This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R1536
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/1536 of 11 September 2017 on an emergency measure in the form of aid to holdings with no more than 50 animals of the porcine species located in certain areas of Poland when ceasing pigmeat production due to new requirements in relation to African swine fever
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1536 tal-11 ta' Settembru 2017 dwar miżura ta' emerġenza fil-forma ta' għajnuna lill-irziezet b'mhux aktar minn 50 annimal tal-ispeċi porċina li jinsabu f'ċerti żoni tal-Polonja meta jieqfu jipproduċu l-laħam tal-majjal minħabba rekwiżiti ġodda fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1536 tal-11 ta' Settembru 2017 dwar miżura ta' emerġenza fil-forma ta' għajnuna lill-irziezet b'mhux aktar minn 50 annimal tal-ispeċi porċina li jinsabu f'ċerti żoni tal-Polonja meta jieqfu jipproduċu l-laħam tal-majjal minħabba rekwiżiti ġodda fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer
ĠU L 234, 12.9.2017, p. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
12.9.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 234/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1536
tal-11 ta' Settembru 2017
dwar miżura ta' emerġenza fil-forma ta' għajnuna lill-irziezet b'mhux aktar minn 50 annimal tal-ispeċi porċina li jinsabu f'ċerti żoni tal-Polonja meta jieqfu jipproduċu l-laħam tal-majjal minħabba rekwiżiti ġodda fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 221 tiegħu,
Billi:
(1) |
Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa l-aktar marda infettiva importanti għall-annimali tal-ispeċi porċina. Seħħew tifqigħat kemm fl-annimali selvaġġi u kemm fl-irziezet fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni mill-2014 u, sabiex tiġi kkontrollata l-marda, ġew adottati restrizzjonijiet sanitarji stretti fil-livell tal-Unjoni. |
(2) |
Sabiex jiżdied il-livell globali tal-bijosigurtà fiż-żona ġeografika li hija f'riskju għoli ta' deni Afrikan tal-ħnieżer u biex jiġu evitati tifqigħat ġodda fl-irziezet, il-Polonja stabbiliet rekwiżiti nazzjonali ġodda għall-irziezet li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-Unjoni eżistenti, permezz tar-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-5 ta' Lulju 2017 li jemenda r-Regolament dwar il-miżuri meħuda fir-rigward tal-okkorrenza tad-deni Afrikan tal-ħnieżer (2). Ir-rekwiżiti l-ġodda jirrigwardaw b'mod partikolari l-mod kif jitqandlu u kif jiġu alimentati l-annimali, il-kostruzzjoni, id-diżinfezzjoni u l-kontroll tal-aċċess fl-irziezet. Ċerti rziezet se jkunu obbligati li jwaqqfu l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal sa data ta' skadenza stabbilita mill-awtoritajiet Pollakki. |
(3) |
Is-suq tal-laħam tal-majjal fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni ġie affettwat ħafna mir-restrizzjonijiet sanitarji adottati wara t-tifqigħat tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u, għalhekk, reċentement ġew adottati miżuri eċċezzjonali tas-suq skont l-Artikolu 220 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Barra minn hekk, minħabba d-dipendenza għolja fuq l-esportazzjonijiet tas-settur tal-laħam tal-majjal tal-Unjoni, aktar każijiet tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-irziezet jistgħu jiddistabbilizzaw serjament lis-suq jekk jiġu applikati restrizzjonijiet kummerċjali. |
(4) |
F'dan il-kuntest, il-miżuri adottati b'mod volontarju mill-Polonja huma meħtieġa biex jitnaqqas ir-riskju ta' każijiet oħra tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u, għalhekk, dawk il-miżuri fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-suq tal-laħam tal-majjal tal-Unjoni fil-ġejjieni. |
(5) |
