Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0809(09)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 ta’ Franza u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 ta’ Franza

    ĠU C 261, 9.8.2017, p. 36–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 261/36


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Lulju 2017

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 ta’ Franza u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 ta’ Franza

    (2017/C 261/09)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

    (2)

    Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, Franza jinħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni taż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt.

    (3)

    Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017 għal Franza ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Huwa vvaluta l-progress ta’ Franza biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Franza lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati wkoll fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li Franza għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, Franza hija kkaratterizzata minn kompetittività dgħajfa u dejn pubbliku li qed jiżdied, f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività. Il-bżonn ta’ azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta’ effetti negattivi fuq l-ekonomija Franċiża u, minħabba d-daqs u r-rilevanza transkonfinali tagħha, għall-unjoni ekonomika u monetarja, huwa partikolarment importanti.

    (4)

    Fit-28 ta’ April 2017, Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2017. Biex jittieħed kont tal-konnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (5)

    Ġew indirizzati r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi, fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun meħtieġ appoġġ għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif hija tuża dik id-dispożizzjoni f’linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

    (6)

    Attwalment Franza qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2017, il-Gvern qed jippjana li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2017, f’konformità man-notifika tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2015 skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, b’defiċit nominali ta’ 2,8 % tal-PDG. Id-defiċit nominali huwa ppjanat li jonqos iktar għal 1,3 % tal-PDG fl-2020. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien – defiċit strutturali ta’ 0,4 % tal-PDG – huwa ppjanat li jintlaħaq sal-2019. Madankollu, il-bilanċ ristrutturat ikkalkulat mill-ġdid (5) huwa proġettat li jilħaq -1,2 % tal-PDG fl-2020 u għalhekk l-objettiv fuq terminu medju ma jintlaħaqx sal-perijodu stabbilit. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-proporzjoni tad-dejn għall-PDG tal-gvern ġenerali hija pproġettata li tonqos minn 95,9 % tal-PDG fl-2018 għal 93,1 % tal-PDG fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa bbażat dak it-tbassir baġitarju huwa plawżibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ppjanati tad-defiċit mill-2018 ‘lil hemm ma ġewx speċifikati biżżejjed.

    (7)

    Fl-10 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill irrakkomanda lil Franza ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2017 u biex tikseb defiċit ġenerali tal-gvern ta’ 2,8 % tal-PDG, li huwa konsistenti ma’ titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 0,9 % tal-PDG fl-2017. Skont it-tbassir aġġornat tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2017, id-defiċit nominali huwa mbassar li jilħaq 3,0 % tal-PDG fl-2017, skont il-valur ta’ referenza fit-Trattat, iżda ’l fuq mill-mira rrakkomandata mill-Kunsill. Għall-2018, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politiki, id-defiċit nominali huwa mbassar għal 3,2 % tal-PDG, u b’hekk jaqbeż il-valur ta’ referenza fit-Trattat u jipponta lejn riskji għall-korrezzjoni dejjiema tad-defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, l-isforz fiskali rakkomandat mhuwiex imbassar li jitwassal tul il-perijodu kopert mill-proċedura tad-defiċit eċċessiv billi l-istrateġija ta’ konsolidament segwita minn Franza prinċipalment tiddependi fuq it-titjib ta’ kundizzjonijiet ċikliċi u fuq kontinwazzjoni tal-ambjent b’rati baxxi ta’ imgħax, li huma barra mill-kontroll tal-awtoritajiet.

