EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0995

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/995 tad-9 ta' Ġunju 2017 li tistabbilixxi l-Konsorzju tal-Arkivji Ewropej tad-Data dwar ix-Xjenzi Soċjali — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (CESSDA ERIC) (notikikata bid-dokument C(2017) 3870)

C/2017/3870

ĠU L 149, 13.6.2017, p. 85–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/995/oj

13.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/85


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/995

tad-9 ta' Ġunju 2017

li tistabbilixxi l-Konsorzju tal-Arkivji Ewropej tad-Data dwar ix-Xjenzi Soċjali — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (CESSDA ERIC)

(notikikata bid-dokument C(2017) 3870)

(It-testi biċ-Ċek, bid-Daniż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Iżvediż, bl-Olandiż, bis-Slovakk, bis-Sloven u bl-Ungeriż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC, European Research Infrastructure Consortium) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, in-Netherlands, in-Norveġja, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-Konsorzju tal-Arkivji Ewropej tad-Data dwar ix-Xjenzi Soċjali — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (CESSDA ERIC). Qablu li n-Norveġja tkun il-pajjiż ospitanti tas-CESSDA ERIC. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għarrfet bid-deċiżjoni tagħha li fil-bidu tieħu sehem fis-CESSDA ERIC bħala osservatur. Qablet ukoll li n-Norveġja tkun il-pajjiż ospitanti tas-CESSDA ERIC.

(2)

Mid-29 ta' Marzu 2017, meta r-Renju Unit nnotifika li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit minn meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dan il-perjodu. Minħabba f'hekk, u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-irtirar, din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tapplika biss sakemm ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma b'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Huwa stabbilit il-Konsorzju tal-Arkivji Ewropej tad-Data dwar ix-Xjenzi Soċjali — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka imsejjaħ “CESSDA ERIC”.

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Repubblika Franċiża, lill-Ungerija, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Renju tan-Norveġja, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Renju tal-Iżvezja, lill-Konfederazzjoni Żvizzera u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta' Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).


ANNESS

L-ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAS-CESSDA ERIC

L-Artikoli u l-paragrafi li ġejjin tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC jipprevedu l-elementi essenzjali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009

1.   Il-kompitu u l-attivitajiet

(l-Artikolu 2 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

1.

Is-CESSDA ERIC għandu jkun il-hub ta' infrastruttura tar-riċerka distribwita li jgħaqqad flimkien l-arkivji tad-data dwar ix-xjenza soċjali tal-Membri, tal-Osservaturi u ta' sħab oħra. Is-CESSDA ERIC m'għandux jopera l-arkivji tad-data tiegħu stess.

2.

Il-kompitu tas-CESSDA ERIC għandu jkun li jipprovdi infrastruttura tar-riċerka distribwita u sostenibbli li tippermetti lill-komunità tar-riċerka twettaq riċerka ta' kwalità għolja fix-xjenzi soċjali li tikkontribwixxi għall-produzzjoni ta' soluzzjonijiet effettivi għall-isfidi l-kbar li taffaċċja s-soċjetà tal-lum u li jiffaċilita t-tagħlim fix-xjenzi soċjali.

3.

Is-CESSDA ERIC għandu jopera fuq bażi mhux ekonomika. Madankollu, is-CESSDA ERIC jista' jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, bil-kundizzjoni li dawn ikunu marbuta mill-qrib mal-kompiti ewlenin tiegħu u li dawn ma jippreġudikawx it-twettiq tat-tali kompiti.

4.

Is-CESSDA ERIC għandu jwettaq il-kompitu tiegħu billi jikkontribwixxi għall-iżvilupp u għall-koordinazzjoni ta' standards, ta' protokolli u tal-aħjar prattika professjonali inkluż taħriġ dwar l-aħjar prattiki relatati mad-distribuzzjoni tad-data u mal-ġestjoni tad-data. Is-CESSDA ERIC għandu jinkludi wkoll sorsi tad-data ġodda fl-infrastruttura meta dan ikun xieraq.

5.

Is-CESSDA ERIC għandu jippromwovi parteċipazzjoni usa' fl-infrastruttura tar-riċerka. Biex jiffaċilita d-dħul ta' pajjiżi li jfittxu l-appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri tal-arkivji tagħhom tad-data dwar ix-xjenza soċjali, is-CESSDA ERIC għandu jniedi attivitajiet ta' taħriġ u skambji bejn Fornituri ta' Servizzi stabbiliti u potenzjali.

