EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0032

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/32 tal-14 ta' Jannar 2016 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkonsenjat mill-Malasja, kemm jekk dikjarat li joriġina mill-Malasja kif ukoll jekk le

ĠU L 10, 15.1.2016, p. 3–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/04/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/32/oj

15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/32

tal-14 ta' Jannar 2016

li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkonsenjat mill-Malasja, kemm jekk dikjarat li joriġina mill-Malasja kif ukoll jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Il-Kunsill, wara investigazzjoni antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament (KE) Nru 1193/2008 (2). Il-miżuri ħadu l-forma ta' dazju ad valorem li jvarja bejn 6,6 % u 42,7 % (“il-miżuri oriġinali”).

(2)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”), permezz tad-Deċiżjoni 2008/899/KE (3) aċċettat impenji fuq il-prezzijiet offruti minn seba' produtturi esportaturi Ċiniżi jew grupp ta' produtturi esportaturi flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Importaturi u l-Esportaturi tal-Metalli, tal-Minerali u tal-Kimiki.

(3)

Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2012/501/UE (4), sussegwentement irtirat l-impenn offrut minn produttur esportatur wieħed, jiġifieri Laiwu Taihe Biochemistry Co. Ltd. (“Laiwu”).

(4)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 (5) il-Kummissjoni, wara rieżami ta' skadenza u rieżami interim parzjali (“l-investigazzjonijiet preċedenti”) skont l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament bażiku rispettivament, żammet il-miżuri definittivi u emendat il-livell tagħhom. Id-dazji antidumping definittivi fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-RPĊ ivarjaw bejn il-15,3 % u t-42,7 % (“il-miżuri fis-seħħ”).

1.2.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat

(5)

Il-prodott ikkonċernat huwa kif definit fl-investigazzjoni oriġinali, l-aċidu ċitriku (inkluż iċ-ċitrat trisodiku diidrat) li joriġina mir-RPĊ, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM 2918 14 00 u ex 2918 15 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

(6)

Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li iżda ġej mill-Malasja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa' taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat (“il-prodott investigat”). Il-kodiċi TARIC għall-prodott li qed jiġi investigat huma 2918140010 and 2918150011.

(7)

L-investigazzjoni wriet li l-aċidu ċitriku esportat mir-RPĊ lejn l-Unjoni u l-aċidu ċitriku kkonsenjat mit-Malasja lill-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u għandhom l-istess użu, u għalhekk għandhom jitqiesu bħal prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

1.3.   Raġunijiet għall-ftuħ ta' investigazzjoni

(8)

Il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri fis-seħħ qed issir ċirkumvenzjoni magħhom permezz ta' importazzjonijiet mill-Malasja tal-prodott investigat.

(9)

It-tagħrif li għandha l-Kummissjoni għad-dispożizzjoni tagħha wera li kien hemm bidla sinifikanti fil-mod ta' kif isir il-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Malasja lejn l-Unjoni, wara l-impożizzjoni ta' miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, kif spjegat fil-premessi minn (1) sa (4), u din il-bidla ma għandhiex raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika b'saħħitha biżżejjed, għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju.

(10)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta' rimedju tal-miżuri fis-seħħ kienu qed jiġu mhedda kemm f'termini ta' kwantità kif ukoll ta' prezz.

(11)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha biżżejjed evidenza prima facie li turi li l-prezzijiet tal-prodott investigat huma oġġett ta' dumping meta mqabblin mal-valur normali stabbilit diġà għall-prodott ikkonċernat.

1.4.   Ftuħ ta' investigazzjoni ex officio

(12)

Wara li stabbilixxiet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza prima facie għall-ftuħ ta' investigazzjoni, fl-1 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni bdiet, fuq l-inizjattiva tagħha stess, investigazzjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/706 (6) (“ir-Regolament ta' tnedija”) f'konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni, skont ir-Regolament ta' tnedija stiednet ukoll lill-awtoritajiet tad-dwana sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku kkunsinjati mill-Malasja.

1.5.   Investigazzjoni

(13)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-Malasja, lill-produtturi esportaturi magħrufin ta' dawn il-pajjiżi, lill-importaturi magħrufin fl-Unjoni li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni, dwar it-tnedija tal-investigazzjoni. Il-Missjoni tar-Repubblika mill-Malasja lill-Unjoni Ewropea pprovditilha d-dettalji ta' kuntatt ta' produtturi esportaturi fil-Malasja. Formoli ta' eżenzjoni ntbagħtu lil dawn il-produtturi esportaturi fil-Malasja. Intbagħtu wkoll kwestjonarji lill-importaturi esportaturi magħrufin fir-RPĊ u lill-importaturi mhux relatati fl-Unjoni.

