Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0618

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/618 tas-27 ta' Marzu 2017 dwar it-tnedija fid-Danimarka ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi

    ĠU L 89, 1.4.2017, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/618/oj

    1.4.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 89/6


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/618

    tas-27 ta' Marzu 2017

    dwar it-tnedija fid-Danimarka ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-forniment ta' data personali previst skont dik id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fl-Kapitolu 6 ma jkunux ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji tal-Istati Membri involuti f'tali forniment.

    (2)

    L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (3) jipprevedi li l-verifika li l-kundizzjoni ta' hawn fuq tkun ġiet issodisfata fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta' data f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI għandha ssir abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju, żjara ta' evalwazzjoni u prova pilota.

    (3)

    F'konformità mal-punt 1.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta' data u għandu jintwieġeb minn Stat Membru hekk kif huwa jemmen li huwa jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta' data.

    (4)

    Id-Danimarka lestiet il-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar l-iskambju tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD).

    (5)

    Id-Danimarka wettqet b'suċċess prova pilota man-Netherlands.

    (6)

    Saret żjara ta' evalwazzjoni fid-Danimarka u sar rapport dwar iż-żjara ta' evalwazzjoni mill-iskwadra ta' evalwazzjoni Netherlandiża u Żvediża li ntbagħat lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill.

    (7)

    Ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sintesi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjara ta' evalwazzjoni u tal-prova pilota fir-rigward tal-iskambju ta' VRD

    (8)

    Fit-13 ta' Ottubru 2016, il-Kunsill, wara li ħa nota tal-ftehim tal-Istati Membri kollha marbutin bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, ikkonkluda li d-Danimarka kienet implimentat għalkollox id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fl-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    (9)

    Għalhekk, għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat tal-VRD, id-Danimarka għandha tkun intitolata li tirċievi u tforni data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    (10)

    Fis-sentenza tagħha tat-22 ta' Settembru 2016 fil-Kawżi Konġunti C-14/15 u C-116/15, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet li l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jistabbilixxi illegalment ir-rekwiżit ta' unanimità għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni.

    (11)

    Madankollu, l-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jagħti lill-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-riċeviment u l-forniment ta' data personali previsti taħt dik id-Deċiżjoni.

    (12)

    Peress li l-kondizzjonijiet biex jingħata bidu għall-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati u l-proċedura f'dan ir-rigward ġiet segwita, għandha tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni dwar it-tnedija fid-Danimarka ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' VRD sabiex dak l-Istat Membru jkun jista' jirċievi u jforni data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    (13)

    Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    (14)

    Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat ta' Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi, id-Danimarka hija intitolata li tirċievi u tforni data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI mit-2 ta' April 2017.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ABELA


    (1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

    (2)  L-Opinjoni tal-15 ta' Marzu 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).


    Top