Peress li l-maġġoranza tat-tifqigħat tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-irziezet fit-territorju Pollakk seħħew fl-irziezet li jżommu għadd żgħir ta' annimali tal-ispeċi porċina, u, fiż-żoni f'riskju, 50 % tal-irziezet għandhom inqas minn 10 ħnieżer u 90 % għandhom inqas minn 50, ikun partikolarment tajjeb u fl-interess tal-Unjoni li l-Polonja tapplika dawk il-miżuri għall-irziezet bħal dawn. Madankollu, dawk l-irziezet ma jistgħux iġarrbu l-piż u l-ispejjeż meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda u, għalhekk, l-applikazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti fil-maġġoranza tal-każijiet se tobbligahom iwaqqfu l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal, u dan jimplika li l-produtturi kkonċernati se jiċċaħħdu minn parti sinifikanti tad-dħul tagħhom fil-ġejjieni. |
(6) |
Il-fatt li dan huwa fl-interess tal-Unjoni, mill-perspettiva tal-istabbiltà tas-suq tal-Unjoni, li l-miżuri Pollakki l-ġodda japplikaw preċiżament għal dawk l-irziezet li se jitilfu d-dħul minħabba r-rekwiżiti rilevanti, jikkostitwixxi problema speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Din il-problema speċifika ma tistax tiġi indirizzata mill-miżuri meħuda skont l-Artikolu 219 jew 220 ta' dak ir-Regolament. Minn naħa waħda, mhijiex marbuta speċifikament ma' tfixkil tas-suq eżistenti jew ma' theddida preċiża attwali tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-miżuri Pollakki ma jimponux restrizzjonijiet kummerċjali kif imsemmi fl-Artikolu 220 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u ma jimmirawx li jiġġieldu direttament kontra t-tixrid tat-tifqigħat attwali tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. |
(7) |
Meta wieħed jikkunsidra r-relazzjoni bejn id-daqs ta' razzett u l-kapaċità tiegħu li jadatta għar-rekwiżiti l-ġodda u d-dejta dwar it-tifqigħat fil-passat, din il-miżura ta' emerġenza jenħtieġ li tkun soġġetta għal daqs massimu tal-merħla. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' frodi, id-daqs rilevanti tal-merħla tal-irziezet jenħtieġ li jkun limitat għad-daqs medju fil-passat reċenti. Bil-għan li jiġu evitati żidiet f'daqqa fil-provvista tal-laħam tal-ħnieżer fiż-żoni kkonċernati u kull impatt negattiv possibbli fuq is-suq, jenħtieġ li jiġi stabbilit perjodu ta' żmien biex l-annimali jitilqu mir-razzett wara l-pubblikazzjoni ta' ordni biex titwaqqaf il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu normali tal-produzzjoni. Għal skopijiet amministrattivi, jenħtieġ li d-detentur jingħata perjodu ta' żmien massimu biex iressaq applikazzjoni għall-għajnuna wara li jwaqqaf il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal. |
(8) |
Sabiex jiġi evitat kull riskju ta' finanzjament doppju, jenħtieġ li t-telf rilevanti fid-dħul ma jkunx ġie kkumpensat b'għajnuna mill-Istat jew b'assigurazzjoni u jenħtieġ li l-għajnuna tkun limitata għall-annimali eliġibbli li għalihom ma jkun ingħata l-ebda kontribut finanzjarju mill-Unjoni b'mod ieħor. |
(9) |
Sabiex jiġi evitat kull riskju ta' kumpens żejjed, jenħtieġ li l-benefiċjarji jitħallew jerġgħu jibdew il-produzzjoni wara perjodu ta' żmien, wara li jagħtu evidenza li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda. |
(10) |
Jenħtieġ li l-għajnuna tiġi limitata għal dak li huwa strettament neċessarju biex tiġi indirzzata l-emerġenza fir-rigward tal-benefiċjarji u fir-rigward tal-ammont totali tal-għajnuna. Jenħtieġ li l-għajnuna mogħtija tkun ekwivalenti għal rata fissa għal kull annimal li tkopri t-telf tad-dħul fuq żmien qasir mill-produzzjoni. Jenħtieġ li l-ammont totali tal-għajnuna u l-allokazzjoni baġitarja globali jkunu bbażati fuq l-informazzjoni rċevuta mill-Polonja u li jikkorrispondu mad-dħul mill-produzzjoni tal-laħam tal-majjal għad-daqs medju rilevanti tal-merħla tal-irziezet. Peress li l-għajnuna se tikkumpensa biss porzjon limitat tat-telf tad-dħul futur imġarrab mid-detenturi li jkunu waqqfu l-produzzjoni, jenħtieġ li l-Polonja tingħata permess li tagħti appoġġ addizzjonali lil dawn id-detenturi, taħt l-istess kundizzjonijiet. |
(11) |
Jenħtieġ li jkun previst li l-awtoritajiet kompetenti tal-Polonja jieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn u jwettqu l-verifiki kollha meħtieġa u jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan kif xieraq. B'mod partikulari, dawk il-verifiki għandhom jinkludu verifiki dwar l-eliġibbiltà u l-korrettezza tal-applikazzjoni għall-għajnuna. Jenħtieġ li l-għadd ta' annimali eliġibbli jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-mezzi xierqa kollha disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti, inklużi b'mod partikolari l-verifiki fuq il-post, ir-rekords storiċi u r-reġistru tar-razzett obbligatorju kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE (3). |
