EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0809(08)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Spanja għall-2017 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Spanja għall-2017

ĠU C 261, 9.8.2017, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/31


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Spanja għall-2017 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Spanja għall-2017

(2017/C 261/08)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li Spanja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) ta’ hawn taħt.

(3)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għal Spanja ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlet Spanja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Spanja lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati wkoll fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li Spanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi li għandhom rilevanza transfruntiera. B’mod partikolari, is-surplus fil-kont kurrenti qed jissarrfu fi tnaqqis tal-obbligazzjonijiet esterni netti ta’ Spanja, li minkejja dan jibqgħu mdaqqsin u jesponu l-pajjiż għal bidliet fis-sentiment tas-suq. Id-dejn fis-settur privat naqas b’mod sinifikanti speċjalment għal korporazzjonijiet, imma d-dejn tal-unitajiet domestiċi jibqa’ għoli. It-tkabbir ekonomiku jibqa’ l-ixprun ewlieni tat-tnaqqis tad-dejn, imma r-riskji ta’ sostenibbiltà fiskali jibqgħu għoljin fuq terminu medju. Il-ħtieġa għal azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta’ effetti avversi ta’ żbilanċi fuq l-ekonomija Spanjola hija partikolarment importanti partikolarment meta wieħed iqis id-daqs tagħha u r-rilevanza transfruntiera, fuq l-unjoni ekonomika u monetarja. Is-settur finanzjarju baqa’ juri livell għoli ta’ stabbiltà, appoġġat mir-ristrutturar attwali, spejjeż baxxi għall-finanzjament u l-irkupru ekonomiku. Il-ħolqien tal-impjiegi kien b’saħħtu f’dawn l-aħħar snin u l-qgħad naqas b’mod rapidu, imma jibqa’ għoli ħafna. Ir-riformi fis-suq tax-xogħol u l-moderazzjoni tal-pagi kienu xpruni importani għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-kompetittività f’dawn l-aħħar snin.

(4)

Spanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 fit-28 ta’ April 2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2017 fid-29 ta’ April 2017. Biex jittieħed kont tal-interkonnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(5)

Ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet rilevanti, speċifiċi għall-pajjiżi fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun meħtieġ appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif hija tuża dik id-dispożizzjoni f’linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

(6)

Bħalissa Spanja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2017, Spanja qed tippjana li tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2018, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016 li tagħti avviż lil Spanja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (“Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016”). Id-defiċit nominali huwa ppjanat li jkompli jonqos sa 0,5 % tal-PDG fl-2020. Il-proġettazzjonijiet tal-infiq fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, jinkorporaw il-materjalizzazzjoni ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti relatati mal-awtostradi u s-settur finanzjarju, u jammontaw għal kważi 0,4 % u 0,2 % tal-PDG fl-2017 u fl-2018 rispettivament. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali mhux ippjanat li jintlaħaq fil-perijodu ta’ żmien tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017. Il-bilanċ strutturali rikalkolat (5) huwa proġettat li jilħaq -1,9 % tal-PDG fl-2020. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 jbassar li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 98,8 % fl-2017, għal 97,6 % fl-2018, u għal 92,5 % fl-2020. Is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 huma plawżibbli sal-2018 u jsiru pjuttost favorevoli wara dan. B’mod globali, il-kisba ppjanata tal-miri tibqa’ tiddependi fuq il-perspettiva ekonomika b’saħħitha, li xorta tibqa’ soġġetta għal riskji. Riskji oħra għall-kisba tal-miri fiskali jirrelataw mal-inċertezza dwar l-impatt tal-miżuri reċenti tat-taxxa. Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-materjalizzazzjoni assunta tal-obbligazzjonijiet kontinġenti (li mhumiex inklużi fit-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2017), il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 jiddependi fuq trażżin fl-infiq konsiderevolment ogħla minn dak li ġie mbassar fit-tbassir tal-Kummissjoni fl-2017 u fl-2018. Finalment, il-miżuri meħtieġa biex jiġu appoġġati l-miri ppjanati tad-defiċit għall-2018 għadhom ma ġewx speċifikati.