    (8)

    Għall-2018, jekk eventwalment, għandu jkun hemm korrezzjoni f’waqtha u dejjiema, Franza ssir soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u għar-regola ta’ dejn tranżizzjonali. Fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tagħha, u partikolarment, tal-livell tad-dejn tagħha, Franza hija mistennija li tkompli taġġusta lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ defiċit strutturali ta’ 0,4 % tal-PDG. Skont il-matriċi ta’ aġġustament miftiehma b’mod komuni taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (6) li ma jaqbiżx 1,2 % fl-2018. Dan jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politiki, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2018. Hemm ir-riskju wkoll li Franza mhix se tkun konformi mar-regola tranżitorja tad-dejn fl-2018, billi l-bilanċ strutturali huwa mbassar li se jiddeterjora b’0,5 % tal-PDG meta mqabbel mal-aġġustament strutturali lineari minimu ta’ 0,4 % tal-PDG. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li Franza għandha tkun lesta biex tieħu iktar miżuri biex tiżgura l-konformità, fl-2017 u li se jinħtieġu iktar miżuri mill-2018 biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-valutazzjoni tal-pjanijiet baġitarji u r-riżultati jinħtieġ li jqisu l-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif imfakkar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-Semestru Ewropew tal-2017 li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tar-riżultati baġitarji tal-2018 se jkollhom iqisu l-għan li jiksbu pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru attwali, kif ukoll għall-iżgurar tas-sostenibbiltà fil-finanzi pubbliċi ta’ Franza. F’dak il-kuntest, il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha twettaq valutazzjoni globali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, b’mod partikolari fid-dawl tal-qagħda ċiklika ta’ Franza.

    (9)

    Il-proporzjoni ta’ infiq pubbliku għall-PDG fi Franza hija waħda mill-ogħla fl-Unjoni. Il-proporzjoni tal-infiq hija mbassra li tilħaq 56,2 % tal-PDG fl-2017, 9,7 punti perċentwali ogħla minn dak tal-Unjoni. Franza segwiet strateġija ta’ konsolidazzjoni msejsa fuq l-infiq li kienet tiddependi l-iktar fuq it-tnaqqis tar-rati tal-imgħax u t-tnaqqis fl-investiment pubbliku. Madankollu, huwa improbabbli li l-ambjent ta’ rati baxxi ta’ imgħax se jipprevali fuq terminu medju ta’ żmien u t-tnaqqis tal-investimenti pubbliċi produttivi jistgħu jagħmlu ħsara lill-potenzjal ekonomiku fil-futur. B’kuntrast ma’ dan, il-valutazzjonijiet tal-infiq identifikaw numru ta’ titjib possibbli fl-effiċjenza li ma ġewx implimentati. Il-valutazzjonijiet tal-infiq identifikaw frazzjoni — inqas minn 2 % — tal-iffrankar ġenerali mill-infiq ippjanat ta’ EUR 50 biljun fuq il-perijodu 2015-2017. Madankollu, parti minnhom biss issarrfet f’miżuri konkreti fil-baġit tal-2016, filwaqt li l-miżuri fl-Att tal-baġit tal-2017 kienu jiddependu minn dawk diġà identifikati fl-eżerċizzju tal-analiżi tal-infiq tal-2015. L-iffrankar minn analiżi tal-infiq jista’ jiżdied b’mod sinifikanti bit-tkabbir tal-oqsma tal-infiq taħt reviżjoni u bl-implimentazzjoni ta’ strateġija multiannwali biex l-iffrankar identifikat jissarraf f’miżuri baġitarji konkreti.

    (10)

