Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017L2102

    Direttiva (UE) 2017/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li temenda d-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    ĠU L 305, 21.11.2017, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/2102/oj

    21.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/8


    DIRETTIVA (UE) 2017/2102 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Novembru 2017

    li temenda d-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) tinkludi fiha talba lill-Kummissjoni teżamina l-ħtieġa li jiġi emendat il-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva fir-rigward tal-EEE kopert fiha u, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva fir-rigward ta' kwalunkwe esklużjoni addizzjonali fir-rigward ta' dak l-EEE.

    (2)

    L-operazzjonijiet tas-suq sekondarju għall-EEE, li jinvolvu tiswija, bdil ta' spare parts, rinnovazzjoni u użu mill-ġdid, u retrofitting, jenħtieġ li jiġu ffaċilitati biex tiġi promossa ekonomija ċirkolari fl-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, anke permezz tal-irkupru u tar-rimi bla ħsara għall-ambjent ta' skart ta' EEE. Jenħtieġ li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn fuq l-operaturi tas-suq. Id-Direttiva 2011/65/UE tippermetti li EEE li jaqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/95/KE preċedenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), iżda li ma jkunx konformi mad-Direttiva 2011/65/UE, jibqa' jkun disponibbli fis-suq sat-22 ta' Lulju 2019. Madankollu, wara dik id-data, kemm l-ewwel tqegħid fis-suq kif ukoll l-operazzjonijiet tas-suq sekondarju tal-EEE li ma jkunux konformi huma pprojbiti. Din il-projbizzjoni ta' operazzjonijiet tas-suq sekondarju hija inkonsistenti mal-prinċipji ġenerali li fuqhom huma bbażati l-miżuri tal-Unjoni dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet rigward il-prodotti u għalhekk jenħtieġ li titneħħa.

    (3)

    Ċerti gruppi ta' prodotti niċċa jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2011/65/UE minħabba li l-inklużjoni tagħhom iġġib benefiċċji ambjentali jew tas-saħħa negliġibbli u tintroduċi problemi ta' konformità li ma jistgħux jiġu solvuti jew distorsjonijiet fis-suq li ma jistgħux jiġu indirizzati effettivament permezz tal-mekkaniżmu ta' eżenzjoni previst f'dik id-Direttiva.

    (4)

    Il-kanen fl-orgnijiet huma mibnija bl-użu ta' tip speċifiku ta' liga b'bażi taċ-ċomb, li għaliha ma nstabet ebda alternattiva s'issa. Il-biċċa l-kbira tal-orgnijiet bil-kanen jinżammu fl-istess post għal sekli sħaħ u r-rata ta' tibdil tagħhom hija negliġibbli. Għalhekk, l-orgnijiet bil-kanen jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2011/65/UE minħabba li l-inklużjoni tagħhom iġġib benefiċċji negliġibbli f'termini tas-sostituzzjoni taċ-ċomb.

    (5)

    Id-Direttiva 2011/65/UE ma tapplikax għal makkinarju mobbli mhux għal fuq it-triq b'sors ta' enerġija abbord, li jkun magħmul disponibbli biss għall-użu professjonali. Madankollu, għal ċerti tipi ta' makkinarju mobbli mhux għal fuq it-triq, żewġ verżjonijiet jiġu prodotti fl-istess linja ta' produzzjoni, bis-sors tal-enerġija (jew abbord jew estern) bħala l-unika differenza. Dawk il-verżjonijiet jenħtieġ li jkunu ttrattati bl-istess mod skont dik id-Direttiva. Makkinarju mobbli mhux għal fuq it-triq b'mekkaniżmu ta' trazzjoni minn sors tal-enerġija esterna b'hekk jenħtieġ li jiġi eskluż ukoll mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (6)

    Għall-katergoriji tal-EEE kollha rilevanti kif stipulat fl-Anness I għad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni ta' spare parts użati mill-ġdid, irkuprati minn EEE, jenħtieġ li jiġu speċifikati b'mod ċar. Bl-istess mod, billi l-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni fuq l-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi jenħtieġ li jkollhom tul ta' żmien limitat, il-perjodu ta' validità massima għal eżenzjonijiet eżistenti jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll b'mod ċar għall-kategoriji tal-EEE kollha rilevanti, inkluż għall-kategorija 11.

    (7)

    Meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal tiġdid ta' eżenzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni mhux aktar tard minn 6 xhur qabel id-data ta' meta tiskadi l-eżenzjoni eżistenti, sakemm ċirkostanzi speċifiċi ma jiġġustifikawx skadenza differenti. L-ebda skadenza ma hija speċifikata biex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal eżenzjonijiet ġodda. Skont ir-rapport tat-18 ta' April 2016 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2011/65/UE, dik l-iskadenza rriżultat li ma kinitx fattibbli fil-prattika, minħabba l-ħtieġa li jiġu segwiti diversi passi proċedurali obbligatorji għall-evalwazzjoni ta' applikazzjoni għal tiġdid ta' eżenzjoni. Filwaqt li l-iskadenza ma ġġib l-ebda valur addizzjonali għall-proċedura eżistenti għall-evalwazzjoni ta' applikazzjonijiet għal tiġdid, hija tinvolvi inċertezzi għan-negozji u għal partijiet ikkonċernati oħra minħabba l-imprattikabbiltà tagħha. Min-naħa l-oħra, il-kontinwità tan-negozju tiġi żgurata billi l-operaturi tas-suq jistgħu jafdaw fuq il-fatt li eżenzjoni eżistenti tibqa' valida sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid. Għalhekk, id-dispożizzjoni dwar l-iskadenza jenħtieġ li titneħħa. Madankollu, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħti lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew, ftit wara li tirċievi applikazzjoni, kalendarju ta' żmien għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni. Barra minn hekk, ir-rieżami ġenerali tad-Direttiva 2011/65/UE li għandu jsir mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-22 ta' Lulju 2021 jenħtieġ li jinkludi l-ispeċifikazzjoni ta' skadenza realistika għal deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar applikazzjoni għal tiġdid ta' eżenzjoni qabel l-iskadenza tal-eżenzjoni rilevanti.

