Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0809(13)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tal-Latvja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tal-Latvja

    ĠU C 261, 9.8.2017, p. 58–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 261/58


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Lulju 2017

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tal-Latvja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tal-Latvja

    (2017/C 261/13)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lil-Latvja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

    (2)

    Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Latvja jinħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (2) hawn isfel.

    (3)

    Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għal-Latvja kien ippubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlet il-Latvja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress li għamlet il-Latvja lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020.

    (4)

    Fl-20 ta’ April 2017, il-Latvja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tagħha u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (5)

    Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li tkopri l-perijodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jeżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

    (6)

    Bħalissa il-Latvja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2017, il-Gvern qed jippjana deterjorament tal-bilanċ nominali minn pożizzjoni bilanċjata fl-2016 għal defiċit ta’ 0,8 % tal-PDG u ta’ 1,6 % tal-PDG fl-2017 u fl-2018 rispettivament, bħala riżultat ta’ riforma fiskali sinifikanti, segwit minn titjib għal defiċit ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2020. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 jistma li l-bilanċ strutturali se jiddeterjora minn 0,2 % tal-PDG fl-2016 għal -1,7 % tal-PDG fl-2018 u jilħaq -0,8 % tal-PDG fl-2020. Dan il-perkors huwa konsistenti mal-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien ta’ defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG u d-devjazzjonijiet permessi bbażati fuq ir-riforma tal-pensjonijiet u l-klawsola ta’ riforma strutturali għas-settur tas-saħħa. Il-bilanċ strutturali rikalkulat (5) huwa stmat li se jiżdied minn -1,9 % tal-PDG fl-2017 għal -2,3 % tal-PDG fl-2018, qabel ma jinżel għal madwar -0,2 % tal-PDG fl-2020. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-gvern ġenerali hu mistenni li jibqa’ madwar 40 % tal-PDG fl-2017. Il-proġettazzjonijiet tat-tkabbir tal-PDG tal-programm huma ġeneralment konformi mat-tbassir tal-Kummissjoni għall-2017, iżda jidhru pjuttost favorevoli għall-2018.

    (7)

    Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lil-Latvja biex tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2017 tkun limitata għall-provvedimenti marbuta mar-riforma sistemika tal-pensjonijiet u mar-riforma strutturali maġġuri fis-settur tal-kura tas-saħħa. B’kont meħud ta’ dawn il-provvedimenti, il-bilanċ strutturali jitħalla jiddeterjora b’massimu ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2017. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, hu mbassar li l-Latvja tikkonforma ma’ dan ir-rekwiżit fl-2017. Fl-2018, il-Latvja jinħtieġ li tilħaq l-objettiv baġitarju fuq terminu medju tagħha, waqt li tqis il-provvedimenti relatati mal-implimentazzjoni tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet mogħtija għall-2016 u relatati mar-riforma strutturali mogħtija għall-2017, billi d-devjazzjonijiet temporanji jinżammu għal perijodu ta’ tliet snin. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, dan huwa konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali massima netta tal-infiq primarju tal-gvern (6) ta’ 6,0 % fl-2018, li tikkorrispondi għal deterjorament fil-bilanċ strutturali ta’ 0,3 % tal-PDG. Jekk ma jinbidlux il-politiki, il-Latvja tkun f’riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li se jkun hemm bżonn ta’ miżuri ulterjuri fl-2018 biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    (8)

    L-inugwaljanza fl-introjtu fil-Latvja hija għolja. Il-proporzjon bejn l-introjti ta’ 20 % tal-popoloazzjoni l-iktar sinjura mal-ifqar 20 % kien ta’ 6,5 fl-2015, fost l-ogħla fl-Unjoni, għalkemm din iċ-ċifra niżlet xi ftit fl-2016. Id-differenza bejn l-inugwaljanza fl-introjti qabel u wara t-taxxi u t-trasferimenti soċjali hija fost l-iżgħar fl-Unjoni. Is-sistema fiskali tal-Latvja hija anqas progressiva milli dawk ta’ Stati Membri oħra, li tikkontribwixxi għall-inugwaljanza għolja u l-faqar fost dawk li jaħdmu. Ir-rata tat-taxxa fuq il-persuni b’paga baxxa għadha fost l-ogħla fl-Unjoni, filwaqt li d-dħul potenzjali tat-taxxi li huma ferm inqas detrimentali għat-tkabbir, mhux użat biżżejjed. Is-sehem mid-dħul baxx mit-taxxa fil-PDG jillimita r-riżorsi għall-provvista sostenibbli tas-servizzi pubbliċi. Minkejja li sar xi progress fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-konformità mat-taxxa tibqa’ sfida serja. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 ħabbar l-introduzzjoni ta’ riforma tat-taxxa. Il-miżuri ewlenin jinkludu tnaqqis tar-rata tat-taxxa fuq l-introjtu personali minn 23 % għal 20 % għal dħul sa 45 000 euro fis-sena, żieda tal-benefiċċju bażiku differenzjat skont l-introjtu, introduzzjoni ta’ 0 % fir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji għall-profitti investiti mill-ġdid u l-allinjament tar-rati ta’ taxxa kapitali ta’ 20 %. Ir-riforma tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż f’dak li jikkonċerna dan il-porzjon tat-taxxa fuq dawk bi dħul baxx sabiex jiġi mnaqqas. Madankollu, ir-riforma fiskali hija limitata f’termini ta’ ċaqliq tat-tassazzjoni għal sorsi oħra li huma inqas detrimentali għat-tkabbir u l-kisba tal-objettiv ta’ politika ddikjarat li jiżdied is-sehem tad-dħul mit-taxxa fil-PDG.