    Kontribuzzjonijiet għoljin tas-sigurtà soċjali flimkien ma’ livell għoli ta’ taxxi li huma ta’ piż fuq kumpaniji jistgħu jiskoraġġixxu l-investiment privat u jxekklu t-tkabbir tal-kumpaniji kif ukoll ingaġġar ġdid. Komplew jiġu implimentati miżuri ta’ politika biex jitnaqqsu l-kostijiet lavorattivi, bil-bidu, f’April 2016, tat-tieni fażi ta’ tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi ppjanat taħt il-patt ta’ solidarjetà u responsabbiltà. Barra minn hekk, fl-2017, il-Gvern żied il-kreditu tat-taxxa għall-kompetittività u l-impjiegi (CICE) minn 6 % għal 7 %. Dawn il-miżuri biex jitnaqqas il-feles ta’ taxxa fuq ix-xogħol tjiebu l-kompetittività ta’ Franza mill-2013 imma telf fl-imgħoddi li akkumula għadu ma ġiex irkuprat. B’paga medja, fl-2015 Franza kellha l-ogħla kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi fl-Unjoni bħala proporzjoni tal-kostijiet lavorattivi kollha mħallsa mill-impjegatur, minkejja li din ix-xejra qed tonqos. Il-valutazzjonijiet riċenti ta’ dawn il-miżuri enfasizzaw l-effett pożittiv tagħhom fuq l-impjiegi u fuq il-marġni ta’ profitt tal-kumpaniji, imma għad hemm bżonn ta’ iktar valutazzjonijiet sabiex jiġi evalwat bis-sħiħ l-impatt tagħhom fuq il-pagi, l-investiment, u l-impjiegi u l-marġni ta’ profitt tal-kumpaniji. Valutazzjonijiet reċenti jissuġġerixxu wkoll li l-konsolidazzjoni tal-iskemi tat-tnaqqis fil-kostijiet lavorattivi u t-trasformazzjoni tagħhom fi tnaqqis permanenti ta’ kontribuzzjonijiet soċjali jottimizzaw l-effetti tagħhom fuq l-impjiegi u fuq l-investiment.

    (11)

    Biċ-ċifra ta’ 38,4 % mill-1 ta’ Lulju 2016, ir-rata effettiva medja tat-taxxa korporattiva kienet l-ogħla fl-Unjoni, u taxxi oħra fuq il-produzzjoni huma partikolarment għoljin ukoll. Madankollu, Franza adottat passi sabiex tnaqqas ir-rata statutorja tat-taxxa korporattiva għal 28 % fl-2020. Fl-istess ħin, il-piż tat-taxxa jkompli jiddependi inqas fuq il-konsum milli fi Stati Membri oħra. Fl-2014, Franza ġiet fis-27 post fl-Unjoni għal dħul mit-taxxi mill-konsum bħala perċentwali tat-tassazzjoni totali. Is-sistema tal-VAT hija kkaratterizzata minn rata standard ta’ livell medju u rati baxxi ridotti huma applikati għal bażi kbira. Il-kumplessità tas-sistema tat-taxxa tista’ tkun ostaklu għal suq li jaħdem tajjeb fl-ambjent tan-negozju. Franza għandha piż ta’ taxxa għolja flimkien ma’ għadd ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa, rati mnaqqsa u numru kbir ta’ skemi tat-taxxa, li jirriżultaw f’żieda fl-ispejjeż ta’ konformità u fl-inċertezzi, b’mod partikolari għan-negozji. L-infiq totali tat-taxxa huwa mdaqqas fi Franza b’iktar minn 3 % tal-PDG. L-ispiża amministrattiva għal awtoritajiet tat-taxxi biex jiġbru t-taxxi hija għolja wkoll u hija ogħla mill-medja tal-Unjoni.

    (12)

