Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016L0881

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta' Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

OJ L 146, 3.6.2016, p. 8–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/881/oj

3.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/8


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2016/881

tal-25 ta' Mejju 2016

li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

F'dawn l-aħħar snin, l-isfida ppreżentata mill-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa żdiedet konsiderevolment u saret punt fokali ta' tħassib fl-Unjoni u fil-livell globali. L-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jikkostitwixxi għodda importanti f'dan ir-rigward: fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta' Diċembru 2012 li tistabbilixxi Pjan ta' Azzjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġi promoss b'mod vigoruż l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bħala l-istandard futur Ewropew u internazzjonali għat-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni fi kwistjonijiet ta' taxxa. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Mejju 2013, il-Kunsill Ewropew talab l-estensjoni ta' skambju ta' informazzjoni awtomatiku kemm fil-livell tal-Unjoni fik ukoll f'dak globali bil-ħsieb tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

(2)

Peress li l-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi (Gruppi MNE) huma attivi f'pajjiżi differenti, huma għandhom il-possibbiltà li jeżerċitaw prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa li mhumiex disponibbli għall-kumpaniji domestiċi. Meta l-MNEs jagħmlu hekk, il-kumpaniji purament domestiċi, li normalment ikunu intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jistgħu jkunu partikolarment affettwati, peress li l-piż tat-taxxa tagħhom huwa ogħla minn dak tal-Gruppi MNE. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri kollha jistgħu jsofru minn telf ta' dħul u hemm ir-riskju ta' kompetizzjoni sabiex jattiraw il-Gruppi MNE billi joffrulhom aktar benefiċċji tat-taxxa.

(3)

L-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jeħtieġu informazzjoni komprensiva u rilevanti dwar il-Gruppi MNE fir-rigward tal-istruttura, il-politika tal-ipprezzar tat-trasferimenti u t-tranżazzjonijiet interni tagħhom ġewwa u barra l-UE. Dik l-informazzjoni ser tippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa jirreaġixxu għal prattiki dannużi tat-taxxa permezz ta' bidliet fil-leġislazzjoni jew valutazzjonijiet tar-riskju u verifiki tat-taxxa adegwati, u li jidentifikaw jekk il-kumpaniji wettqux prattiki li għandhom l-effett li jaqilbu b'mod artifiċjali ammonti sostanzjali ta' introjtu f'ambjenti b'vantaġġi tat-taxxa.

(4)

Aktar trasparenza lejn l-awtoritajiet tat-taxxa jista' jkollha l-effett li tagħti inċentiv lill-Gruppi MNE sabiex jabbandunaw ċerti prattiki u jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxa fil-pajjiż fejn isiru l-profitti. It-tisħiħ tat-trasparenza għall-Gruppi MNE huwa għalhekk parti essenzjali fil-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi imponibbli u t-trasferiment tal-profitti.

(5)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri dwar kodiċi ta' kondotta rigward id-dokumentazzjoni dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti għal intrapriżi assoċjati fl-Unjoni Ewropea (TPD UE) (3) diġà tindika mod kif il-Gruppi MNE jistgħu jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa dwar operazzjonijiet globali tan-negozju u l-politiki dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti (il-“fajl ewlieni”) u informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet konkreti tal-entità lokali (il-“fajl lokali”). Madankollu, fil-preżent it-TPD UE ma tipprevedi l-ebda mekkaniżmu għall-provvediment ta' rapport għal kull pajjiż.

(6)

Fir-rapport għal kull pajjiż, il-Gruppi MNE għandhom jipprovdu annwalment u għal kull ġurisdizzjoni fiskali li fiha joperaw l-ammont ta' dħul, il-profitt qabel it-taxxa fuq l-introjtu u t-taxxa fuq l-introjtu mħallsa u akkumulata. Il-Gruppi MNE għandhom jirrapportaw ukoll in-numru tal-impjegati tagħhom, il-kapital dikjarat, il-qligħ akkumulat u l-assi tanġibbli f'kull ġurisdizzjoni fiskali. Fl-aħħar nett, il-Gruppi MNE għandhom jidentifikaw kull entità fil-grupp li topera f'ġurisdizzjoni fiskali partikolari u jipprovdu indikazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali li kull entità teżerċita.

(7)

Sabiex jitjieb l-użu effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-gruppi MNE, l-obbligu ta' rapportar għandu japplika biss għall-Gruppi MNE bi dħul annwali konsolidat tal-grupp li jaqbeż ċertu ammont. Did-Direttiva għandha tiżgura li l-istess informazzjoni tinġabar u tkun disponibbli għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa b'mod f'waqtu fl-Unjoni kollha.

(8)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-Unjoni għandha tipprevedi kompetizzjoni ġusta bejn il-Gruppi MNE tal-Unjoni u l-Gruppi MNE mhux tal-Unjoni li għandhom entità waħda jew diversi entitajiet fl-Unjoni. Għaldaqstant it-tnejn li huma għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu tar-rappurtar. Madankollu, sabiex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddifferixxu b'sena l-obbligu tar-rappurtar għal Entitajiet Kostitwenti residenti fi Stat Membru li mhumiex Entitajiet Omm Apikali ta' Gruppi MNE jew l-Entitajiet Omm Surrogati tagħhom.

(9)

L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar penali applikabbli għall-ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jiżguraw li dawk il-penali jkunu implimentati. Filwaqt li l-għażla tal-penali tibqa' fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(10)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri jadottaw regoli kkoordinati dwar l-obbligi ta' trasparenza tal-Gruppi MNE.

(11)

Fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (4) diġà tipprevedi l-iskambju awtomatiku obbligatorju tal-informazzjoni f'għadd ta' oqsma.

(12)

L-iskambju awtomatiku obbligatorju tar-rapporti għal kull pajjiż bejn l-Istati Membri għandu f'kull każ jinkludi l-komunikazzjoni ta' sett definit ta' informazzjoni bażika li tkun aċċessibbli għal dawk l-Istati Membri li fihom, fuq il-bażi tal-informazzjoni fir-rapport għal kull pajjiż, entità waħda jew aktar tal-Grupp MNE huma residenti għal skopijiet ta' taxxa, jew inkella soġġetti għat-taxxa fir-rigward tan-negozju li jsir permezz ta' stabbiliment permanenti ta' Grupp MNE.