(12) |
Skont l-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li l-miżura tkun limitata għal perjodu massimu ta' 12-il xahar li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-ħlasijiet li jkunu saru mill-Polonja lill-benefiċjarji wara dak il-perjodu ma jkunux eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. |
(13) |
Għal raġunijiet ta' ġestjoni baġitarja soda tal-miżura u ta' ħlas f'waqtu lill-produtturi, jenħtieġ li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (4) ma jkunx applikabbli. |
(14) |
Sabiex l-Unjoni tkun tista' timmonitorja l-effiċjenza ta' din il-miżura ta' emerġenza, jenħtieġ li l-Polonja tikkomunika lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar l-eżekuzzjoni tagħha. Sabiex l-Unjoni tkun tista' twettaq il-kontroll finanzjarju tagħha, jenħtieġ li l-Polonja tgħarraf lill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-pagamenti. |
(15) |
Peress li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu f'dati differenti skont id-data tal-waqfien tal-produzzjoni minn kull applikant tul perjodu ta' żmien massimu ta' 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, huwa xieraq, fl-interess taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, li wieħed iqis id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament bħala l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna. |
(16) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-għajnuna għandha tkun disponibbli għad-detenturi tal-annimali tal-ispeċi porċina li ġew ordnati mill-awtoritajiet kompetenti sabiex iwaqqfu l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal skont ir-Regolament Pollakk tal-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tas-6 ta' Mejju 2015 dwar il-miżuri meħuda b'rabta mal-okkorrenza tad-deni Afrikan tal-ħnieżer (5) kif emendat mir-Regolament tal-5 ta' Lulju 2017 (“ir-Regolament Pollakk”), u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
fiż-żmien meta jiġi ppubblikat l-ordni r-razzett tagħhom irid jinsab f'waħda miż-żoni tal-Polonja soġġetta għall-miżuri dwar is-saħħa tal-annimali għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer kif elenkat fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE (6) kif emendata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2017/1481/UE (7); |
(b) |
fil-medja ma jkunux żammew aktar minn 50 annimal tal-ispeċi porċina fil-perjodu mill-1 ta' Lulju 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017 u mill-inqas annimal wieħed minn dawn fi żmien iż-żjara ta' spezzjoni li wasslet għall-pubblikazzjoni tal-ordni biex titwaqqaf il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal; |
(c) |
l-annimali tagħhom jkunu telqu mir-razzett sal-iskadenza stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti iżda mhux aktar tard minn 120 jum wara l-pubblikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' ordni biex iwaqqfu l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal; |
(d) |
ikunu ressqu applikazzjoni għall-għajnuna sal-iskadenza stabbilita mill-Polonja; |
(e) |
ma jkunux ibbenefikaw, għall-istess telf ta' dħul jew għall-istess annimali, mill-għajnuna tal-Istat, assigurazzjonijiet jew għajnuna ffinanzjata minn kontribut tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) . |
2. L-għajnuna għandha tingħata mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tad-detenturi msemmija fil-paragrafu 1 li jerġgħu jibdew jipproduċu l-laħam tal-majjal wara perjodu ta' sentejn wara li jagħtu evidenza li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fir-Regolament Pollakk.
Artikolu 2
1. L-għajnuna għandha tkun ta' EUR 33 għal kull qażquż sa 20 kg u ta' EUR 52 għal kull ħanżir ieħor u ma għandhiex taqbeż l-ammont massimu ta' EUR 9 300 000 li jkopri t-total massimu ta' 10 000 qażquż sa 20 kg u ta' 171 654 ħanżir ieħor.