    Fl-2016, ir-rata tal-qagħad naqset għal 10,1 %. Il-qgħad huwa ogħla fost iż-żgħażagħ, in-nies b’ħiliet baxxi u dawk li ma twildux fl-Unjoni. Riformi attwali ta’ governanza huma kruċjali biex jiġu allinjati opportunitajiet ta’ taħriġ ma’ prospetti ta’ impjieg u l-ħtiġijiet ekonomiċi. B’mod parallel, dawk li qed ifittxu impjieg, il-ħaddiema anqas kwalifikati u impjegati tal-SMEs jiffaċċjaw diffikultajiet persistenti biex ikollhom aċċess għal taħriġ. L-iżgurar tal-parteċipazzjoni tagħhom u r-rilevanza tat-taħriġ ipprovdut jistgħu jeħtieġu t-tisħiħ ta’ miżuri eżistenti u l-ibbilanċjar mill-ġdid tar-riżorsi. Iż-żgħażagħ, u fosthom l-inqas ikkwalifikati, għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. F’dan il-kuntest, il-miżuri meħuda sabiex jappoġġaw l-apprendistati sa issa ssarrfu f’riżultati pożittivi. Iżda l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali offruti, b’mod speċifiku meta dawk ikunu bbażati fuq l-iskola, u f’xi setturi terzjarji, mhumiex marbuta biżżejjed mal-opportunitajiet ta’ impjieg. Barra minn hekk, l-istudenti minn sfond żvantaġġat ħafna drabi jkunu aktar orjentati lejn edukazzjoni vokazzjonali inizjali, li jammonta wkoll għall-biċċa l-kbira ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni, u b’hekk jikkontribwixxi għal inugwaljanzi edukattivi għolja. L-impatt ta’ status soċjoekonomiku fuq il-prestazzjoni tal-istudenti huwa l-ogħla fl-OECD.

    (13)

    Fl-2016, 54,5 % biss ta’ nies mhux imwielda fl-UE u li kienu fl-età tax-xogħol kienu f’impjieg. Ir-rata ta’ impjieg fost in-nisa mhux imwielda fl-UE (45,4 %) kienet waħda mill-iktar baxxi fl-Unjoni. Id-diskrepanza fl-impjieg bejn nies mhux imwielda fl-UE u nies li twieldu fi Franza żdiedet għal 17,5 punti perċentwali fl-2016 (23,7 punti perċentwali fir-rigward tan-nisa). Il-prestazzjoni batuta ta’ persuni mhux imwielda fl-UE tbaxxi r-rata globali tal-impjieg u tirrappreżenta użu kronikament baxx tal-manodopera. Immigranti tat-tieni ġenerazzjoni wkoll jiffaċċjaw riżultati negattivi fl-impjiegi li mhumiex spjegati minn differenzi fl-età, l-edukazzjoni u l-ħiliet. Barra minn hekk, diskrepanzi fir-riżultati edukattivi huma persistenti minħabba li immigranti tat-tieni ġenerazzjoni qed ilaħħqu biss parzjalment. Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida, hemm bżonn ta’ strateġija komprensiva, inkluż b’mod partikolari miżuri speċifiċi dwar il-ħiliet lingwistiċi, it-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ, pariri dwar l-impjiegi u politiki attivi oħra mmirati għas-suq tax-xogħol. Aċċess effettiv għal servizzi huwa fattur ewlieni sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, kif ukoll azzjoni kontra l-prattiki diskriminatorji li jaffettwaw il-kiri ta’ immigranti tat-tieni ġenerazzjoni u ta’ immigranti li mhumiex imwielda fl-UE.

    (14)

    Il-paga minima Franċiża ilha ssegwi r-regoli ta’ indiċjar tagħha mill-2013. F’kuntest ta’ inflazzjoni baxxa u ta’ tkabbir bil-mod fil-pagi, it-tkabbir tagħha kien aktar baxx mill-pagi ta’ referenza. Filwaqt li l-paga minima hija għolja meta mqabbla mal-paga medja, il-kost lavorattiv fuq il-paga minima tnaqqas bl-eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet soċjali. Żidiet fil-paga minima jikkawżaw żidiet fil-pagi għall-ħafna mill-kategoriji ta’ ħaddiema u għandhom ir-riskju li jogħlew l-kompressjoni tal-pagi. Filwaqt li indiċjar tal-paga minima huwa importanti biex jiġi ppreservat il-poter tal-akkwist tal-ħaddiema, il-mekkaniżmu attwali tal-indiċjar jista’ jikkontribwixxi fid-dewmien għall-aġġustament neċessarju globali tas-salarji. Barra minn hekk, fil-kuntest attwali ta’ qgħad għoli, hemm riskji li l-kost lavorattiv fuq il-paga minima jfixkel l-impjieg ta’ persuni b’livelli baxxi ta’ ħiliet. Il-grupp ta’ esperti indipendenti kull sena jevalwa l-paga minima fi Franza u jipprovdi opinjonijiet mhux vinkolanti dwar l-iżvilupp tagħha. L-opinjoni tagħhom dwar żidiet ad hoc dejjem kien osservat sa issa u għandha rwol importanti biex tikkontrolla l-użu ta’ tali żidiet ad hoc.

