EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0803(01)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017 l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar ir-radikalizzazzjoni

C/2017/5149

ĠU C 252, 3.8.2017, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/08/2018; Imħassar b' 32018D0810(01)

3.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 252/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Lulju 2017

l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar ir-radikalizzazzjoni

(2017/C 252/04)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bil-għan li jissaħħu l-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u terroriżmu u biex jitjiebu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, skont it-talbiet għal azzjoni stabbiliti fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (1), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni (2), kif ukoll l-Istrateġija tal-UE riveduta dwar ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ (3) u Konklużjonijiet oħrajn tal-Kunsill rilevanti dwar din il-kwistjoni (4), il-Kummissjoni tenħtieġ li titlob għarfien ta’ esperti ta’ livell għoli f’korp konsultattiv.

(2)

Għaldaqstant jeħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

(3)

Il-grupp jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-iżvilupp addizzjonali u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ prevenzjoni tal-Unjoni, strumenti u inizjattivi, inkluż billi jiġu elaborati għadd ta’ prinċipji gwida u rakkomandazzjonijiet għal aktar ħidma fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni kemm f’livell tal-Unjoni kif ukoll dak nazzjonali u billi tiġi appoġġata l-ħidma fuq il-valutazzjoni tal-ħtieġa għal aktar mekkaniżmi strutturati ta’ kooperazzjoni għall-ħidma ta’ prevenzjoni fil-livell tal-Unjoni filwaqt li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni esterna.

(4)

Bil-għan li jinġabru l-perspettivi u l-għarfien rilevanti Ewropej u nazzjonali, il-grupp jenħtieġ li jkun magħmul mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (5), l-Unità tal-Unjoni Ewropea ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja (6), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (7), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (8), iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (9), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (10) u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (11).

(5)

Aktar speċifikament, l-aġenziji tal-Unjoni jipprovdu l-għarfien tagħhom mill-perspettiva tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja kriminali filwaqt li jikkunsidraw id-dimensjoni tad-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa għall-bini ta’ kapaċità. Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni jipprovdi l-indipendenza unika tiegħu fil-livell tal-Unjoni tal-indirizzar u l-aspettativi tal-operaturi tas-settur u l-esperjenza tiegħu fi proġetti transnazzjonali ta’ kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkontribwixxi, permezz tal-esperjenza u l-għarfien espert tiegħu, għad-dimensjoni esterna tal-isforzi tal-Unjoni, abbażi tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u l-kontribut lilhom. Il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu jikkontribwixxi permezz tal-għarfien espert ibbażat fuq l-opinjoni ġenerali tiegħu tal-istrumenti ta’ politika rilevanti.

(6)

Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-grupp.

(7)

Jixraq li jiġi stipulat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fi żmien propizju, il-Kummissjoni se tikkunsidra kemm hu xieraq li tingħata estensjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Is-suġġett

Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar ir-radikalizzazzjoni (“il-grupp”) jiġi b’dan stabbilit.

Artikolu 2

Il-kompiti

Il-kompiti tal-grupp għandhom:

(a)

jagħtu parir dwar kif titjieb il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati u b’mod partikolari mal-Istati Membri rigward kwistjonijiet marbutin mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u terroriżmu;

(b)

jagħtu parir u jassistu l-Kummissjoni fl-iżvilupp addizzjonali tal-politiki tal-Unjoni bil-għan li jipprevjenu u jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u terroriżmu, inkluż billi jiġu elaborati għadd ta’ prinċipji u rakkomandazzjonijiet li jqisu s-sejbiet tar-riċerka eżistenti u futura tal-UE f’dan il-qasam, għall-implimentazzjoni ta’ miżuri mmirati u effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali li jinkludu użu mmirat aktar tal-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni.

(c)

jagħtu parir u jassistu l-Kummissjoni fl-għażliet rigward il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni futuri aktar strutturati fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u terroriżmu, abbażi tal-approċċi eżistenti għall-iskambji tal-aħjar prattiki, in-netwerk u s-setgħat tal-partijiet ikkonċernati.

Artikolu 3

Is-sħubija

1.   Il-Grupp għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri,

(b)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi,

(c)

l-Unità għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea,

(d)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

(e)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi,

(f)

iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni:

(g)

is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

(h)

il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu.

2.   Il-membri tal-grupp għandhom jinnominaw rappreżentant wieħed ta’ livell għoli u wieħed supplenti. Kull rappreżentant ta’ livell għoli jew supplenti jista’ jiġi akkumpanjat minn espert wieħed fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.

3.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti, u li, fl-opinjoni tad-dipartiment tal-Kummissjoni kkonċernat, ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom, ma għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-grupp, u jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom.