(14)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta skont iż-żmien stipulat fir-Regolament ta' tnedija. Il-partijiet kollha kienu infurmati li n-nuqqas ta' koperazzjoni jista' jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u għal konklużjonijiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(15)

Kumpanija Malasjana qalet li ma kenitx produttur iżda sempliċiment utent tal-aċidu ċitriku u għalhekk hija ma talbitx eżenzjoni. Din il-kumpanija ġiet infurmata li, jekk hija kellha xi kumpaniji relatati li jipproduċu fil-Malasja, dawn kienu mistiedna wkoll biex iwieġbu għall-formola ta' eżenzjoni. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda tweġiba għall-formola ta' eżenzjoni mingħand l-ebda produttur esportatur Malasjan. Sitt produtturi esportaturi fir-RPĊ u erba' importaturi mhux relatati fl-Unjoni wieġbu għall-kwestjonarju.

1.6.   Il-perjodu tar-rapport u l-perjodu tal-investigazzjoni

(16)

Il-perjodu ta' investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Marzu 2015. Tul il-perjodu investigattiv inġabret id-dejta li kellha tiġi investigata, fost l-oħrajn l-allegata bidla fix-xejra tal-kummerċ. Inġabret dejta aktar iddettaljata għall-perjodu tar-rapport bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-31 ta' Marzu 2015 sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà tal-imminar tal-effett ta' rimedju tal-miżuri fis-seħħ f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza ta' dumping.

2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(17)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta' ċirkomvenzjoni saret billi ġie analizzat b'mod suċċessiv jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ, il-Malasja u l-Unjoni; jekk din il-bidla nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju; jekk kienx hemm evidenza ta' ħsara jew li l-effetti rimedjali tad-dazju kienu qed jiġu kompromessi f'termini ta' prezzijiet u/jew ta' kwantitajiet tal-prodott li qed jiġi investigat; u jekk kienx hemm evidenza ta' dumping b'rabta mal-valuri normali stabbiliti qabel fl-investigazzjoni oiġinali, jekk ikun hemm bżonn, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.2.   Grad ta' kooperazzjoni u determinazzjoni tal-volumi tal-kummerċ

Il-Malasja

(18)

L-ebda wieħed mill-esporaturi li jinsab fil-Malasja ma kkopera f'din l-investigazzjoni. Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni, is-sejbiet dwar l-esportazzjonijiet tal-aċidu ċitriku mill-Malasja lejn l-Unjoni kienu magħmula abbażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. F'dan il-każ, intużat id-dejta Comext sabiex jiġu ddeterminati l-volumi globali tal-importazzjoni mill-Malażja lejn l-Unjoni.

Ir-RPĊ

(19)

Sitt produtturi/esportaturi fir-RPĊ, li kienu wkoll suġġetti għal impenji, wieġbu l-kwestjonarju. L-esportazzjonijiet tal-kumpanniji li kkoperaw koprew madwar 54 % tal-esportazzjonijiet totali Ċiniżi lejn l-Unjoni u madwar 69 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Malasja matul il-perjodu tar-rappurtar.

(20)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Malasja u għax kien hemm biss kooperazzjoni parzjali mir-RPĊ, intużat id-dejta Comext biex jiġu ddeterminati l-volumi tal-esportazzjoni totali mir-RPĊ lejn l-Unjoni. Dawn kienu kontrovverifikati mal-istatistika nazzjonali Ċiniża. L-istatistiki nazzjonali Ċiniżi ntużaw ukoll biex jiġu stabbiliti l-esportazzjonijiet globali totali mir-RPĊ lejn il-Malasja.

(21)

Id-dejta statistika ġiet kontrovverifikata ma' dejta ppreżentata minn sitt produtturi esportaturi li kkooperaw. Id-dejta ppreżentata mill-kumpaniji li kkooperaw urew xejriet simili għal dawk stabbiliti fil-COMEXT min-naħa waħda u għal dawk tal-istatistiki nazzjonali Ċiniżi fuq in-naħa l-oħra.