2.   L-isem u s-sede

(l-Artikolu 1 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

1.

Il-Konsorzju tal-Arkivji Ewropej tad-Data dwar ix-Xjenza Soċjali (CESSDA, Consortium of European Social Science Data Archives) għandu jkollu l-forma ġuridika ta' Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC, European Research Infrastructure Consortium) stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009, imsejjaħ CESSDA ERIC.

2.

Is-CESSDA ERIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f'Bergen, fin-Norveġja.

3.   Id-Durata u l-Istralċ

(l-Artikoli 22 u 23 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

1.

Is-CESSDA ERIC għandu jibqa' jeżisti sakemm jiġi stralċat skont l-Artikolu 23.

2.

L-istralċ

(a)

L-Assemblea Ġenerali tista' tiddeċiedi li tiftaħ proċeduri ta' stralċ għal CESSDA ERIC b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mixħuta.

(b)

Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe eventwalità fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' stralċ, is-CESSDA ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

(c)

L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun tas-CESSDA ERIC għandhom jitqassmu bejn il-Membri b'mod proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet akkumulati tagħhom għas-CESSDA ERIC.

(d)

Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe eventwalità fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta' stralċ, is-CESSDA ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan.

(e)

Is-CESSDA ERIC għandu jieqaf jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika korrispondenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Ir-Responsabbiltà u l-Assigurazzjoni

(l-Artikolu 20 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

Ir-responsabbiltà:

(a)

Is-CESSDA ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

(b)

Il-Membri u l-Osservaturi mhumiex responsabbli b'mod konġunt għad-djun tas-CESSDA ERIC.

(c)

Is-CESSDA ERIC għandu jieħu l-assigurazzjoni xierqa biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-infrastruttura tas-CESSDA ERIC.

5.   Il-Politika dwar l-Aċċess għad-Data

(l-Artikolu 14 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

1.

Il-Politika dwar l-Aċċess għad-Data tas-CESSDA ERIC għandha tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet u mal-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-aċċess għad-data (OECD Principles and Guidelines for Access to Research Data from Public Funding, OECD 2007) — Il-Prinċipji u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Aċċess għad-Data tar-Riċerka minn Fondi Pubbliċi).

2.

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fl-Artikolu 9(6), data u metadata ffinanzjati pubblikament miżmuma mill-Fornituri ta' Servizzi għandhom ikunu aċċessibbli liberament u mingħajr ħlas fil-punt ta' aċċess għar-riċerka pubblika u għall-edukazzjoni u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b'mod puntwali.

3.

Il-ġabriet kollha ta' data għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-Fornituri ta' Servizzi għall-aċċess għal riċerkaturi awtorizzati għar-riċerka pubblika u għall-edukazzjoni.

4.

Il-Fornituri ta' Servizzi għandhom jipproteġu l-anonimità tas-suġġetti tad-data skont ir-regolamenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali applikabbli, kif ukoll skont l-oqfsa etiċi rilevanti.

5.

Il-Fornituri ta' Servizzi għandhom iżommu proċeduri ġusti, miftuħin u trasparenti rigward l-aċċess għad-data u għall-metadata fil-pussess tagħhom.

6.

Il-prinċipju ta' aċċess miftuħ fl-Artikolu 14(2) u 14(3) m'għandux jobbliga lil Fornitur ta' Servizz biex jaqsam data, metadata jew ġabriet ta' data jekk dan imur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew raġunijiet ġuridiċi validi oħra.

6.   Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku

(l-Artikolu 10 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

1.

L-Assemblea Ġenerali għandha taħtar Bord Konsultattiv Xjentifiku indipendenti b'mill-inqas erba', iżda mhux iktar minn seba' xjenzjati eminenti, indipendenti u tal-esperjenza ġejjin minn pajjiżi minn madwar id-dinja. Il-ħatra tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku għandha tkun ibbażata fuq rakkomandazzjonijiet mid-Direttur. Id-Direttur għandu jieħu l-pariri tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Forum tal-Fornituri ta' Servizzi. Il-mandat tal-membri tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku għandu jkun ta' tliet snin. Il-membri jistgħu jerġgħu jinħatru għall-darb'oħra biss.

2.

Id-Direttur għandu jikkonsulta mal-Bord Konsultattiv Xjentifiku tal-inqas darba fis-sena fuq il-kwalità xjentifika tas-servizzi, fuq il-politiki u l-proċeduri xjentifiċi u fuq il-pjanijiet futuri fi ħdan dawn l-oqsma.

