Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0621(02)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2017 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ talba għal emenda ta’ speċifikazzjoni għal isem fis-settur tal-inbid imsemmi fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Dealurile Crişanei (IĠP)]

    C/2017/4080

    ĠU C 197, 21.6.2017, p. 12–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    21.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 197/12


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-19 ta’ Ġunju 2017

    dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ talba għal emenda ta’ speċifikazzjoni għal isem fis-settur tal-inbid imsemmi fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Dealurile Crişanei (IĠP)]

    (2017/C 197/05)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Rumanija bagħtet applikazzjoni għall-emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni “Dealurile Crişanei” skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (2)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 93 sa 96, l-Artikolu 97(1), u l-Artikoli 100, 101 u 102 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 intlaħqu.

    (3)

    Sabiex tippermetti l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-applikazzjoni għal emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni “Dealurile Crişanei” jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    L-applikazzjoni għall-emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni “Dealurile Crişanei” (IĠP) skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tagħti d-dritt li wieħed jopponi l-emenda tal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Phil HOGAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


    ANNESS

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA ĠDIDA GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

    “DEALURILE CRIŞANEI”

    PGI-RO-A0106-AM01

    Data tas-sottomissjoni: 3.6.2015

    1.   Regoli applikabbli għall-emenda

    L-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Emenda mhux minuri

    2.   Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda

    2.1.   Emenda liż-żona demarkata

    L-assoċjazzjoni tal-Produtturi tal-Inbid tal-vinji tradizzjonali ta’ Satu Mare ressqet applikazzjoni biex timmodifika l-ispeċifikazzjonijiet għad-Dealurile Sătmarului GI, biex tiġi estiża ż-żona tal-produzzjoni demarkata biex tinkludi l-lokalitajiet li għandhom il-karatteristiċi speċifiċi taż-żona ta’ Satu Mare. Dawn il-lokalitajiet kienu ġew inklużi b’mod skorrett fiż-żona ddemarkata tal-ispeċifikazzjonijiet għad-Dealurile Crișanei GI, peress illi hemm serje ta’ argumenti rigward il-post u l-fatturi ekopedoklimatiċi f’dawk il-lokalitajiet, li huma speċifiċi għaż-żona tal-indikazzjoni Dealurile Sătmarului u mhux dik Dealurile Crișanei. Dan ta’ hawn fuq huwa sostnut b’informazzjoni rigward l-inbejjed mir-reġjun tal-produzzjoni tal-inbid ta’ Dealurile Sătmarului, jiġifieri minn Rătești, li ilhom ħafna jiġu prodotti u li huma magħrufa bl-isem “Dealurile Răteștilor” jew “Vinul de Halmeu”.

    L-inklużjoni tal-lokalitajiet in kwistjoni fiż-żona ta’ Satu Maru u, għalhekk, fl-indikazzjoni “Dealurile Sătmarului” u mhux f’“Dealurile Crișanei”, hija appoġġata b’dejta dwar ir-riżalt u l-klima ta’ għoljiet bħal Ardud-Beltiug-Hurez, Hododului, Tășnad-Săuca-Pir, Săcășeni-Supur, Tășnad-Cehal, li huma iktar weqfin u huma mtarrġa b’tali mod li jpattu għal kemm huma weqfin, b’ħamrija tat-tafal aħmar tal-Plejstoċenu u b’xaqlibiet li jħarsu lejn it-Tramuntana inqas weqfin koperti b’ħamrija aktar podżolika. L-influwenzi Mediterranji jippermettu l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ nbejjed b’aromi tal-fjuri jew tal-frott (il-frott irqiq tal-bosk tal-Pinot noir, tal-Merlot, tal-Burgund mare), kif ukoll inbejjed b’riħa ta’ bżar jew ħaxix b’noti primarji pjaċevoli (Fetească albă, Furmint). It-togħmiet huma tipiċi tal-varjetà: togħma mimlija, tannika, bellusija u b’astrinġenza moderata, qawwija, friska (l-inbejjed bojod).

