Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0605

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/605 tad-19 ta' April 2016 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwota tariffarja temporanja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1918/2006

    C/2016/2209

    ĠU L 104, 20.4.2016, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/605/oj

    20.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 104/11


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/605

    tad-19 ta' April 2016

    li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwota tariffarja temporanja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1918/2006

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 187(a) sa (e) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2016/580 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jiftaħ, għall-2016 u għall-2017, kwota tariffarja annwali mingħajr dazju ta' 35 000 tunnellata għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' żejt taż-żebbuġa verġni li joriġina fit-Tuneżija u li huwa kklassifikat fil-kodiċijiet tan-NM 1509 10 10 u 1509 10 90.

    (2)

    L-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija min-naħa l-oħra (3) kif emendat bl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija min-naħa l-oħra, biex tiġi kkunsidrata l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea (4), approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/720/KE (5), jiftaħ kwota tariffarja ta' 56 700 tunnellata b'dazju żero għall-importazzjonijiet ta' żejt taż-żebbuġa li huwa kklassifikat fil-kodiċijiet tan-NM 1509 10 10 u 1509 10 90, miksub fl-intier tiegħu fit-Tuneżija u ttrasportat direttament minn hemm lejn l-Unjoni. Il-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' dik il-kwota tariffarja huma previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 (6).

    (3)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza, huwa xieraq li tingħata kwota tariffarja temporanja ta' 35 000 tunnellata fl-istess manjiera bħall-kwota tariffarja permanenti ta' 56 700 tunnellata.

    (4)

    Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1345/2005 (7), (KE) Nru 1301/2006 (8) u (KE) Nru 376/2008 (9) għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali u għad-derogi stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    (5)

    Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, għandhom japplikaw l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006 li jistabbilixxi rekwiżiti ta' notifika u ta' ħruġ, il-perjodu ta' validità tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-ammont tal-garanzija.

    (6)

    Biex tingħata aktar flessibbiltà lill-operaturi fir-rigward tal-użu ta' kwoti għall-importazzjonijiet ta' żejt taż-żebbuġa verġni li joriġina fit-Tuneżija, għandu jitneħħa l-obbligu biex in-notifika titqassam skont il-kodiċi NM. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1918/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1345/2005, (KE) Nru 1301/2006 u (KE) Nru 376/2008 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006.

    Artikolu 2

    1.   Għall-2016 u għall-2017, hija miftuħa kwota tariffarja annwali mingħajr dazju, bin-numru tal-ordni Nru 09.4033 (“kwota temporanja”), fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' żejt taż-żebbuġa verġni li huwa kklassifikat fil-kodiċijiet tan-NM 1509 10 10 u 1509 10 90, miksub fl-intier tiegħu fit-Tuneżija u ttrasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn l-Unjoni, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Il-volum tal-kwota temporanja huwa ta' 35 000 tunnellata fis-sena.

    2.   Il-kwota temporanja għandha tkun disponibbli biss wara li tkun ġiet allokata l-kwota annwali kollha, bin-numru tal-ordni Nru 09.4032, previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006.

    3.   Il-kwota temporanja tinfetaħ mill-1 ta' Jannar ta' kull sena. Madankollu, għas-sena 2016, il-kwota temporanja tinfetaħ mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2016.

    Artikolu 3

    L-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-kwota temporanja huma ammissibbli mill-ewwel Tnejn jew mill-ewwel Tlieta wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta' implimentazzjoni li jissospendi t-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-kwota bin-numru tal-ordni Nru 09.4032.

    Għall-2016, l-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-kwota temporanja huma ammissibbli mill-ewwel Tnejn jew mill-ewwel Tlieta wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006, titħassar it-tieni sentenza.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2016/580 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija (ĠU L 102, 18.4.2016, p. 1).

    (3)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2. Il-Ftehim kif l-aħħar emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/612/KE (ĠU L 260, 21.9.2006, p. 1).

    (4)  ĠU L 278, 21.10.2005, p. 3.

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Settembru 2005 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri taghhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuniżija, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea (ĠU L 278, 21.10.2005, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 tal-20 ta' Diċembru 2006 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwota tariffarja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 84).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1345/2005 tas-16 ta' Awwissu 2005 li jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar is-sistema tal-liċenzji ta' importazzjoni fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 212, 17.8.2005, p. 13).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).

    (9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).


    Top