2.3.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

Importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku fl-Unjoni

(22)

Matul il-perjodu tal-investigazzjoni, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-Unjoni l-ewwel żdiedu bejn l-2011 u l-2012 b'14 %. Sussegwentement fl-2013, niżlu taħt il-livell tal-2011, mbagħad reġgħu żdiedu fl-2014 sa tmiem il-perjodu tar-rappurtar. B'mod ġenerali, kien hemm żieda ta' 5 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni, minn 201 345 tunnellata fl-2011 għal 210 516-il tunnellata matul il-perjodu tar-rappurtar.

(23)

Dan għandu jitqies b'rabta maż-żieda relattiva tal-importazzjonijiet mill-Malasja matul l-istess perjodu, jiġifieri minn 792 tunnellata fl-2011 għal 6 837 tunnellata matul il-perjodu tar-rappurtar, b'aktar minn tmien darbiet. Iż-żieda totali fil-volum tal-importazzjonijiet mill-Malasja bejn l-2011 u t-tmiem tal-perjodu tar-rappurtar kien jikkorrispondi għal aktar minn 6 000 tunnellata.

(24)

It-Tabella 1 turi l-kwantitajiet ta' importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku mir-RPĊ (7) u mill-Malasja lejn l-Unjoni mill-1 ta' Jannar 2011 sat-tmiem tal-perjodu tar-rappurtar.

Tabella 1

Volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ u mill-Malasja lejn l-Unjoni

 

2011

2012

2013

2014

PR (8)

Iċ-Ċina (tunnellati)

201 345

230 454

193 383

205 791

210 516

Indiċi

100

114

96

102

105

Il-Malasja (tunnellati)

792

1 972

4 403

6 559

6 837

Indiċi

100

249

556

828

863

Esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Malasja

(25)

Bl-istess mod, kif jidher fit-Tabella 2 hawn taħt, kien hemm żieda relattivament sostanzjali fl-esportazzjonijiet tal-aċidu ċitriku mir-RPĊ lejn il-Malasja matul il-perjodu tal-investigazzjoni, jiġifieri minn 7 990 tunnellata fl-2011 għal 13 763 tunnellata fil-perjodu tar-rappurtar, li hija żieda ta' aktar minn 70 %. Din iż-żieda tikkorrispondi għal madwar 6 000 tunnellata u għalhekk ikkorrispondiet kważi eżattament għaż-żieda fil-volumi tal-importazzjoni mill-Malasja lejn l-Unjoni kif muri fit-Tabella 1. Din it-tendenza ta' żieda kienet osservata wkoll fir-rigward tas-sitt produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw.

Tabella 2

Volumi tal-esportazzjoni mir-RPĊ għall-Malasja

 

2011

2012

2013

2014

PR

Esportazzjonijiet totali lejn il-Malasja fi kwantità (tunnellati)

7 990

7 333

11 693

15 172

13 763

Esportazzjonijiet totali lejn il-Malasja

 

 

 

 

 

Indiċi

100

92

146

190

172

Esportazzjonijiet lejn il-Malasja minn produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw

 

 

 

 

 

Indiċi

100

123

209

197

216

Sors: Goodwill China Business Information Ltd, it-tweġibiet għall-kwestjonarju.

Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(26)

Iż-żieda fil-volumi, kemm tal-esportazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni kif ukoll tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Malasja seħħet wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. Din tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ u l-Malasja minn naħa, u l-Malasja u l-Unjoni, min-naħa l-oħra.

(27)

Filwaqt li wieħed jinnota li f'termini assoluti, il-volum tal-importazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni kien għadu relattivament baxx matul il-PI, it-tendenza hija li jiżdied sew.

2.4.   In-natura tal-prattika ta' ċirkomvenzjoni

(28)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess u x-xogħol jinkludu, fost l-oħrajn, il-konsenja tal-prodott suġġett għal miżuri permezz ta' pajjiżi terzi.

Volum tal-produzzjoni fil-Malasja

(29)

Minħabba li ma kienx hemm kooperazzjoni mill-ebda kumpanija fil-Malasja, l-ebda informazzjoni ma setgħet tinkiseb dwar il-livelli possibbli ta' produzzjoni ġenwina tal-prodott investigat fil-Malasja.

Trasbord

(30)

Fil-bidu ta' din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kellha evidenza li xi produtturi esportaturi Ċiniżi kellhom kuntatti kummerċjali ma' importaturi fl-Unjoni, li turi l-possibbiltà li d-dazji qed jiġu evitati permezz tat-trasbord. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (29) aktar 'il fuq, ma kien hemm l-ebda evidenza li fil-Malasja hemm xi produzzjoni ġenwina, u l-ebda kumpanija fil-Malasja ma kkooperat. Barra minn hekk, kif stabbilit fil-premessi minn (22) sa (26) hawn fuq, kien hemm bidla ċara fix-xejra tal-kummerċ, murija permezz ta' żieda qawwija simultanja fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Malasja u fl-importazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni, kważi bl-istess kwantitajiet.

