EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0279

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 tal-20 ta' Frar 2018 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 54, 24.2.2018, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/05/2021; Imħassar b' 32021D0753 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/279/oj

24.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 54/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/279

tal-20 ta' Frar 2018

li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt il-punt 13 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta tista' teżenta tliet kategoriji ta' persuni taxxabbli mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT): dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 37 000 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista tal-merkanzija; EUR 24 300 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta' servizzi b'valur miżjud baxx (inputs għoljin); u EUR 14 600 f'każijiet oħrajn, jiġifieri ta' provvista ta' servizzi b'valur miżjud għoli (inputs baxxi).

(2)

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta' Settembru 2017, Malta talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”), li tippermetti lil Malta żżid il-livell tal-iktar livell baxx minn EUR 14 600 għal EUR 20 000 għall-provvista ta' servizzi b'valur miżjud għoli (inputs baxxi) mill-1 ta' Jannar 2018.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b'ittra ddatata 3 ta' Novembru 2017 bit-talba li għamlet Malta. Il-Kummissjoni nnotifikat lil Malta b'ittra ddatata 7 ta' Novembru 2017 li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(4)

Il-miżura speċjali mitluba hija skont l-objettivi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 intitolata “‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ – ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”.

(5)

Minħabba li l-miżura speċjali għandha tirriżulta fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT u, għalhekk, fi tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-kostijiet għall-impriżi ż-żgħar, jenħtieġ li Malta tiġi awtorizzata biex tapplika l-miżura għal perjodu limitat, sal-31 ta' Diċembru 2020. Jenħtieġ li l-persuni taxxabbli jibqgħu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(6)

Abbażi tal-informazzjoni li pprovdiet Malta, il-miżura speċjali ser ikollha impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li jinkisbu l-objettivi insegwiti mill-miżura speċjali, b'mod partikolari dawk li jnaqqsu l-effetti ta' tfixkil u jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, ikun adatt li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2018. Permezz ta' applikazzjoni retroattiva tal-miżura speċjali, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu rrispettati, billi l-miżura speċjali ma tinċidix fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' operaturi ekonomiċi jew individwi.

(8)

Minħabba li l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għal impriżi żgħar attwalment huma soġġetti għal rieżami, huwa possibbli li tidħol fis-seħħ direttiva li temenda dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE qabel jiskadi l-perjodu ta' validità tal-miżura speċjali fil-31 ta' Diċembru 2020, f'liema każ din id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika.

(9)

Il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li Malta ser twettaq kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (2),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-punt 13 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta' servizzi b'valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 20 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta' direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Malta.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


Top