(7)

Fit-8 ta’ Awwissu 2016, il-Kunsill talab lil Spanja biex iġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2018 u, b’mod partikolari, biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern ġenerali għal 4,6 % tal-PDG fl-2016, għal 3,1 % tal-PDG fl-2017 u għal 2,2 % tal-PDG fl-2018. Dan it-titjib fil-bilanċ tal-gvern ġenerali tqies bħala konsistenti ma’ deterjorament fil-bilanċ strutturali b’0,4 % tal-PDG fl-2016, u titjib ta’ 0,5 % tal-PDG kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018, skont it-tbassir aġġornat tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016. Spanja laħqet defiċit nominali ta’ 4,5 % tal-PDG fl-2016, livell iktar baxx mill-mira stipulata fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016. It-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2017 jipproġetta li d-defiċit nominali ser jonqos għal 3,2 % tal-PDG fl-2017 u ulterjorment għal 2,6 % tal-PDG fl-2018 fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, 0,1 % u 0,4 % tal-PDG rispettivament ’il fuq mill-miri tad-defiċit nominali fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u dawk stipulati mill-Kunsill. Għall-kuntrarju tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, it-tbassir ma jassumix il-materjalizzazzjoni tal-obbligazzjonijiet kontinġenti msemmija fuq. L-isforz fiskali kumulattiv tul il-perijodu 2016-2017 huwa mistenni li jiġi żgurat strettament, filwaqt li fl-2018, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, l-isforz fiskali huwa mbassar li ma jissodisfax dak li kien mitlub fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016. Barra minn dan, f’Awwissu 2016, il-Kunsill talab lil Spanja biex tieħu miżuri biex ittejjeb il-qafas fiskali tagħha, imma l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 ma jirrapportax pjanijiet biex isaħħaħ il-kontribut tar-regola tal-infiq tal-Liġi tal-Istabbiltà għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li ser ikun hemm bżonn ta’ iktar miżuri, b’mod partikolari fl-2018 biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u b’mod partikolari mat-termini tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016.

(8)

Spanja għad ma għandhiex stampa ċara u konsistenti mal-qafas ta’ politika tal-akkwist pubbliku li tiżgura konformità legali, livell għoli ta’ kompetizzjoni u effiċjenza ekonomika, jiġifieri permezz ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll ex anteex post effettivi, trasparenza u koordinazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet fil-livelli kollha tal-gvern. Il-Gvern ippreżenta xi miżuri fl-2017 li jtejbu s-sistema ta’ superviżjoni tal-akkwist u bħalissa qed jistennew l-approvazzjoni parlamentari.

(9)

Spanja għamlet progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, u b’mod iktar konkret fir-rigward tal-adozzjoni ta’ leġislazzjoni dwar it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti, id-dikjarazzjoni tal-assi u l-kunflitti ta’ interess. L-attenzjoni issa ddur fuq l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Madankollu, minkejja żieda fl-investigazzjoni ta’ korruzzjoni li jinvolvu każijiet fil-livelli lokali u reġjonali, f’dawk il-livelli tal-gvern ma ġew żviluppati l-ebda strateġiji preventivi mfassla apposta biex jittaffew ir-riskji tal-korruzzjoni, u lanqas ma hemm strateġija preventiva komuni fil-livelli tal-gvern. Nuqqasijiet oħra, bħal diskrepanzi fil-leġislazzjoni biex jiġu protetti l-informaturi, il-grad ta’ indipendenza tal-Uffiċċju għall-Kunflitti ta’ Interess stabbilit reċentement u n-nuqqas ta’ regolament tal-lobbying għadhom ma kinux is-suġġett ta’ segwitu speċifiku. Kwistjoni oħra tikkonċerna l-proċedura ġudizzjarja fit-tul għal każijiet ta’ korruzzjoni. Il-liġi tal-Proċedura Kriminali ġiet emendata fl-2015 biex jiġi limitat iż-żmien allokat għal investigazzjonijiet u jitnaqqas id-dewmien żejjed fi proċeduri kriminali. Madankollu, dan jista’ jżid ir-riskju li l-limiti ta’ żmien proċedurali ma jkunux biżżejjed għall-ġestjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni kumplessi, jekk jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jippermettu l-perijodi ta’ estensjoni jkunu restrittivi.

