Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0809(22)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tar-Rumanija

    ĠU C 261, 9.8.2017, p. 98–104 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 261/98


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Lulju 2017

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tar-Rumanija

    (2017/C 261/22)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lir-Rumanija bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

    (2)

    Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2017 għar-Rumanija ġie ppublikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress tar-Rumanija hi u tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tar-Rumanija lejn il-miri nazzjonali Ewropa 2020 tagħha.

    (3)

    Fil-5 ta’ Mejju 2017, ir-Rumanija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tagħha. Biex jittieħed kont tal-interkonnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (4)

    Ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fejn ikun meħtieġ appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif hija tuża dik id-dispożizzjoni f’linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

    (5)

    Bejn l-2009 u l-2015, ir-Rumanija gawdiet minn tliet programmi tal-assistenza għall-bilanċ tal-pagamenti mmexxija b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-Fond Monetarju Internazzjonali bl-appoġġ tal-Bank Dinji. L-iżborżi saru biss taħt l-ewwel programm fl-2009-2011, filwaqt li dawk tal-2011-13 u 2013-15 kienu prekawzjonarji. Is-sorveljanza ta’ wara l-programm min-naħa tal-Kummissjoni biex tiġi mmonitorjata l-kapaċità tar-Rumanija li trodd lura s-self mogħti taħt l-ewwel programm inbdiet f’Ottubru 2015 u ser tkompli sa meta mill-inqas 70 % tas-selfa, li hija dovuta fir-rebbiegħa tal-2018, tkun intraddet lura.

    (6)

    Bħalissa r-Rumanija tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2017 il-Gvern jippjana defiċit nominali ta’ 2,9 % tal-PDG kemm fl-2017 u fl-2018, u li wara dan jitnaqqas gradwalment, għal 2,0 % tal-PDG sal-2020. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju, defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG, mhuwiex mistenni li jintlaħaq sal-2020, li huwa l-orizzont tal-programm. Il-bilanċ strutturali rikalkulat (4) huwa mistenni li jilħaq -2,6 % sal-2020. Skont il-Programm ta’ Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mal-PDG huwa mistenni li jiżdied minn 37,6 % tal-PDG fl-2016 għal 38,3 % tal-PDG fl-2018 u mbagħad jinżel għal 37,6 % tal-PDG fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli. L-ikbar riskju ’l isfel għall-prospetti makroekonomiċi jinbet minn impatt iktar baxx tal-miżuri fiskali u strutturali fuq il-prospetti ta’ tkabbir fil-viċin u fit-terminu medju. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ppjanati tad-defiċit ma ġewx speċifikati biżżejjed. Barra minn hekk, l-abbozz ta’ liġi unifikata dwar il-pagi tippreżenta riskju sinifikanti ’l isfel għall-previżjoni fiskali.

    (7)

    Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija li tillimita d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2016 u li tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2017 sakemm l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ma jiġix irrispettat bi sforz inqas. Abbażi tad-data dwar l-eżitu tal-baġit tal-2016 instab li r-Rumanija kienet f’devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Konformi mal-Artikolu 121(4) TFUE u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kummissjoni ħarġet twissija lir-Rumanija fit-22 ta’ Mejju 2017 li fl-2016 ġiet osservata devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Fis-16 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni sussegwenti (5) li tikkonferma l-ħtieġa għar-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq primarju tal-gvern netta (6) ma teċċedix it-3,3 % fl-2017, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5 % tal-PDG. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017, hemm ir-riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament rakkomandat fl-2017.

    (8)

    Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tagħha, ir-Rumanija hija mistennija li tkompli taġġusta lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju tagħha ta’ defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG. Skont il-matriċi ta’ aġġustament maqbula b’mod komuni skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dak l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja tal-gvern netta li ma teċċedix 4,3 %. Ikun jikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Jekk il-politiki ma jinbidlux, fl-2018 hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit. Barra minn hekk, il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni tipprevedi defiċit tal-gvern ta’ 3,5 % u 3,7 % tal-PDG għall-2017 u l-2018, ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Kollox ma’ kollox, il-Kunsill huwa tal-fehma li mill-2017 ser ikunu meħtieġa miżuri sinifikanti ulterjuri biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, fid-dawl ta’ prospettiva fiskali li qed tiddeterjora bis-saħħa, konformi mar-Rakkomandazzjoni indirizzata lir-Rumanija fis-16 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju.

