal-fuħħar (ħlief pożati u reċipjenti għal fuq il-mejda, oġġetti tal-kċina, banjijiet, bidejiet, sinkijiet u stallazzjonijiet sanitarji simili, statwetti u oġġetti ornamentali oħra, borom, vażetti, damiġġjani u reċipjenti simili għat-trasport jew għall-imballaġġ ta' oġġetti)

7108 13 80

Deheb, inkluż deheb miksi bil-platinu, f'forom semimanifatturati, għal skopijiet mhux monetarji (ħlief folji u strixxi bil-ħxuna, mingħajr ebda rinforz, ta' > 0,15 mm u pjanċi, staneg, vireg, wajers u sezzjonijiet)

7110 19 80

Platinu f'forom semimanifatturati (ħlief folji u strippi skont il-ħxuna, mingħajr ebda rinforz, ta' > 0,15 mm u pjanċi, staneg, vireg, wajers u sezzjonijiet)

7304 31 20

Tubi ta' preċiżjoni, mingħajr saldatura, b'taqsima trasversali tonda, tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, miġbudin fil-kiesaħ jew illaminati fil-kiesaħ “kesħa mnaqqsa” (ħlief pajpijiet tal-linja ta' tip użat għal-linji tal-pajpijiet taż-żejt jew tal-gass jew kejsing u tubi ta' tip użat għat-tħaffir għaż-żejt jew għall-gass)

7304 41 00

Tubi, pajpijiet u profili vojta, mingħajr ġonġituri, b'taqsima trasversali tonda, tal-istainless steel, miġbudin fil-kiesaħ jew illaminati fil-kiesaħ “kesħa mnaqqsa” (ħlief pajpijiet tal-linja ta' tip użat għas-sistemi tal-pajpijiet taż-żejt jew tal-gass jew kejsing u tubi ta' tip użat għat-tħaffir għaż-żejt jew għall-gass)

8407 33 20

Magni bil-pistuni ta' tqabbid bl-ispark b'moviment alternat, ta' tip użat għal vetturi tal-kapitlu 87, ta' kapaċità ċilindrika > 250 cm3 iżda ≤ 500 cm3

8407 33 80

Magni bil-pistuni ta' tqabbid bl-ispark b'moviment alternat, ta' tip użat għal vetturi tal-kapitlu 87, ta' kapaċità ċilindrika > 500 cm3 iżda ≤ 1 000 cm3

8424 49 10

Sprejers ta' prodotti agrikoli jew ortikulturali likwidi/fi trab iddisinjati biex jitwaħħal fuq trattur jew jinġibed minnu

8424 82 90

Apparati mekkaniċi agrikoli jew ortikulturali, kemm jekk jitħaddmu bl-idejn kif ukoll jekk le, għall-projezzjoni jew id-dispersjoni ta' likwidi jew trabijiet (ħlief apparati għall-bexx u għat-tisqija)

8424 89 40

Apparati mekkaniċi għax-xħit, it-tixrid jew it-traxxix ta' likwidi jew trabijiet, ta' tip użat biss jew prinċipalment għall-manifattura ta' ċirkwiti stampati jew assemblaġġi ta' ċirkwiti stampati

8424 89 70

Apparati mekkaniċi, kemm jekk jitħaddmu bl-idejn kif ukoll jekk le, għax-xħit, it-tixrid jew it-traxxix ta' likwidi jew trabijiet, mhux speċifikati x'imkien ieħor.

8467 29 51

Angle grinders li jintużaw għax-xogħol bl-idejn, b'mutur elettriku awtoinkorporat, li jaħdmu b'sors estern tal-enerġija

8544 19 00

Wajer tat-tkebbib għall-użu fl-elettriku, ta' materjal minbarra tar-ram, iżolat

8544 49 91

Wajer u kejbils tal-elettriku, għal vultaġġ ≤ 1 000 V, iżolati, mhux mgħammrin b'konnetturi, b'wajers kondutturi individwali b'dijametru > 0,51 mm, mhux speċifikat x'imkien ieħor

8708 30 10

Brejkijiet u servobrejkijiet u l-partijiet tagħhom, għall-assemblaġġ industrijali ta': tratturi, vetturi tat-triq u vetturi bil-mutur ikkontrollati minn persuni fit-triq u mhux minn sewwieqa ddisinjati b'mod partikolari għat-trasport ta' persuni, vetturi għat-trasport ta' oġġetti b'magna bil-pistuni bil-kombustjoni interna “magna diżil jew semidiżil” ≤ 2 500 cm3 jew b'magna bil-pistuni interni ta' tqabbid bl-ispark ≤ 2 800  cm3, vetturi bil-mutur għal skopijiet speċjali tal-intestatura 8705 , mhux speċifikati x'imkien ieħor