Artikolu 4

Il-President

Il-grupp għandu jkun ippresedut mir-rappreżentant ta’ Livell Għoli tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u Affarijiet Interni tal-Kummissjoni (“DĠ HOME”).

Artikolu 5

Il-ħidma

1.   Il-grupp għandu jaġixxi fuq it-talba tal-President tiegħu skont l-Artikolu 13.1 tar-regoli orizzontali tal-Kummissjoni għall-gruppi ta’ esperti (“ir-regoli orizzontali”) (12).

2.   Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-grupp għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni.

3.   Id-DĠ HOME għandu jipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali tal-Kummissjoni minn dipartimenti oħra b’interess fil-proċedimenti jiġu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.

4.   Bi ftehim mad-DĠ Home, il-grupp jista’, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li jiftaħ il-laqgħat tiegħu għall-pubbliku.

5.   Il-minuti dwar id-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u l-opinjonijiet mogħtija mill-grupp għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jitħejjew mis-segretarjat taħt ir-responsabilità tal-President.

6.   Il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens. Meta ssir votazzjoni, ir-riżultat tal-votazzjoni għandu jkun deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra għandhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti.

Artikolu 6

Is-sottogruppi

1.   Id-DĠ HOME jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw temi speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza definiti mill-Kummissjoni. Is-sottogruppi għandhom joperaw f’konformità mar-regoli orizzontali u jirrapportaw lura lill-grupp. Dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti malli jintlaħaq l-għan tal-mandat tagħhom.

2.   Il-membri tal-grupp jista’ jinnomina rappreżentanti għas-sottogruppi b’għarfien tekniku ta’ livell għoli.

Artikolu 7

L-esperti mistiedna

Fuq bażi ad hoc, id-DĠ HOME jista’ jistieden lil xi esperti, inkluż mis-settur privat, li għandhom għarfien speċifiku dwar suġġett fl-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp.

Artikolu 8

L-osservaturi

1.   Individwi, organizzazzjonijiet u korpi pubbliċi jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, f’konformità mar-regoli orizzontali, bi stedina diretta tal-President.

2.   L-organizzazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi li jinħatru bħala osservaturi għandhom jaħtru lir-rappreżentanti tagħhom.

3.   L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, ma jkollhomx id-dritt tal-vot u m’għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-grupp.

Artikolu 9

Ir-regoli ta’ proċedura

Fuq proposta minn u bi qbil ma’ DĠ HOME, il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti, f’konformità mar-regoli orizzontali (13).

Artikolu 10

Is-segretezza professjonali u t-trattament ta’ informazzjoni kklassifikata

Il-membri tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, huma soġġetti għall-obbligi tas-segretezza professjonali li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplikaw għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom, u mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (14) u 2015/444 (15). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux rispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

Artikolu 11

It-trasparenza

1.   Il-grupp u s-sottogruppi għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti.

2.   Rigward il-kompożizzjoni tal-grupp, l-isem tal-membri, kif ukoll tal-osservaturi għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi tal-esperti.

3.   Id-dokumenti rilevanti kollha, inklużi l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew inkella permezz ta’ link mir-Reġistru għal sit web apposta, fejn tinsab din l-informazzjoni. L-aċċess għal siti web speċifiċi ma għandux ikun soġġett għar-reġistrazzjoni tal-utent jew xi restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u d-dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti minn pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom jiġu previsti biss meta d-divulgazzjoni ta’ dokument iddgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

Artikolu 12

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 13

L-applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2018.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, COM(2015) 185 final, Strasburgu, 28.4.2015.

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-appoġġ għall-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti, COM(2016) 379 final, Brussell, 14.6.2016.

(3)  9956/14 JAI 332 ENFOPOL 138 COTER 34.

(4)  Ara b’mod partikolari l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-laqgħa tal-Istati Membri tal-Kunsill dwar it-titjib tar-reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti tal-20 ta’ Novembru 2015 (14419/15), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iżvilupp tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ tat-30 ta’ Mejju 2016 (9641/16), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f’approċċ integrat u transsettorjali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni ta’ żgħażagħ tat-30 ta’ Mejju 2016 (9640/16), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti tal-21 ta’ Novembru 2016 (14276/16), il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta’ Ġunju 2017 (EUCO 8/17) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tad-19 ta’ Ġunju 2017 (10384/17).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 43, 6.3.2002, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI (ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1).

(9)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill Kumitat tar-Reġjuni Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE COM (2013) 941 final, 15.1.2014.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(11)  Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-25 ta’ Marzu 2004.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 final tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(13)  l-Artikolu 17 tar-Regoli orizzontali.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


Top