    (8)

    Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, li huma biex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u għall-irkupru u għar-rimi bla ħsara għall-ambjent tal-iskart ta' EEE permezz tar-restrizzjoni fuq l-użu ta' sustanzi perikolużi f'EEE ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri peress li d-differenzi bejn il-liġijiet jew il-miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni u b'hekk ikollhom impatt dirett fuq is-suq intern, iżda pjuttost jistgħu, minħabba d-daqs tal-problema u l-implikazzjonijiet tagħha fir-rigward ta' leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-irkupru u r-rimi tal-iskart u oqsma ta' interess komuni, bħalma hija l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2011/65/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa mħassar;

    (b)

    fil-paragrafu 4, jiżdied il-punt li ġej:

    “(k)

    orgnijiet bil-kanen.”;

    (2)

    fl-Artikolu 3, il-punt (28) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(28)

    ’makkinarju mobbli mhux għal fuq it-triq li jkun disponibbli esklussivament għall-użu professjonali’ tfisser makkinarju b'sors ta' enerġija abbord jew b'mekkaniżmu ta' trazzjoni minn sors tal-enerġija esterna, li l-operat tiegħu jirrikjedi jew mobilità jew ċaqliq kontinwu jew semikontinwu bejn suċċessjoni ta' postijiet fissi tax-xogħol waqt li jkun qed jaħdem u li jkun magħmul disponibbli esklussivament għall-użu professjonali.”;

    (3)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għal apparat mediku u strumenti ta' monitoraġġ u kontroll li jitqiegħdu fis-suq mit-22 ta' Lulju 2014, għal apparat mediku dijanjostiku in vitro li jitqiegħed fis-suq mit-22 ta' Lulju 2016, għal strumenti industrijali ta' monitoraġġ u kontroll li jitqiegħdu fis-suq mit-22 ta' Lulju 2017, u għall-bqija tal-EEE li kien barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/95/KE u li jitqiegħed fis-suq mit-22 ta' Lulju 2019.”;

    (b)

    fil-paragrafu 4, jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(ea)

    l-EEE l-ieħor kollu li kien barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/95/KE u li jitqiegħed fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2019;”;

    (c)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   Sakemm l-użu mill-ġdid isir f'sistemi ta' rkupru bejn negozji b'ċiklu magħluq u verifikabbli, u l-użu mill-ġdid ta' spare parts jiġi nnotifikat lill-konsumatur, il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal spare parts użati mill-ġdid:

    (a)

    irkuprati minn EEE mqiegħed fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2006 u użati f'EEE mqiegħed fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2016;

    (b)

    irkuprati minn apparat mediku u strumenti ta' monitoraġġ u kontroll imqiegħda fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2014 u użati f'EEE mqiegħed fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2024;

    (c)

    irkuprati minn apparat mediku dijanjostiku in vitro mqiegħed fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2016 u użati f'EEE mqiegħed fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2026;

    (d)

    irkuprati minn strumenti industrijali ta' monitoraġġ u kontroll imqiegħda fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2017 u użati f'EEE mqiegħed fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2027;

    (e)

    irkuprati minn xi EEE ieħor barra l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/95/KE u mqiegħed fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2019 u użati f'EEE mqiegħed fis-suq qabel it-22 ta' Lulju 2029.”;

    (4)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Għall-eżenzjonijiet elenkati fl-Anness III fil-21 ta' Lulju 2011, sakemm ma jiġix speċifikat perjodu iqsar, il-perjodu ta' validità massima, li jista' jiġġedded, għandu jkun:

    (a)

    għall-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 tal-Anness I, 5 snin mill-21 ta' Lulju 2011;

    (b)

    għall-kategoriji 8 u 9 tal-Anness I, 7 snin mid-dati rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 4(3); u

    (c)

    għall-kategorija 11 tal-Anness I, 5 snin mit-22 ta' Lulju 2019.”;

    (b)

    fil-paragrafu 4, jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(ba)

    fi żmien xahar minn mindu tirċievi applikazzjoni, tagħti lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew kalendarju ta' żmien għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni;”;

    (c)

    fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu hija mħassra.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-12 ta' Ġunju 2019. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta' Novembru 2017.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MAASIKAS


    (1)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 110.

    (2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta'Ottubru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2017.

    (3)  Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).

    (4)  Id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi ta' riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19).


    Top