8708 40 20

Gerboksis u partijiet tagħhom, għall-assemblaġġ industrijali ta': tratturi, vetturi tat-triq u vetturi bil-mutur ikkontrollati minn persuni fit-triq u mhux minn sewwieqa ddisinjati b'mod partikolari għat-trasport ta' persuni, vetturi għat-trasport ta' oġġetti b'magna bil-pistuni b'kombustjoni interna “magna diżil jew semidiżil” b'kapaċità ċilindrika ta' ≤ 2 500 cm3 jew b'magna bil-pistuni b'kombustjoni interna ta' tqabbid bl-ispark b'kapaċità ċilindrata ta' ≤ 2 800 cm3, vetturi bil-mutur għal skopijiet speċjali tal-intestatura 8705 , mhux speċifikati x'imkien ieħor

8708 91 20

Radjaturi u partijiet tagħhom, għall-assemblaġġ industrijali ta': tratturi, vetturi tat-triq u vetturi bil-mutur ikkontrollati minn persuni fit-triq u mhux minn sewwieqa ddisinjati b'mod partikolari għat-trasport ta' persuni, vetturi għat-trasport ta' oġġetti b'magna bil-pistuni b'kombustjoni interna “magna diżil jew semidiżil” b'kapaċità ċilindrika ta' ≤ 2 500 cm3 jew b'magna bil-pistuni b'kombustjoni interna ta' tqabbid bl-ispark b'kapaċità ċilindrata ta' ≤ 2 800 cm3, vetturi bil-mutur għal skopijiet speċjali tal-intestatura 8705 , mhux speċifikati x'imkien ieħor

8708 92 20

Sajlensers “mufflers” u pajpijiet tal-egżost, u partijiet tagħhom, għall-assemblaġġ industrijali ta': tratturi, vetturi tat-triq u vetturi bil-mutur ikkontrollati minn persuni fit-triq u mhux minn sewwieqa ddisinjati b'mod partikolari għat-trasport ta' persuni, vetturi għat-trasport ta' oġġetti b'magna bil-pistuni b'kombustjoni interna “magna diżil jew semidiżil” b'kapaċità ċilindrika ta' ≤ 2 500 cm3 jew b'magna bil-pistuni b'kombustjoni interna ta' tqabbid bl-ispark b'kapaċità ċilindrata ta' ≤ 2 800 cm3, vetturi bil-mutur għal skopijiet speċjali tal-intestatura 8705 , mhux speċifikati x'imkien ieħor


ANNESS II

IL-MUDELL GĦAR-RAPPURTAR IMSEMMI FL-ARTIKOLU 6

Rapport dwar il-kontrolli fitosanitarji għall-importazzjoni ta' materjal tal-ippakkjar tal-injam ta' kull kunsinna tal-prodotti speċifikati li joriġinaw fil-Belarus u fiċ-Ċina

Perjodu ta' rappurtar:

Stat Membru li qed jirrapporta:

Punti tad-dħul involuti:

Postijiet ta' spezzjoni:

L-għadd ta' kunsinni spezzjonati fil-post tad-destinazzjoni:

L-għadd ta' kunsinni spezzjonati fil-punt tad-dħul:

 

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda:

L-għadd ta' kunsinni li jidħlu fl-Unjoni permezz tal-Istat Membru li qed jirrapporta

 

L-għadd ta' kunsinni spezzjonati

 

Li minnhom In-numru ta' kunsinni b'materjal tal-ippakkjar tal-injam konformi

 

Li minnhom In-numru ta' kunsinni interċettati b'materjal għall-ippakkjar tal-injam mhux konformi

 

Li minnhom, għandhom organiżmu ta' ħsara u ma għandhomx marka konformi mal-ISPM15 (jekk jogħġbok ipprovdi analiżi dettaljata għal kull organiżmu li jagħmel il-ħsara u jekk il-marka hijiex nieqsa jew mhux korretta)

 

Li minnhom, għandhom organiżmu ta' ħsara u marka konformi mal-ISPM15 (jekk jogħġbok agħti d-dettalji għal kull organiżmu li jagħmel il-ħsara)

Jekk jogħġbok agħti l-kodiċi tal-pajjiż, il-kodiċi tal-produttur/tal-fornitur tat-trattament u l-kodiċi tat-trattament tal-marka/i ISPM 15

 

 

Li minnhom, mingħajr marka konformi mal-ISPM15 biss (jekk jogħġbok agħti d-dettalji għal marka nieqsa u għal marka żbaljata)

 

% ta' prodotti speċifikati vverifikati (min-numru totali ta' kunsinni)

 


Top