EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016H0818(22)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tas-Slovenja

ĠU C 299, 18.8.2016, p. 90–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/90


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Lulju 2016

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tas-Slovenja

(2016/C 299/22)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta' Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17–18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta' Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2016 (3). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, is-Slovenja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

(2)

Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2016 għas-Slovenja ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Dan evalwa l-progress tas-Slovenja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress tas-Slovenja lejn il-miri nazzjonali Ewropa 2020 tagħha. Dan inkluda wkoll analiżi fil-fond taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tagħha tal-analiżi fil-fond. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li s-Slovenja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Id-dgħufijiet fis-settur bankarju, fil-pożizzjoni tad-dejn korporattiv, in-nuqqas ta' investiment u riskji ta' sostenibbiltà fiskali fit-tul jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet li jridu jiġu indirizzati. Il-fiduċja fis-settur bankarju Sloven irritornat. Madankollu, it-tkabbir tal-kreditu baqa' negattiv u l-livell ta' self improduttiv għadu relattivament għoli. Huwa essenzjali li s-Slovenja tindirizza r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali li jirriżultaw minn pressjonijiet dejjem akbar fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-pensjonijiet tagħha u tnaqqas iż-żieda tad-dejn pubbliku. Jeħtieġ tnaqqis ulterjuri ta' ostakli għal investiment, b'mod partikolari fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika. Jeħtieġ li jissaħħaħ l-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali b'mod partikolari dwar il-pensjonijiet, is-saħħa, il-kura fit-tul u l-politiki tas-suq tax-xogħol.

(3)

Fil-15 ta' April 2016, is-Slovenja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2016 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif ser tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika soda.

(5)

Il-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovenja tal-2016 jindika li l-impatt baġitarju ta' dħul ta' refuġjati eċċezzjonali huwa sinifikanti u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta' dawn il-kostijiet baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, l-ispejjeż eliġibbli addizzjonali ammontaw għal 0,06 % tal-PDG fl-2015 u bħalissa huwa stmat għal 0,07 % tal-PDG fl-2016. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 jipprovdu għal din in-nefqa addizzjonali, billi l-influss tar-refuġjati huwa avveniment eċċezzjonali, l-impatt tiegħu fuq il-finanzi pubbliċi tas-Slovenja huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tiġix kompromessa billi jippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta' żmien. Billi din id-dispożizzjoni mhix applikabbli għall-2015 minħabba li s-Slovenja kienet taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv, valutazzjoni finali fir-rigward tal-2016, inkluż dwar l-ammonti eliġibbli, ser isiru fir-rebbiegħa tal-2017 fuq il-bażi ta' data osservata kif ipprovduta mill-awtoritajiet Sloveni.

(6)