(13)

Sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-Gruppi MNE, huwa meħtieġ li jiġu previsti regoli li huma konformi mal-iżviluppi internazzjonali u li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-implimentazzjoni tagħhom. Fid-19 ta' Lulju 2013 l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ippubblikat il-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar l-Erożjoni tal-Bażi Imponibbli u t-Trasferiment tal-Profitti (“Pjan ta' Azzjoni BEPS”), li huwa inizjattiva importanti għall-modifika tar-regoli internazzjonali tat-taxxa eżistenti. Fil-5 ta' Ottubru 2015 l-OECD ippreżentat ir-rapporti finali tagħha, li ġew approvati mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20. Matul il-laqgħa tal-15 u s-16 ta' Novembru 2015, il-pakkett tal-OECD ġie approvat ukoll mill-mexxejja tal-G20.

(14)

Il-ħidma fuq l-Azzjoni 13 tal-Pjan ta' Azzjoni BEPS wasslet għal sett ta' standards għall-għoti ta' informazzjoni għall-Gruppi MNE, inkluż il-fajl ewlieni, il-fajl lokali u r-rapport għal kull pajjiż. Huwa għalhekk xieraq li jitqiesu l-istandards tal-OECD meta jiġu stabbiliti r-regoli dwar ir-rapport għal kull pajjiż.

(15)

F'sitwazzjoni fejn Entità Kostitwenti ma tistax tikseb jew takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista' tissodisfa r-rekwiżit ta' rappurtar skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw dan bħala indikazzjoni tal-ħtieġa li jiġu vvalutati r-riskji ta' livell għoli tal-ipprezzar tat-trasferimenti u riskji oħra ta' erożjoni tal-bażi imponibbli u ta' trasferimenti ta' profitti marbutin ma' dak il-Grupp MNE.

(16)

Fejn Stat Membru jiddetermina li Stat Membru ieħor ikun persistentement naqas milli jipprovdi awtomatikament rapporti għal kull pajjiż, għandu jagħmel ħiltu biex jikkonsulta ma' dak l-Istat Membru.

(17)

L-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-rappurtar għal kull pajjiż għandha tkompli tqis b'mod partikolari l-iżviluppi futuri fil-livell tal-OECD. Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jużaw ir-Rapport Finali tal-2015 dwar l-Azzjoni 13 tal-Proġett tal-Erożjoni tal-Bażi Imponibbli u t-Trasferiment tal-Profitti tal-OECD/G20, żviluppat mill-OECD, bħala sors ta' illustrazzjoni jew interpretazzjoni għal din id-Direttiva u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni f'kull Stat Membru.

(18)

Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati r-rekwiżiti lingwistiċi għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar ir-rapport għal kull pajjiż. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu adottati l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għat-titjib tan-netwerk komuni ta' komunikazzjoni definit fil-punt 13 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/16/UE (in-“netwerk NKK”). Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 20(6) u 21(6) tad-Direttiva 2011/16/UE, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(19)

Sabiex jitjieb l-użu effiċjenti tar-riżorsi, jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u tiġi evitata l-ħtieġa li kull Stat Membru jagħmel aġġustamenti simili fis-sistemi tiegħu, l-iskambju ta' informazzjoni għandu jsir permezz tan-netwerk NKK. L-arranġamenti prattiċi meħtieġa għat-titjib tas-sistema għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2011/16/UE.

(20)

Għalhekk, l-ambitu tal-iskambju obbligatorju ta' informazzjoni għandu jiġi estiż biex jinkludi l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar ir-rapport għal kull pajjiż.

(21)

Ir-rapport annwali tal-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/16/UE, għandu jispeċifika l-entità tal-files lokali skont l-Artikolu 8aa ta' dik id-Direttiva u l-Punt, tat-Taqsima II tal-Anness III għaliha u lista ta' kull ġurisdizzjoni fejn ikunu residenti Entitajiet Omm Apikali ta' Entitajiet Kostitwenti bbażati fl-Unjoni, iżda fejn ma jkunux ġew ippreżentati jew skambjati rapporti sħaħ.

(22)

L-iskambju ta' informazzjoni skont din id-Direttiva ma jwassalx għall-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali, ta' proċess kummerċjali jew ta' informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku.

(23)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(24)

Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri taħt kondizzjonijiet kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(25)

Għalhekk, id-Direttiva 2011/16/UE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2011/16/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Il-punt 9 tal-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej

“9.

‘skambju awtomatiku’ tfisser,

(a)

għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) u l-Artikoli 8a u 8aa, il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel. Għall-finijiet tal-Artikolu 8(1), ir-referenza għall-informazzjoni disponibbli hija relatata mal-informazzjoni fil-fajls tat-taxxa tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni, li tista' tiġi rkuprata f'konformità mal-proċeduri dwar il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni f'dak l-Istat Membru;

(b)

għall-finijiet tal-Artikolu 8(3a), il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel dwar residenti fi Stati Membri oħrajn lill-Istat Membru ta' residenza rilevanti, mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel;

(c)

għall-finijiet ta' dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva minbarra l-Artikolu 8(1) u 8(3a), l-Artikolu 8a u l-Artikolu 8aa, il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel ipprovduta fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu;

Fil-kuntest tal-Artikoli 8(3a), 8(7a), 21(2) u 25(2) u (3), kwalunkwe terminu kapitalizzat għandu jkollu t-tifsira li għandu taħt id-definizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fl-Anness I. Fil-kuntest tal-Artikolu 8aa u l-Anness III, kwalunkwe terminu kapitalizzat għandu jkollu t-tifsira li għandu taħt id-definizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fl-Anness III.”.

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej fil-Kapitolu II, it-Taqsima II:

“Artikolu 8aa

Kamp ta' applikazzjoni u kondizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni dwar ir-rapport għal kull pajjiż

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrikjedi li l-Entità Omm Apikali ta' Grupp MNE li hija residenti għal finijiet ta' taxxa fit-territorju tiegħu, jew kwalunkwe Entità Notifikanti oħra skont it-Taqsima II tal-Anness III, tippreżenta rapport għal kull pajjiż fir-rigward tas-Sena Fiskali tar-Rappurtar tiegħu fi żmien 12-il xahar mill-aħħar jum tas-Sena Fiskali tar-Rappurtar tal-Grupp MNE f'konformità mat-Taqsima II tal-Anness III.

