Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1841

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1841 tal-10 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (notifikata bid-dokument C(2017) 6886) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/6886

    ĠU L 261, 11.10.2017, p. 26–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1841/oj

    11.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 261/26


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1841

    tal-10 ta' Ottubru 2017

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri

    (notifikata bid-dokument C(2017) 6886)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 (3), kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1593 (4), ġiet adottata wara t-tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 f'għadd ta' Stati Membri (“l-Istati Membri kkonċernati”) u l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (5).

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tipprevedi li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont id-Direttiva 2005/94/KE jridu jinkludu minn tal-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

    (3)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tistipula wkoll li l-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, kif previst fl-Artikolu 29(1) u fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE, iridu jinżammu minn tal-inqas sad-dati stabbiliti fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni għal dawk iż-żoni.

    (4)

    Skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja, Stat Membru kkonċernat jista' jistabbilixxi żoni ristretti oħra madwar iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza jew inkella li jmissu magħhom, skont l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2005/94/KE.

    (5)

    Sabiex jissaħħaħ il-kontroll tal-mard, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jistabbilixxu żoni ristretti oħra fit-territorju tagħhom meta l-inkjesta epidemjoloġika tkun identifikat riskju serju ta' tixrid tal-mard filwaqt li jqisu l-kriterji stipulati fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2005/94/KE li jinkludi, fost l-oħrajn, is-sitwazzjoni ġeografika, fejn jinsabu l-azjendi u kemm huma qrib ta' xulxin u n-numru stmat ta' tjur, skema taċ-ċaqliq tat-tjur u l-modi kif jiġu nnegozjati t-tjur, u l-faċilitajiet u l-persunal disponibbli għall-implimentazzjoni tal-kontroll ta' dawn iż-żoni.

    (6)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 32 ta' dik id-Direttiva jistipula li l-awtorità kompetenti tista' tipprevedi li xi wħud mill-miżuri, jew kollha kemm huma, li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza jridu japplikaw fiż-żoni ristretti oħra.

    (7)

    Għal raġunijiet ta' ċarezza, u sabiex l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-partijiet ikkonċernati jinżammu aġġornati mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni, jenħtieġ li dawk iż-żoni ristretti oħra jkunu koperti wkoll bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 u jiġu elenkati fl-Anness tagħha. Jenħtieġ li dak l-Anness jistabbilixxi d-data għaż-żamma tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni fiż-żoni ristretti oħra, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja.

    (8)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jipprojbixxu d-dispaċċ ta' konsenji ta' tjur ħajjin, ta' flieles ta' ġurnata u ta' bajd għat-tfaqqis miż-żoni elenkati bħala żoni ristretti oħra fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 lejn Stati Membri oħra, għajr meta l-Istati Membri kkonċernati jawtorizzaw id-dispaċċ ta' konsenji bħal dawn taħt ċerti kundizzjonijiet speċifiċi.

    (9)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 kif emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/696 (6) sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għad-dispaċċ tal-konsenji ta' flieles ta' ġurnata miż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni filwaqt li jitqies ir-riskju baxx ta' tixrid tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja minn dan il-prodott bażiku. Jenħtieġ li kundizzjonijiet simili japplikaw ukoll għad-dispaċċ mill-Istat Membru kkonċernat ta' flieles ta' ġurnata minn żoni ristretti oħra kif elenkat fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 lejn Stati Membri oħra.

    (10)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jitħallew jawtorizzaw id-dispaċċ ta' bajd għat-tfaqqis minn żoni ristretti oħra peress li huwa improbabbli li l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tiġi trażmessa lil tjur oħra, b'mod partikolari minħabba li s-superfiċe tagħhom trid tiġi ddiżinfettata qabel ma jsir id-dispaċċ lejn Stati Membri oħra u l-mafqas tal-oriġini u tad-destinazzjoni jridu jikkonformaw mar-regoli meħtieġa dwar l-iġjene stipulati fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE (7).

    (11)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tiġi emendata sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li bihom l-Istati Membri kkonċernati mid-dispaċċ ikunu jistgħu jawtorizzaw id-dispaċċ ta' flieles ta' ġurnata u ta' bajd għat-tfaqqis minn żoni ristretti oħra lejn Stati Membri oħra.

    (12)

    Jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 jiġi emendat sabiex jinkludi l-Parti C il-ġdida li telenka ż-żoni ristretti oħra stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat, skont id-Direttiva 2005/94/KE u d-durata tar-restrizzjonijiet applikabbli fiż-żoni ristretti oħra.

    (13)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/977 (8), sabiex id-data ta' applikazzjoni tagħha tiġi estiża sal-31 ta' Diċembru 2017.