Wara t-tħassir tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, is-Slovenja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2016, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ nominali minn 2,2 % fl-2016 għal 0,4 % tal-PDG fl-2019. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju — baġit ibbilanċjat f'termini strutturali, li ma jirrispettax ir-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir — huwa ppjanat li jinkiseb fl-2020, lil hinn mill-orizzont tal-Programm. Madankollu, il-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid (5) juri defiċit strutturali ta' 1,2 % tal-PDG fl-2019. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 80,2 % tal-PDG fl-2016 u jkompli jonqos għal 73,8 % tal-PDG fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Madankollu, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri tad-defiċit ppjanati mill-2017 'l quddiem ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tas-Slovenja fl-2017 huwa projettat għal 1,8 % tal-PDG, filwaqt li t-tkabbir potenzjali huwa pproġettat għal 1,1 % u t-tkabbir reali tal-PDG ta' 2,3 % tal-PDG. Fuq din il-bażi, is-Slovenja hija kkunsidrata li tinsab fi “żminijiet tajba” fl-2017, li teħtieġ aġġustament strutturali ta' 1 % tal-PDG. Madankollu, hemm inċertezza sinifikanti dwar il-kalkolu tat-tkabbir potenzjali u d-differenza fil-każ speċifiku tas-Slovenja minħabba s-sitwazzjoni speċifika tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari il-kontrazzjoni ekonomika kbira fl-2008–2013 u r-riformi strutturali li qed jiġu implimentati. Stimi alternattivi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni li jkopru firxa ta' żmien itwal, li jirriflettu reviżjoni kontinwa tal-metodu ta' stima, jissuġġerixxu profil ta' marġini tal-potenzjal tal-produzzjoni aħjar għas-Slovenja, li jimplika li jkun prematur li jiġi konkluż li l-ekonomija Slovena hija fi żminijiet tajbin fl-2017. Għalhekk, li jenħtieġ sforz strutturali fl-2017 skont kundizzjonijiet ta' “żmien normali” jidher iktar xieraq f'dan l-istadju attwali. Jidher li hemm riskju ta' xi devjazzjoni mit-triq rakkomandata ta' aġġustament lejn l-objettiv ta' terminu medju fl-2016 u, jekk ma jinbidlux il-politiki, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti fl-2017. Il-konklużjoni għall-2016 ma tinbidilx f'każ li l-impatt baġitarju eċċezzjonali ta' dħul ta' refuġjati ġie eskluż mill-analiżi. Is-Slovenja hija mbassra li tkun konformi mar-regola tad-dejn tranżizzjonali fl-2016, u li b'mod ġenerali tikkonforma magħha fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u filwaqt li jitqies it-tbassir tar-rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskju li s-Slovenja mhux ser tkun f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għalhekk, jinħtieġu iktar miżuri biex jiżguraw konformità fl-2016 u fl-2017.

(7)

F'Lulju 2015, il-Parlament adotta l-Att dwar ir-Regoli Fiskali. Madankollu, Kunsill Fiskali indipendenti għas-sorveljanza tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regoli għad irid jinħatar. Barra minn hekk, ir-reviżjonijiet fl-Att dwar il-finanzi pubbliċi meħtieġa biex ir-Regoli Fiskali jsiru kompletament operazzjonali u li għandhom l-għan li jimplimentaw approċċ pluriennali ta' bbaġitjar fuq bażi statutorja għadhom pendenti.

(8)

Il-livell għoli ta' dejn pubbliku li huwa 'l fuq sew minn 60 % tal-PDG jagħmel lis-Slovenja vulnerabbli għal xokkijiet fit-tkabbir nominali u fir-rata tal-imgħax. Fl-istess ħin, il-popolazzjoni tas-Slovenja qed tixjieħ b'rata aktar mgħaġġla minn ħafna Stati Membri. Is-Slovenja tiffaċċa riskji għolja rigward is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi minħabba li għandha l-ogħla lakuna ta' indikatur tas-sostenibbiltà fit-tul tal-Istati Membri kollha, minħabba ż-żieda projettata fl-infiq pubbliku relatat mal-pensjonijiet, is-saħħa u n-nefqa tal-kura fit-tul. L-infiq pubbliku fuq il-pensjonijiet ipprojettat huwa l-ogħla fost l-Istati Membri kollha u huwa stmat li ser jiżdied minn 11,8 % fl-2013 għal 15,3 % tal-PDG fl-2060. Il-proporzjon ta' dipendenza tal-età avvanzata huwa projettat li jiżdied b'aktar mid-doppju bejn l-2013 u l-2060, u dan ipoġġi pressjoni sinifikanti fuq is-sistemi tal-pensjonijiet. Ir-responsabbiltajiet impliċiti marbuta projettati għall-kost tax-xjuħija jirriflettu l-isfidi fit-tul f'termini ta' popolazzjoni li qed tixjieħ. Barra minn hekk, jista' jkun mistenni li fil-ġejjieni jkun hemm problemi tal-adegwatezza għal ħaddiema b'anqas minn karrieri tax-xogħol sħaħ, b'għadd dejjem jikber ta' nies b'karrieri tax-xogħol mhux kompluti jew qosra, anke minħabba d-dħul tardiv tagħhom fis-suq tax-xogħol, li jaħdmu f'impjieg intermittenti u b'densità baxxa ta' kontribuzzjoni. White Paper dwar il-pensjonijiet ġiet ippubblikata f'April 2016 u ser isservi bħala bażi għal konsultazzjoni pubblika wiesgħa. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni ser jiddaħħlu f'riforma ġdida tal-pensjonijiet li għandha tiġi adottata matul it-terminu leġiżlattiv attwali, biex malajr jibda bi ftehim mas-sħab soċjali dwar l-elementi ewlenin tar-riforma, jiġifieri l-età tal-irtirar, il-livell ta' pensjonijiet, l-indiċjar u l-ottimizzazzjoni tat-tieni pilastru.