(31)

Għalhekk ġie konkluż li hemm it-trasbord ta' aċidu ċitriku li joriġina miċ-Ċina lejn l-Unjoni li jgħaddi mill-Malasja.

2.5.   Ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika, ħlief l-impożizzjoni ta' dazju antidumping

(32)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għat-trasbord ħlief l-evażjoni tal-miżuri fis-seħħ tal-prodott ikkonċernat. Ma nstab l-ebda element, għajr id-dazju, li seta' jitqies bħala kumpens għall-ispejjeż tat-trasbord, partikolarment fir-rigward tat-trasport u t-tagħbija mill-ġdid, tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-RPĊ u jgħaddi mill-Malasja.

2.6.   Imminar tal-effett ta' rimedju fuq id-dazju antidumping

(33)

Sabiex jiġi vvalutat jekk l-aċidu ċitriku impurtat, f'termini ta' kwantitajiet u prezzijiet, imminax l-effetti remedjali tal-miżuri fis-seħħ, intużat id-dejta Comext bħala l-aħjar dejta disponibbli dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Malasja. Il-prezzijiet ddeterminati b'dan il-mod tqabblu mal-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara stabbilit għall-produtturi tal-Unjoni f'investigazzjonijiet preċedenti (9).

(34)

Filwaqt li wieħed jinnota li f'termini assoluti, il-volum tal-importazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni kien għadu relattivament baxx matul il-PI, it-tendenza tiegħu hija li jiżdied sew. Għalhekk, iż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni minn 792 tunnellata fl-2011 għal 6 837 tunnellata fil-PR, tqieset bħala sinifikanti f'termini ta' volum relattiv.

(35)

It-tqabbil sar bejn il-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara kif stabbilit fl-investigazzjoni preċedenti u l-medja tal-prezz tal-esportazzjoni stabbilit fuq il-bażi tad-dejta Comext f'din l-investigazzjoni għall-Malasja, u aġġustat għall-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni. Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni suffiċjenti, l-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni ġew stabbiliti abbażi tad-dejta f'investigazzjonijiet preċedenti. It-tqabbil wera sottokwotazzjonijiet sinifikanti għall-Malasja ta' 30-40 %. Għaldaqstant ġie konkluż li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ qed jiġu mminati kemm f'termini ta' kwantitajiet kif ukoll ta' prezzijiet.

2.7.   Evidenza ta' dumping

(36)

Fl-aħħar nett, f'konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta' dumping b'rabta mal-valur normali stabbilit fl-investigazzjonijiet preċedenti.

(37)

Fl-investigazzjonijiet preċedenti, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet fil-RPĊ, li f'dawk l-investigazzjonijiet instab li kien pajjiż analogu b'ekonomija tas-suq adegwata.

(38)

Il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri fuq il-prezz tal-esportazzjoni medju tal-aċidu ċitriku matul il-perjodu tar-rappurtar kif irrappurtat fil-Comext u aġġustat kif deskritt hawn taħt.

(39)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti għal differenzi fl-ispejjeż tat-trasport u tal-assigurazzjoni. Minħabba li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi fil-Malasja, l-aġġustamenti kellhom jiġu stabbiliti abbażi tal-fatti disponibbli, jiġifieri fuq stima tal-prezz maħruġa minn fornitur indipendenti għat-trasport dinji tal-merkanzija (10) matul il-perjodu tar-rappurtar, għat-trasport u għall-assigurazzjoni bejn port partikolari fil-Malasja u port partikolari fl-Unjoni b'termini ta' konsenja CIF stmati għal 65-75 EUR/mt.

(40)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping ġie kkalkulat billi l-valur normali medju peżat kif stabbilit fl-investigazzjojnijiet preċedenti tqabbel mal-prezzijiet medji peżati korrispondenti tal-esportazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni kif stabbiliti fil-premessi (38) u (39) ta' hawn fuq matul il-perjodu tar-rappurtar, muri bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas. It-tqabbil wera li kien hemm dumping li jammonta għal 50-60 %.