    Il-lokalitajiet li qegħdin jitneħħew miż-żona tal-indikazzjoni ġeografika “Dealurile Crişanei” jinsabu fil-kontea ta’ Satu Mare. Dawn huma:

    Valea lui Mihai

    Il-muniċipalità ta’ Carei, il-lokalità ta’ Carei

    Pir (ir-raħal ta’ Pir)

    Săuca (ir-raħal ta’ Săuca)

    Cehal (l-irħula ta’ Cehal, Cehăluț u Orbău)

    Il-belt ta’ Tășnad, bil-lokalità ta’ Tășnad

    Sanislău, fil-Kontea ta’ Satu Mare, bil-lokalità ta’ Sanislău (ir-raħal ta’ Sanislău)

    Rătești, bil-lokalitajiet:

    Beltiug (l-irħula ta’ Beltiug, Rătești u Șandra)

    Ardud (l-irħula ta’ Ardud, Ardud Vii u Gerăușa)

    Viile Satu Mare (l-irħula ta’ Viile Satu Mare u Tătărăști)

    Socond (l-irħula ta’ Socond u Hodişa)

    Supur (l-irħula ta’ Dobra, Hurezu Mare u Racova)

    Acâș (ir-raħal ta’ Unimăt)

    Bogdand (l-irħula ta’ Bogdand, Babța, Ser u Corund)

    Hodod (l-irħula ta’ Hodod, Nadișu Hododului, Lelei, Giurtelecu Hododului)

    Il-lokalitajiet ta’ hawn fuq ma għadhomx fiż-żona ddemarkata tal-indikazzjoni “Dealurile Crişanei”.

    Bid-demarkazzjoni mill-ġdid taż-żona ġeografika tal-indikazzjoni ġeografika “Dealurile Crişanei” bit-tneħħija tal-lokalitajiet elenkati hawn fuq li jinsabu fit-territorju tal-Kontea ta’ Satu Mare, iż-żona tal-kultivazzjoni u tal-produzzjoni demarkata li minnha se jinkisbu l-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika se tinkludi dawn li ġejjin:

    Il-Kontea ta’ Bihor, il-lokalitajiet:

    Diosig (l-irħula ta’ Diosig u Vaida)

    Săcueni (l-irħula ta’ Săcueni u Cadea)

    Ciuhoi (l-irħula ta’ Sâniob u Ciuhoi)

    Biharia (ir-raħal ta’ Biharia)

    Cetariu (l-irħula ta’ Şişterea u Paleu)

    Tileagd (ir-raħal ta’ Tileagd)

    Valea lui Mihai.

    Il-Kontea ta’ Sălaj, il-lokalitajiet:

    il-belt ta’ Șimleu Silvaniei, il-lokalitajiet ta’ Șimleu Silvaniei u Cehei

    Nuşfalău (l-irħula ta’ Nuşfalău, Boghiş, Bozieş u Bilghez)

    Vârşolţ (ir-raħal ta’ Vârşolţ)

    Ip (l-irħula ta’ Ip, Zăuan, Zăuan Băi)

    Camăr (ir-raħal ta’ Camăr)

    Pericei (l-irħula ta’ Pericei, Sici u Bădăcin)

    Carastelec (l-irħula ta’ Carastelec u Dumuslău)

    Crasna (ir-raħal ta’ Crasna)

    Măerişte (ir-raħal ta’ Măerişte, Doh u Uileacu Şimleului)

    il-muniċipalità ta’ Zalău, il-lokalità ta’ Zalău

    Meseşenii de Jos (l-irħula ta’ Meseşenii de Jos u Aghireş)

    Crişeni (Crişeni u Gârceiu)

    Hereclean (l-irħula ta’ Hereclean, Guruslău, Dioşod u Badon)

    Dobrin (l-irħula ta’ Dobrin u Doba)

    Horoatu Crasnei (ir-raħal ta’ Horoatu Crasnei)

    Coşeiu (Coşeiu u Archid)

    Şamşud (l-irħula ta’ Şamşud u Valea Pomilor)

    Bocşa (l-irħula ta’ Bocşa u Borla)

    Sărmăşag (l-irħula ta’ Sărmăşag, Lompirt, Ilisua u Moiad)

    Bobota (l-irħula ta’ Bobota, Dersida u Zalnoc).