(9)

In-nefqa pubblika fuq il-kura fit-tul hija projettata li tiżdied b'aktar mid-doppju sal-2060 minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ. Din hija sfida sinifikanti għas-sostenibbiltà fiskali għas-Slovenja. Il-proporzjon tal-popolazzjoni li għandha età ta' 80 sena u iktar huwa projettat li jittrippla, minn 4,6 % fl-2013 għal 12,4 % fl-2060. Bejn l-2003 u l-2013, l-infiq globali fuq il-kura fit-tul żdiedet b'85 % b'infiq privat li qed jikber b'rata aktar mgħaġġla mill-infiq pubbliku. Ma hemm l-ebda sistema integrata ta' kura fit-tul fis-Slovenja. Is-Slovenja tiffoka l-infiq fuq il-benefiċċji in natura formali, li l-parti l-kbira minnhom jintnefqu fuq kura istituzzjonali aktar milli kura fid-dar, għalkemm iż-żewġ ċifri huma taħt il-medja tal-UE. Hemm lok sinifikanti biex tiżdied il-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa permezz tat-tisħiħ ta' miżuri għat-titjib tal-kura primarja bħala kustodju, bidla minn kura ta' pazjenti fl-isptar għal pazjenti ta' barra, titjib fl-effiċjenza u l-governanza ta' sptarijiet, titjib fil-proċessi tal-ikkuntrattar u l-ħlas għal servizzi tas-saħħa aħjar, żvilupp ta' informazzjoni dwar il-kost għall-adattament ta' gruppi relatati mad-dijanjożi importata, u l-iżvilupp ulterjuri ta' qafas ta' monitoraġġ tal-kwalità. Il-proporzjon ta' akkwist konġunt huwa baxx u hemm fokus qawwi fuq il-kriterju tal-għoti għall-“irħas prezz”. Reviżjoni komprensiva tas-sistema tal-kura tas-saħħa tlestiet u r-Riżoluzzjoni dwar il-Pjan Nazzjonali tal-Kura tas-Saħħa 2016–2025 ġiet adottata mill-Gvern fl-aħħar tal-2015 u mill-Parlament f'Marzu 2016. Ir-Riżoluzzjoni tirrappreżenta pjan strateġiku għall-iżvilupp tas-sistema tal-kura tas-saħħa. Xi wħud mill-miżuri tagħha qed jiġu implimentati, filwaqt li proposti għal miżuri vinkolanti ewlenin oħrajn ta' implimentazzjoni għadhom qed jitħejjew u għad iridu jiġu ppreżentati. Għadu mhux ċar ukoll jekk ir-riforma hijiex ser tindirizza kwistjonijiet ewlenin bħalma huma skemi ta' stabilizzazzjoni awtomatika integrata, li tista' ttaffi bidliet fid-dħul tul iċ-ċiklu tan-negozju jew l-aċċess u l-kwalità tal-forniment tas-servizz. L-adozzjoni tal-Att dwar il-Kura fit-Tul u l-Att dwar il-Kura tas-Saħħa u l-Assigurazzjoni tas-Saħħa ġiet imdewma b'mod ripetut u l-pjan direzzjonali attwali għall-adozzjoni tagħhom jidher li huwa ottimist għat-tieni nofs tal-2016.