2.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru fejn ikun ġie riċevut ir-Rapport għal kull Pajjiż skont il-paragrafu 1 għandha, permezz ta' skambju awtomatiku u sal-iskadenza stipulata fil-paragrafu 4, tikkomunika r-rapport għal kull pajjiż lil kull Stat Membru ieħor li fih, fuq il-bażi tal-informazzjoni fir-rapport għal kull pajjiż, Entità Kostitwenti waħda jew aktar tal-Grupp MNE tal-Entità Notifikanti tkun residenti għal skopijiet ta' taxxa, jew inkella tkun soġġetta għat-taxxa fir-rigward tan-negozju li jsir permezz ta' stabbiliment permanenti.

3.   Ir-rapport għal kull pajjiż għandu jkollu l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-Grupp MNE:

(a)

informazzjoni aggregata dwar l-ammont ta' dħul, profitt (telf) qabel it-taxxa fuq l-introjtu, it-taxxa fuq l-introjtu mħallsa, it-taxxa fuq l-introjtu akkumulata, il-kapital dikjarat, il-qligħ akkumulat, in-numru ta' impjegati, u l-assi tanġibbli minbarra flus jew ekwivalenti ta' flus fir-rigward ta' kull ġurisdizzjoni li fih jopera l-Grupp MNE;

(b)

identifikazzjoni ta' kull Entità Kostitwenti tal-Grupp MNE li tindika l-ġurisdizzjoni tar-residenza tat-taxxa ta' dik l-Entità Kostitwenti u, meta tkun differenti minn dik il-ġurisdizzjoni tar-residenza tat-taxxa, il-ġurisdizzjoni skont il-liġijiet taħt liema hija organizzata dik l-Entità Kostitwenti, u n-natura tal-attività jew attivitajiet kummerċjali prinċipali ta' dik l-Entità Kostitwenti.

4.   Il-komunikazzjoni għandha ssir fi żmien 15-il xahar mill-aħħar jum tas-Sena Fiskali tal-Grupp MNE li magħha huwa relatat ir-rapport għal kull pajjiż. L-ewwel rapport għal kull pajjiż għandu jiġi kkomunikat għas-Sena Fiskali tal-Grupp MNE li tibda fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara, li għandu jsir fi żmien 18-il xahar mill-aħħar jum ta' dik is-Sena Fiskali.”.

(3)

Fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Minkejja l-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu, l-informazzjoni kkomunikata bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 8aa għandha tintuża għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-riskji ta' livell għoli rigward l-ipprezzar tat-trasferimenti u riskji oħra relatati mal-erożjoni tal-bażi imponibbli u mat-trasferiment tal-profitti, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju ta' nonosservanza mill-membri tal-Grupp MNE tar-regoli applikabbli rigward l-ipprezzar tat-trasferimenti, u fejn adatt għall-analiżi ekonomika u statistika. L-aġġustamenti tal-ipprezzar tat-trasferimenti mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru riċeventi ma għandhomx ikunu bbażati fuq l-informazzjoni skambjata skont l-Artikolu 8aa. Minkejja dak li ntqal hawn fuq, m'hemm l-ebda projbizzjoni fuq l-użu tal-informazzjoni kkomunikata bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 8aa bħala bażi biex isiru aktar investigazzjonijiet dwar l-arranġamenti tal-ipprezzar tat-trasferimenti tal-Grupp MNE jew dwar materji ta' taxxa oħra matul awditu tat-taxxa u, bħala riżultat, jistgħu jsiru aġġustamenti xierqa tad-dħul taxxabbli ta' Entità Kostitwenti.”.

(4)

Fl-Artikolu 20, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar ir-rapport għal kull pajjiż skont l-Artikolu 8aa għandu jsir permezz tal-formola standard prevista fit-Tabelli 1, 2 u 3 tat-Taqsima III tal-Anness III. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-arranġamenti lingwistiċi għal dak l-iskambju sal-31 ta' Diċembru 2016. Dawn ma għandhomx jipprekludu lill-Istati Membri milli jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8aa bi kwalunkwe lingwa uffiċjali u ta' ħidma tal-Unjoni. Madankollu, dawk l-arranġamenti lingwistiċi jistgħu jipprevedu li l-elementi ewlenin ta' tali informazzjoni jintbagħtu wkoll b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).”.

(5)

Fl-Artikolu 21, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-informazzjoni kkomunikata skont l-Artikolu 8aa (2) għandha tkun ipprovduta permezz ta' mezzi elettroniċi bl-użu tan-netwerk NKK. Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għat-titjib tan-netwerk NKK. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).”.

(6)

Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw valutazzjoni annwali lill-Kummissjoni dwar l-effettività tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni msemmi fl-Artikoli 8, 8a u 8aa kif ukoll ir-riżultati prattiċi miksuba. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-forma u l-kondizzjonijiet tal-komunikazzjoni għal dik il-valutazzjoni annwali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).”.

(7)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 25a

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva rigward l-Artikolu 8aa, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”.

(8)

L-Artikolu 26 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar il-kooperazzjoni amministrattiva għat-tassazzjoni. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.).”."

(9)

Jiżdied l-Anness III, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-4 ta' Ġunju 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-5 ta' Ġunju 2017.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Mejju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' April 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 2006 dwar kodiċi ta' kondotta dwar id-dokumentazzjoni rigward l-ipprezzar tat-trasferimenti għall-intrapriżi assoċjati fl-Unjoni Ewropea (TPD UE) (Traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU C 176, 28.7.2006, p. 1).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS

“ANNESS III

REGOLI TA' PREŻENTAZZJONI GĦAL GRUPPI TA' INTRAPRIŻI MULTINAZZJONALI

TAQSIMA I

TERMINI DEFINITI

1.

It-terminu “Grupp” ifisser ġabra ta' intrapriżi relatati permezz ta' sjieda jew kontroll b'mod li jkun obbligat li jħejji Rapporti Finanzjarji Konsolidati għal finijiet ta' rappurtar finanzjarju skont il-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli jew inkella jkun obbligat jagħmel dan kieku interessi azzjonarji f'xi waħda mill-intrapriżi kienu nnegozjati f'borża tat-titoli pubblika.

2.

It-terminu “Intrapriża” ifisser kwalunkwe forma ta' tmexxija ta' negozju minn kwalunkwe persuna msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 3, il-punt 11.

3.