    (9)

    Il-qafas fiskali Rumen huwa sod, iżda mhuwiex infurzat kollu kemm hu. Il-baġit tal-2016 żvija b’mod sostanzjali mill-objettiv fuq terminu medju ta’ defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG, bi ksur tar-regola tad-defiċit fil-qafas fiskali nazzjonali. Il-baġit tal-2017 kompla jiddevja iktar mir-regoli fiskali nazzjonali. Fl-2016, bħal fi snin preċedenti, l-awtoritajiet Rumeni ma bagħtux aġġornament tal-istrateġija fiskali lill-Parlament sal-iskadenza statutorja ta’ Awwissu. B’riżultat, l-istrateġija fiskali fuq terminu medju ma kinitx qiegħda tmexxi l-proċess tal-baġit annwali.

    (10)

    Bis-saħħa ta’ bafers kapitali komdi u profittabbiltà li qed tiżdied, is-saħħa tas-settur bankarju kompliet titjieb fl-2016. L-awtoritajiet Rumeni impenjaw ruħhom li fl-2018 iwettqu analiżi tal-kwalità tal-assi komprensiva u stress test tas-settur bankarju. Il-liġi dwar ir-rilaxx mid-dejn daħlet fis-seħħ f’Mejju 2016, iżda r-riskji għas-settur bankarju ġew mitigati fil-biċċa l-kbira minn deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali li l-qrati ser ikollhom jivvalutaw jekk minn jissellef huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet legali dwar l-avversità. Il-liġi dwar il-konverżjoni tas-self denominata fil-frank Żvizzeru adottata mill-Parlament f’Ottubru 2016 reċentement ġiet meqjusa li mhijiex kostituzzjonali. Madankollu, inizjattivi leġislattivi rikorrenti jkomplu jfixklu l-prevedibbiltà legali, li jista’ jwassal għal impatti negattivi fuq l-atteġġjament tal-investituri.

    (11)

    L-evażjoni tat-taxxa kienet prevalenti fir-Rumanija, u din tnaqqas l-introjtu mit-taxxa u l-ġustizzja fiskali, u tgħawweġ l-ekonomija. Il-progress tar-Rumanija hi u tindirizza rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż biex tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa kien limitat. Fl-2016, il-proċeduri għar-reġistrazzjoni u għar-rimborż tal-VAT kienu emendati, u bħalissa qed jiġu installati cash registers elettroniċi mqabbdin mal-awtorità tat-taxxa fil-pajjiż kollu. Mill-2017, qed tapplika skema speċjali għal setturi bħal dawk tal-lukandi, tar-ristoranti u industriji oħrajn relatati, fejn id-dovut jiġi stabbilit irrispettivament mill-faxxa tal-introjtu. Barra minn hekk, ġew adottati wkoll restrizzjonijiet dwar l-impjieg indipendenti u n-negozji tal-familja, biex jiġi skoraġġit l-evitar tat-taxxa. Fl-2016, ġie osservat titjib fil-konformità għad-dikjarazzjonijiet u l-pagamenti tat-taxxa, iżda l-ispezzjonijiet u l-awditi konġunti tat-taxxa u x-xogħol naqsu milli jiksbu riżultati mtejbin. Barra minn hekk, il-limitu tat-turnover għar-reġim fiskali fuq il-mikrointrapriżi tnaqqas sostanzjalment filwaqt li r-rata tnaqqset, u b’hekk ġiet iffaċilitata l-konformità mar-regoli tat-taxxa għad-detriment tad-dħul tal-baġit. L-approċċi settorjali u kategoriċi għat-tassazzjoni tan-negozji għandhom ir-riskju li jimponu piż amministrattiv kemm fuq in-negozji kif ukoll fuq l-awtorità tat-taxxa u ma jwasslux biex il-ġbir tat-taxxi jittejjeb.

