This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R2092
Regulation (EU) 2017/2092 of the European Parliament and of the Council of 15 November 2017 amending Regulation (EU) No 1380/2013 on the common fisheries policy
Regolament (UE) 2017/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd
Regolament (UE) 2017/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd
ĠU L 302, 17.11.2017, p. 1–2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
17.11.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 302/1 |
REGOLAMENT (UE) 2017/2092 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Novembru 2017
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li huma soġġetti għal limiti tal-qbid u, fil-Mediterran, anki l-ħatt l-art tal-qabdiet ta’ ċerti speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi (l-“obbligu ta’ ħatt l-art”). |
(2) |
Il-pjanijiet pluriennali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-pjanijiet ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (4) jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati maħsuba biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art (“pjanijiet għall-iskartar”). |
(3) |
L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li, fin-nuqqas ta’ pjanijiet pluriennali jew ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta pjanijiet għall-iskartar fuq bażi temporanja u għal perjodu ta’ mhux iżjed minn tliet snin. |
(4) |
L-esperjenza wriet li l-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet pluriennali jew ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni li jinkludu pjanijiet għall-iskartar jieħdu iktar żmien milli kien previst fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. |
(5) |
Huwa għalhekk xieraq li jiġi ffissat il-perjodu li matulu l-Kummissjoni tista’ tadotta pjanijiet għall-iskartar fin-nuqqas ta’ pjanijiet pluriennali jew ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni. |
(6) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“6. Fejn ma jkun ġie adottat l-ebda pjan pluriennali, jew l-ebda pjan ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, għat-tip ta’ sajd inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 46 ta’ dan ir-Regolament, atti delegati li jistabbilixxu fuq bażi temporanja pjanijiet għall-iskartar speċifiċi li jkun fihom l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għal perjodu inizjali ta’ mhux aktar minn tliet snin li jista’ jiġġedded għal perjodu totali ieħor ta’ tliet snin. L-Istati Membri jistgħu jikkooperaw, f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, fit-tfassil tat-tali pjan bil-ħsieb li l-Kummissjoni tadotta t-tali atti jew li din tippreżenta proposta skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Novembru 2017.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
M. MAASIKAS
(1) L-Opinjoni tat-18 ta’ Ottubru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2017.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).