It-terminu “Grupp MNE” ifisser kwalunkwe Grupp li jinkludi żewġ intrapriżi jew iktar li r-residenza tat-taxxa tagħhom tinsab f'ġurisdizzjonijiet differenti, jew li jinkludi intrapriża li hija residenti għal finijiet ta' taxxa f'ġurisdizzjoni waħda u hija soġġetta għat-taxxa fir-rigward tan-negozju li jsir permezz ta' stabbiliment permanenti f'ġurisdizzjoni oħra, u li mhuwiex Grupp MNE Eskluż.

4.

It-terminu “Grupp MNE Eskluż” ifisser, fir-rigward ta' kwalunkwe Sena Finanzjarja tal-Grupp, Grupp li jkollu dħul konsolidat tal-grupp total i ta' inqas minn EUR 750 000 000 jew ammont fil-munita lokali ekwivalenti għal madwar EUR 750 000 000 minn Jannar 2015 matul is-Sena Fiskali immedjatament qabel is-Sena Fiskali tar-Rappurtar kif rifless fir-Rapporti Finanzjarji Konsolidati tiegħu għal tali Sena Fiskali preċedenti.

5.

It-terminu “Entità Kostitwenti” ifisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe unità tan-negozju separata ta' Grupp MNE li hija inkluża fir-Rapporti Finanzjarji Konsolidati tal-Grupp MNE għal finijiet tar-rappurtar finanzjarju, jew li tkun hekk inkluża kieku l-interessi azzjonarji fit-tali unità tan-negozju ta' Grupp MNE kienu nnegozjati f'borża tat-titoli pubblika;

(b)

kwalunkwe unità tan-negozju li hija eskluża mir-Rapporti Finanzjarji Konsolidati tal-Grupp MNE unikament għal raġunijiet ta' daqs jew materjalità;

(c)

kwalunkwe stabbiliment permanenti ta' kwalunkwe unità tan-negozju separata tal-Grupp MNE inkluż f'(a) jew (b) sakemm l-unità tan-negozju tħejji dikjarazzjoni finanzjarja separata għal tali stabbiliment permanenti għall-finijiet ta' rappurtar finanzjarju, regolatorji, rappurtar tat-taxxa, jew ta' kontroll intern tal-ġestjoni.

6.

It-terminu “Entità Notifikanti” ifisser l-Entità Kostitwenti li tkun obbligata tippreżenta rapport għal kull pajjiż konformi mar-rekwiżiti fl-Artikolu 8aa (3) fil-ġurisdizzjoni tar-residenza tat-taxxa tagħha f'isem il-Grupp MNE. L-Entità Notifikanti tista' tkun l-Entità Omm Apikali, l-Entità Omm Surrogata, jew kwalunkwe entità deskritta fil-punt 1 tat-Taqsima II.

7.

It-terminu “Entità Omm Apikali” jfisser Entità Kostitwenti ta' Grupp MNE li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

ikollha direttament jew indirettament interess suffiċjenti f'Entità Kostitwenti waħda jew iktar ta' tali Grupp MNE b'mod li tkun obbligata tħejji Rapporti Finanzjarji Konsolidati skont il-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment applikati fil-ġurisdizzjoni tar-residenza tat-taxxa tagħha, jew tkun obbligata tagħmel dan kieku l-interessi azzjonarji tagħha kienu nnegozjati f'borża tat-titoli pubblika fil-ġurisdizzjoni tar-residenza tat-taxxa tagħha;

(b)

m'hemm l-ebda Entità Kostitwenti oħra ta' tali Grupp MNE li għandha direttament jew indirettament interess deskritt fil-punt (a) fl-ewwel Entità Kostitwenti msemmija.

8.

It-terminu “Entità Omm Surrogata” ifisser Entità Kostitwenti waħda tal-Grupp MNE li tkun ġiet nominata minn dak il-Grupp MNE, bħala sostitut uniku għall-Entità Omm Apikali, sabiex tippreżenta ir-rapport għal kull pajjiż fil-ġurisdizzjoni tar-residenza tat-taxxa ta' dik l-Entità Kostitwenti, f'isem tali Grupp MNE, fejn tkun tapplika kondizzjoni waħda jew aktar stabbiliti fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tat-Taqsima II.

9.

It-terminu “Sena Fiskali” ifisser perijodu ta' kontabbiltà annwali fir-rigward ta' liema l-Entità Omm Apikali tal-Grupp MNE tħejji d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha.

10.

It-terminu “Sena Fiskali tar-Rappurtar” ifisser dik is-Sena Fiskali li r-riżultati finanzjarji u operazzjonali tagħha huma riflessi fir-rapport għal kull pajjiż imsemmi fl-Artikolu 8aa(3).

11.

It-terminu “Ftehim Kwalifikanti bejn Awtoritajiet Kompetenti” ifisser ftehim li huwa bejn ir-rappreżentanti awtorizzati ta' Stat Membru tal-UE u ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni li huma partijiet ta' Ftehim Internazzjonali u li jeħtieġ l-iskambju awtomatiku ta' rapporti għal kull pajjiż bejn il-ġurisdizzjoni tal-partijiet.

12.

It-terminu “Ftehim Internazzjonali” ifisser il-Konvenzjoni Multilaterali dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam Fiskali, kwalunkwe konvenzjoni bilaterali jew multilaterali dwar it-taxxa, jew kwalunkwe ftehim dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa li l-Istat Membru huwa parti tiegħu, u li skont it-termini tiegħu jipprovdi awtorità legali għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa bejn il-ġurisdizzjonijiet, inkluż l-iskambju awtomatiku ta' tali informazzjoni.

13.

It-terminu “Rapporti Finanzjarji Konsolidati” ifisser ir-rapporti finanzjarji ta' Grupp MNE li fihom l-assi, il-passivi, l-introjtu, l-ispejjeż u l-flussi tal-flus tal-Entità Omm Apikali u l-Entitajiet Kostitwenti huma ppreżentati bħala dawk ta' entità ekonomika waħda.

14.

It-terminu “Nuqqas Sistemiku” fir-rigward ta' ġurisdizzjoni jfisser li ġurisdizzjoni għandha Ftehim Kwalifikanti bejn Awtoritajiet Kompetenti fis-seħħ ma' Stat Membru iżda tkun issospendiet l-iskambju awtomatiku (għal raġunijiet oħra li mhumiex skont it-termini ta' dak il-Ftehim), jew inkella li ġurisdizzjoni tkun naqset persistentement b'xi mod ieħor li tipprovdi awtomatikament lil Stat Membru rapporti għal kull pajjiż fil-pussess tagħha ta' Gruppi MNE li għandhom Entitajiet Kostitwenti f'dak l-Istat Membru.