    (12)

    Id-distribuzzjoni tal-introjtu nett (b’kont meħud tad-daqs tal-unità domestika) hija partikolarment inugwali fir-Rumanija, u dan ixekkel il-potenzjal tagħha għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv. L-20 % l-iktar sinjuri tal-popolazzjoni għandhom dħul li huwa aktar minn tmien darbiet ogħla minn dak tal-20 % l-iktar fqar. Dan il-proporzjon huwa ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni. L-inugwaljanzi huma mmotivati fil-biċċa l-kbira tagħhom minn aċċess inugwali għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi, u s-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, id-differenza bejn l-inugwaljanza tad-dħul qabel u wara t-taxxi u t-trasferimenti soċjali hija fost l-iżgħar fl-Unjoni. L-indiċi ta’ referenza soċjali fil-bażi tal-benefiċċji soċjali ewlenin ilu ma jiġi aġġornat mindu ġie introdott fl-2008. Xogħol mhux iddikjarat, inkluż pagi li jingħataw fl-idejn, għadu prevalenti, u dan għadu ta’ piż fuq l-introjtu mit-taxxi, jgħawweġ l-ekonomija, u jimmina l-ġustizzja u l-effettività tas-sistema ta’ taxxa u benefiċċji. Saru spezzjonijiet nazzjonali konġunti mill-Amministrazzjoni Fiskali u l-ispettorati tax-xogħol bħala parti minn proġett pilota, iżda dawn għad ma kellhomx impatt sistemiku sa issa. Ir-riżorsi mhumiex iffukati fuq is-setturi bl-ogħla riskji ta’ evażjoni tat-taxxa, l-enfasi fuq il-ħlas fuq l-idejn hija limitata, u hemm prevalenza ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni fuq dawk preventivi.

    (13)

    L-eżiti tas-suq tax-xogħol tjiebu fl-2016, sena li fih ir-rata tal-qgħad niżlet għall-iktar livell baxx li kellha qabel il-kriżi. Il-forza tax-xogħol qed tkompli tiċkien, minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ u fadal ħafna emigrazzjoni. Ir-rata baxxa ta’ qgħad hija mtewma ma’ waħda mill-ogħla rati ta’ inattività fl-Unjoni. Ir-rati ta’ impjieg u attività għaż-żgħażagħ, in-nisa, il-persuni b’livell ta’ ħiliet baxx, nies b’diżabbiltà u r-Rom b’mod partikolari huma ferm taħt il-medja tal-Unjoni. L-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ għadu għoli ħafna.

    (14)

    Minkejja li qed jonqos, ir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali kien għoli ħafna, b’mod partikolari għal familji bit-tfal, persuni b’diżabbiltà, ir-Rom, u l-popolazzjoni rurali. Fl-2016, pakkett komprensiv kontra l-faqar ġie adottat f’bidla tal-politika lejn il-provvista ta’ servizzi mtejba indirizzata lejn gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni. Dan jipprevedi proġett pilota li jwaqqaf servizzi integrati f’komunitajiet emarġinati. L-adozzjoni mill-pajjiż kollu ttejjeb b’mod sinifikanti l-provvista ta’ servizzi integrati li bħalissa hija baxxa. Ġiet adottata l-liġi dwar id-dħul tal-inklużjoni minimu, li tindirizza rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż suċċessivi, u li għandha tidħol fis-seħħ fl-2018. Id-dħul tal-inklużjoni minimu jżid l-adegwatezza u l-kopertura tal-assistenza soċjali. Dan jikkombina l-appoġġ passiv ma’ miżuri u spezzjonijiet attivi fis-suq tax-xogħol obbligatorji. Madankollu, il-potenzjal ta’ attivazzjoni tiegħu huwa modest, minħabba li l-mira hija li jintlaħqu 25 % tal-benefiċjarji permezz ta’ miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sal-2021.

