This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017H0809(20)
Council Recommendation of 11 July 2017 on the 2017 National Reform Programme of Poland and delivering a Council opinion on the 2017 Convergence Programme of Poland
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja għall-2017 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Polonja għall-2017
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja għall-2017 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Polonja għall-2017
ĠU C 261, 9.8.2017, p. 88–91
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 261/88 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-11 ta’ Lulju 2017
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja għall-2017 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Polonja għall-2017
(2017/C 261/20)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1) |
Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kienu approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u fl-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih il-Polonja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. |
(2) |
Ir-rapport tal-pajjiżi tal-2017 dwar il-Polonja ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Fih ġie vvalutat il-progress li għamlet il-Polonja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu li kien hemm għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Polonja lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020. |
(3) |
Fit-28 ta’ April 2017, il-Polonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2017 u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2017. Biex jittieħed kont tal-interkonnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. |
(4) |
Fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014-2020, ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet rilevanti, speċifiċi għall-pajjiżi. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fejn ikun meħtieġ appoġġ għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija. |
(5) |
Bħalissa l-Polonja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu għall-2017, il-Gvern qiegħed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ nominali, minn defiċit ta’ 2,4 % tal-PDG fl-2016 għal 1,2 % tal-PDG fl-2020. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju, defiċit ta’ 1 % tal-PDG f’termini strutturali, mhux mistenni li jintlaħaq sal-2020, jiġifieri l-programm orizzont. Skont il-Programm ta’ Konverġenza għall-2017, il-proporzjon tad-dejn ġenerali tal-gvern għall-PDG mistenni li jiżdied minn 54,4 % tal-PDG fl-2016 għal 55,3 % tal-PDG fl-2017, u mistenni jinżel għal 52,1 % sal-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawk il-previżjonijiet baġitarji huwa favorevoli. |
(6) |
Fit-12 ta’ Lulju 2016, għall-2017, il-Kunsill irrakkomanda li l-Polonja tilħaq aġġustament fiskali annwali ta’ 0,5 % tal-PDG, biex tilħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017, hemm ir-riskju ta’ xi devjazzjoni minn dak l-aġġustament rakkomandat fl-2017. |
(7) |
Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tagħha, il-Polonja hija mistennija li tkompli taġġusta biex tasal għall-objettiv baġitarju tagħha, fuq terminu medju, ta’ defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG. Skont il-matriċi ta’ aġġustament maqbula komunement fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dan l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ rata ta’ tkabbir nominali fl-infiq primarju nett tal-gvern (4) li ma taqbiżx it-3,7 % fl-2018. Din tkun tikkorrispondi ma’ aġġustament strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Jekk il-politiki ma jinbidlux, hemm ir-riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dan ir-rekwiżit fl-2018. Kollox ma’ kollox, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Polonja trid tkun lesta biex tieħu aktar miżuri fl-2017, u ser ikunu meħtieġa aktar miżuri fl-2018 sabiex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-pjanijiet baġitarji u tal-eżiti tqis il-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew tal-2017 li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-eżiti tal-baġit tal-2018 trid tieħu inkonsiderazzjoni l-għan biex tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li għadu għaddej u kemm biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Polonja. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha twettaq evalwazzjoni globali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, b’mod partikolari fid-dawl tal-qagħda ċiklika tal-Polonja. |
(8) |
Ir-rapport tal-pajjiżi tal-2017 juri li sar xi progress fit-titjib tal-ġbir tat-taxxa, peress li l-Polonja għamlet għadd ta’ riformi li kellhom fil-mira l-issikkar tas-sistema tat-taxxa. Jenħtieġ li l-impatt sħiħ tagħhom fuq il-ġbir tat-taxxa u l-kostijiet tal-konformità mat-taxxa jinżammu taħt monitoraġġ mill-qrib. B’kuntrast ma’ dan, il-Polonja ma għamlet l-ebda progress biex tillimita l-użu estensiv tar-rati mnaqqsa tal-VAT, li għandhom impatt negattiv fuq id-dħul tal-VAT u mhumiex strument effikaċi tal-politika soċjali. |