(10)

Minkejja rata standard tal-VAT konformi mal-medja tal-Unjoni u diskrepanza fil-konformità tal-VAT li hija baxxa u qiegħda tonqos, Spanja għandha dħul relattivament baxx tal-VAT. Dan huwa dovut l-aktar għal Spanja li applikat eżenzjonijiet jew rati mnaqqsa b’mod estensiv fuq prodotti u servizzi varji. Bħala riżultat, Spanja rreġistrat l-akbar nuqqas fil-politika fl-Unjoni fl-2014 (59 % meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni ta’ madwar 44 %). B’mod simili, id-dħul ta’ Spanja minn taxxi relatati mal-ambjent huma fost l-aktar baxxi fl-Unjoni, minkejja xi miżuri li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin, l-aktar fis-settur tal-enerġija. Jekk jiġu ntaxxati t-tniġġis u l-użu tar-riżorsi, id-dħul jaf jiżdied u dan iġib miegħu bosta benefiċċji soċjali u ambjentali importanti. Hemm ukoll dispersjoni normattiva li tirriżulta f’approċċ eteroġeni għal ċerti taxxi ambjentali fuq livell reġjonali. Fir-rigward tal-infiq, il-Gvern ikkummissjona lill-AIReF, l-istituzzjoni fiskali indipendenti ta’ Spanja, biex twettaq valutazzjoni tal-infiq li tkopri l-livelli kollha tal-gvern ġenerali. Il-valutazzjoni tista’ tgħin biex jiġu identifikati oqsma fejn l-infiq jista’ jintlaħaq b’użu iktar effiċjenti ta’ riżorsi.

(11)

Il-ħolqien tal-impjiegi kien b’saħħtu f’dawn l-aħħar snin, appoġġat minn riformi fis-suq tax-xogħol u l-moderazzjoni tal-pagi. Il-qgħad naqas b’mod mgħaġġel imma jibqa’ fost l-ogħla fl-Unjoni, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ u l-persuni b’livelli baxxi ta’ ħiliet, li jwassal għal riskji ta’ diżimpenn mis-suq tax-xogħol. Kważi nofs dawk qiegħda ilhom mingħajr impjieg għal iktar minn sena. Spanja qed tieħu miżuri biex tappoġġa liż-żgħażagħ, b’mod partikolari bl-estensjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (6), u biex issaħħaħ l-appoġġ individwali għal dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil. L-effettività tagħhom tiddependi wkoll fuq il-prestazzjoni tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi reġjonali. L-għan huwa li titjieb il-kooperazzjoni tagħhom mas-servizzi soċjali, biex jittejjeb il-provvediment ta’ servizzi estiżi għal dawk li qed ifittxu impjieg, b’mod partikolari dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u l-benefiċjarji ta’ skemi ta’ garanzija ta’ dħul. Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi ma’ min iħaddem tista’ tiġi mtejba, b’mod partikolari billi żżid il-proporzjon ta’ postijiet battala mis-servizzi ta’ impjiegi.

(12)