TAQSIMA II

REKWIŻITI TAR-RAPPURTAR ĠENERALI

1.

Entità Kostitwenti residenti fi Stat Membru li mhijiex l-Entità Omm Apikali ta' Grupp MNE għandha tippreżenta rapport għal kull pajjiż fir-rigward tas-Sena Fiskali tar-Rappurtar ta' Grupp MNE li hija Entità Kostitwenti tiegħu, jekk jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-entità hija residenti għal finijiet ta' taxxa fi Stat Membru;

(b)

tapplika waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-Entità Omm Apikali tal-Grupp MNE mhijiex obbligata li tippreżenta rapport għal kull pajjiż fil-ġurisdizzjoni tar-residenza fiskali tagħha;

(ii)

il-ġurisdizzjoni li l-Entità Omm Apikali hija residenti fiha għal finijiet ta' taxxa għandha Ftehim Internazzjonali attwali li għalih huwa parti l-Istat Membru, iżda ma għandhiex fis-seħħ Ftehim Kwalifikanti bejn Awtoritajiet Kompetenti li għalih huwa parti l-Istat Membru saż-żmien speċifikat fl-Artikolu 8aa(1) għall-preżentazzjoni tar-rapport għal kull pajjiż għas-Sena Fiskali ta' Rappurtar;

(iii)

kien hemm Nuqqas Sistemiku tal-ġurisdizzjoni tar-residenza fiskali tal-Entità Omm Apikali li jkun ġie notifikat mill-Istat Membru lill-Entità Kostitwenti residenti għal finijiet ta' taxxa fl-Istat Membru.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Entità Omm Apikali msemmija fl-Artikolu 8aa(1) jew tal-Entità Omm Surrogata tagħha li tressaq l-ewwel rapport għal kull pajjiż għas-Sena Fiskali tal-Grupp MNE li tibda fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-obbligu għal Entitajiet Kostitwenti stabbilit fil-punt 1 ta' din it-Taqsima għandu japplika għal rapporti għal kull pajjiż fir-rigward tas-Snin Fiskali tar-Rapportar li jibdew fi jew wara l-1 ta' Jannar 2017'il quddiem.

Entità Kostitwenti residenti fi Stat Membru kif definit fl-ewwel paragrafu ta' dan il-punt għandha titlob lill-Entità Omm Apikali tagħha biex tipprovdilha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha li tippreżenta rapport għal kull pajjiż, f'konformità mal-Artikolu 8aa(3). Jekk minkejja dan, dik l-Entità Kostitwenti ma tkunx kisbet jew akkwistat l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tirrapporta għall-Grupp MNE, din l-Entità Kostitwenti għandha tippreżenta rapport għal kull pajjiż li jkun fih l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha, miksuba jew akkwistata, u tinnotifika lill-Istat Membru ta' residenza tagħha li l-Entità Omm Apikali tkun irrifjutat li tagħmel l-informazzjoni meħtieġa disponibbli. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat li japplika l-penali previsti fil-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu u dan l-Istat Membru għandu jinforma l-Istati Membri kollha b'dan ir-rifjut.

Fejn ikun hemm iktar minn Entità Kostitwenti waħda tal-istess MNE li huma residenti għal finijiet ta' taxxa fl-Unjoni u tkun tapplika kondizzjoni waħda jew iktar stipulati fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu, il-Grupp MNE jista' jinnomina waħda minn dawn l-Entitajiet Kostitwenti sabiex tippreżenta r-rapport għal kull pajjiż li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8aa(3) fir-rigward ta' kwalunkwe Sena Fiskali tar-Rappurtar fid-data ta' skadenza speċifikata fl-Artikolu 8aa(1) u biex tinnotifika lill-Istat Membru li l-preżentazzjoni hija maħsuba li tissodisfa r-rekwiżit tal-preżentazzjoni tal-Entitajiet Kostitwenti kollha ta' Grupp MNE bħal dan li huma residenti għal finijiet ta' taxxa fl-Unjoni. Dak l-Istat Membru għandu, skont l-Artikolu 8aa(2), jikkomunika r-rapport għal kull pajjiż li jkun wasal lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li fih, fuq il-bażi tal-informazzjoni fir-rapport għal kull pajjiż, Entità Kostitwenti waħda jew aktar tal-Grupp MNE tal-Entità Notifikanti ikunu residenti għal finijiet tat-taxxa jew inkella jkunu soġġetti għat-taxxa fir-rigward tan-negozju mwettaq permezz ta' stabbiliment permanenti.

Fejn Entità Kostitwenti ma tistax tikseb jew takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippreżenta rapport għal kull pajjiż, f'konformità mal-Artikolu 8aa(3), tali Entità Kostitwenti ma għandhiex tkun eliġibbli li tiġi nominata bħala l-Entità Notifikanti għall-Grupp MNE f'konformità mar-raba' paragrafu ta' dan il-punt. Din ir-regola għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Entità Kostitwenti li tinnotifika l-Istat Membru ta' residenza tagħha li l-Entità Omm Apikali tkun irrifjutat li tagħmel l-informazzjoni meħtieġa disponibbli.

2.