(9) |
Il-Polonja qed issirilha pressjoni fuq l-infiq f’diversi oqsma, b’mod partikolari f’dawk relatat mat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Minħabba f’hekk, huwa meħtieġ li jitwaqqfu mekkaniżmi biex jivvalutaw l-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq pubbliku li jippermettu l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi. F’dan ir-rigward, il-Gvern ħabbar pjanijiet biex isaħħaħ il-proċess tal-baġit, b’mod partikolari rigward il-qafas baġitarju fuq terminu ta’ żmien medju u li jinkorpora r-rieżami tal-infiq fil-proċess baġitarju. Il-Polonja hija l-uniku Stat Membru mingħajr kunsill fiskali indipendenti żviluppat u mingħajr pjanijiet li toħloq wieħed, anki jekk għandha istituzzjonijiet fiskali indipendenti li jkopru xi wħud mill-funzjonijiet tagħha. |
(10) |
It-tnaqqis fil-Polonja tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol huwa mistenni li jillimita l-potenzjal tat-tkabbir fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol Pollakk kienet b’saħħitha f’dawn l-aħħar snin. Ir-rati tal-impjiegi komplew jiżdiedu, iżda diversi miżuri reċenti ta’ politika jistgħu jnaqqsu l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, b’mod partikolari dik tan-nisa, tal-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien. It-tnaqqis fl-età statutorja tal-irtirar lejn tmiem l-2017 huwa mistenni li jinkoraġġixxi xi ħaddiema li huma mdaħħlin fiż-żmien biex joħorġu mid-dinja tax-xogħol. Is-sistema ta’ protezzjoni soċjali Pollakka tipprovdi biss inċentivi limitati biex persuna tibda taħdem. Il-benefiċċju l-ġdid tat-tfal huwa mistenni li jnaqqas il-faqar u l-inugwaljanza, iżda jista’ jkollu wkoll effett negattiv fuq il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, li l-biċċa l-kbira minnhom huma nisa. L-ammont tal-benefiċċji tat-tfal u t-test tal-mezzi limitat jinnewtralizzaw l-inċentivi tax-xogħol inkorporati f’benefiċċji soċjali oħra. L-obbligu li tfal ta’ ħames snin jattendu l-iskola preprimarja tneħħa f’Settembru 2016 u r-reġistrazzjoni formali f’servizz għall-indukrar tat-tfal għal tfal taħt l-età ta’ tliet snin għadha fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. Minkejja l-miżuri li ttieħdu, is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol għadha għolja, b’effetti negattivi fuq il-produttività u l-akkumulazzjoni tal-kapital uman. Għad hemm ostakli għall-użu aktar wiesa’ tal-kuntratti permanenti. Il-kumitati għall-kodifikazzjoni qed iħejji l-abbozz tal-Kodiċi tax-Xogħol individwali u kollettiv il-ġdid. Din hija opportunità biex jiġu indirizzati dawn l-ostakli. |
(11) |
L-età medja effettiva tal-irtirar żdiedet f’dawn l-aħħar snin, iżda għadha baxxa wisq. Età tal-irtirar effettiva ogħla hija kruċjali għat-tkabbir ekonomiku, biex fil-futur il-pensjonijiet jkunu adegwati kif ukoll biex is-sistema tal-pensjonijiet tkun fiskalment sostenibbli. Madankollu, id-deċiżjoni reċenti biex l-età statutorja tal-irtirar titbaxxa għal 60 sena għan-nisa u għal 65 sena għall-irġiel tmur fid-direzzjoni opposta u tista’ taffettwa negattivament l-età effettiva tal-irtirar. Is-sistema tal-assigurazzjoni soċjali speċjali għall-bdiewa (KRUS), li tiswa ħafna, hija raġuni oħra għall-mobilità baxxa fis-suq tax-xogħol u għall-qgħad mistur fil-qasam agrikolu. |
(12) |
Is-sistema edukattiva tjiebet b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar żewġ deċennji, bil-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ ta’ 15-il sena sew ’il fuq mill-medja tal-Unjoni, u b’waħda mill-inqas rati fl-Unjoni tat-tluq bikri mill-iskola. Madankollu, għad hemm lok biex jitjieb il-mod li bih l-istudenti jingħataw il-ħiliet li jkunu adegwati għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr. Il-bidliet li jmiss fl-edukazzjoni primarja u sekondarja jagħtu lok għal sfidi organizzazzjonali kbar, u jqassru l-perijodu tat-tagħlim ġenerali, li jista’ jkollu effett negattiv fuq l-ugwaljanza fl-edukazzjoni. Bidliet addizzjonali biex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jiġu adattati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ġew ukoll imħabbra, iżda l-potenzjal tagħhom biex jindirizzaw in-nuqqasijiet attwali għad irid jidher. Il-Gvern nieda konsultazzjonijiet dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja biex itejjeb il-prestazzjoni tas-settur u r-rilevanza tiegħu għas-suq tax-xogħol. Fil-Polonja hemm nuqqas ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti u l-livell medju tal-ħiliet bażiċi tal-adulti mdaħħlin fiż-żmien huwa baxx, u dan ifixkel l-impjegabbiltà tagħhom. |
(13) |
Id-dgħufijiet fil-ġestjoni tat-territorju jżidu l-piż amministrattiv relatat mal-ħtieġa tal-permessi għall-bini. Il-pjanijiet dwar l-użu tal-art ikopri parti limitata mit-territorju tal-Polonja, u ta’ spiss huma ta’ kwalità baxxa. F’żoni mingħajrhom, il-permessi tal-bini jingħataw abbażi ta’ deċiżjonijiet amministrattivi ta’ darba relatati mal-iżvilupp tal-art, u dawn joħolqu riskju u inċertezza għall-investituri. L-abbozz tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni għandu l-għan li jikkonsolida l-proċessi tal-ġestjoni tat-territorju u li jnaqqas il-piż amministrattiv għall-investituri. Ir-riforma toffri l-opportunità biex is-sitwazzjoni titjieb, skont il-verżjoni finali tal-liġi u l-implimentazzjoni tagħha. |