3.   MIŻURI

(41)

Minħabba dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku mill-Unjoni li joriġinaw mir-RPĊ qed issir ċirkumvenzjoni miegħu permezz tat-trasbord minn ġol-Malasja skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(42)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom għaldaqstant jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott investigat, jiġifieri l-istess prodott iżda kkonsenjat mill-Malasja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja kif ukoll jekk le.

(43)

Il-miżuri li għandhom jiġu estiżi huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82, għall-“kumpaniji l-oħra kollha”, jiġifieri li bħalissa huwa d-dazju antidumping definittiv ta' 42,7 % applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju.

(44)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipulaw li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tat-tnedija, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet reġistrati tal-aċidu ċitriku kkonsenjati mill-Malasja.

4.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

(45)

Kif intqal fil-premessa (15) ħadd mill-produtturi fil-pajjiżi kkonċernat ma ppreżenta ruħu wara l-ftuħ tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, ma saret l-ebda talba għal eżenzjoni mill-estensjoni possibbli tal-miżuri skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

5.   ESPORTATURI ĠODDA

(46)

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi fil-Malasja li ma ppreżentawx ruħhom f'dan il-proċediment u li ma esportawx il-prodott investigat lejn l-Unjoni fil-perjodu tar-rappurtar u li jikkunsidraw li jagħmlu talba għall-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku, se jkollhom jimlew formola ta' eżenzjoni sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk eżenzjoni tistax tkun iġġustifikata. Din l-eżenzjoni tista' tingħata wara l-valutazzjoni tal-qagħda tas-suq, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, l-akkwist u l-bejgħ u l-probabbiltà tat-tkomplija tal-prattiki li għalihom ma jkunx hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti u evidenza ta' dumping. Il-Kummissjoni normalment twettaq ukoll żjara ta' verifika fil-post. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni, bl-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ.

(47)

Meta eżenzjoni tkun mistħoqqa, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, tipproponi l-emenda tal-miżuri estiżi fis-seħħ skont dan. Sussegwentement, kull eżenzjoni mogħtija se tkun immonitorjata sabiex tiġi żgurata l-konformità.

6.   DIVULGAZZJONI

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Ma sar l-ebda kumment.

(48)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” impost permezz tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1193/2008 fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qiegħed b'hekk jiġi estiż għall-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku kkonsenjat mill-Malasja, kemm jekk dikjarat li joriġina mill-Malasja kif ukoll jekk le, u li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM 2918 14 00 (il-kodiċi TARIC 2918140010) u ex 2918 15 00 (il-kodiċi TARIC 2918150011).

2.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinġabar għall-importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/706 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju, estiżi permezz tal-Artikolu 1, isiru bil-miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1040 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

2.   F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista', tawtorizza b'deċiżjoni l-eżenzjoni ta' importazzjonijiet, mill-kumpaniji li ma jevadux il-miżuri antidumping imposti mir-Regolament (UE) Nru 791/2011, mid-dazju estiż permezz tal-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma b'dan mitluba jieqfu mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/706.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1193/2008 tal-1 ta' Diċembru 2008 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazji provviżorji imposti fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/899/KE tat-2 ta' Diċembru 2008 li taċċetta l-impenji offruti b'rabta mal-proċediment tal-antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 62).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/501/UE tas-7 ta' Settembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2008/899/KE li taċċetta l-impenji offruti b'rabta mal-proċediment tal-antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 244, 8.9.2012, p. 27).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 tal-21 ta' Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u ta' rieżamijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 8.)

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/706 tat-30 ta' April 2015 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta' ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkunsinnati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjon (ĠU L 113, 1.5.2015, p. 38).

(7)  Xi perjodi ta' din l-investigazzjoni, jiġifieri l-2011, 2012, u parzjalment il-perjodu ta' rappurtar kienu jikkoinċidu mal-perjodi ppubblikati fir-Regolament tar-rieżami tal-iskadenza (UE) 2015/82 imsemmi fil-premessa (4). Il-volumi tal-importazzjoni għal din l-investigazzjoni ġew aġġornati bl-aħħar dejta disponibbli fl-istatistika Comext; għalhekk iċ-ċifri jistgħu ma jikkorrispondux eżattament ma' dawk ippubblikati fir-Regolament tar-rieżami tal-iskadenza (UE) 2015/82.

(8)  Id-dejta matul il-perjodu tar-rappurtar kienet aġġustata għal perjodu ta' tnax-il xahar.

Sors: L-istatistika tal-COMEXT.

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82, il-premessa 167.

(10)  www.worldfreightrates.com


Top