    Il-lokalità ta’ Valea lui Mihai fil-kontea ta’ Satu Mare, bi żball ġiet inkluża fl-indikazzjoni ġeografika ta’ “Dealurile Crişanei” fil-fajl tekniku li ntbagħat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 118(s) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    L-iżball tal-inklużjoni tal-lokalità ta’ Valea lui Mihai fil-kontea ta’ Satu Mare, fiż-żona tal-indikazzjoni, huwa minħabba li fil-passat, skont id-diviżjoni/id-demarkazzjoni taż-żoni tat-tkabbir tad-dwieli fil-perjodu tar-reġim Komunista fir-Rumanija, meta l-lokalitajiet ġew organizzati skont il-vinji u ċ-ċentri għat-tkabbir tad-dwieli, kien hemm vinja magħrufa bl-isem ta’ Valea lui Mihai li estendiet fiż-żewġ kontej, Satu Mare u Bihor.

    Skont l-Ordni tal-Ministru tal-Agrikoltura, tal-Ikel u tal-Forestrija Nru 397/2003 li tapprova d-Deżinjazzjoni taż-żoni tat-tkabbir tad-dwieli għall-inbid u r-raggruppament tal-lokalitajiet f’reġjuni tat-tkabbir tad-dwieli, vinji u ċentri tat-tkabbir tal-inbid (ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 513 tas-16 ta’ Lulju 2003), fil-punt V — Ir-Reġjuni tat-tkabbir tal-Inbid ta’ Crişanei u Maramureşului, il-pożizzjoni 28 tqiegħed lil Valea lui Mihai fil-kontea ta’ Satu Mare barra minn Bihor, fuq il-bażi tas-setturi l-qodma msemmija hawn fuq.

    DOKUMENT UNIKU

    1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat/Ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati

    Dealurile Crişanei

    2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

    IĠP — Indikazzjoni Ġeografika Protetta.

    3.   Kategoriji għall-prodotti tad-dwieli

    1.

    Inbid

    4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

    Il-karatteristiċi kimiċi u organolettiċi

    qawwa alkoħolika attwali: minimu ta’ 10 % skont il-volum;

    l-aċidità totali (aċidu tartariku): minimu ta’ 4,5 g/l;

    aċidità volatili (aċidu aċetiku): massimu ta’ 1,2 g/l;

    estratt niexef li ma jirriduċix: mhux anqas minn 17 g/l;

    it-total tad-diossidu tal-kubrit: massimu ta’ 300 mg/l;

    id-diossidu tal-kubrit ħieles: massimu ta’ 60 mg/l

    1.   Sauvignon:

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: aħdar fl-isfar, brillanti, l-ebda marka ta’ ossidazzjoni

    Riħa: aroma raffinata tal-fjura tas-sebuqa

    Togħma: b’togħma ta’ frott, pjaċevoli

    2.   Traminer roz:

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: isfar fl-aħdar, brillanti

    Riħa: aroma friska, pjaċevoli tal-petali tal-ward

    Togħma: delikata, armonjuża, il-maturazzjoni fil-flixkun tagħti kwalitajiet distinti

    3.   Pinot Gris:

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: abjad fl-aħdar, b’laqtiet kemxejn safranija

    Riħa: aroma primarja pjaċevoli tat-tuffieħ imqatta’ frisk

    Togħma: ratba, palatabbli, b’togħma ħafifa tal-qoxra tal-ħobż tas-segala u ta’ fjuri tal-akaċja

    4.   Fetească regală:

    Dehra: ċara

    Kulur: isfar fl-aħdar, jista’ jsir isfar dehbi fil-maturità tal-konsum

    Riħa: aroma tat-tuffieħ tas-sajf daqsxejn qares, meta jkun kemxejn immaturat ikollu togħma ħafifa ta’ ħuxlief maħsud frisk u ta’ għasel

    Togħma: distintiva, qawwija, li ssir kemxejn qisha l-etere bil-maturazzjoni, ibbilanċjata