B'deroga mill-punt 1, meta tkun tapplika kondizzjoni waħda jew iktar stipulati fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 1, entità deskritta fil-punt 1 ma għandhiex tkun meħtieġa li tippreżenta rapport għal kull pajjiż b'rabta ma' kwalunkwe Sena Fiskali tar-Rappurtar jekk il-Grupp MNE li hija Entità Kostitwenti tiegħu għamel disponibbli rapport għal kull pajjiż skont l-Artikolu 8aa(3) b'rabta ma' tali Sena Fiskali permezz ta' Entità Omm Surrogata li tippreżenta dak ir-rapport għal kull pajjiż mal-awtorità tat-taxxa tal-ġurisdizzjoni tar-residenza fiskali tagħha fi jew qabel id-data speċifikata fl-Artikolu 8aa(1) u li, f'każ li l-Entità Omm Surrogata hija residenti tat-taxxa f'ġurisdizzjoni barra mill-Unjoni, tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-ġurisdizzjoni tar-residenza fiskali tal-Entità Omm Surrogata teħtieġ il-preżentazzjoni ta' rapporti għal kull pajjiż li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8aa(3);

(b)

il-ġurisdizzjoni tar-residenza fiskali tal-Entità Omm Surrogata għandha fis-seħħ Ftehim Kwalifikanti bejn Awtoritajiet Kompetenti li għalih huwa parti l-Istat Membru saż-żmien speċifikat fl-Artikolu 8aa(1) għall-preżentazzjoni tar-rapport għal kull pajjiż għas-Sena Fiskali tar-Rappurtar;

(c)

il-ġurisdizzjoni tar-residenza fiskali tal-Entità Omm Surrogata ma tkunx innotifikat l-Istat Membru b'Nuqqas Sistemiku;

(d)

il-ġurisdizzjoni ta' residenza fiskali tal-Entità Omm Surrogata tkun ġiet notifikata mhux aktar tard mill-aħħar jum tas-Sena Fiskali tar-Rapportar ta' tali Grupp MNE mill-Entità Kostitwenti residenti għal finijiet tat-taxxa fil-ġurisdizzjoni tagħha li hija l-Entità Omm Surrogata;

(e)

tkun ġiet ipprovduta notifika lill-Istat Membru skont il-punt 4.

3.

L-Istati Membri għandhom jitolbu li kull Entità Kostitwenti ta' Grupp MNE li hija residenti għal finijiet ta' taxxa f'dak l-Istat Membru tinnotifika lill-Istat Membru jekk hijiex l-Entità Omm Apikali jew l-Entità Omm Surrogata jew l-Entità Kostitwenti nominata taħt il-punt 1, mhux iktar tard mill-aħħar jum tas-Sena Fiskali tar-Rappurtar ta' Grupp MNE bħal dan. L-Istati Membri jistgħu jestendu dik l-iskadenza sal-aħħar jum għall-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni tat-taxxa ta' dik l-Entità Kostitwenti għas-sena fiskali preċedenti.

4.

L-Istati Membri għandhom jitolbu li meta Entità Kostitwenti ta' Grupp MNE, li hija residenti għal finijiet ta' taxxa f'dak l-Istat Membru, mhijiex l-Entità Omm Apikali u lanqas l-Entità Omm Surrogata u lanqas l-Entità Kostitwenti nominata taħt il-punt 1, din għandha tinnotifika lill-Istat Membru bl-identità u r-residenza tat-taxxa tal-Entità Notifikanti, mhux iktar tard mill-aħħar jum tas-Sena Fiskali tar-Rappurtar ta' Grupp MNE bħal dan. L-Istati Membri jistgħu jestendu dik l-iskadenza sal-aħħar jum għall-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni tat-taxxa ta' dik l-Entità Kostitwenti għas-sena fiskali preċedenti.

5.

Ir-rapport għal kull pajjiż għandu jispeċifika l-munita tal-ammonti msemmija f'dak ir-rapport.

TAQSIMA III

RAPPORT GĦAL KULL PAJJIŻ

Α.   Mudell għar-rapport għal kull pajjiż

Tabella 1.   Ħarsa ġenerali lejn l-allokazzjoni tal-introjtu, it-taxxi u l-attivitajiet kummerċjali skont il-ġurisdizzjoni fiskali

Isem il-Grupp MNE:

Sena Fiskali kkonċernata:

Munita użata:

Ġurisdizzjoni fiskali

Dħul

Profitt (telf) qabel it-taxxa fuq l-introjtu

Taxxa fuq l-introjtu mħallsa (l-ammont effettivament imħallas — “cash basis”)

Taxxa fuq l-introjtu akkumulata- sena kurrenti

Kapital iddikjarat

Qligħ akkumulat

Numru ta' impjegati

Assi tanġibbli barra flus u ekwivalenti ta' flus

Parti mhux relatata

Parti relatata

Total

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Tabella 2   Lista tal-Entitajiet Kostitwenti tal-Grupp MNE inklużi f'kull aggregazzjoni għal kull ġurisdizzjoni fiskali

Isem il-Grupp MNE:

Sena Fiskali kkonċernata:

Ġurisdizzjoni fiskali

Entitajiet kostitwenti residenti fil-ġurisdizzjoni fiskali

Ġurisdizzjoni fiskali tal-organizzazzjoni jew inkorporazzjoni jekk differenti mill-ġurisdizzjoni fiskalitar-residenza

Attività/Attivitajiet kummerċjali ewlenin

Riċerka u żvilupp

Żamma jew ġestjoni tal-proprjetà intellettwali

Xiri jew akkwist

Manifattura jew produzzjoni

Bejgħ, kummerċjalizzazzjoni jew distribuzzjoni

Servizzi amministrattiv, maniġerjali jew ta' appoġġ

Provvista ta' servizzi lil partijiet mhux relatati

Finanzi tal-grupp intern

Servizzi finanzjarji regolati

Assigurazzjoni

Żamma ta' azzjonijiet jew strumenti ta' ekwità oħra

Inattiv

Oħrajn (1)

 

1.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

2.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

1.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

2.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Tabella 3:   Informazzjoni addizzjonali

Isem il-Grupp MNE:

Sena fiskali kkonċernata:

Jekk jogħġbok inkludi kwalunkwe informazzjoni jew spjegazzjoni qasira ulterjuri li tqis li hija meħtieġa jew li tiffaċilita l-fehim tal-informazzjoni obbligatorja pprovduta fir-rapport għal kull pajjiż

B.   Struzzjonijiet ġenerali għall-kompilazzjoni tar-rapport għal kull pajjiż

1.   Skop

Il-mudell għandu jintuża għar-rappurtar tal-allokazzjoni tal-introjtu, it-taxxi u l-attivitajiet kummerċjali ta' grupp ta' intrapriżi multinazzjonali (MNE) abbażi tal-ġurisdizzjoni fiskali.

2.   Trattament ta' fergħat u stabbilimenti permanenti

Id-data dwar l-istabbiliment permanenti għandha tiġi rrappurtata b'referenza għall-ġurisdizzjoni fiskali li jinstab fih u mhux b'referenza għall-ġurisdizzjoni fiskali tar-residenza tal-unità kummerċjali li l-istabbiliment permanenti huwa parti minnha. Ir-rappurtar tal-ġurisdizzjoni fiskali tar-residenza għall-unità kummerċjali li minnha jagħmel parti l-istabbiliment permanenti għandu jeskludi data finanzjarja relatata mal-istabbiliment permanenti.