(10)

Il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol qed titjieb gradwalment u l-kundizzjonijiet soċjali huma stabbli. Il-ħolqien tal-impjiegi żdiedet b'mod konsiderevoli u l-qgħad qed jonqos. Min-naħa l-oħra, ir-rati ta' parteċipazzjoni ta' ħaddiema ikbar fl-età u b'ħiliet baxxi jibqgħu ta' sfida. Il-qgħad fit-tul għadu jirrappreżenta aktar minn nofs dawk qiegħda b'sehem sinifikanti li ilhom qiegħda bi ftit kwalifiki jew li għandhom aktar minn 50 sena. Il-Linji Gwida għal Miżuri ta' Politika Attivi tas-Suq tax-Xogħol 2016–2020 jirrappreżentaw kontinwazzjoni tal-approċċ implimentat s'issa, filwaqt li n-nefqa għal dan il-qasam ta' politika tibqa' baxxa. Eżenzjonijiet temporanji minn kontribuzzjonijiet soċjali ta' min iħaddem għal ħaddiema impjegati ġodda li għandhom iktar minn 55 sena ġew adottati f'Novembru 2015. Miżuri ulterjuri biex tittawwal il-ħajja tax-xogħol, inkluż l-adattament tal-ambjent tax-xogħol, li huma rilevanti wkoll għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, huma mistennija li jiġu preżentati fl-2016. Iż-żieda fil-pagi baqgħet konformi maż-żidiet fil-produttività u kompliet tappoġġa l-kompetittività esterna. F'Novembru 2015, il-Parlament għadda liġi proposta mit-trejdunjins li l-paga minima definita mill-ġdid għandha teskludi xi bonuses. B'riżultat ta' dan, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem irtiraw mill-ftehim soċjali, li dgħajjef id-djalogu soċjali b'mod konsiderevoli.

(11)

Sar progress fil-ħidma fuq self improduttiv, għalkemm xorta jibqgħu f'livelli għolja meta mqabbel mal-perjodu ta' qabel il-kriżi. Is-Slovenja implimentat bosta miżuri ta' politika biex ittejjeb is-sostenibbiltà tas-settur bankarju. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-kapaċità ta' ħidma tal-banek u l-introduzzjoni ta' miri speċifiċi li jistabbilixxu azzjoni għat-tnaqqis ta' self improduttiv. Is-Slovenja introduċiet bosta miżuri biex tiġġestixxi r-riskji tal-kreditu. Ir-riżultati pożittivi huma mistennija sa nofs l-2016. Madankollu, il-prijoritajiet politiċi fit-terminu qasir jibqgħu r-riżoluzzjoni ulterjuri ta' self improduttivi u l-immaniġġjar tar-riskju ta' kreditu. Ristrutturar operattivi u finanzjarji ta' korporazzjonijiet kbar tlesta u ftehimiet ta' ristrutturar ewlenin qed jiġu mmonitorjati kontinwament. Il-Kumpanija għall-Ġestjoni tal-Assi tal-Banek (BAMC) hija kompletament operattiva u l-Istrateġija 2017–22 tagħha ġiet stabbilita. Filwaqt li sar progress mill-BAMC fil-ħidma tal-ktieb tas-self tagħha, tibqa' riskju sinifikanti għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Fl-2015, l-attivitajiet tagħha kkontribwew 1 % tal-PDG għall-iżbilanċ pubbliku ta' 2,9 %. Is-sorveljanza tal-attivitajiet ta' BAMC jidhru insuffiċjenti minħabba li l-awtoritajiet kienu stmaw konsiderevolment anqas id-defiċit mill-BAMC fl-2015 b'0,7 % tal-PDG u dehru mhux konxji tal-livell ta' tpaċija mwettqa mill-BAMC. Għodod addizzjonali ta' ristrutturar huma disponibbli wkoll. Fuq in-naħa ta' wara ta' progress sostanzjali fil-qasam ta' ristrutturar ta' kumpaniji kbar, is-Slovenja bdiet ir-ristrutturar ta' diversi SMEs. Il-linji gwida għar-ristrutturar ta' SMEs bħalissa qed jiġu implimentati mill-banek. Sar progress fl-aċċess għal finanzjament għall-SMEs u l-mikrokumpaniji. Madankollu hemm aċċess limitat għal sorsi alternattivi ta' finanzjament bħalma huma kapital ta' riskju. Negozji żgħar għadhom wisq dipendenti fuq is-self bankarju minkejja ż-żieda ta' strumenti tad-dejn u l-ekwità disponibbli fis-suq. Għalhekk dan is-segment huwa vulnerabbli ħafna għal żviluppi fis-suq tal-kreditu.

