Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1541

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1541 tas-17 ta' Lulju 2017 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Kigali għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

ĠU L 236, 14.9.2017, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1541/oj

14.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1541

tas-17 ta' Lulju 2017

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Kigali għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni saret parti għall-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu (“il-Konvenzjoni ta' Vjenna”) u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (“il-Protokoll ta' Montreal”) bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/540/KEE (2). Sussegwentement, ġew approvati l-emendi li ġejjin għall-Protokoll ta' Montreal: l-Ewwel Emenda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/690/KEE (3); it-Tieni Emenda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/68/KE (4); it-tielet Emenda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/646/KE (5); u r-Raba' Emenda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/215/KE (6).

(2)

Fit-28 Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Montreal, li saret f'Kigali, ir-Rwanda, mill-10 sal-15 ta' Ottubru 2016, ġie adottat it-test ta' emenda oħra għall-Protokoll ta' Montreal (“l-Emenda ta' Kigali”), li jżid tnaqqis gradwali fil-konsum u l-produzzjoni tal-idrofluworokarburi għall-miżuri ta' kontroll tal-Protokoll ta' Montreal.

(3)

Tnaqqis gradwali fil-konsum u l-produzzjoni tal-idrofluworokarburi huwa meħtieġ biex jitnaqqas il-kontribut ta' dawk is-sustanzi għat-tibdil fil-klima u biex jipprevjeni l-introduzzjoni illimitata tagħhom, b'mod partikolari fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

(4)

L-Emenda ta' Kigali hija kontribut meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 (7), f'dak li jirrigwarda l-objettiv tiegħu biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm ferm taħt 2 °C aktar mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tiġi limitata aktar iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C aktar mil-livelli preindustrijali.

(5)

Il-punt sa fejn il-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni rigward materji regolati mill-Konvenzjoni ta' Vjenna u l-Protokoll ta' Montreal żviluppa b'mod sinifikanti mill-1988 'il hawn. Jenħtieġ li d-Depożitarju jiġi mgħarraf b'kwalunkwe modifika sostanzjali fil-firxa ta' kompetenza tal-Unjoni f'dawk il-materji, f'konformità mal-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna.

(6)

L-Unjoni diġà adottat strumenti dwar il-materji koperti mill-Emenda ta' Kigali, inkluż ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(7)

Jenħtieġ li l-Emenda ta' Kigali tiġi approvata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Emenda ta' Kigali għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni Ewropea.

Id-Dikjarazzjoni tal-Kompetenza skont l-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna hija b'dan approvata wkoll.

It-testi tal-Emenda ta' Kigali u d-Dikjarazzjoni tal-Kompetenza huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna jew persuni bis-setgħa li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna flimkien mad-Dikjarazzjoni tal-Kompetenza (9).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TAMM


(1)  Kunsens tal-5 ta' Lulju 2017 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/540/KEE tal-14 ta' Ottubru 1988 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu (ĠU L 297, 31.10.1988, p. 8).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/690/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 li tikkonċerna l-finalizzazzjoni tal-emendament għall-Protokoll ta' Montreal dwar is-sustanzi li qegħdin jeqirdu s-saff tal-ożonu kif adottat f'Ġunju 1990 f'Londra mill-Partijiet għall-Protokoll (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 28).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/68/KE tat-2 ta' Diċembru 1993 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-emendar għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 33, 7.2.1994, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/646/KE tas-17 ta' Ottubru 2000 dwar il-konklużjoni tal-emenda għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 272, 25.10.2000, p. 26).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/215/KE tal-4 ta' Marzu 2002 rigward il-konklużjoni tar-Raba' Emenda tal-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jħassru s-saff tal-ożonu (ĠU L 72, 14.3.2002, p. 18).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195).

(9)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta' Kigali ser tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top