3.

Darba fis-sena il-Bord Konsultattiv Xjentifiku għandu jiippreżenta rapport bil-miktub lill-Assemblea Ġenerali permezz tad-Direttur dwar l-attivitajiet tiegħu. Ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni tas-servizzi offruti mis-CESSDA ERIC lill-utenti tad-data tiegħu. Id-Direttur għandu jissottometti r-rapport lill-Assemblea Ġenerali flimkien mal-kummenti u mar-rakkomandazzjonijiet possibbli tad-Direttur.

4.

Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku jista' jitlob lid-Direttur jipproponi lill-Assemblea Ġenerali tissupplimenta lill-Membri tal-Bord biex jiġi żgurat li dan ikun jirrappreżenta biżżejjed lill-oqsma kollha koperti mis-CESSDA ERIC.

7.   Il-Politika dwar it-Tixrid

(l-Artikolu 15 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

1.

Il-Politika tas-CESSDA ERIC dwar it-Tixrid għandha tiġi implimentata permezz tal-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha.

2.

Il-Politika dwar it-Tixrid għandha tkopri l-outputs tal-attivitajiet kollha ffinanzjati mis-CESSDA ERIC u għandha tkun disponibbli liberament ħlief meta dan ikun impossibbli minħabba d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali preeżistenti.

3.

Id-dokumenti tekniċi, il-politiki, il-proċeduri ewlenin, ir-rapporti ta' monitoraġġ kollha għandhom ikunu pubblikament disponibbli fuq is-sit web tas-CESSDA ERIC.

4.

Id-dokumentazzjoni kollha relatata mal-issodisfar tal-obbligi ta' Fornitur ta' Servizz għandha tiġi ppubblikata mill-Fornituri ta' Servizzi.

8.   Il-Proprjetà Intellettwali

(l-Artikolu 16 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

1.

F'dawn l-Istatuti, it-terminu “proprjetà intellettwali” għandu jinftiehem skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) iffirmata fl-14 ta' Lulju 1967.

2.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-relazzjonijiet bejn il-Membri, l-Osservaturi u l-Fornituri ta' Servizzi għandhom ikunu rregolati mid-dritt nazzjonali applikabbli kif ukoll mir-regoli u mir-regolamenti internazzjonali rilevanti.

3.

Il-proprjetà intellettwali li l-Membri jew il-Fornituri ta' Servizzi jikkontribwixxu għas-CESSDA ERIC għandha tibqa' l-proprjetà tad-detentur tal-proprjetà intellettwali.

4.

Jekk il-proprjetà intellettwali toriġina minn xogħol iffinanzjat mis-CESSDA ERIC (kontribuzzjoni diretta jew in natura), tali proprjetà għandha tappartjeni għas-CESSDA ERIC. Is-CESSDA ERIC jista' jċedi d-dritt tiegħu b'mod sħiħ jew parzjali favur il-Membru, l-Osservatur jew il-Fornitur ta' Servizz li jkun ħoloq id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

9.   L-impjiegi

(l-Artikolu 17 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

1.

Is-CESSDA ERIC għandu jaderixxi għall-prinċipji ta' opportunità ta' xogħol indaqs. Il-karigi xjentifiċi għandhom jimtlew wara li jkunu tħabbru b'mod internazzjonali.

2.

Soġġett għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kull Membru fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu għandu jagħmel kull sforz biex jiffaċilita l-moviment u r-residenza taċ-ċittadini tal-Membru involuti fil-kompiti tas-CESSDA ERIC kif ukoll tal-membri tal-familja ta' dawn iċ-ċittadini.

10.   L-akkwist

(l-Artikolu 21 tal-Istatuti tas-CESSDA ERIC)

1.

Is-CESSDA ERIC għandu jittratta l-kandidati tal-akkwisti u lill-offerenti b'mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni, indipendentement minn jekk dawn ikunux ibbażati fl-Unjoni Ewropea jew le. Il-politika dwar l-akkwist pubbliku għandha tirrispetta l-prinċipji ta' trasparenza, ta' nondiskriminazzjoni u ta' kompetizzjoni.

2.

L-akkwist minn Membri u Osservaturi li jikkonċerna attivitajiet tas-CESSDA ERIC għandu jsir b'tali mod li tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lil bżonnijiet tas-CESSDA ERIC, u għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi u mal-ispeċifikazzjonijiet maħruġa mill-korp rilevanti tas-CESSDA ERIC.


Top