EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0784

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 tal-25 ta' April 2017 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1401

ĠU L 118, 6.5.2017, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 27/07/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/784/oj

6.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/784

tal-25 ta' April 2017

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1401

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 (2), l-Italja hija awtorizzata teżiġi li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fuq provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi għandha titħallas minn dawk l-awtoritajiet f'kont bankarju separat u mblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa. Il-miżura tikkostitwixxi deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE relattivament għar-regoli tal-VAT dwar il-ħlas u l-fatturar.

(2)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-16 ta' Frar 2017, l-Italja talbet li l-perjodu ta' din l-awtorizzazzjoni jittawwal. Fl-istess ħin, l-Italja talbet li l-kamp ta' applikazzjoni tad-deroga għall-provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi jitwessa' biex japplika kemm għall-kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali kif ukoll għal kumpaniji elenkati fl-indiċi Financial Times Stock Exchange Milano Indice di Borsa ('FTSE MIB').

(3)

Permezz ta' ittra tal-15 ta' Marzu 2017, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Italja. Permezz ta' ittra tas-16 ta' Marzu 2017, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha li kellha bżonn biex tevalwa t-talba.

(4)

L-Italja daħħlet miżuri addizzjonali ta' kontroll li jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa jwettqu kontroverifiki tal-operazzjonijiet differenti li jkunu ddikjaraw l-operaturi u jimmonitorjaw il-ħlasijiet tal-VAT li jkunu saru fil-kontijiet Statali mblukkati. Madankollu, dawn il-miżuri ta' kontroll għadhom fil-bidu tagħhom, u għad hemm bżonn ta' iktar żmien biex jiġi vvalutat kemm dawn qed jirnexxilhom iservu ta' inċentiv biex min iħallas it-taxxa jikkonforma mal-obbligi fiskali tiegħu. Għalhekk, l-Italja mhijiex f'pożizzjoni li tiffinalizza l-arranġamenti għal, u l-implimentazzjoni ta', miżuri adegwati ta' politika ta' kontroll qabel ma tiskadi d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 fil-31 ta' Diċembru 2017. Għaldaqstant, l-Italja talbet li l-perjodu ta' dik id-deroga jittawwal.

(5)

L-Italja skopriet li kien hemm l-evażjoni fir-rigward ta' provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi lil entitajiet oħrajn ikkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali kif ukoll lil għadd ta' kumpaniji elenkati fl-indiċi FTSE MIB. Sabiex tindirizza l-evażjoni tat-taxxa li tieħu l-forma ta' nuqqas ta' ħlas tal-VAT mill-fornituri lil dawk l-entitajiet, l-Italja qed titlob li titħalla tidderoga mill-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112/KE u li teżiġi li l-VAT dovuta fuq provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi lil dawn il-kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali u lill-kumpaniji elenkati fl-indiċi FTSE MIB titħallas minn dawk l-entitajiet fil-kont separat u mblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa. Barra minn hekk, hemm bżonn ukoll ta' deroga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE biex ikun jista' jitħalla kumment speċjali fuq il-fattura li jindika li l-VAT trid titħallas f'dak il-kont speċjali.

(6)

Effett wieħed tal-miżura huwa li l-fornituri, li huma persuni taxxabbli, ma jistgħux jikkumpensaw għall-VAT li jħallsu fuq l-input tagħhom bil-VAT li jirċievu fuq il-provvisti tagħhom. Jista' jkun li huma jkunu dejjem f'qagħda ta' kreditu, u jistgħu jkollhom jitolbu rifużjoni tal-VAT mingħand id-dipartiment tat-taxxa. Fir-rapport li bagħtet f'Ġunju tal-2016, kif kien jeżiġi l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1401, l-Italja wriet li s-sistema tagħha ta' rifużjonijiet tal-VAT taħdem sewwa, u li l-perjodu medju għar-rifużjonijiet tal-VAT mhuwiex ta' aktar minn tliet xhur. Barra minn hekk, mit-tagħrif li bagħtet l-Italja, il-fornituri li jfornu lill-awtoritajiet pubbliċi kienu jaqgħu taħt proċedura ta' prijorità li fiha l-perjodu għar-rifużjonijiet jerġa' huwa iqsar. Skont l-Italja, ir-regoli l-ġodda li ddaħħlu fis-seħħ mistennija jwasslu għal ġestjoni tajba ta' kull żieda possibbli fir-rifużjonijiet tal-VAT.