    (15)

    Il-politiki ta’ attivazzjoni ssaħħew fil-kuntest tar-riforma tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Impjiegi. Ir-riformi jinkludu iktar appoġġ imfassal apposta u servizzi integrati għal dawk li qed ifittxu x-xogħol u dawk li jħaddmu. Ix-xogħol biex jintlaħqu ż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, kif ukoll is-servizz li jingħatalhom, qed jiġu mtejbin. Madankollu, il-politiki ta’ attivazzjoni offruti lill-gruppi l-aktar il-bogħod mis-suq tax-xogħol għadhom limitati, u miżuri ta’ attivazzjoni proposti riċentement ma għadhomx jiffukaw fuq dawn il-gruppi speċifiċi. L-iskala u r-rabta tagħhom mas-servizzi soċjali mhumiex biżżejjed biex itejbu l-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol għal dawn il-gruppi partikolari.

    (16)

    L-adegwatezza tal-pensjonijiet u l-faqar f’età anzjana għandhom dimensjoni tal-ġeneri sinifikanti, minħabba li, b’kull ħaġa oħra tkun indaqs, l-etajiet tal-irtirar iżgħar għan-nisa jirriżultaw f’intitolamenti tal-pensjoni iktar baxxi. Ir-Rumanija hija fost il-ftit Stati Membri li ma jipprevedux il-konverġenza tal-etajiet tal-irtirar tan-nisa mal-irġiel. Il-liġi dwar l-ugwalizzazzjoni tal-etajiet tal-pensjoni għan-nisa u l-irġiel ġiet ippreżentata lill-Parlament fl-2013. Sa issa ġiet adottata biss mis-Senat.

    (17)

    Minħabba l-iżviluppi fil-produttività, il-konverġenza tad-dħul u l-pożizzjoni ta’ kompetittività tar-Rumanija, iż-żidiet fil-pagi fis-settur pubbliku u s-settur privat jistħoqqilhom attenzjoni speċjali. Iż-żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku għandhom il-potenzjal li jaffettwaw lis-settur privat, u b’hekk iħallu impatt fuq il-kompetittività tar-Rumanija. Il-livell tal-paga minima tar-Rumanija, għalkemm huwa fost l-inqas fl-Unjoni, żdied b’mod sinifikanti fl-aħħar snin. Żidiet ad hoc fil-paga minima tellgħu s-sehem ta’ ħaddiema li jaqilgħu l-paga minima b’mod sinifikanti u wasslu għal kompressjoni qawwija fil-qiegħ tad-distribuzzjoni tal-pagi dan l-aħħar. Kmieni fl-2016, biex tiġi indirizzata rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż, twaqqaf grupp ta’ ħidma tripartitiku biex jistabbilixxi mekkaniżmu għall-iffissar tal-paga minima bbażata fuq kriterji ekonomiċi, tas-suq tax-xogħol u soċjali oġġettivi, iżda xogħlu kellu dewmien sinifikanti u hemm bżonn li jerġa’ jaqbad. Id-djalogu soċjali għadu kkaratterizzat minn negozjar kollettiv baxx fil-livell settorjali u minn dgħufijiet istituzzjonali li jillimitaw l-effettività tar-riforma.

    (18)