(12)

It-tkabbir tal-investiment ilu staġnat fis-snin reċenti, li jillimita l-produzzjoni ekonomika tas-Slovenja u l-prospetti ta' tkabbir fil-ġejjieni. L-investiment privat naqas drastikament matul il-kriżi u minn dak iż-żmien is-sehem fil-PDG kien qiegħed jonqos. Bl-investiment pubbliku dipendenti ħafna fuq id-dinamika ta' fondi tal-UE, aktar investiment produttiv huwa meħtieġ biex jistimula u jsostni t-tkabbir ekonomiku. L-investiment dirett barrani fis-Slovenja kiber b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar sentejn, l-aktar minħabba żieda ta' sforzi ta' privatizzazzjoni. Madankollu, l-ambjent tan-negozju tas-Slovenja għadu mxekkel minn tnaqqis fl-ingranaġġ u livell għoli ta' piż amministrattiv, partikolarment fl-oqsma tal-kostruzzjoni, il-ġestjoni tat-territorju, il-konformità mat-taxxa, iżda wkoll minħabba regolamentazzjoni restrittiva dwar l-aċċess għal u l-eżerċizzju tal-professjonijiet regolati, li jimpedixxi l-influss ta' investiment. Negozju aktar faċli fis-Slovenja jiddependi fuq fiduċja akbar ta' negozju u ta' aktar eliminazzjoni ta' ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni pubblika u l-burokrazija minħabba għadd kbir ta' liġijiet jew liġijiet sekondarji u bidliet frekwenti fil-leġislazzjoni. Madwar nofs il-miżuri għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li kienu stabbiliti f'dokument uniku tal-Gvern ġew implimentati, iżda xi miżuri rilevanti, speċjalment dwar permessi għall-bini u l-ġestjoni tat-territorju, ġew imdewma.

(13)

L-istrateġija 2015–2020 għall-iżvilupp tal-amministrazzjoni pubblika, adottata bħala parti mill-konformità tas-Slovenja għall-prekondizzjonijiet għall-aċċess għall-fondi strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-2014–2020, hija mifruxa fost diversi portafolli, u dan jagħmel il-koordinazzjoni transministerjali essenzjali jekk din għandha tkun implimentata b'mod korrett u fil-ħin. Fi Frar 2016, il-Gvern adotta t-tieni rapport interim dwar l-implimentazzjoni tal-programm “tolleranza żero tal-korruzzjoni”. Sar xi progress fl-implimentazzjoni ta' dak il-programm. Madankollu, ċerti miżuri tal-programm (akkwist pubbliku konġunt għas-saħħa, eżami tal-kriminalità fis-settur bankarju u l-adozzjoni tal-Att għall-integrità u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni) ġew posposti. L-emenda prevista għall-Att għall-integrità u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni ser tipprovdi opportunità biex jitjieb il-funzjonament tal-Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, billi jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' kredibbiltà u l-effiċjenza ta' ħidmitha. Fis-sistema tal-ġustizzja, it-tul tal-kawżi tnaqqas iktar u n-numru ta' kawżi pendenti tnaqqas minn livelli għolja ħafna, parzjalment megħjun minn numru iżgħar ta' kawżi ġodda. It-tnaqqis huwa determinat ukoll, sa ċertu punt, minn tibdil fit-trattament proċedurali u statistika ta' kawżi ta' infurzar. Il-Qorti Suprema tkompli taġġorna l-proċessi kummerċjali fil-qrati u tirriforma s-sistemi ta' ġestjoni tal-każijiet. Minkejja titjib fil-qafas ta' insolvenza tan-negozji, li joffri aktar opportunitajiet għal riorganizzazzjoni, il-proċedimenti ta' likwidazzjoni jibqgħu twal u ineffettivi.

