Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016H0818(16)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Irlanda

    ĠU C 299, 18.8.2016, p. 65–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 299/65


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Lulju 2016

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Irlanda

    (2016/C 299/16)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWRPOEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kienu approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat l-Irlanda bħala waħda mill-Istati Membri li għaliha kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta' Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2016 (3). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, l-Irlanda għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni.

    (2)

    Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2016 għall-Irlanda ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Huwa vvaluta l-progress tal-Irlanda fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress tal-Irlanda lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa 2020. Inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond. L-analiżi tal-Kummissjoni twassal għall-konklużjoni li l-Irlanda qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, hi essenzjali biex tindirizza stokks kbar ta' obbligazzjonijiet esterni u ta' dejn pubbliku u privat li jikkostitwixxi vulnerabbiltajiet, minkejja titjib.

    (3)

    Fid-29 ta' April 2016, l-Irlanda ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tagħha u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (4)

    Il-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020 indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għal kull pajjiż. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif ser tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni fil-linji gwida tal-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effiċjenza tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika soda. Wara t-tħassir tal-proċedura ta' dejn eċċessiv, l-Irlanda qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola ta' dejn tranżizzjonali.

    (5)

    Wara t-tħassir tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, l-Irlanda qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tagħha, li huwa bbażat fuq preżunzjoni tal-ebda bidla fil-politika, il-gvern qiegħed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ nominali sakemm jilħaq surplus ta' 0,4 % tal-PDG fl-2018. L-objettiv baġitarju ta' terminu medju ta' defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG mistenni jintlaħaq fl-2018. Madankollu, it-tibdil annwali fil-bilanċ strutturali rikalkulat (5) ta' 0,1 % tal-PDG fl-2016 ma jiżgurax progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG hu mistenni li jinżel għal 88,2 % fl-2016 u jkompli jinżel għal 85,5 % fl-2017. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Madankollu, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri tad-defiċit ppjanati mill-2017 'l quddiem ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti. Ibbażat fuq it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta' xi devjazzjoni mill-aġġustament fiskali rrakkomandat fl-2016, fil-waqt li l-Irlanda hija projettata li tkun konformi fl-2017 jekk ma jkunx hemm tibdil ta' politika. L-Irlanda hi mbassra li tkun konformi mar-regola ta' dejn tranżizzjonali fl-2016 u l-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà u filwaqt li jqis it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Irlanda hi mistennija li fil-biċċa l-kbira tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, huma meħtieġa miżuri ulterjuri biex tiġi żgurata konformità fl-2016.

    (6)

    L-isforzi għat-twessigħ tal-bażi tat-taxxa ġew limitati u l-miżuri tat-taxxi ffokaw fuq tnaqqis u għajnuniet. Jista' jsir progress ulterjuri biex is-sistema fiskali tkun aktar effiċjenti u favur it-tkabbir. L-awtoritajiet Irlandiżi wettqu programm kontinwu ta' analiżi tan-nefqa tat-taxxa, bir-riżultati ta' din l-analiżi jkunu ppubblikati f'rapport annwali. Madankollu, il-proċess ta' analiżi ma jkoprix in-nefqiet tat-taxxa relatati tal-VAT u għad hemm skop għat-twessigħ tal-bażi tat-taxxa permezz ta' żidiet fit-taxxi inqas distorsivi.

    (7)

    Il-kosteffettività, l-aċċess ugwali u s-sostenibbiltà jibqgħu sfidi kritiċi għas-sistema tal-kura tas-saħħa. Elementi speċifiċi ta' riformi huma fil-fażi ta' progress, iżda n-nefqa fuq il-farmaċewtiċi, b'mod partikolari minħabba l-kost għoli ta' mediċini b'fornitur wieħed huma ta' piż fuq l-kosteffettività. L-immaniġġjar finanzjarju u s-sistemi ta' informazzjoni jibqgħu dgħajfa u l-aċċess inugwali għall-kura tas-saħħa primarja għadha ta' tħassib. Madwar 40 % tal-popolazzjoni għandha aċċess mingħajr ħlas għal prattikanti ġenerali, filwaqt li l-oħrajn iħallsu l-kost sħiħ. Hemm inċertezza sinifikanti ddur mar-riforma wiesa' tas-sistema tal-kura tas-saħħa hekk kif il-mudell ta' assigurazzjoni medika universali hija f'sitwazzjoni kkumplikata.

