EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R2135

Regolament (UE) 2016/2135 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom

ĠU L 338, 13.12.2016, p. 34–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2135/oj

13.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/34


REGOLAMENT (UE) 2016/2135 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Novembru 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina ż-żieda ta' pagamenti interim mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b'ammont li jikkorrispondi għal 10 punti perċentwali fuq ir-rata ta' kofinanzjament attwali għal kull prijorità jew miżura għall-Istati Membri li kienu taħt programm ta' aġġustament wara l-21 ta' Diċembru 2013 u li talbu biex jibbenefikaw minn dik iż-żieda sat-30 ta' Ġunju 2016 u għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport bil-valutazzjoni tagħha u, jekk meħtieġ, proposta leġiżlattiva qabel it-30 ta' Ġunju 2016. Il-Kummissjoni ssottomettiet dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis-27 ta' Ġunju 2016.

(2)

Ħames Stati Membri kienu eliġibbli għal żieda fil-pagament taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jiġifieri r-Rumanija, l-Irlanda, il-Portugall, Ċipru u l-Greċja. Ir-Rumanija, l-Irlanda, il-Portugall u Ċipru lestew il-programmi ta' aġġustament ekonomiku rispettivi tagħhom. Hija biss il-Greċja li għadha taħt programm ta' aġġustament u tibbenefika minn assistenza finanzjarja relatata sat-tielet kwart tal-2018. Peress li l-Greċja għadha qed tiffaċċja diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabbiltà finanzjarja tagħha, jenħtieġ li t-tul tal-applikazzjoni ta' żieda fil-pagamenti għall-Istati Membri b'diffikultajiet baġitarji temporanji jiġi estiż.

(3)

Madankollu, jenħtieġ li l-possibbiltà għal pagamenti miżjuda tintemm fit-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara s-sena kalendarja li fiha Stat Membru ma jibqax jirċievi assistenza finanzjarja taħt programm ta' aġġustament.

(4)

L-Artikolu 120(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq analiżi biex tivvaluta l-ġustifikazzjoni għaż-żamma ta' rata massima ta' kofinanzjament ta' 85 % fil-livell ta' kull assi ta' prijorità għall-programmi operazzjonali kollha appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) f'Ċipru wara t-30 ta' Ġunju 2017 u biex tagħmel, jekk meħtieġ, proposta leġiżlattiva qabel it-30 ta' Ġunju 2016.

(5)

Ċipru ħareġ mill-programm ta' aġġustament tiegħu fl-aħħar ta' Marzu 2016. Madankollu, is-sitwazzjoni ekonomika ta' Ċipru għadha fraġli, kif jidher mir-rata ta' tkabbir kajmana tiegħu, it-tnaqqis fl-investiment, il-qgħad għoli u s-settur finanzjarju taħt pressjoni. Biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-baġit nazzjonali u jiġu mħaffa l-investimenti ferm meħtieġa, jenħtieġ li r-rata ta' kofinanzjament ta' 85 % għall-programmi operazzjonali kollha appoġġati mill-FEŻR u l-FSE f'Ċipru għalhekk tiġi estiża sal-għeluq tal-programm operazzjonali.

(6)

Sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 24 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 24

Żieda fil-pagamenti għall-Istati Membri b'diffikultajiet baġitarji temporanji

1.   Fuq it-talba ta' Stat Membru, il-pagamenti interim jistgħu jiżdiedu b'10 punti perċentwali aktar mir-rata ta' kofinanzjament applikabbli għal kull prijorità għall-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni jew għal kull miżura għall-FAEŻR u l-FEMS.

Jekk Stat Membru jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin wara l-21 ta' Diċembru 2013, ir-rata miżjuda, li ma tistax taqbeż il-100 %, għandha tapplika għat-talbiet tiegħu għal pagamenti għall-perjodu sat-30 ta' Ġunju 2016:

(a)

fejn l-Istat Membru kkonċernat jirċievi self mill-Unjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 407/2010;

(b)

fejn l-Istat Membru kkonċernat jirċievi għajnuna finanzjarja fuq perjodu ta' żmien medju skont ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 taħt il-kondizzjoni tal-implimentazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku;

(c)

fejn l-għajnuna finanzjarja ssir disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat taħt il-kondizzjoni tal-implimentazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 472/2013.

Jekk Stat Membru jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu wara t-30 ta' Ġunju 2016, ir-rata miżjuda għandha tapplika għall-applikazzjonijiet għal pagamenti tiegħu għall-perjodu sat-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara s-sena kalendarja li matulha l-assistenza finanzjarja relatata tasal fi tmiemha.

Dan il-paragrafu ma japplikax għal programmi taħt ir-Regolament KTE.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-pagamenti interim u l-pagamenti tal-bilanċ finali ma għandux ikun ogħla minn:

(a)

in-nefqa pubblika; jew

(b)

l-ammont massimu ta' appoġġ mill-Fondi SIE għal kull prijorità għall-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni, jew għal kull waħda mill-miżuri tal-FAEŻR u l-FEMS, kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm,

skont liema wieħed ikun l-inqas.”;

(2)

fl-Artikolu 120(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-għeluq tal-programm operazzjonali, ir-rata ta' kofinanzjament fil-livell ta' kull assi ta' prijorità għall-programmi operazzjonali kollha f'Ċipru m'għandhiex tkun ogħla minn 85 %.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta' Novembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  L-Opinjoni tal-21 ta' Settembru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2016.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


Top