3.   Perijodu kopert mill-mudell annwali

Il-mudell għandu jkopri s-Sena Fiskali tal-MNE notifikanti. Għall-Entitajiet Kostitwenti, fid-diskrezzjoni tal-MNE notifikanti, il-mudell għandu jirrifletti waħda mill-informazzjoni li ġejja fuq bażi konsistenti:

(a)

informazzjoni għas-Sena Fiskali tal-Entitajiet Kostitwenti rilevanti li tintemm fl-istess data bħas-Sena Fiskali tal-MNE notifikanti, jew li tintemm fi żmien 12-il xahar qabel dik id-data;

(b)

informazzjoni għal kull Entità Kostitwenti rilevanti rappurtata għas-Sena Fiskali tal-MNE notifikanti.

4.   Sors tad-data

L-MNE notifikanti għandha konsistentement tuża l-istess sorsi ta' data minn sena għal sena meta timla l-mudell. L-MNE notifikanti tista' tagħżel li tuża data mill-pakketti ta' konsolidazzjoni tagħha, mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji statutorji tal-entitajiet separati, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji regolatorji, jew kontijiet ta' ġestjoni interna. Mhuwiex meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-dħul, il-profitt u r-rappurtar tat-taxxa fil-mudell għar-Rapporti Finanzjarji Konsolidati. Jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji statutorji jintużaw bħala l-bażi għar-rappurtar, l-ammonti kollha għandhom jinbidlu għall-munita funzjonali ddikjarata tal-MNE notifikanti bir-rata medja tal-kambju għas-sena ddikjarata fit-taqsima tal-“Informazzjoni addizzjonali” tal-mudell. Madankollu, m'hemmx għalfejn isiru aġġustamenti għal differenzi fil-prinċipji tal-kontabbiltà applikati minn ġurisdizzjoni fiskali għal ġurisdizzjoni fiskali.

L-MNE notifikanti għandha tipprovdi deskrizzjoni qasira tas-sorsi ta' data użati fil-preparazzjoni tal-mudell fit-taqsima tal-“Informazzjoni addizzjonali” tal-mudell. Jekk issir bidla fis-sors tad-data użata minn sena għal sena, l-MNE notifikanti għandha tispjega r-raġunijiet għall-bidla u l-konsegwenzi tagħha fit-taqsima tal-“Informazzjoni addizzjonali” tal-mudell.

C.   Struzzjonijiet speċifiċi għall-kompilazzjoni tar-rapport għal kull pajjiż

1.   Ħarsa ġenerali lejn l-allokazzjoni ta' introjtu, it-taxxi u l-attivitajiet kummerċjali skont il-ġurisdizzjoni fiskali (Tabella 1)

1.1.   Ġurisdizzjoni fiskali

Fl-ewwel kolonna tal-mudell, l-MNE notifikanti għandha telenka l-ġurisdizzjonijiet fiskali kollha li fihom l-Entitajiet Kostitwenti tal-Grupp MNE huma residenti għal finijiet ta' taxxa. Ġurisdizzjoni fiskali hija definita bħala Stat kif ukoll ġurisdizzjoni mhux tal-Istat li jkollha awtonomija fiskali. Għandha tkun inkluża linja separata għall-Entitajiet Kostitwenti kollha fil-Grupp MNE li jitqiesu mill-MNE notifikanti li ma jkunux residenti f'xi ġurisdizzjoni fiskali għal finijiet ta' taxxa. Meta Entità Kostitwenti hija residenti f'iktar minn ġurisdizzjoni fiskali waħda, ir-regoli deċiżivi tal-konvenzjoni tat-taxxa previsti mill-konvenzjoni dwar it-taxxa għandhom jiġu applikati sabiex jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni fiskali tar-residenza. Meta ma teżisti l-ebda konvenzjoni dwar it-taxxa applikabbli, l-Entità Kostitwenti għandha tiġi rrappurtata fil-ġurisdizzjoni fiskali tas-sede ta' ġestjoni effettiva tal-Entità Kostitwenti. Is-sede ta' ġestjoni effettiva għandu jiġi ddeterminat bi standards maqbula internazzjonalment.

1.2.   Dħul

Fit-tliet kolonni tal-mudell taħt l-intestatura ‘Dħul’, l-MNE notifikanti għandha tirrapporta l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont tad-dħul tal-Entitajiet Kostitwenti kollha tal-Grupp MNE fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti ġġenerat minn tranżazzjonijiet ma' intrapriżi assoċjati;

(b)

l-ammont tad-dħul tal-Entitajiet Kostitwenti kollha tal-Grupp MNE fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti ġġenerat minn tranżazzjonijiet ma' partijiet indipendenti;

(c)

it-total tal-ammonti msemmija fil-punti (a) u (b).

Id-dħul għandu jinkludi dħul minn bejgħ ta' inventarju u proprjetajiet, servizzi, drittijiet dovuti għall-użu ta' proprjetà, interessi, primjums u kwalunkwe ammont ieħor. Id-dħul għandu jeskludi ħlasijiet irċevuti minn Entitajiet Kostitwenti oħra li huma ttrattati bħala dividendi fil-ġurisdizzjoni fiskali ta' min iħallas.

1.3.   Profitt (telf) qabel it-taxxa fuq l-introjtu

Fil-ħames kolonna tal-mudell, l-MNE notifikanti għandha tirrapporta l-ammont tal-profitt (telf) qabel it-taxxa fuq l-introjtu għal kull Entità Kostitwenti residenti għal finijiet ta' taxxa fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti. Il-profitt (telf) qabel it-taxxa fuq l-introjtu għandu jinkludi kull introjtu u spiża straordinarji.