    Biex in-nies isibu u jżommu impjiegi tajbin u stabbli u jieħdu sehem fil-ħajja ekonomika u soċjali b’suċċess, jinħtieġu ħiliet bażiċi suffiċjenti. Stħarriġiet internazzjonali jindikaw nuqqasijiet gravi fil-ħiliet bażiċi fost l-adolexxenti Rumeni. Ir-rati ta’ tluq bikri mill-iskola għoljin, livell baxx ta’ min jispiċċa l-edukazzjoni għolja, u livell għoli ta’ emigrazzjoni jfissru li m’hemmx biżżejjed ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati biex ilaħħqu mad-domanda. L-aċċess għall-edukazzjoni prinċipali ta’ kwalità huwa limitat fiż-żoni rurali, u b’mod partikolari għat-tfal Rom. Id-diffikultà biex jiġu attirati għalliema tajbin lejn żoni rurali u skejjel bi predominanza ta’ Rom, flimkien mas-segregazzjoni u attitudnijiet li spiss ikunu diskriminatorji, iwasslu biex it-tfal Rom ikollhom riżultati edukattivi iktar baxxi. B’risposta għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ripetuti, ir-Rumanija adottat u bdiet timplimenta strateġija dwar it-tluq bikri mill-iskola. Fost il-miżuri reċenti nsibu interventi integrati, programm pilota ta’ ikliet sħan, rimborż imtejjeb tal-ispejjeż tal-vjaġġ lejn l-iskola, u kupuni soċjali biex jinkoraġġixxu l-edukazzjoni preprimarja tat-tfal fqar. Għall-ħarifa tal-2017 hemm ippjanati miżuri bbażati fuq proġetti b’finanzjament mill-Unjoni biex itejbu l-kwalità tat-tagħlim fi skejjel żvantaġġati, u bħalissa għaddejja l-modernizzazzjoni tal-kurrikuli, minkejja li hija inkompleta. Il-leġislazzjoni kontra s-segregazzjoni ttejbet, inkluż it-tisħiħ tal-mandat tal-ispettorati tal-iskejjel f’dan il-qasam. Madankollu, għad m’hemmx metodoloġija ta’ monitoraġġ. Jinħtieġ li jittieħdu iktar passi biex ikun hemm progress sostnut fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fl-edukazzjoni. L-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ laħqet lill-istudent li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien b’mod parzjali biss sa issa, u ma hemmx programmi tat-tieni ċans disponibbli faċilment. Is-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali mhijiex allinjata biżżejjed mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u l-parteċipazzjoni fit-tagħlim tal-adulti hija baxxa ħafna.

    (19)

    Il-popolazzjoni tar-Rumanija hija esposta għal riżultati ħżiena fil-qasam tas-saħħa. Il-kura tas-saħħa ta’ kwalità aċċessibbli hija mxekkla minn nuqqas ta’ professjonisti fil-kura medika, finanzjament insuffiċjenti, dipendenza żejda fuq l-isptarijiet, u l-korruzzjoni, li jaffettwaw partikolarment lil dawk li għandhom dħul baxx u li jgħixu fiż-żoni rurali. Barra mill-ħlas informali lill-professjonisti mediċi, il-korruzzjoni tirrigwarda wkoll l-akkwist pubbliku fl-isptarijiet, il-frodi tal-assigurazzjoni, u t-tixħim għal ċertifikati li jintitolaw lin-nies għall-benefiċċji. Hi u tindirizza rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż u fil-kuntest tal-kundizzjonalità ex-ante għall-perjodu ta’ finanzjament mill-Unjoni 2014-2020, ir-Rumanija ħadet xi azzjoni politika biex issir transizzjoni mill-kura fl-isptarijiet għall-kura għal pazjenti ta’ barra. Il-pjanijiet tal-kura tas-saħħa reġjonali ġew żviluppati biex jidentifikaw il-ħtiġijiet għall-infrastruttura u s-servizzi, u l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali tas-saħħa qed tiġi mmonitorjata. Konformi mal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni tal-2016-2020, ġiet adottata leġislazzjoni li ġġedded is-sistema ta’ rispons dwar ħlasijiet informali, u s-salarji tal-professjonisti fil-kura medika ttejbu. L-istrateġija ta’ kontra l-korruzzjoni tinkludi miżuri komprensivi fil-qasam tal-kura tas-saħħa, inkluż it-trawwim tal-obbligu ta’ rendikont u r-reklutaġġ trasparenti tal-maniġers tal-isptarijiet. Madankollu, it-tisħiħ tal-kura fil-komunità, il-kura ambulatorja u s-sistemi ta’ riferiment għadu fi stadju inizjali, il-ħlas informali għadu prevalenti, it-trasparenza fil-ġestjoni tal-isptarijiet għad trid tiġi żgurata, u l-istrateġija nazzjonali dwar il-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kura tas-saħħa għadha ma ġietx adottata.

