Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1598

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1598 tat-22 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

    C/2017/6258

    ĠU L 245, 23.9.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/08/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1598/oj

    23.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 245/1


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1598

    tat-22 ta' Settembru 2017

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2016/1036 tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518 (2), il-Kummissjoni timponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (3).

    (2)

    Huwa xieraq li jitħalla f'idejn il-kumpaniji li ma esportawx il-bijodiżil matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali li jitolbu rieżami jekk jistgħux ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju imposta fuq il-kumpaniji li jikkooperaw li m'humiex fil-kampjun. Tali rieżami għandu jsir jekk provi suffiċjenti jitressqu quddiem il-Kummissjoni minn esportatur jew produttur ġdid fil-pajjiż ta' esportazzjoni inkwistjoni li (1) ma esportax il-prodott matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri; (2) ma jiġix mill-esportatur jew il-produttur soġġett għall-miżuri imposti; u (3) jew effettivament esporta l-oġġetti kkonċernati jew inkella daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lill-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni.

    (3)

    Madankollu, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518 ma kienx jipprovdi għall-possibbiltà li esportaturi ġodda jitolbu rieżami bħal dan. Għalhekk, ir-Regolament jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (4)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

    (5)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518 huwa miżjud il-paragrafu 6 li ġej:

    “6.   Fejn xi parti mill-Istati Uniti tal-Amerka tipprovdi provi suffiċjenti lill-Kummissjoni li:

    (a)

    ma esportatx il-merkanzija deskritta fil-paragrafu 1 li toriġina fl-Istati Uniti tal-Amerka matul il-perjodu ta' investigazzjoni (l-1 ta' April 2007 sal-31 ta' Marzu 2008);

    (b)

    ma tiġix minn esportatur jew minn produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

    (c)

    li effettivament esportat il-merkanzija kkonċernata jew daħlet f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli li tesporta kwantità sinifikanti lill-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni,

    il-Kummissjoni tista' temenda l-Anness I biex tattribwixxi lil dik il-parti d-dazju applikabbli għall-produtturi li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri EUR 115,6 għal kull tunnellata.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 tal-14 ta' Settembru 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 69).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).


    Top