EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1533

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1533 tat-8 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/1165 fir-rigward tal-miżuri temporanji eċċezzjonali ta' appoġġ għall-produtturi tal-ħawħ u tan-nuċiprisk fil-Greċja, fi Spanja u fl-Italja

C/2017/5993

ĠU L 233, 9.9.2017, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1533/oj

9.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 233/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1533

tat-8 ta' Settembru 2017

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/1165 fir-rigward tal-miżuri temporanji eċċezzjonali ta' appoġġ għall-produtturi tal-ħawħ u tan-nuċiprisk fil-Greċja, fi Spanja u fl-Italja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Mit-3 sat-8 ta' Awwissu 2017, xi Stati Membri u partijiet ikkonċernati infurmaw lill-Kommissjoni dwar disturb serju fis-suq fis-settur tal-ħawħ u tan-nuċiprisk, minħabba livell għoli ta' produzzjoni u ta' ħażniet, speċjalment fil-Greċja, fi Spanja u fl-Italja. Il-ħażniet tal-ħawħ u tan-nuċiprisk fi Spanja jammontaw għal 87 000 tunnellata, filwaqt li 50 % tal-ħawħ kienu għadhom ma nħasdux fil-bidu ta' Awwissu. Il-ħażniet tal-ħawħ u tan-nuċiprisk fl-Italja jammontaw għal 130 000 tunnellata, filwaqt li 30 % tal-prodotti għad iridu jinħasdu.

(2)

Mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet tal-frott u l-ħxejjex mill-Unjoni fl-2014 'l hawn, il-produtturi ppruvaw isibu swieq alternattivi għall-esportazzjoni. Madankollu, l-esportazzjonijiet lejn il-Belarussja, li bħalissa hija l-ewwel destinazzjoni ta' esportazzjoni għall-ħawħ u għan-nuċiprisk waqt il-perjodu tal-ħsad, naqsu b'25 % mill-2015 'l hawn. L-esportazzjoni ntlaqtet saħansitra aktar mill-1 ta' Lulju 2017 wara l-introduzzjoni ta' miżuri sanitarji u fitosanitarji minn pajjiżi li huma membri tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika, b'mod partikolari l-Belarussja. Barra minn hekk, l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi hija diffiċli b'mod ġenerali minħabba li l-prodotti jitħassru malajr.

(3)

Il-kombinament ta' dawn iċ-ċirkostanzi jħalli impatt fuq il-prezzijiet. Skont id-dejta disponibbli, is-sitwazzjoni tas-suq u b'mod partikolari l-prezzijiet huma simili ħafna għal dawk fl-2014 meta r-Russja introduċiet l-embargo.

(4)

Spanja u l-Italja kkonfermaw li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi diġà implimentaw il-miżuri tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-kriżijiet skont il-programmi operazzjonali tagħhom u użaw il-miżuri temporanji eċċezzjonali ta' appoġġ previsti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1165 (2). Għalhekk, ma hemmx aktar marġni ta' manuvra biex jiġu rtirati kwantitajiet ulterjuri mis-suq skont l-iskemi attwali.

(5)

Iċ-ċirkostanzi attwali qed jiddisturbaw is-suq b'mod sinifikanti fis-settur tal-ħawħ u tan-nuċiprisk u dik is-sitwazzjoni, jew l-effetti tagħha fuq is-suq x'aktarx li jkomplu jew jiddeterjoraw, filwaqt li l-miżuri tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-kriżijiet disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jidhru li mhumiex suffiċjenti.

(6)

Għalkemm din id-disturbazzjoni tas-suq hija marbuta biss b'mod indirett mal-embargo Russu, huwa xieraq, għal raġunijiet prattiċi u fl-interess tas-simplifikazzjoni, li tintuża s-sistema eżistenti stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2017/1165.

(7)

Sabiex ikun hemm impatt suffiċjenti fl-istabbilizzazzjoni tas-suq, il-kwantitajiet previsti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/1165 għall-ħawħ u għan-nuċiprisk għandhom jiġu triplikati għal produtturi fil-Greċja, fi Spanja u fl-Italja.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/1165 jiġi emendat skont dan,

(9)

Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u biex il-prezzijiet ikomplu jistabbilizzaw ruħhom matul l-istaġun ewlieni tal-ħsad, dan ir-Regolament għandu japplika b'mod retroattiv mid-data meta s-sitwazzjoni ġiet formalment u fattwalment ikkomunikata lill-Kummissjoni, jiġifieri fit-3 ta' Awwissu 2017.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1165

L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1165 jinbidel bit-test stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-3 ta' Awwissu 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1165 tal-20 ta' April 2017 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċertu frott (ĠU L 170, 1.7.2017, p. 31).


ANNESS

ANNESS I

Kwantitajiet massimi ta' prodotti allokati għal kull Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)

(tunnellati)

Stat Membru

Tuffieħ u lanġas

Għanbaqar

Larinġ, klementin, mandolin u lumi

Ħawħ u nuċiprisk

Il-Belġju

21 845

 

 

 

Il-Ġermanja

1 615

 

 

 

Il-Ġreċja

680

4 165

2 040

16 065

Spanja

1 955

1 275

14 110

29 325

Franza

3 060

 

 

 

Il-Kroazja

510

 

850

 

L-Italja

4 505

3 910

850

7 140

Ċipru

 

 

3 060

 

In-Netherlands

5 865

 

 

 

L-Awstrija

510

 

 

 

Il-Polonja

75 565

425

 

510

Il-Portugall

935

 

 

 


Top