    (20)

    Il-kapaċità amministrattiva u ta’ tfassil ta’ politika tar-Rumanija qed issofri minn proċessi u teħid ta’ deċiżjonijiet opaki, proċeduri amministrattivi tqal, disponibbiltà baxxa ta’ evidenza ta’ kwalità, koordinazzjoni dgħajfa tul il-politiki settorjali, u korruzzjoni mifruxa. Il-progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kien limitat. L-istrutturi organizzazzjonali għadhom instabbli, u din l-instabbiltà taffettwa l-indipendenza u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika. Fl-2016 ġew varati strateġiji tas-servizz ċivili, iżda l-qafas leġislattiv għadu ma jinkorporax xi wħud mill-objettivi ewlenin tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi għar-reklutaġġ tal-persunal, il-valutazzjoni u l-ippremjar tal-prestazzjoni. Huwa propost li l-livelli tal-pagi jiġu armonizzati sa xi punt, iżda ma hemmx rabta ċara bejn il-prestazzjoni u r-remunerazzjoni fil-livelli ċentrali u lokali. Il-kapaċità u l-awtorità tal-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizz Ċivili għad iridu jissaħħu. Xi wħud mill-miżuri ta’ trasparenza fit-tfassil ta’ politika, li nbdew fl-2016, qegħdin fit-triq li jitreġġgħu lura. L-ippjanar strateġiku u l-valutazzjoni tal-impatt regolatorju mhumiex stabbiliti sew fil-prattika amministrattiva.

    (21)

    L-infrastruttura tat-trasport, fejn hemm insuffiċjenza ta’ kwalità u kwantità, hija waħda mill-ikbar ostakli għall-iżvilupp ekonomiku fir-Rumanija. Biex tikkonfronta n-nuqqasijiet assoċjati, b’risposta għal rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż, ir-Rumanija adottat il-pjan direttur dwar it-trasport fil-ħarifa tal-2016. Biex jitħaffef l-investiment fl-infrastruttura tat-toroq, il-ġestjoni tal-investimenti fl-infrastruttura ġiet separata mill-awtorità inkarigata mill-amministrazzjoni tal-infrastruttura. Fl-2016 ġie stabbilit korp biex jagħmel riforma tas-sistema ferrovjarja, li għandu jkun operattiv sa nofs l-2017.

    (22)

    Ir-Rumanija kellha wieħed mill-ogħla proporzjonijiet ta’ investiment fl-Unjoni fl-aħħar żmien. Madankollu fl-2016 l-investiment pubbliku beda jonqos, parzjalment dovut għal implimentazzjoni baxxa tal-fondi tal-Unjoni. L-assorbiment għoli u l-użu effiċjenti tal-fondi tal-Unjoni huma kritiċi biex ir-Rumanija tkun tista’ tisfrutta l-potenzjal ta’ żvilupp tagħha f’setturi ewlenin bħat-trasport jew l-iskart b’mod partikolari. Il-kwalità tal-investiment pubbliku ġiet affettwata minn, fost raġunijiet oħrajn, nuqqasijiet fil-ġestjoni u bdil fil-prijoritajiet. B’risposta għal rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż, ftit sar progress fit-tisħiħ tal-prijoritizzazzjoni tal-proġetti u l-preparazzjoni fl-investiment pubbliku. Minn Awwissu 2016 ’l hawn, il-ministeri ġew meħtieġa jikkunsidraw il-prijoritajiet tal-investiment fil-pjanijiet tal-infiq tagħhom, iżda ma ttieħdu l-ebda passi oħrajn biex isaħħu r-rwol tal-Ministeru għall-Finanzi fil-prijoritizzazzjoni tal-investimenti u biex it-tħejjija tal-proġetti ta’ investiment pubbliku tiġi kkoordinata aħjar bejn il-ministeri. L-adozzjoni tal-pjan nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart u l-prevenzjoni tal-iskart, li kienet mistennija sa tmiem l-2016, għadha pendenti. Il-pjanijiet huma meħtieġa wkoll biex itejbu l-governanza u l-infurzar regolatorju biex il-fondi nazzjonali u tal-Unjoni jiġu indirizzati biex jinkisbu standards ambjentali fil-livell tal-Unjoni.