    5.   Fetească albă:

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: abjad fl-aħdar

    Riħa: aroma primarja pjaċevoli

    Togħma: pjaċevoli, partikolari, bħat-tuffieħ tas-sajf

    6.   Riesling varietal (Riesling de Rhin, Riesling Italian):

    Dehra: ċara

    Kulur: isfar fl-aħdar, brillanti

    Riħa: ebda aroma primarja speċifika, għandha noti ġeblin, minerali fil-maturità

    Togħma: palatabbli, togħma ta’ frott, friska immens, pjaċevolment aċidulata, nadifa u sobrija

    7.   Chardonnay

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: isfar dehbi

    Riħa: aroma karatteristika tal-akaċja

    Togħma: ratba, żejtnija, mimlija, bellusija, u armonjuża

    8.   Iordană

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: isfar fl-aħdar

    Riħa: tuffieħ aħdar nej

    Togħma: friska u vivaċi minħabba l-livell għoli ta’ aċidità, għandu jiġi kkunsmat bħala “inbid żagħżugħ”

    9.   Mustoasă de Măderat:

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: isfar fl-aħdar, bħal tal-lumi mhux misjur, jekk jiġi mmaturat fil-flixkun isir isfar ċar

    Riħa: tuffieħ aħdar nej, friska, b’ noti ta’ fjura tad-dwieli

    Togħma: friska u rinfreskanti, vivaċi minħabba l-livell għoli ta’ aċidità iżda fl-istess ħin inbid “fit-tul”, li jista’ jiġi kkunsmat mill-ewwel mingħajr il-bżonn ta’ maturazzjoni

    10.   Furmint:

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: abjad fl-aħdar b’laqtiet ta’ isfar ċar u mingħajr marki tal-ossidazzjoni

    Riħa: aroma primarja pjaċevoli ta’ frott eżotiku

    Togħma: pjaċevoli, simili għal dik ta’ frotta eżotika.

    11.   Furmint de Miniş:

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: abjad fl-aħdar b’laqtiet ta’ isfar ċar u mingħajr marki tal-ossidazzjoni

    Riħa: aroma primarja pjaċevoli ta’ frott eżotiku

    Togħma: pjaċevoli, imponenti, b’finitura ċara u akkattivanti, oriġinali.

    12.   Muscat Ottonel:

    Dehra: ċara u brillanti

    Kulur: isfar lewn it-tiben jew isfar intens, skont il-kwalità tal-għeneb fil-ħsad

    Riħa: noti delikati ta’ fjuri, aroma tipika tal-Muscat, kumplessa ħafna, sottili u delikata.

    Togħma: togħma tipika tal-Muscat, sottili, delikata, sħiħa, armonjuża, mimlija b’mod pjaċevoli u kemxejn bellusija.

    13.   Tămâioasă românească:

    Dehra: ċara u brillanti

    Kulur: isfar lewn it-tiben jew isfar intens, skont il-kwalità tal-għeneb fil-ħsad

    Riħa: noti delikati ta’ fjuri, aroma tipika, sottili u delikata;

    Togħma: aroma tipika tal-inċens, palat qawwi, armonjuża, b’nota bellusija pjaċevoli

    14.   Cabernet Sauvignon:

    Dehra: ċara, trasparenti

    Kulur: aħmar rubin

    Riħa: aroma distinta ta’ veġetazzjoni u ħaxix

    Togħma: ħarxa, tannika, iebsa, bil-maturazzjoni ssir pjaċevolment bellusija, mimlija u iktar ratba

    15.   Pinot noir:

    Dehra: ċara, trasparenti

    Kulur: aħmar ċirasa skur

    Riħa: aroma li tinbidel minn ċirasa għal ċirasa qarsa misjura mal-maturazzjoni

    Togħma: fina, bellusija, delikata, kumplessa u rfinuta

    16.   Merlot:

    Dehra: ċara, trasparenti

    Kulur: aħmar rubin, brillanti

    Riħa: aroma pjaċevoli ta’ frott tal-foresti, lampun frisk

    Togħma: l-astrinġenza hija aktar moderata milli fil-każ tal-Cabernet Sauvignon, u għandha l-konsistenza bellusija speċifika għal din il-varjetà.

