Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R2032

    Regolament (UE) 2016/2032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, fir-rigward tal-ġbir tal-informazzjoni dwar merkanzija, passiġġieri u inċidenti

    ĠU L 317, 23.11.2016, p. 105–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/05/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R0643

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2032/oj

    23.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 317/105


    REGOLAMENT (UE) 2016/2032 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-26 ta' Ottubru 2016

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, fir-rigward tal-ġbir tal-informazzjoni dwar merkanzija, passiġġieri u inċidenti

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni, it-trażmissjoni, l-evalwazzjoni u t-tixrid ta' statistika komparabbli dwar it-trasport ferrovjarju fl-Unjoni.

    (2)

    L-istatistika dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri bil-ferrovija hija neċessarja sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja u tiżviluppa l-politika ta' trasport komuni, kif ukoll l-elementi ta' trasport ta' dawk il-politiki li jirrigwardaw ir-reġjuni u n-netwerks transEwropej.

    (3)

    L-istatistika dwar is-sikurezza ferrovjarja hija neċessarja wkoll sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tħejji u timmonitorja l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sikurezza tat-trasport. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji tiġbor data dwar l-inċidenti taħt l-Anness I tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rigward tal-indikaturi komuni tas-sigurtà u l-metodi komuni għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-inċidenti.

    (4)

    Hu importanti li jiġi evitat ix-xogħol doppju u li jsir l-aħjar użu tal-informazzjoni eżistenti li tkun tista' tintuża għall-finijiet ta' statistika. Għal dak il-għan, u bil-ħsieb li tkun provduta informazzjoni faċilment aċċessibbli u utli għaċ-ċittadini tal-Unjoni u partijiet ikkonċernati oħra dwar is-sikurezza tat-trasport ferrovjarju u l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja, inklużi l-infrastruttura ferrovjarja, għandhom jiġu stabbiliti ftehimiet ta' kooperazzjoni adatti dwar l-attivitajiet ta' statistika bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-entitajiet rilevanti, inkluż fil-livell internazzjonali.

    (5)

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jibagħtu data dwar il-passiġġieri lill-Kummissjoni (Eurostat) skont ir-Regolament (KE) Nru 91/2003, ipprovdew regolarment l-istess data kemm għad-datasets proviżorji kif ukoll għal dawk finali.

    (6)

    Għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-utenti u l-piż fuq ir-rispondenti meta tiġi prodotta statistika Ewropea.

    (7)

    Fil-Grupp ta' Ħidma u t-Task Force tiegħu dwar l-istatistika ferrovjarju, il-Eurostat wettaq analiżi teknika tad-data eżistenti dwar l-istatistika dwar it-trasport ferrovjarju miġbura bis-saħħa tal-atti tal-Unjoni vinkolanti rilevanti u tal-politika ta' disseminazzjoni, sabiex kemm jista' jkun jiġu simplifikati d-diversi attivitajiet meħtieġa għall-produzzjoni tal-istatistika, filwaqt li jiġi żgurat li r-riżultat finali jibqa' allinjat mal-bżonnijiet attwali u futuri tal-utenti.

    (8)

    Fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza tagħha miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 91/2003, il-Kummissjoni semmiet il-fatt li l-iżviluppi fuq terminu twil probabbilment iwasslu għas-soppressjoni jew is-simplifikazzjoni tad-data diġà miġbura taħt dak ir-Regolament, u li l-għan huwa li jitnaqqas il-perijodu ta' trażmissjoni tad-data għad-data annwali dwar il-passiġġieri bil-ferrovija. Il-Kummissjoni għandha tkompli tipprovdi rapporti f'intervalli regolari dwar l-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament.

    (9)

    Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta x'uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”), jeħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

    (10)

    Sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi l-ġodda fl-Istati Membri filwaqt li, fl-istess ħin, jinżamm il-ġbir armonizzat tad-data dwar it-trasport ferrovjarju fl-Unjoni kollha, u bil-ħsieb li tinżamm il-kwalità għolja tad-data mibgħuta mill-Istati Membri, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar Regolament (KE) Nru 91/2003 biex jiġu adattati d-definizzjonijiet tekniċi u biex jiġu previsti definizzjonijiet tekniċi addizzjonali. Hu ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

    (11)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti.