Spanja għandha waħda mill-ogħla ishma ta’ impjieg temporanju fl-Unjoni, u ħafna mill-kuntratti temporanji huma ta’ żmien qasir ħafna. Ir-rati ta’ transizzjoni minn kuntratti temporanji għal kuntratti permanenti huma baxxi ħafna meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni. L-użu mifrux ta’ kuntratti temporanji huwa assoċjat ma’ tkabbir aktar baxx fil-produttività (inkluż permezz ta’ inqas opportunitajiet ta’ taħriġ fuq ix-xogħol), kundizzjonijiet tax-xogħol agħar u riskji ogħla ta’ faqar. L-aħħar riformi tas-suq tax-xogħol jidhru li kellhom effett pjuttost pożittiv fit-tnaqqis tas-segmentazzjoni bejn il-kuntratti permanenti u temporanju, u t-tisħiħ attwali tal-ispezzjonijiet tax-xogħol qed juri riżultati pożittivi fl-indirizzar tal-abbuż ta’ kuntratti temporanji. Madankollu, uħud mill-karatteristiċi fis-suq tax-xogħol Spanjol, xorta jistgħu jaqtgħu qalb lill-impjegaturi milli jħaddmu b’kuntratti permanenti, inkluża l-inċertezza f’każ ta’ tilwima legali wara t-tkeċċija, flimkien ma’ kumpensi komparattivament għoljin fi tmiem l-impjieg għall-ħaddiema b’kuntratti permanenti. Barra minn hekk, is-sistema ta’ inċentivi ta’ reklutaġġ għadha mferrxa u mhux immirata effettivament lejn il-promozzjoni ta’ xogħol fuq terminu indeterminat. Minkejja li reċentement żviluppat grupp ta’ ħidma fuq il-kwalità tal-impjieg, Spanja għadha ma żviluppatx pjan komprensiv għall-ġlieda kontra s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol wara l-ftehim tal-2014 bejn il-Gvern u s-sħab soċjali.

(13)

Għad baqa’ differenzi fil-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-iskemi ta’ garanzija ta’ dħul u fir-rabta bejn l-attivazzjoni u l-protezzjoni fir-reġjuni u fl-iskemi. Ċerti gruppi vulnerabbli qed jitħallew barra fl-arranġamenti ta’ garanzija ta’ dħul. L-effettività llimitata tal-iskemi hija parzjalment spjegata mid-differenzi kbar fil-adegwatezza u fil-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-iskemi reġjonali ta’ dħul minimu u mill-frammentazzjoni tas-sistema nazzjonali tal-benefiċċji f’diversi skemi li jindirizzaw bosta kategoriji ta’ persuni li qed ifittxu impjieg u li huma ġestiti minn amministrazzjonijiet differenti. Il-frammentazzjoni tintroduċi nuqqas ta’ kontinwità fl-appoġġ mogħti lil dawk li jeħtiġuha u jxekkel it-twassil ta’ toroq integrati. Bħala risposta għall-isfidi multipli, studju attwali għandu l-għan li jivvaluta l-effettività tal-iskemi ta’ appoġġ għad-dħul nazzjonali u reġjonali. Il-benefiċċji tal-familja huma mmirati ħażin. Barra minn hekk, meta jitqies l-impatt tal-krediti tat-taxxa, b’mod globali, is-sistema tal-benefiċċju tat-taxxi hija kemxejn rigressiva. Barra minn dan, l-użu tal-indukrar tat-tfal jiżdied ħafna skont id-dħul tal-familja, li jissuġġerixxi tfixkil għall-aċċess għal ġenituri bi dħul baxx. Il-forniment ta’ servizzi ta’ kura fit-tul qed jitjieb, imma dan ivarja minn reġjun għall-ieħor u l-bżonnijiet attwali għadhom ma ntlaħqux.

(14)

Riżultati dgħajfa fl-edukazzjoni jaffettwaw b’mod negattiv il-potenzjali fit-tul għat-tkabbir tal-produttività fi Spanja. Minkejja t-titjib sinifikanti li sar matul dawn l-aħħar snin, ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola għadha fost l-ogħla fl-Unjoni. Kien hemm differenzi reġjonali kbar fit-tluq bikri mill-iskola u fi-prestazzjoni tal-istudenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ħiliet bażiċi. It-taħriġ tal-għalliema u l-appoġġ għal studenti individwali huma fost il-fatturi li jwasslu għal edukazzjoni ta’ suċċess fl-iskola f’reġjuni bi prestazzjoni tajba. Spanja għandha t-tieni l-ogħla rata ta’ ripetizzjoni tal-grad fl-Unjoni, u dan iżid ir-riskju ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien, ibaxxi kisbiet tal-aspettattivi u jagħmel piż fuq l-ispejjeż tal-edukazzjoni. L-impjegabbiltà ta’ gradwati terzjarji tibqa’ komparattivament baxxa. Il-mobbiltà mnaqqsa ta’ studenti u persunal akkademiku, l-opportunitajiet limitati ta’ apprendistati, in-nuqqas ta’ inċentivi u r-riġidità ta’ governanza universitarja jibqgħu ostakli għall-kooperazzjoni man-negozji dwar l-edukazzjoni jew ir-riċerka.