    (8)

    Trid tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-infrastruttura sabiex jiġi promoss tkabbir durabbli u bbilanċjat fil-futur. Wara l-ogħla punt ta' 5,2 % tal-PDG fl-2008, l-investiment pubbliku naqas għal 1,8 % tal-PDG fl-2013 qabel ma kien hemm irkupru żgħir fl-2014, meta kien għadu ferm inqas mill-medja tal-UE. Barra minn hekk, il-kriżi tidher li wasslet għal bidla strutturali fil-kompożizzjoni tan-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika 'l bogħod mill-investiment lejn in-nefqa attwali. Fl-2010-2013, in-nefqa kapitali kienet tilħaq biss medja ta' 4,8 % tat-total, inqas minn nofs il-medja fuq żmien twil bejn 1995-2008. Seba' snin ta' tnaqqis qawwi fl-investiment tal-gvern wasslu għal impatt negattiv fuq il-kwalità u l-adegwatezza tal-infrastruttura u l-appoġġ tal-gvern għal investimenti intanġibbli. Hemm nuqqasijiet ewlenin fid-djar, l-ilma, it-trasport pubbliku u fil-kapaċità tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Id-domanda għal djar ġodda attwalment taqbeż il-provvista b'marġni kbira fiż-żoni urbani ewlenin tal-pajjiż. Bħala riżultat, il-prezzijiet u l-kirjiet ta' proprjetà residenzjali f'żoni urbani żdiedu b'mod qawwi fl-2014, qabel ma t-tkabbir naqas fl-2015. Attwalment ma hemmx evidenza ta' valutazzjoni ogħla milli suppost, iżda limiti li jillimitaw is-settur tal-kostruzzjoni u l-provvista ta' djar, inkluż dawk marbuta mal-infrastruttura pubblika, jistgħu jiġġeneraw riskji għal żbilanċi jekk ma tinstabx soluzzjoni. Il-bidla fin-nefqa tal-gvern affettwat ukoll appoġġ mis-settur pubbliku għar-R&Ż u l-innovazzjoni li kienu inqas mil-livelli tal-2007 fl-2014. Attwalment, f'termini tar-R&Ż pubbliċi bħala perċentwal tal-PDG, l-Irlanda tinsab fit-22 post fl-Unjoni. Dan għandu impatt negattiv fuq il-kompetittività ta' SMEs.

    (9)

    Il-qgħad naqas taħt il-medja tal-UE u f'Marzu tal-2016 kien ta' 8,6 %. Madankollu, il-qgħad fit-tul u l-intensità baxxa ta' xogħol ta' unitajiet domestiċi jibqgħu sors ta' tħassib. B'mod partikolari, għalkemm ir-rata ta' qgħad fit-tul naqset matul dawn l-aħħar snin, il-proporzjon ta' persuni qiegħda li huma qiegħda fit-tul baqa' għoli b'56,3 % fir-raba' kwart tal-2015, li huwa ogħla mill-medja tal-UE ta' 48,3 %. Fl-2014 (l-iktar data komparabbli reċenti), il-perċentwal tal-popolazzjoni li tgħix f'unitajiet domestiċi b'intensità baxxa tax-xogħol (VLWI) kien l-ogħla fl-UE b'21,1 % u kien speċjalment prevalenti għal unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed. Il-proporzjon ta' tfal (b'età bejn 0 sa 17) b'rata ta' riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali (AROPE) naqas għal 30,3 % fl-2014 iżda għadu ogħla mill-medja tal-UE ta' 27,8 %. Iċ-ċifra AROPE korrispondenti għal unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed (62,5 % fl-2014) hi ogħla mill-medja tal-UE (48,2 %).