    (15)

    Permezz tal-liġi ta’ Awwissu 2016 dwar il-liġi tax-xogħol, id-djalogu soċjali u d-direzzjonijiet professjonali, Franza introduċiet miżuri mmirati biex tittejjeb il-kapaċità ta’ kumpaniji biex jaġġustaw iċ-ċikli ekonomiċi u biex inaqqsu s-segmentazzjoni. Il-liġi tiċċara r-regoli dwar tkeċċijiet ekonomiċi, testendi l-ambitu tal-ftehimiet b’maġġoranza fil-livell tal-kumpaniji u żżid l-effikaċja ta’ negozjar kollettiv. Livelli għoljin u persistenti ta’ qgħad tefgħu pressjoni fuq is-sostenibbiltà tas-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad. F’dak ir-rigward f’Marzu 2017 l-imsieħba soċjali laħqu ftehim dwar konvenzjoni ġdida ta’ benefiċċju tal-qgħad, approvata mill-Gvern, li għandha l-għan li tnaqqas id-defiċit annwali b’EUR 1,2 biljun.

    (16)

    Minkejja li Franza tejbet il-prestazzjoni regolatorja ġenerali tagħha, l-ambjent tan-negozju għadu ta’ livell medju meta mqabbel ma’ kompetituri kbar. B’mod partikolari, minkejja l-isforzi kontinwi għas-simplifikazzjoni, in-negozji għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ piż regolatorju kbir u ma’ leġiżlazzjoni li qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Dan huwa wieħed mill-ostakli għall-investiment privat. Bil-programm ta’ simplifikazzjoni, Franza ħadet passi biex tnaqqas il-burokrazija għal negozji, iżda miżura minn ħamsa li ġew adottati qabel l-2016 kienu għadhom ma ġewx implimentati sa Mejju 2017. Fl-istess ħin, l-effetti ta’ limitu jkomplu jaffettwaw l-iżvilupp ta’ kumpaniji, b’implikazzjonijiet għall-prestazzjoni ekonomika tagħhom u l-prestazzjoni tagħhom tas-suq. Żieda fl-obbligi soċjali u fiskali applikabbli għal kumpaniji li għandhom iktar minn ċertu numru ta’ impjegati tista’ tiskoraġġihom milli jespandu biex jikbru sa daqs li jippermettilhom jesportaw u jinnovaw. Min-naħa l-oħra, dawn l-effetti jistgħu jaffettwaw il-produttività tal-kumpaniji, il-kompetittività u l-internazzjonalizzazzjoni. Fil-fatt, skont l-evidenza empirika, il-limiti ta’ 10 u 50 impjegat huma partikolarment għaljin għal min iħaddem, filwaqt li l-ekonomija Franċiża hija kkaratterizzata minn proporzjoni sproporzjonatament baxxa ta’ kumpaniji ’l fuq minn dawk il-livelli massimi, li jissuġġerixxi li hemm rabta bejn iż-żewġ fenomeni.