2. L-għadd ta' annimali eliġibbli għal kull razzett għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-għadd medju ta' annimali miżmuma fir-razzett fil-perjodu mill-1 ta' Lulju 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017 fuq il-bażi tas-sistema Pollakka ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-annimali.
3. Il-Polonja tista' tagħti appoġġ addizzjonali għall-kisba tal-objettivi tar-Regolament Pollakk sa massimu ta' 100 % tal-għajnuna tal-Unjoni, sakemm jingħata taħt l-istess kundizzjonijiet u jiġi mħallas mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Il-Polonja għandha tieħu l-miżuri kollha li hemm bżonn, fosthom kontrolli amministrattivi u verifiki fuq il-post eżawrjenti, skont l-Artikoli 58 u 59 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), sabiex tiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. B'mod partikulari, il-Polonja għandha tivverifika:
(a) |
l-eliġibbiltà tal-applikant; |
(b) |
l-għadd ta' qżieqeż eliġibbli sa 20 kg u ħnieżer oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 2(2) fuq il-bażi tal-verifiki fuq il-post, ir-rekords storiċi u r-reġistru tar-razzett miżmum skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/71/KE; |
(c) |
li għal kull applikant eliġibbli, l-annimali tal-ispeċi porċina jkunu telqu mir-razzett sal-iskadenza stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti iżda mhux aktar tard minn 120 jum wara l-pubblikazzjoni tal-ordni biex iwaqqfu l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal; |
(d) |
għal kull applikant eliġibbli, il-fatt li ma hemm l-ebda annimal tal-ispeċi porċina fir-razzett matul il-perjodu kollu li fih japplikaw il-miżuri dwar is-saħħa tal-annimali għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fiż-żona rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a); |
(e) |
li l-ebda applikant eliġibbli ma rċieva finanzjament minn sorsi oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(e) fir-rigward tal-istess telf tad-dħul jew l-istess annimali. |
Artikolu 4
1. L-għajnuna għandha titħallas lill-applikanti eliġibbli wara li jissottomettu evidenza bil-miktub li tiddikjara li l-annimali kollha jkunu telqu mir-razzett sal-iskadenza stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti iżda mhux aktar tard minn 120 jum wara l-pubblikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-ordni biex iwaqqfu l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2), f'sitwazzjonijiet fejn l-annimali tal-ispeċi porċina jinsabu fir-razzett wara l-jum imsemmi fil-paragrafu 1 u matul il-perjodu li fih japplikaw il-miżuri dwar is-saħħa tal-annimali għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fiż-żona rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a), l-għajnuna għandha tiġi rkuprata u għandhom jiġu applikati penali.
Artikolu 5
1. In-nefqa għandha tkun eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni jekk il-Polonja tkun ħallsitha lill-benefiċjarji sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament biss.
2. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 ma għandux japplika.
Artikolu 6
1. Il-Polonja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ttieħdu skont l-Artikolu 3 sa mhux aktar tard minn 21 jum wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
2. Sa mhux aktar tard minn 15-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Polonja għandha tibgħat rapport dettaljat lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament li jkun fih dettalji dwar l-eżekuzzjoni tal-miżuri li jkunu ttieħdu u tal-verifiki li jkunu twettqu skont l-Artikolu 3.
3. Il-Polonja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-pagamenti.
Artikolu 7
Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandha tkun l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju tal-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 2.
Artikolu 8
L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandha titqies bħala miżura ta' appoġġ għas-swieq agrikoli kif previst fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Artikolu 9
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Settembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Il-Ġurnal Pollakk tal-Liġijiet (Dziennik Ustaw) 2017, punt 1333.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE tal-15 ta' Lulju 2008 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ħnieżer (ĠU L 213, 8.8.2008, p. 31).
(4) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).
(5) Il-Ġurnal Pollakk tal-Liġijiet (Dziennik Ustaw) 2015, punt 711.
(6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE tad-9 ta' Ottubru 2014 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċertu Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/178/UE (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 63).
(7) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1481 tal-14 ta' Awwissu 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/709/UE dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċertu Stati Membri (ĠU L 211, 17.8.2017, p. 46).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).