    (9)

    Id-dgħufijiet fis-sistemi bażiċi ta’ protezzjoni soċjali jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ faqar u inugwaljanzi, inkluż għal persuni b’diżabilità u l-anzjani. Ir-rati tal-faqar għal persuni b’diżabilità huma fost l-ogħla fl-Ewropa. L-adegwatezza baxxa tal-benefiċċji tal-assistenza soċjali, li ma tjibitx mill-2009, u tal-pensjonijiet ma tipprovdix protezzjoni effettiva kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. In-nuqqas ta’ riforma fil-livell minimu tal-introjtu, imħabbra fl-2014, iżda implimentata qatt, taffettwa b’mod negattiv l-ifqar familji, minkejja li l-pjanijiet fuq terminu medju ta’ żmien fuq l-appoġġ minimu għall-introjtu qegħdin jitħejjew.

    (10)

    B’forza tax-xogħol li qiegħda tonqos, ir-rata ta’ tkabbir tal-impjiegi kienet waħda dgħajfa, filwaqt li l-qgħad ilu jonqos biss bil-mod. Il-prospetti tal-impjieg huma aħjar f’ċentri ta’ attività ekonomika u għal ħaddiema kwalifikati ħafna, filwaqt li l-qgħad huwa aktar prevalenti fost il-ħaddiema bi ftit kwalifiki u dawk li jgħixu f’żoni rurali. F’dan il-kuntest, it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol se jikkontribwixxi biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, minkejja li l-attrazzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali tjiebet, ir-riforma tal-kurrikulu tal-edukazzjoni li tallinja l-edukazzjoni mal-ħtiġijiet ta’ ħiliet kontemporanji ftit li xejn għamlet progress. Il-qafas regolatorju għat-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, ġiet stabbilita u l-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali u l-kumpaniji fl-implimentazzjoni tagħha hija ġġustifikata. Barra minn hekk, l-involviment ta’ dawk qiegħda f’miżuri attivi tas-suq tax-xogħol huwa aktar baxx minn dak f’ħafna Stati Membri oħrajn iżda ttieħdu miżuri biex titjieb din is-sitwazzjoni u ta’ min ikomplihom. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja tibqa’ baxxa.

    (11)

    Għalkemm l-awtoritajiet Latvjani bdew b’suċċess ir-riformi rilevanti tas-sistema tal-kura tas-saħħa, il-ħlasijiet minn but in-nies, il-ħinijiet twal fil-kju, livell baxx tal-infiq pubbliku u l-allokazzjoni ineffiċjenti tas-servizzi jillimitaw l-aċċess għall-kura tas-saħħa. L-infiq pubbliku kkontrollat mill-kwoti jwassal għal ipproċessar imdewwem u l-pazjenti jew ikollhom jistennew għal żmien twil jew iħallsu għas-servizz minn buthom, li jħalli parti mill-popolazzjoni bi ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa mhux sodisfati. Ittieħdu passi inizjali għar-riforma tas-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità u l-progress jinħtieġ li jkompli jtejjeb ir-riżultati għall-pazjenti u l-popolazzjoni. Sar xi progress biex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa iżda aktar razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-isptarijiet, aċċess imtejjeb tal-outpatients u l-kura primarja u rabta aktar effiċjenti bejn l-allokazzjoni baġitarja u l-kwalità tas-servizz u l-ispejjeż huma meħtieġa.