    (12)

    Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 91/2003, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tingħata għar-rapporti dwar il-kwalità u l-komparabbiltà tar-riżultati, u l-arranġamenti għad-disseminazzjoni ta' dawk ir-riżultati mill-Kummissjoni (Eurostat). Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (13)

    Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ġie kkonsultat.

    (14)

    Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jitħassru l-punti 24 sa 30;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10 rigward l-emendar tal-Artikolu preżenti li jadatta d-definizzjonijiet tekniċi li jinsabu fil-punti 8 sa 10 u 21 sa 23 tal-paragrafu 1, u li tipprevedi definizzjonijiet tekniċi addizzjonali meta jkun meħtieġ biex jittieħed kont ta' żviluppi ġodda li jirrikjedu d-definizzjoni ta' ċertu livell ta' dettall tekniku sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tal-istatistika.

    Meta teżerċita dik is-setgħa, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika debitament l-azzjonijiet statistiċi previsti f'dawk l-atti delegati, bl-użu, fejn adatt, ta' analiżi tal-kosteffettività, inkluż valutazzjoni tal-piż fuq ir-rispondenti u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

    (*)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera) (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).”"

    (2)

    L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jitħassru l-punti (b), (d) u (h);

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw taħt l-Annessi A u C informazzjoni għall-impriżi li għandhom:

    (a)

    volum totali ta' trasport ta' merkanzija tagħhom ta' mill-anqas 200 000 000 tunnellata-kilometri jew mill-anqas 500 000 tunnellata;

    (b)

    volum totali ta' trasport ta' passiġġieri tagħhom ta' mill-anqas 100 000 000 passiġġieri-kilometri.

    Ir-rapportar taħt l-Annessi A u C għandu jkun fakultattiv fir-rigward ta' impriżi li jaqgħu taħt il-livelli limitu msemmija fil-punti (a) u (b).”;

    (c)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw taħt l-Anness L l-informazzjoni totali għall-impriżi li jaqgħu taħt il-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 2 jekk dik l-informazzjoni ma tiġix irrapportata taħt l-Annessi A u C, kif speċifikat fl-Anness L.”;

    (3)

    fl-Artikolu 5(2), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(b)

    l-informazzjoni amministrattiva, li tinkludi l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet regolatorji, b'mod partikolari l-polza tat-tagħbija tal-merkanzija ferrovjarja jekk tkun disponibbli”;

    (4)

    L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Tixrid

    L-istatistika bbażata fuq id-data speċifikata fl-Annessi A, C, E, F, G, u L għandha tiġi mxerrda mill-Kummissjoni (Eurostat).

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti għat-tixrid tar-riżultati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

    (5)

    L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-kwalità tal-informazzjoni trażmessa.”.

    (b)

    jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-kriterji ta' kwalità li għandhom jiġu applikati għall-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa huma dawk imsemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw l-arranġamenti dettaljati, l-istruttura, il-perjodiċità u l-elementi ta' komparabbiltà għar-rapporti ta' kwalità standard. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

    (6)

    L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Rapporti dwar l-implimentazzjoni

    Sal-31 ta' Diċembru 2020 u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar żviluppi futuri.

    F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-informazzjoni rilevanti provduta mill-Istat Membri li tirrigwarda l-kwalità tal-informazzjoni trażmessa, il-metodi li jintużaw għall-ġbir tal-informazzjoni u l-informazzjoni dwar titjib potenzjali u dwar il-ħtiġijiet tal-utenti.

    B'mod partikolari, dak ir-rapport għandu:

    (a)

    jivvaluta l-benefiċċji, għall-Unjoni, l-Istati Membri u l-fornituri u l-utenti ta' informazzjoni statistika, tal-istatistika prodotta, meta mqabbla mal-ispejjeż tagħhom;

    (b)

    jivvaluta l-kwalità tal-informazzjoni trażmessa, il-metodi użati għall-ġbir tal-informazzjoni u l-kwalità tal-istatistika prodotta.”;

    (7)

    L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 10

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-13 ta' Diċembru 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien bl-istess durata, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

    3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha twassal għat-tmiem id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' atti delegati diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (**).

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill.