(14)

L-involviment tal-Istat fl-ekonomija għadu għoli. L-Istat huwa l-ikbar impjegatur, l-ikbar maniġer tal-assi u l-ikbar detentur tad-dejn korporattiv fis-Slovenja. Bħala tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa lis-Slovenja bejn l-2012 u l-2015 dwar din il-kwistjoni, il-pajjiż ipproduċa qafas ġdid għall-Impriża Sovrana Slovena. Dan jinkludi strateġija dwar il-ġestjoni tar-responsabbiltà Statali, sett ta' kriterji ta' prestazzjoni tal-assi u pjan ta' ġestjoni għall-2016. Din is-sistema tikkomplementa l-kodiċi ta' governanza korporattiva ġdid għal intrapriżi Statali adottati fi tmiem l-2014. L-istrateġija tikkonferma l-firxa attwali ta' involviment tal-Istat fl-ekonomija u ċċaqlaq il-fokus lejn prestazzjoni aħjar ta' impriżi Statali. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-qafas rivedut mill-Impriża Sovrana Slovena hija ferm aktar importanti biex tiġi żgurata separazzjoni ta' sjieda tal-Gvern u l-funzjonijiet regolatorji u l-ġestjoni professjonali tal-impriżi tal-Istat. Dan, flimkien ma' aktar privatizzazzjoni ta' ċerti assi, għandhom inaqqsu l-obbligazzjonijiet kontinġenti għall-baġit minn dan il-qasam. Il-privatizzazzjoni ta' Nova Ljubljanska Banka (NLB) ser titnieda fl-2016 skont il-Pjan ta' Ġestjoni tal-Impriża Sovrana Slovena.

(15)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovenja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm ta' Riforma Nazzjonali u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovenja fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għas-sostenibbiltà tal-politika fiskali u soċjoekonomika fis-Slovenja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt.

(16)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(17)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3) u (4) hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2016 u fl-2017 biex:

1.

Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, tikseb aġġustament fiskali ta' 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2016 u l-2017. Tistabbilixxi għan baġitarju ta' terminu medju li jirrispetta r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Issaħħaħ il-qafas fiskali billi taħtar kunsill fiskali indipendenti u temenda l-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi. Tikkompleta u timplimenta r-riforma tas-sistema tal-kura fit-tul u tas-saħħa, billi trendihom iktar kosteffettivi biex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul ta' kura aċċessibbli u ta' kwalità. Sal-aħħar tal-2017, tadotta l-miżuri meħtieġa biex tiżgura s-sostenibbiltà u l-adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjoni.

2.

F'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, iżżid l-impjegabbiltà ta' dawk b'ħiliet baxxi u ħaddiema ikbar fl-età, inkluż permezz tat-tagħlim tul il-ħajja u miżuri ta' attivazzjoni mmirati.

3.

Ittejjeb il-kundizzjonijiet ta' finanzjament kummerċjali ta' sodezza kreditizja durabbli, inkluż billi tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta' self improduttiv u aċċess għal sorsi alternattivi ta' finanzjament. Tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-istrateġija tal-kumpanija maniġerjali tal-assi tal-bank.

4.

Tieħu miżuri biex timmodernizza l-amministrazzjoni pubblika u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji. Ittejjeb il-governanza u l-prestazzjoni tal-intrapriżi tal-Istat.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 96, 11.3.2016, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Il-bilanċ strutturali kif kalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-Programm ta' Stabbiltà, skont il-metodoloġija komunement miftiehma.

(6)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top