(14) |
L-ambjent tan-negozju huwa ġeneralment pożittiv. Madankollu, fl-2016, l-attività tal-investiment naqset b’mod sinifikanti minħabba anqas użu tal-fondi strutturali tal-Unjoni, minħabba, fost l-oħrajn, t-transizzjoni li kien hemm bejn il-perijodi ta’ programmar, u ż-żieda fl-inċertezza fost l-investituri privati. Barra minn hekk, il-fiduċja tan-negozji ntlaqtet minn żieda fl-għadd ta’ tibdiliet regolatorji u konsultazzjonijiet pubbliċi limitati dwar għadd ta’ liġijiet importanti. Iċ-ċertezza legali u l-fiduċja fil-kwalità u l-prevedibbiltà tal-politiki regolatorji, tat-taxxa u politiki oħra u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet huma fatturi importanti li jistgħu jippermettu żieda fir-rata tal-investiment. L-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenti huma wkoll essenzjali f’dan il-kuntest. L-indirizzar ta’ tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt ser jgħin biex itejjeb iċ-ċertezza legali.Peress li l-Gvern għandu l-għan li jżid ir-rwol tiegħu fl-ekonomija, huwa importanti li tkun żgurata l-vijabbiltà ekonomika ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment. F’diversi oqsma għad hemm piż regolatorju sinifikanti. |
(15) |
In-netwerk tat-toroq żviluppa b’rata mgħaġġla bis-saħħa tal-finanzjament tal-Unjoni, iżda r-rata ta’ mwiet fit-toroq għadha fost l-ogħla fl-Unjoni, u dan jirriżulta fi spejjeż soċjali għoljin. Minkejja d-disponibbiltà ta’ fondi sinifikanti mill-Unjoni, is-settur ferrovjarju għadu qed jiffaċċa ostakli kbar fl-implimentazzjoni tal-proġetti. Għad hemm ukoll l-isfida biex ir-riżorsi ferrovjarji jkollhom ħajja twila, ġaladarba m’hemmx programm multiannwali għall-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja. |
(16) |
Madwar 60 % tal-kapaċità tal-Polonja tal-fjuwils fossili installata hija eqdem minn 30 sena. Din għaldaqstant tkun teħtieġ investiment sinifikanti fis-snin li ġejjin. Fl-2016, il-livell ta’ interkonnessjoni tal-elettriku kien fost l-aktar baxxi tal-UE. Flimkien ma’ ammont sinifikanti ta’ kapaċitajiet li jridu jiġu dekummissjonati u maż-żieda fid-domanda għall-elettriku, dan jikkontribwixxi għal prospettivi foqra biex tiġi żgurata l-ġenerazzjoni adegwata tal-enerġija. Il-kisba tal-mira nazzjonali vinkolanti għall-2020 rigward l-enerġija rinnovabbli hija f’riskju. Wara t-tnedija ta’ terminal tal-gass naturali likwifikat, il-Polonja tejbet b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista tal-gass tagħha. Żviluppat ukoll in-netwerk nazzjonali tagħha għat-trasferiment u għad-distribuzzjoni tal-gass. Madankollu, il-ħidma fuq l-interkonnetturi tal-gass li huma reġjonalment importanti ma mxietx skont l-iskeda. |
(17) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Polonja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza għall-2017, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Polonja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Polonja iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. |
(18) |
Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza għall-2017 u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt, |
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:
1. |
Fl-2018 tagħmel sforz fiskali sostanzjali biex f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jissaħħaħ l-irkupru li għaddej bħalissa u li tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Polonja. Tieħu passi biex ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku u tillimita l-użu tar-rati mnaqqsa tal-VAT. |
2. |
Tieħu passi biex iżżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol b’mod partikolari tan-nisa, tal-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien, inkluż billi jitrawmu l-ħiliet adegwati u jitneħħew l-ostakli għal aktar impjiegi tat-tip permanenti. Tiżgura s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistema tal-pensjonijiet billi tieħu miżuri biex tiżdied l-età effettiva tal-irtirar u billi tibda tirriforma l-arranġamenti preferenzjali tal-pensjonijiet. |
3. |
Tieħu miżuri biex tneħħi l-ostakli għall-investiment, b’mod partikulari fis-settur tat-trasport. |
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TÕNISTE
(2) Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(4) L-infiq nett tal-gvern hu magħmula mill-infiq kollu tal-gvern minbarra l-infiq fuq l-imgħax, l-infiq fuq il-programmi tal-Unjoni korrispost mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u l-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq għall-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss, iffinanzjata nazzjonalment, hija mifruxa fuq perijodu ta’ erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Miżuri ta’ darba fuq in-naħat kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma esklużi.
(5) Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.