1.4.   Taxxa fuq l-introjtu mħallsa (l-ammont effettivament imħallas — “cash basis”)

Fis-sitt kolonna tal-mudell, l-MNE notifikanti għandha tirrapporta l-ammont tat-taxxa fuq l-introjtu effettivament imħallsa matul is-Sena Fiskali rilevanti minn kull Entità Kostitwenti residenti għal finijiet ta' taxxa fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti. It-taxxi mħallsa għandhom jinkludu t-taxxi fi flus imħallsa mill-Entità Kostitwenti lill-ġurisdizzjoni fiskali tar-residenza u lil kull ġurisdizzjoni fiskali oħra. It-taxxi mħallsa għandhom jinkludu t-taxxa minn ras il-għajn imħallsa minn entitajiet oħrajn (intrapriżi assoċjati u intrapriżi indipendenti) fir-rigward tal-ħlasijiet lill-Entità Kostitwenti. Għaldaqstant, jekk il-kumpanija A fil-ġurisdizzjoni fiskali A taqla' interess fil-ġurisdizzjoni fiskali B, it-taxxa minn ras il-għajn fil-ġurisdizzjoni fiskali B għandha tiġi rrapportata mill-kumpanija A.

1.5.   Taxxa fuq l-introjtu akkumulata (sena kurrenti)

Fis-seba' kolonna tal-mudell, l-MNE notifikanti għandha tirrapporta l-ammont tal-ispiża tat-taxxa kurrenti akkumulata fuq il-profitti jew it-telf taxxabbli tas-sena ta' rappurtar ta' kull Entità Kostitwenti residenti għal finijiet ta' taxxa fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti. L-ispiża tat-taxxa kurrenti għandha tirrifletti biss l-operazzjonijiet fis-sena kurrenti u ma għandhiex tinkludi taxxi differiti jew proviżjonijiet għal debiti tat-taxxa inċerti.

1.6.   Kapital dikjarat

Fit-tmien kolonna tal-mudell, l-MNE notifikanti għandha tirrapporta l-ammont tal-kapital ta' kull Entità Kostitwenti residenti għal finijiet ta' taxxa fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti. Fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti, il-kapital dikjarat għandu jiġi rrappurtat mill-entità legali li tagħha huwa stabbiliment permanenti dment li ma jkunx hemm rekwiżit ta' kapital definit fil-ġurisdizzjoni fiskali tal-istabbiliment permanenti għal finijiet regolatorji.

1.7.   Qligħ akkumulat

Fid-disa' kolonna tal-mudell, l-MNE notifikanti għandha tirrapporta l-ammont tal-qligħ akkumulat ta' kull Entità Kostitwenti residenti għal finijiet ta' taxxa fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti sa mill-aħħar tas-sena. Fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti, il-qligħ akkumulat għandu jiġi rrappurtat mill-entità legali li tagħha huwa stabbiliment permanenti.

1.8.   Numru ta' impjegati

Fl-għaxar kolonna tal-mudell, l-MNE notifikanti għandha tirrapporta n-numru totali ta' impjegati fuq bażi ekwivalenti għal full-time (FTE) ta' kull Entità Kostitwenti residenti għal finijiet ta' taxxa fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti. In-numru ta' impjegati jista' jiġi rappurtat ma' tmiem is-sena, fuq il-bażi ta' livelli medji ta' impjieg għas-sena, jew fuq kwalunkwe bażi oħra applikata b'mod konsistenti fid-diversi ġurisdizzjonijiet fiskali u minn sena għal sena. Għal dan il-għan, kuntratturi indipendenti li jipparteċipaw fl-attivitajiet operattivi ordinarji tal-Entità Kostitwenti jistgħu jiġu rrappurtati bħala impjegati. L-arrotondament raġonevoli jew l-approssimazzjoni tan-numru ta' impjegati huwa permissibbli, sakemm dan l-arrotondament jew l-approssimazzjoni ma jtellfux materjalment id-distribuzzjoni relattiva ta' impjegati b'mod materjali fid-diversi ġurisdizzjonijiet fiskali. Approċċi konsistenti għandhom ikunu applikati minn sena għal sena u fid-diversi entitajiet.

1.9.   Assi tanġibbli barra flus u ekwivalenti ta' flus

Fil-ħdax-il kolonna tal-mudell, l-MNE notifikanti għandha tirrapporta l-ammont tal-valuri nett skont il-karta tal-bilanċ ta' assi tanġibbli ta' kull Entità Kostitwenti residenti għal finijiet ta' taxxa fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti. Fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti, l-assi għandhom jiġu rrappurtati b'referenza għall-ġurisdizzjoni fiskali li fiha jinsab l-istabbiliment permanenti. Għal dan il-għan, l-assi tanġibbli ma jinkludux flus jew ekwivalenti ta' flus, assi intanġibbli, jew assi finanzjarji.

2.   Lista tal-Entitajiet Kostitwenti kollha tal-Grupp MNE inklużi f'kull aggregazzjoni skont il-ġurisdizzjoni fiskali (Tabella 2)

2.1.   Entitajiet Kostitwenti residenti fil-ġurisdizzjoni fiskali

L-MNE notifikanti għandha telenka, skont il-ġurisdizzjoni fiskali u skont l-isem tal-entità legali, l-Entitajiet Kostitwenti residenti kollha tal-Grupp MNE li huma residenti għal finijiet ta' taxxa fil-ġurisdizzjoni fiskali rilevanti. Kif iddikjarat fil-punt 2 tal-istruzzjonijiet ġenerali rigward l-istabbilimenti permanenti, madankollu, l-istabbiliment permanenti għandu jkun elenkat permezz ta' referenza għall-ġurisdizzjoni fiskali li jinstab fiha. L-entità legali li tagħha huwa l-istabbiliment permanenti għandha tiġi nnotata.

2.2.   Ġurisdizzjoni fiskali tal-organizzazzjoni jew inkorporazzjoni jekk differenti mill-ġurisdizzjoni fiskali tar-residenza

L-MNE notifikanti għandha tirrapporta l-isem tal-ġurisdizzjoni fiskali fejn skont il-liġijiet tagħha l-Entità Kostitwenti tal-Grupp MNE hija organizzata jew inkorporata jekk hija differenti mill-ġurisdizzjoni fiskali tar-residenza.

2.3.   Attività/Attivitajiet kummerċjali ewlenin

L-MNE notifikanti għandha tiddetermina n-natura tal-attività/attivitajiet prinċipali tal-kummerċ li twettqu mill-Entità Kostitwenti fil-ġurisdizzjoni fil-qasam tat-taxxa rilevanti, billi timmarka kaxxa jew kaxxi rilevanti.”


(1)  Jekk jogħġbok speċifika n-natura ta' attività tal-Entità Kostitwenti fl-“Informazzjoni addizzjonali”


Top