(15)

Sabiex jissaħħu l-produttività u l-kompetittività, Spanja ser tibbenefika minn aktar promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni. Madankollu, il-prestazzjoni fl-innovazzjoni qed tonqos u issa tinsab f’livell aktar baxx milli kienet fl-2007, filwaqt li d-differenza bejn il-pajjiż u l-medja tal-Unjoni żdiedet maż-żmien. Livell baxx fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni jikkoinċidi mal-infiq fir-RuŻ privat dejjem jonqos u jindika dgħufijiet fil-qafas ta’ governanza ta’ riċerka u innovazzjoni. L-Aġenzija Statali għar-Riċerka responsabbli għall-ġestjoni tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-gvern ċentrali, saret operazzjonali fil-bidu tal-2017. Sal-lum ma hemm l-ebda ppjanar multiannwali sistematika ta’ baġits għall-appoġġar tal-programmi. Barra minn hekk, l-effettività ta’ programmi ta’ appoġġ mhix valutata sistematikament biex jitjiebu d-disinn u l-implimentazzjoni tagħhom. Minħabba nuqqas ta’ inċentivi u r-riġidità tal-governanza universitarja, il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat għadha waħda dgħajfa wkoll, u l-mobbiltà ta’ riċerkaturi bejn is-settur pubbliku u dak privat hija baxxa. Il-koordinazzjoni bejn il-livelli tal-gvern mhux ottimali u bħala riżultat, il-politiki nazzjonali u reġjonali ma joperawx f’sinerġija totali.

(16)

In-negozji Spanjoli żgħar għandhom tendenza li jkollhom produttività ħafna iktar baxxa mill-pari tagħhom fi Stati Membri kbar oħra. Minħabba l-prevalenza ta’ negozji żgħar fi Spanja, din għandha impatt sinjifikanti fuq il-produttività fl-ekonomija kollha kemm hi. It-tnaqqis fl-ostakli sabiex in-negozji jkunu jistgħu jinħolqu, joperaw u jikbru jirriżulta għalhekk f’iktar investiment u produttività. Fl-aħħar snin il-Gvern Spanjol adotta bosta miżuri immirati li jiffaċilitaw il-ħolqien u t-tkabbir tan-negozju. Il-konsolidazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn ir-riformi hija essenzjali biex jitgawdew bis-sħiħ il-benefiċċji tagħhom. Il-liġi dwar l-unità tas-suq, adottata fl-2013, ikkontribwixxiet biex jiġu indirizzati l-ispejjeż addizzjonali għall-imprendituri kkawżati mid-differenzi sostanzjali u t-trikkib fir-regolamenti dwar in-negozju bejn ir-reġjuni. L-użu dejjem jiżdied min-negozji tal-mekkaniżmu tal-ilmenti previst f’dik il-liġi biex ifittex rimedju fuq l-ostakli għall-aċċess għas-suq jagħti idea ta’ ħtieġa possibbli li jiġu ssimplifikati aktar il-proċeduri ta’ liċenzjar. Hemm bżonn ta’ iktar sforzi fil-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż fil-livell ta’ konferenza settorjali. Dan huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li leġislazzjoni eżistenti u prevista fil-livelli kollha tindirizza l-ostakli għad-dħul fis-suq bla bżonn b’mod effikaċi, inkluż għal mudelli ġodda ta’ negozju fl-ekonomija kollaborattiva. Fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, awtorizzazzjonijiet doppji għall-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut ikomplu jirrestrinġu bla bżonn id-dħul fis-suq. Ir-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq fil-leġislazzjoni reġjonali dwar is-settur tas-servizzi vehicle-with-driver u s-servizzi tal-akkomodazzjoni għall-kiri fuq perijodu qasir jistgħu jtellfu bla bżonn l-iżvilupp bilanċjat tal-ekonomija kollaborattiva. Spanja ħadet passi fl-ewwel xhur tal-2017 sabiex timmobilizza l-liġi tal-unità tas-suq u eżempji ta’ dawn huma l-gwida li ġiet adottata reċentement dwar l-implimentazzjoni tagħha u l-katalogu ppubblikat tal-prattiki tajbin u ħżiena fl-applikazzjoni tagħha.