    (23)

    L-akkwist pubbliku effiċjenti huwa essenzjali biex jinkisbu objettivi strateġiċi u jiġu indirizzati sfidi ta’ politika ewlenin għar-Rumanija, inkluż l-infiq pubbliku effiċjenti, il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u t-trawwim tal-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Huwa strumentali wkoll għall-fiduċja taċ-ċittadini fl-awtoritajiet pubbliċi u d-demokrazija. Dan l-aħħar, ir-Rumanija ħadet passi biex timplimenta l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-akkwist pubbliku. Bħala segwitu tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku li ilha fis-seħħ minn Mejju 2016, f’Ġunju 2016 ġiet adottata leġislazzjoni ta’ implimentazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u l-akkwist fis-settur tal-utilitajiet, il-leġislazzjoni sekondarja dwar kuntratti ta konċessjoni ġiet adottata sa tmiem l-2016, u l-aġenda nazzjonali għall-akkwist pubbliku tipprevedi l-prevenzjoni u l-kontroll tal-korruzzjoni. Madankollu, bosta miżuri ewlenin fl-istrateġija għadhom pendenti, bħall-kontrolli rinforzati u miżuri oħrajn kontra l-korruzzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa tal-akkwist elettroniku, u t-taħriġ tal-uffiċjali tal-akkwist pubbliku.

    (24)

    ‘Il fuq minn 45 % tal-popolazzjoni Rumena tgħix f’żoni rurali, li għadhom lura ferm miż-żoni urbani f’dak li jirrigwarda l-impjiegi u l-edukazzjoni, l-aċċess għas-servizzi u l-infrastruttura, u l-benesseri materjali. B’risposta għal rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż biex jittejjeb l-aċċess għas-servizzi pubbliċi integrati, tiġi estiża l-infrastruttura bażika u titrawwem id-diversifikazzjoni f’żoni rurali b’mod partikolari, fl-2016 ir-Rumanija adottat sett komprensiv ta’ miżuri dwar l-iżvilupp rurali, l-immodernizzar tal-irziezet żgħar, l-appoġġ ta’ SMEs li mhumiex agrikoli, l-investiment fl-infrastruttura, inklużi s-servizzi soċjali u l-edukazzjoni, u l-formalizzazzjoni tal-impjieg. Is-suċċess tagħhom fuq terminu itwal jiddependi fuq il-kapaċità li dawn l-azzjonijiet piloti jinfirxu fuq skala ikbar, u fuq l-immirar u l-assorbiment effettiv tal-finanzjament mill-Unjoni disponibbli.

    (25)

    L-intrapriżi tal-istat għandhom rwol ewlieni fl-ekonomija, b’mod partikolari f’setturi ewlenin tal-infrastruttura. Id-dgħufijiet fil-governanza tal-intrapriżi tal-istat jissarrfu fi profittabbiltà baxxa meta mqabblin mal-pari tagħhom fil-privat, b’impatt negattiv fuq il-finanzi pubbliċi. Hi u tindirizza rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż, ir-Rumanija għamlet progress sostanzjali biex ittejjeb il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-istat. Id-digrieti li jappoġġjaw il-leġislazzjoni ewlenija dwar il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-istat ġew adottati minnufih fil-ħarifa tal-2016. Il-qafas leġislattiv isegwi l-prattika tajba internazzjonali dwar it-trasparenza fil-ħatra tal-membri tal-bordijiet u l-maniġment tal-intrapriżi tal-istat, u jagħti setgħat speċifiċi ta’ monitoraġġ u infurzar lill-Ministru għall-Finanzi. Saru wkoll miżuri biex titqajjem kuxjenza tar-regoli l-ġodda fost l-awtoritajiet lokali, u informazzjoni baġitarja dwar l-intrapriżi tal-istat saret disponibbli għall-pubbliku. Madankollu, dewmien fil-ħatra ta’ maniġers professjonali jqajjem tħassib fir-rigward tal-implimentazzjoni ulterjuri.