(7)

Fl-2014, l-Italja daħħlet l-obbligu tal-fatturar elettroniku għall-provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi. Dan għandu jippermetti li 'l quddiem, meta tkun ġiet żviluppata politika xierqa ta' kontroll li tkun titħaddem abbażi tad-dejta elettronika disponibbli, is-settur ikkonċernat ikun ikkontrollat adegwatament. Mill-1 ta' Jannar 2017, fl-Italja qed jiġu applikati miżuri addizzjonali ta' kontroll: dawn huma s-sistema tal-kontabilità mhux obbligatorja (magħrufa bħala 'fatturar elettroniku'); u l-obbligu li jingħata rapport lill-awtoritajiet tat-taxxa dwar il-fatturi li jkunu nħarġu u li jkunu waslu, li se japplikaw kemm għall-kumpaniji li għalihom qed tintalab id-deroga kif ukoll għall-fornituri tagħhom. Dawn il-miżuri huma maħsuba biex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa Taljani jwettqu kontroverifiki tal-operazzjonijiet differenti li jkunu ddikjaraw l-operaturi u jimmonitorjaw il-ħlasijiet tal-VAT. Ladarba din is-sistema tkun implimentata bis-sħiħ, ma għandux ikun hemm bżonn ta' aktar derogi mid-Direttiva 2006/112/KE. Għalhekk l-Italja offriet assigurazzjoni li mhijiex se tfittex li ġġedded id-deroga.

(8)

Jenħtieġ li d-deroga mitluba tkun limitata fiż-żmien sabiex ikun jista' jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva.

(9)

Sabiex jiġi żgurat is-segwitu meħtieġ fil-qafas ta' din id-deroga u b'mod partikolari l-impatt fuq ir-rifużjonijiet tal-VAT lil persuni taxxabbli koperti mid-deroga, jenħtieġ li l-Italja tkun obbligata tibgħat rapport lill-Kummissjoni, fi żmien 15-il xahar mid-dħul fis-seħħ tad-deroga, dwar is-sitwazzjoni ġenerali tar-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli u, b'mod partikulari, dwar l-ammont ta' żmien meħtieġ, bħala medja, għal dawn ir-rifużjonijiet, u dwar kemm il-miżura li ddaħħlet hija effettiva biex tnaqqas l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati. L-Italja għandha tkompli bir-riformi maħsuba biex jiżguraw li l-proċedura ta' rifużjonijiet tal-VAT tkun taħdem bla xkiel u fil-ħin.

(10)

Il-miżura ta' deroga hija proporzjonata għall-għanijiet li qed jiġu segwiti billi hija limitata fiż-żmien u hija ristretta għal setturi li jippreżentaw problemi konsiderevoli ta' evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, il-miżura ta' deroga ma tagħtix lok għal riskju li l-evażjoni timxi lejn setturi oħrajn jew lejn Stati Membri oħrajn.

(11)

Id-deroga mhijiex se taffettwa ħażin l-ammont globali ta' dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT.

(12)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1401 titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata tistipula li l-VAT dovuta fuq provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi lill-entitajiet li ġejjin trid titħallas mir-riċevitur f'kont bankarju separat u mblukkat tad-dipartiment tat-taxxa:

l-awtoritajiet pubbliċi;

kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (Codice Civile);

kumpaniji elenkati fil-Borża li huma inklużi fl-indiċi FTSE MIB, li l-lista tagħhom l-Italja se tippubblikaha fil-Ġurnal Uffiċjali Taljan (Gazzetta Ufficiale) wara t-28 ta' April 2017 u li tiġi riveduta kull sena jekk ikun hemm bżonn.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata teżiġi li l-fatturi li jinħarġu b'rabta ma' provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi lill-entitajiet elenkati taħt l-Artikolu 1 ikunu jinkludu kumment speċjali li l-VAT trid titħallas f'dak il-kont bankarju separat u mblukkat tad-dipartiment tat-taxxa.

Artikolu 3

L-Italja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali msemmijin fl-Artikoli 1 u 2.

Fi żmien 15-il xahar mid-dħul fis-seħħ fl-Italja tal-miżuri msemmijin fl-Artikoli 1 u 2, l-Italja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ġenerali tar-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli milqutin minn dawn il-miżuri u, b'mod partikolari, dwar kemm tieħu żmien, bħala medja, il-proċedura tar-rifużjonijiet u dwar kemm din il-miżura hija effettiva b'mod ġenerali biex tnaqqas l-evażjoni tal-VAT fis-setturi kkonċernati.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1401 titħassar b'effett mill-1 ta' Lulju 2017.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2017 sat-30 ta' Ġunju 2020.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' April 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

I. BORG


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 tal-14 ta' Lulju 2015 li tawtorizza lill-Italja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 217, 18.8.2015, p. 7).


Top