(17)

Ir-Regolament ta’ servizzi professjonali jibqa’ komparattivament restrittiv. Id-drittijiet protezzjonisti (“attivitajiet riżervati”) huma mogħtija b’mod selettiv lil ċerti fornituri, bl-esklużjoni ta’ oħrajn bi kwalifiki simili rilevanti. F’għadd kbir ta’ professjonijiet, huwa obbligatorju li tkun membru ta’ assoċjazzjoni professjonali. Il-livell ta’ restrizzjoni huwa ogħla fi Spanja mill-medja ponderata tal-Unjoni għal inġiniera ċivili, periti u gwidi turistiċi. Huwa iktar baxx mill-medja tal-Unjoni għal aġenti tal-privattivi u għal avukati ta’ privattivi, iżda l-aċċess għal din il-professjoni tal-aħħar huwa limitat b’mod aktar strett milli għal kull professjoni oħra fi Spanja. L-abbozz ta’ liġi fuq is-servizzi professjonali li tipprevedi, fost affarijiet oħra, ir-razzjonalizzazzjoni ta’ sħubija ta’ assoċjazzjoni professjonali, għadha ma ġietx adottata. Din ir-riforma tiddefinixxi wkoll żieda fit-trasparenza u r-responsabbiltà ta’ korpi professjonali, il-ftuħ ta’ attivitajiet riżervati mingħajr ġustifikazzjoni u s-salvagwardja tal-unità tas-suq fl-aċċess għal servizzi professjonali fi Spanja u fl-eżerċitar tagħhom.

(18)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Spanja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Spanja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Spanja, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.

(19)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(20)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2017 u fl-2018 biex:

1.

Tiżgura l-konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016, inkluż ukoll miżuri biex jissaħħu l-oqfsa fiskali u tal-akkwist pubbliku. Twettaq analiżi komprensiva tal-infiq sabiex tidentifika oqsma possibbli għal titjib fl-effiċjenza tal-infiq.

2.

Issaħħaħ mill-ġdid il-koordinazzjoni bejn is-servizzi reġjonali għall-impjieg, is-servizzi soċjali u l-impjegaturi sabiex twieġeb aħjar għall-ħtiġijiet ta’ min qed ifittex xogħol u l-ħtiġijiet tal-impjegaturi. Tieħu miżuri biex tippromwovi l-impjieg b’kuntratti indefiniti. Tindirizza d-disparitajiet reġjonali u l-frammentazzjoni tal-iskemi ta’ garanzija ta’ dħul u ttejjeb l-appoġġ għall-familja, inkluż l-aċċess għall-indukrar ta’ kwalità tat-tfal. Iżżid ir-rilevanza tal-edukazzjoni terzjarja fis-suq tax-xogħol. Tindirizza d-disparitajiet reġjonali f’termini ta’ eżiti edukattivi, b’mod partikolari billi ssaħħaħ it-taħriġ tal-għalliema u l-appoġġ għal studenti individwali.

3.

Tiżgura investiment adegwat u sostnut fir-riċerka u l-innovazzjoni u ssaħħaħ il-governanza tiegħu fil-livelli tal-gvern. Tiżgura implimentazzjoni bir-reqqa u f’waqtha tal-liġi dwar l-unità tas-suq għal leġislazzjoni attwali u dik li jmiss.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU L 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Il-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku nett għal miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni skont il-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

(6)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1).

(7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top