    (26)

    Il-kompetittività tar-Rumanija qiegħda tbati minn dgħufijiet f’kompetittività mhux marbuta mal-kostijiet u l-ostakli strutturali għat-transizzjoni lejn ekonomija b’valur miżjud ogħla; f’dawn tal-aħħar insibu l-proċeduri amministrattivi kumplessi. Hi u tindirizza rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż fl-2016, ir-Rumanija adottat bosta atti leġislattivi biex tissimplifika l-proċeduri amministrattivi u tiffaċilita r-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni pubblika, għalkemm dawn huma limitati għal għadd żgħir ta’ proċeduri.

    (27)

    Il-korruzzjoni għadha tippersisti fil-livelli kollha u għadha ostaklu għan-negozju. Ir-Rumanija għamlet progress sostanzjali dwar ħafna mir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u biex tindirizza l-korruzzjoni fil-livelli għolja. Madankollu, fadal passi deċiżivi x’jittieħdu biex jiġi indirizzat it-tħassib f’dawn l-oqsma, sabiex ir-riformi jkunu sostenibbli u ma jkunux jistgħu jitreġġgħu lura. Sar xi progress biex jiġu żviluppati miżuri ulterjuri biex tiġi prevenuta u miġġielda l-korruzzjoni, partikolarment fil-gvernijiet lokali, iżda fadal sfidi sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni li ġiet adottata fl-2016. Huma meħtieġa sforzi fir-rigward tar-rispett tal-indipendenza ġudizzjarja fil-ħajja pubblika Rumena, l-iffinalizzar tar-riforma tal-kodiċijiet kriminali u ċivili u l-iżgurar tal-effiċjenza tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati. Taħt il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika, ir-Rumanija tirċievi rakkomandazzjonijiet fl-oqsma tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dawn l-oqsma, għaldaqstant, mhumiex koperti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għar-Rumanija.

    (28)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Rumanija u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Rumanija fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Rumanija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (29)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

    1.

    Fl-2017, tiżgura konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Fl-2018, tagħmel sforz fiskali sostanzjali b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-qafas fiskali. Issaħħaħ il-konformità mar-regoli tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa. Tiġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat, inkluż billi tiżgura l-użu sistematiku ta’ kontrolli integrati.

    2.

    Issaħħaħ politiki ta’ attivazzjoni mmirati u servizzi pubbliċi integrati, b’enfasi fuq dawk li huma l-iktar bogħod mis-suq tax-xogħol. Tadotta leġislazzjoni li tugwalizza l-età tal-pensjoni għan-nisa u l-irġiel. Tistabbilixxi mekkaniżmu trasparenti għall-iffissar tal-paga minima, b’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. L-aċċess imtejjeb għall-edukazzjoni prinċipali ta’ kwalità, b’mod partikolari għar-Rom u t-tfal f’żoni rurali. Fil-kura tas-saħħa, tagħmel transizzjoni għall-kura għal pazjenti ta’ barra u tnaqqas il-ħlas informali.

    3.

    Tadotta leġislazzjoni biex tiżgura ċivil professjonali u indipendenti li japplika kriterji oġġettivi. Issaħħaħ il-prijoritizzazzjoni tal-proġetti u t-tħejjija tal-investiment pubbliku. Tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa, sostenibbli u fil-ħin tal-istrateġija nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TÕNISTE


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (3)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (4)  Il-bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u temporanji, rikalkulat mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

    (5)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 216, 6.7.2017, p. 1).

    (6)  In-nefqa netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjat nazzjonalment huwa raddrizzat fuq perjodu ta’ 4 snin. Il-miżuri diskrezzjonali b’rabta mad-dħul jew iż-żidiet diskrezzjonali b’rabta mad-dħul preskritti bil-liġi huma inklużi. Il-miżuri ta’ darba kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll min-naħa tal-infiq huma esklużi.

    (7)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top