    (14)

    Minħabba li kulma jmur qed jiżdied ir-riskju ta' okkorrenza staġjonali ta' dik il-marda fl-Unjoni, il-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni elenkati fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jistgħu jkomplu wara dik id-data fil-każ ta' tifqigħat ulterjuri fl-Unjoni. Għalhekk, huwa xieraq li l-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 jiġi estiż sal-31 ta' Mejju 2018.

    (15)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tiġi emendata skont dan.

    (16)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 hija emendata kif ġej:

    (1)

    Il-paragrafi li ġejjin jissostitwixxu t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1:

    “Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll fil-livell tal-Unjoni ż-żoni ristretti oħra li jridu jiġu stabbiliti fl-Istati Membri kkonċernati, kif imsemmi fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2005/94/KE, wara tifqigħa jew tifqigħat ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja, u d-durata tal-miżuri li jridu jiġu applikati f'dawk iż-żoni ristretti oħra.

    Din id-Deċiżjoni tistipula r-regoli dwar id-dispaċċ tal-konsenji ta' tjur ħajjin, ta' flieles ta' ġurnata u ta' bajd għat-tfaqqis mill-Istati Membri kkonċernati.”;

    (2)

    Fl-Artikolu 3a, jitħassar il-paragrafu 3;

    (3)

    L-Artikoli 3b, 3c u 3d li ġejjin jiddaħħlu wara l-Artikolu 3a:

    “Artikolu 3b

    L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li:

    (a)

    iż-żoni ristretti oħra stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2005/94/KE, jinkludu minn tal-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ristretti oħra fil-Parti C tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    (b)

    il-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ristretti oħra, kif stabbilit fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2005/94/KE, jinżammu minn tal-inqas sad-dati għaż-żoni ristretti oħra stabbiliti fil-Parti C tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3c

    1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprojbixxu d-dispaċċ tal-konsenji ta' tjur ħajjin, flieles ta' ġurnata u ta' bajd għat-tfaqqis miż-żoni elenkati bħala żoni ristretti oħra fil-Parti C tal-Anness lejn Stati Membri oħra, għajr meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat mid-dispaċċ jawtorizza, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin, it-trasport dirett ta' konsenji tal-prodotti bażiċi li ġejjin:

    (a)

    il-flieles ta' ġurnata li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3a(1)(a) u (b);

    (b)

    il-bajd għat-tfaqqis li jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    joriġina minn tjur li jinżamm fi stabbilimenti approvati li jinsabu 'l barra miż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness;

    (ii)

    meta żjara klinika tat-tjur tagħti riżultat favorevoli fl-unitajiet kollha ta' produzzjoni tal-istabbilimenti approvati matul t-72 siegħa qabel id-dispaċċ tal-konsenja;

    (iii)

    il-bajd għat-tfaqqis, kif ukoll l-imballaġġ tiegħu, ikun ġie ddiżinfettat qabel id-dispaċċ skont l-istruzzjonijiet tal-veterinarju uffiċjali.

    2.   It-trasport tal-konsenji ta' flieles ta' ġurnata u ta' bajd għat-tfaqqis msemmija fil-paragrafu (1) għandu jitwettaq mingħajr dewmien bla bżonn fil-vetturi, fil-kontenituri, fil-kaxxi, skont kif ikun xieraq, li jkunu tnaddfu u ġew ddiżinfettati skont l-istruzzjonijiet tal-veterinarju uffiċjali.

    Artikolu 3d

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li ċ-ċertifikati veterinarji previsti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2009/158/KE, u stabbiliti fl-Anness IV tagħha, li jakkumpanjaw il-konsenji ta' flieles ta' ġurnata u ta' bajd għat-tfaqqis imsemmija fl-Artikoli 3a u 3c ta' din id-Deċiżjoni, fid-dispaċċ lejn Stati Membri oħra jinkludu din is-sentenza:

    “Il-konsenja hija konformi mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247.”.”

    (4)

    Fl-Artikolu 5, id-data “31 ta' Diċembru 2017” tiġi ssostitwita bid-data “31 ta' Mejju 2018”.

    (5)

    L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Ottubru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 tad-9 ta' Frar 2017 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 36, 11.2.2017, p. 62).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1593 tal-20 ta' Settembru 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 243, 21.9.2017, p. 14).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/696 tal-11 ta' April 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 101, 13.4.2017, p. 80).

    (7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta' tajr u bajd għat-tfaqqis minn pajjiżi terzi (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 74).

    (8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/977 tat-8 ta' Ġunju 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 155).


    ANNESS

    Il-Parti C li ġejja tiżdied wara l-Parti B tal-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247:

    “PARTI C

    Stat Membru:

    Żoni ristretti oħra fl-Istati Membri kkonċernati kif imsemmi fl-Artikolu 3b:

    Stat Membru: żona li tinkludi:

    Id-data sa meta l-miżuri jridu jibqgħu jkunu applikabbli skont l-Artikolu 3b

     

    xx.xx.201x


    Top