    17.   Fetească neagră:

    Dehra: ċara, trasparenti

    Kulur: aħmar granata intens

    Riħa: aroma kumplessa u oriġinali

    Togħma: iffurmata sew, pjaċevoli u biżżejjed qawwija, ta’ togħma tajba u attraenti

    18.   Burgund mare:

    Dehra: ċara, pjaċevoli

    Kulur: aħmar granata bi ħjiel ta’ vjola, kulur intens

    Riħa: aroma ta’ frott tal-foresta misjur passolina ħamra, cowberry, tut u mirtilli.

    Togħma: ibbilanċjata, konsistenti, dewwiema, mhux aggressiva.

    19.   Syrah:

    Dehra: ċara, trasparenti

    Kulur: aħmar brillanti

    Riħa: riħa ta’ fjuri b’aromi intensi ħafna li jfakkruk fil-bżar

    Togħma: tannika, konsistenti, b’palat qawwi

    5.   Metodi tal-produzzjoni tal-inbid

    a.   Metodi enoloġiċi essenzjali

    Prattiki enoloġiċi

    Restrizzjonijiet rilevanti dwar il-produzzjoni tal-inbid:

    Iż-żieda tas-sakkarożju mhijiex permessa għall-produzzjoni ta’ nbejjed bl-indikazzjoni ġeografika “Dealurile Crișanei”.

    b.   Produzzjoni massima

    Il-produzzjoni tal-għeneb — għall-varjetajiet Fetească regală, Iordană, Mustoasa de Maderat:

    15 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

    Il-produzzjoni tal-għeneb — għall-varjetajiet Fetească albă, Furmint, Furmint de Miniș, Riesling de Rhin u Riesling Italian:

    12 500 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

    Il-produzzjoni tal-għeneb — għall-varjetajiet Merlot, Feteasca neagra u Burgund mare:

    12 500 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

    Il-produzzjoni tal-għeneb — għall-varjetajiet Muscat Ottonel, Tămâioasă românească, Pinot gris, Chardonnay, Sauvignon, Traminer roz:

    10 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

    Il-produzzjoni tal-għeneb — għall-varjetajiet Cabernet Sauvignon, Pinot noir u Syrah:

    10 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

    Il-produzzjoni tal-inbid — għall-inbejjed bojod:

    95 hl għal kull ettaru

    Il-produzzjoni tal-inbid — għall-inbejjed ħomor, rosé u aromatiċi:

    85 hl għal kull ettaru

    6.   Żona demarkata

    Il-kontea ta’ Bihor

    l-irħula ta’ Diosig u Vaida

    l-irħula ta’ Săcueni u Cadea

    l-irħula ta’ Sâniob, Ciuhoi u Biharia

    l-irħula ta’ Cetariu — Șișterea u Paleu

    ir-raħal ta’ Tileagd

    ir-raħal ta’ Valea lui Mihai

    Il-kontea ta’ Sălaj

    Il-belt ta’ Șimleu Silvaniei, bil-lokalitajiet ta’ Șimleu Silvaniei u Cehei

    l-irħula Nușfalău, Boghiș, Bozieș u Bilghez

    ir-raħal ta’ Vârșolț

    l-irħula ta’ Ip, Zăuan and Zăuan Băi

    ir-raħal ta’ Camăr

    l-irħula ta’ Pericei, Sici u Bădăcin

    l-irħula ta’ Carastelec, Dumuslău u Crasna

    l-irħula ta’ Măeriște, Doh u Uileacu Șimleului

    Il-muniċipalità ta’ Zalău

    l-irħula ta’ Meseșenii de Jos u Aghireș

    l-irħula ta’ Crișeni u Gârceiu

    l-irħula ta’ Hereclean, Guruslău, Dioșod u Badon

    l-irħula ta’ Dobrin u Doba

    l-irħula ta’ Horoatu Crasnei, Coșeiu u Archid

    l-irħula ta’ Şamşud, Valea Pomilor, Bocşa u Borla

    l-irħula ta’ Sărmăşag, Lompirt, Ilisua u Moiad

    l-irħula ta’ Bobota, Dersida u Zalnoc

    7.   Għenbiet ewlenin tal-inbid

     