    (17)

    Il-kompetizzjoni fis-servizzi tjieb f’għadd ta’ setturi, iżda xi setturi ekonomikament importanti, bħal-kontabbiltà, l-arkitettura, servizzi ta’ kura fid-dar, servizzi ta’ akkomodazzjoni u ikel, servizzi ta’ taxi u vetturi tal-kiri privat, għadhom ikkaratterizzati minn livell baxx ta’ kompetizzjoni u/jew ostakoli regolatorji. Għad hemm ostakli għal dawn is-servizzi, b’mod partikolari ħtiġijiet regolatorji eċċessivi, u dawn jiskoraġġixxu jew jillimitaw il-kompetizzjoni effettiva. It-tnaqqis ta’ dawn l-ostakli jistgħu jippermettu kumpaniji eżistenti jew kumpaniji ġodda li jagħmlu użu minn żviluppi teknoloġiċi u diġitali ġodda, li jżidu l-kompetittività tagħhom u/jew jidħlu fi swieq, u jistgħu jwasslu għal benefiċċji għall-konsumaturi permezz ta’ prezzijiet orħos u servizzi ta’ kwalità aħjar. Għal dan l-għan, bħala parti minn pakkett ta’ miżuri biex jiġu indirizzati l-ostakli fis-swieq tas-servizzi, f’Jannar 2017 il-Kummissjoni nediet eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka li jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu l-evalwazzjoni tal-ostakli rispettivi li għandhom fis-seħħ biex jillimitaw l-aċċess għal ċerti professjonijiet.

    (18)

    L-innovazzjoni fi Franza ma taqbilx mal-prestazzjoni tal-mexxejja ta’ innovazzjoni tal-Ewropa. Għad hemm livell għoli ta’ kumplessità u l-koordinazzjoni globali hija sfida. Id-diskrepanza bejn l-ammont ta’ appoġġ pubbliku li ngħata u l-prestazzjoni tal-innovazzjoni ta’ livell medju ta’ Franza tqajjem tħassib dwar l-effiċjenza ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ pubbliku. B’mod partikolari, il-kooperazzjoni bejn ir-riċerka pubblika u l-kumpaniji mhijiex ottima u tistrieħ fuq l-output ekonomiku tas-sistema tal-innovazzjoni.

    (19)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Franza u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Franza fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Franza, imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (20)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt.

    (21)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2017 u fl-2018 biex:

    1.

    Tiżgura l-konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2015 taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Fl-2018 tagħmel sforz fiskali sostanzjali f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jissaħħaħ l-irkupru li għaddej bħalissa u li tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi ta’ Franza. Tivvaluta l-oġġetti tal-infiq b’mod komprensiv bil-għan li tagħmel titjib fl-effiċjenza li jissarrfu f’iffrankar fuq l-infiq.

    2.

    Tikkonsolida l-miżuri li jnaqqsu l-ispiża tax-xogħol biex tkabbar l-effiċjenza tagħhom b’mod newtrali mil-lat baġitarju u sabiex tkabbar l-effetti tagħhom fuq l-impjiegi u fuq l-investiment. Twessa’ l-bażi tat-taxxa ġenerali u tieħu iktar azzjoni biex timplimenta t-tnaqqis ippjanat fir-rata statutorja tad-dħul korporattiv.

    3.

    Ittejjeb l-aċċess fis-suq tax-xogħol għal dawk li qed ifittxu impjieg, b’mod partikolari għall-ħaddiema inqas kwalifikati u għal persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, inkluż permezz tar-reviżjoni tas-sistema tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ. Tiżgura li l-iżviluppi tal-paga minima jkunu konsistenti mal-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività.

    4.

    Tkompli tnaqqas il-piż regolatorju għal kumpaniji, inkluż billi ssegwi l-programm ta’ simplifikazzjoni. Tkompli tneħħi ostakoli għall-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi, inkluż f’servizzi tan-negozji u l-professjonijiet regolati. Tissimplifika u ttejjeb l-effiċjenza tal-iskemi ta’ appoġġ pubbliku għall-innovazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TÕNISTE


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

    (4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (5)  Il-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku nett għal miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni skont il-metodoloġija miftehma b’mod komuni.

    (6)  L-infiq nett tal-gvern huwa magħmul mill-infiq totali tal-gvern, imma li jeskludi l-infiq fuq l-interessi, infiq fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq tal-benefiċċju tal-qgħad. Formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perijodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma inklużi. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma esklużi.

    (7)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top