    (12)

    L-awtoritajiet Latvjani għandhom it-tendenza li jużaw b’mod regolari l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal xiri li jsir fis-settur tal-kura tas-saħħa, iżda aktar gwadanji fl-effiċjenza jistgħu jinkisbu permezz tal-użu regolari ta’ akkwist pubbliku elettroniku (e-procurement) u akkwist ċentrali, biex in-nefqa pubblika ssir aktar trasparenti u effiċjenti.

    (13)

    Id-dgħufijiet fil-kwalità regolatorja u l-effiċjenza u l-effettività baxxa tal-amministrazzjoni pubblika għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent tan-negozju. Fl-2016 il-Gvern ippreżenta pjan ta’ riforma ambizzjuż għal settur pubbliku iżgħar u aktar professjonali, bl-għan li jtejjeb l-effiċjenza permezz ta’ tnaqqis fil-persunal u ċentralizzazzjoni tal-funzjonijiet ta’ appoġġ, it-tisħiħ ta’ ħlas ibbażat fuq il-prestazzjoni u ż-żieda fit-trasparenza. Dan il-pjan huwa limitat għall-amministrazzjoni ċentrali, filwaqt li titjib sinifikanti fl-effiċjenza jista’ jitwettaq ukoll fil-livell muniċipali.

    (14)

    Il-korruzzjoni għadha qed tostakola l-ambjent kummerċjali tal-Latvja, u s-sistema ta’ prevenzjoni tal-kunflitti tal-interess għadha riġida u formalistika, b’nuqqas ta’ verifika. Għalkemm ir-riforma tas-sistema tal-insolvenza tlestiet fil-parti l-kbira tagħha, l-implimentazzjoni effettiva tagħha teħtieġ li tiġi mmonitorjata bir-reqqa biex tindirizza l-għadd żgħir ta’ każijiet ta’ ristrutturar u r-rata baxxa ta’ rkupru ta’ assi.

    (15)

    Riformi fuq skala kbira tal-edukazzjoni superjuri u tar-riċerka pubblika ġew introdotti f’dawn l-aħħar tliet snin biex jikkonsolidaw l-istituzzjonijiet tar-riċerka u biex tiżdied il-kwalità u r-rilevanza tal-prodott tagħhom. Madankollu, il-governanza u l-istruttura organizzattiva tal-iffinanzjar għar-riċerka pubblika Latvjan tibqa’ ineffiċjenti, b’funzjonijiet ta’ finanzjament mifruxa bejn bosta istituzzjonijiet. Il-finanzjament ineffiċjenti għar-riċerka pubblika jikkontribwixxi għal rendiment xjentifiku baxx ħafna, nuqqas ta’ riżorsi umani kkwalifikati kemm fis-settur pubbliku kif ukoll privat u livelli baxxi ta’ kooperazzjoni bejn il-pubbliku u l-privat. L-intensità tar-riċerka u żvilupp kummerċjali tal-Latvja tibqa’ waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni.

    (16)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Latvja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Latvja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Latvja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (17)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Latvja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

    1.

    Issegwi l-politika fiskali tagħha f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jinvolvi l-kisba tal-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2018, filwaqt li tqis il-provvedimenti marbuta mal-implimentazzjoni tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet u tar-riformi strutturali li għalihom tingħata devjazzjoni temporanja. Tnaqqas it-tassazzjoni għal dawk bi dħul baxx billi ċċaqlaqha għal sorsi oħra li huma ta’ anqas ħsara għat-tkabbir u ttejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa.

    2.

    Ittejjeb l-adegwatezza tax-xibka ta’ sikurezza soċjali u ttejjeb il-ħiliet tal-forza tax-xogħol billi tħaffef ir-riforma kurrikulari fl-edukazzjoni vokazzjonali. Iżżid il-kosteffettività tal-kura tas-saħħa u l-aċċess għaliha, inkluż billi tnaqqas il-ħlasijiet minn but dak li jkun u l-ħinijiet twal ta’ stennija.

    3.

    Iżżid l-effiċjenza u r-responsabbiltà fis-settur pubbliku, b’mod partikolari billi tissimplifika l-proċeduri amministrattivi u ssaħħaħ ir-reġim tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, inkluż għall-amministraturi tal-insolvenza.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TÕNISTE


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

    (4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (5)  Bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

    (6)  L-infiq nett tal-gvern jikkonsisti mill-infiq totali tal-gvern bl-esklużjoni tal-infiq fuq l-interessi, l-infiq fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq tal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross finanzjat nazzjonalment hija mwittija fuq perijodu ta’ erba’ (4) snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Miżuri ta’ darba fuq in-naħat kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma esklużi.

    (7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top