    (**)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

    (8)

    L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 11

    Proċedura ta' Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***).

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (***)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

    (9)

    Jitħassar l-Artikolu 12;

    (10)

    Jitħassru l-Annessi B, D, H u I;

    (11)

    L-Anness C huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness I għal dan ir-Regolament,

    (12)

    Jiżdied l-Anness L, kif indikat fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta' Ottubru 2016.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    I. LESAY


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-18 ta' Lulju 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija (ĠU L 14, 21.1.2003, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi ta' l-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta' l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

    (4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


    ANNESS I

    “ANNESS C

    STATISTIKA ANNWALI DWAR IT-TRASPORT TAL-PASSIĠĠIERI — RAPPURTAR DETTALJAT

    Lista tal-varjanti u tal-unitajiet tal-kejl

    Passiġġieri ttrasportati fi:

    numru ta' passiġġieri

    passiġġieri-kilometri

    Movimenti tal-ferroviji tal-passiġġieri fi:

    ferroviji-kilometri

    Perijodu taż-żmien ta' riferiment

    Sena

    Frekwenza

    Kull sena

    Lista ta' tabelli bit-tqassim waħda waħda għal kull tabella

    Tabella C3: il-passiġġieri ttrasportati, skont it-tip tat-trasport

    Tabella C4: il-passiġġieri internazzjonali ttrasportati, skont il-pajjiż tal-imbark u l-pajjiż tal-iżbark

    Tabella C5: Movimenti tal-ferroviji tal-passiġġieri

    Skadenza għat-trażmissjoni tal-informazzjoni

    Tmien xhur wara t-tmiem tal-perijodu ta' riferiment.

    L-ewwel perijodu ta' riferiment

    2016

    Noti

    1.

    It-tip tat-trasport jiġi mqassam wieħed wieħed kif ġej:

    nazzjonali

    internazzjonali

    2.

    Għat-Tabelli C3 u C4, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw informazzjoni li tinkludi l-informazzjoni mill-bejgħ tal-biljetti 'il barra mill-pajjiż tar-rappurtar. Din l-informazzjoni tista' tinkiseb jew direttament mill-awtoritajiet nazzjonali ta' pajjiżi oħra jew permezz tal-arranġamenti internazzjonali tal-kumpens għall-biljetti.”


    ANNESS II

    “ANNESS L

    Tabella L.1

    LIVELL TAL-ATTIVITÀ TA' TRASPORT FIT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA

    Lista tal-varjanti u tal-unitajiet tal-kejl

    Merkanzija trasportata fi:

    tunnellati totali

    tunnellati-kilometri totali

    Movimenti tal-ferroviji tal-merkanzija fi:

    ferroviji-kilometri totali

    Perijodu ta' riferiment

    Sena

    Frekwenza

    Kull sena

    Skadenza għat-trażmissjoni tal-informazzjoni

    Ħames xhur mit-tmiem tal-perjodu ta' riferiment

    L-ewwel perijodu ta' riferiment

    2017

    Noti

    Għall-impriżi biss li għandhom volum totali ta' trasport ta' merkanzija ta' anqas minn 200 miljun tunnellata-kilometri u anqas minn 500 000 tunnellata u li ma jirrapportawx taħt l-Anness A (rappurtar dettaljat)


    Tabella L.2

    LIVELL TAL-ATTIVITÀ TA' TRASPORT FIT-TRASPORT TAL-PASSIĠĠIERI

    Lista tal-varjanti u tal-unitajiet tal-kejl

    Passiġġieri ttrasportati fi:

    passiġġieri totali

    passiġġieri-kilometri totali

    Movimenti tal-ferroviji tal-passiġġieri fi:

    ferroviji-kilometri totali

    Perijodu ta' riferiment

    Sena

    Frekwenza

    Kull sena

    Skadenza għat-trażmissjoni tal-informazzjoni

    Tmien xhur mit-tmiem tal-perijodu ta' riferiment

    L-ewwel perijodu ta' riferiment

    2017

    Noti

    Għall-impriżi biss li għandhom volum totali ta' trasport ta' passiġġieri ta' anqas minn 100 miljun ta' passiġġieri-kilometri u li ma jirrapportawx taħt l-Anness C (rappurtar dettaljat)”


    Top