    Burgund Mare N

     

    Tămâioasă românească B

     

    Pinot Gris G

     

    Fetească neagră N

     

    Muscat Ottonel B

     

    Cabernet Sauvignon N

     

    Sauvignon B

     

    Merlot N

     

    Fetească regală B

     

    Fetească albă B

     

    Furmint de Miniş B

     

    Furmint B

     

    Iordană B

     

    Chardonnay B

     

    Mustoasă de Măderat B

     

    Syrah N

     

    Traminer Roz Rs

     

    Riesling italian B

     

    Riesling de Rhin B

     

    Pinot Noir N

    8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

    Rabta maż-żona demarkata

    Il-karatteristika naturali speċifika tal-ambjent hija ż-żona tax-xmara Crișul Repede, ikkonfinata fit-Tramuntana mill-muntanja Șes, għoljiet ġentili qrib il-pjanura u l-influwenza tal-klima tal-Ewropa Ċentrali, li twassal għal ċertu tnaqqis fit-temperaturi u varjabbiltà ikbar tax-xita. Ix-xtiewi f’din iż-żona huma inqas ebsin, u ż-żoni tat-tkabbir tad-dwieli jgawdu minn ammont kbir ta’ xemx filwaqt li huma protetti mill-irjieħ u mill-kurrenti kesħin.

    Fiż-żoni tat-tkabbir tad-dwieli ta’ Diosig u Valea lui Mihai, fiż-żona ta’ Silvania u fiċ-ċentri tat-tkabbir tad-dwieli ta’ Biharia u Tileagd hemm dwieli mifruxa fuq żona kbira, fit-Tramuntana u l-Grigal tal-Oradea. Iċ-ċentri tat-tkabbir tad-dwieli taż-żoni tal-inbid (Diosig, Săcuieni u Sâniob) għandhom tradizzjoni li tmur lura għall-1569-1578. L-inbejjed bojod li jiġu prodotti hawnhekk huma rikki, b’togħma espressiva u karattru qawwi aċiduż u b’togħma ta’ frott. Il-varjetajiet b’potenzjal partikolari f’din iż-żona ta’ tkabbir tal-inbid jinkludu l-Fetească albă, il-Fetească regală, ir-Riesling Italian u l-Muscat Ottonel aromatiku. L-inbejjed ta’ din iż-żona għandhom struttura bbilanċjata tajjeb. Il-potenzjal enoklimatiku tar-reġjun tal-produzzjoni tal-inbid għandu punteġġ ta’ 4 287 fuq l-indiċi idro-eljo-termali. Dan ifisser li r-reġjun huwa partikolarment addattat għall-inbid abjad, li jkollu aromi espressivi ta’ fjuri tal-akaċja, tuffieħ aħdar u ħaxix maqtugħ (Fetească regală), b’finitura twila (Tămâioasă românească), lanġas misjur, noti ta’ vanilla meta jiġi mmaturat fi btieti tal-ballut, b’noti eżotiċi prominenti ta’ ananas (Chardonnay), ibbilanċjat u b’aċidità tajba. L-inbejjed ħomor ikunu mimlija, bellusija, b’aromi li jvarjuaw minn ċirasa sa ċirasa morra misjura meta jimmatura fil-każ tal-Pinot noir, noti ta’ bżar fil-każ tas-Syrah, u frott tal-foresti tipiku — lampun frisk fil-każ tal-Merlot.

    9.   Kundizzjonijiet essenzjali oħra

    Qafas legali:

    Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

    Tip ta’ kundizzjoni ulterjuri:

    Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

    Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

    Meta jkunu ttikkettati, l-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika “Dealurile Crișanei” irid ikollhom tikketta prinċipali. It-tikketta ta’ wara mhijiex obbligatorja.

    10.   Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    http://www.onvpv.ro/sites/default/files/caiet_sarcini_ig_dealurile_crisanei_cf_cererii_de_modif_395_din_20.02.2015_accept_changes.pdf


    Top