    (10)

    L-Irlanda bdiet tvara l-Programm JobPath biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-qgħad fit-tul u l-iżvilupp ta' approċċ ta' attivazzjoni biex tinkoraġġixxi dawk bil-potenzjal u bix-xewqa biex ikollhom rwol aktar attiv fil-forza tax-xogħol. L-isfida tibqa' li s-servizzi ta' appoġġ għall-impjiegi jespandu għal dawk tradizzjonalment esklużi mis-suq tax-xogħol, inklużi persuni b'diżabbiltà u dawk b'responsabbiltajiet ta' kura. B'mod ġenerali, is-sistema ta' protezzjoni soċjali ħadmet sew biex trażżan l-effetti tal-kriżi fuq il-faqar u l-inugwaljanza, iżda għad hemm ostakli għal tkabbir inklużiv. Sar xi progress fit-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji, iżda għad hemm tħassib dwar nases tal-inattività għal ċerti unitajiet domestiċi. Bħala perċentwal tal-pagi, il-kostijiet netti tal-kura tat-tfal fl-Irlanda huma fost l-ogħla fl-Unjoni, it-tieni l-ogħla għall-koppji u l-ogħla għal ġenituri waħedhom. Għad hemm tħassib dwar il-kwalità ta' dispożizzjonijiet tal-kura tat-tfal. Pereżempju fl-2014, il-perċentwal ta' gradwati li jaħdmu fis-settur tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (15 %) baqa' baxx ferm aktar mil-livell irrakkomandat. Ħarġu nuqqasijiet ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u nuqqasijiet ta' ħiliet f'ċerti oqsma, filwaqt li titjib tal-ħiliet u opportunitajiet ta' ksib mill-ġdid ta' ħiliet jibqgħu insuffiċjenti, u t-tnaqqis fin-nefqa għall-edukazzjoni jista' jkollu impatt negattiv fuq riżultati edukattivi fil-futur.

    (11)

    L-ingranaġġ għoli tas-settur privat jirrifletti fuq kwistjonijiet ta' indeboliment tas-self. Fl-aħħar ta' Ġunju tal-2015, id-dejn mhux ikkonsolidat tas-settur privat kien 266,3 % tal-PDG, ferm ogħla mill-medja taż-żona tal-euro. Għalkemm il-proporzjon ta' self improduttiv qed jonqos minħabba l-irkupru ekonomiku u l-attivitajiet ta' ristrutturar, fi tmiem l-2015 dan baqa' fost l-ogħla fiż-żona tal-euro, b'iktar minn 16 % tas-self kollu domestiku tal-banek. Barra minn hekk, 14,7 % tal-istokk tal-mutwu ipotekarju kien bl-arretrati fi tmiem l-2015, filwaqt li l-kontijiet bl-arretrati ta' iktar minn sentejn irrappreżentaw kważi 10 % tal-bilanċ totali tas-self ipotekarju. Filwaqt li qed isir xi progress, il-biċċa l-kbira tar-ristrutturar tal-mutwu ipotekarju hu temporanju, b'enfasizzar tar-riskju ta' inadempjenza mill-ġdid, speċjalment f'każ ta' deterjorament makroekonomiku jew xokk estern. Is-self ta' proprjetà immobbli kummerċjali miżmum minn banek domestiċi u self lil SMEs u lil negozji wkoll għadhom oqsma ta' tħassib bi proporzjonijiet ta' self improduttiv ta' 37,3 % u 13,8 % rispettivament. Filwaqt li qed isir xi progress, hemm bżonn ta' iktar ħin u sforz għar-ristrutturar ta' dawn il-kontijiet b'mod sostenibbli. Proċeduri ta' insolvenza personali, falliment, examinership (protezzjoni mill-qrati skont il-liġi Irlandiża għal kumpaniji f'diffikultà) u mezzi oħrajn ta' għajnuna parzjali minn dejn intenzjonati sabiex unitajiet domestiċi u negozji jerġgħu jkunu vijabbli, jibqgħu mhux użati għall-massimu possibbli. L-introduzzjoni ta' reġistru ta' kreditu ċentrali kienet kajmana minkejja li kien importanti għas-self prudenti ta' appoġġ.

    (12)

    L-Att tal-2015 tar-Regolament tas-Servizzi Legali ġie ffirmat f'liġi, iżda, fi stadju tardiv tal-proċess, saru konċessjonijiet lil professjonijiet legali li naqqsu b'mod sinifikanti l-ambizzjoni inizjali tar-riforma. L-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid għadu qed jibda u għadu kmieni wisq biex wieħed ikun kunfidenti b'mod sħiħ li din ser tagħti spinta lill-kompetizzjoni u tnaqqas il-kostijiet. Is-servizzi legali huma input għas-setturi kollha tal-ekonomija u l-kost tagħhom jaffettwa l-kompetittività tal-Irlanda. Tnaqqis attwali fil-kostijiet jista' jinkiseb biss jekk id-dispożizzjonijiet ippjanati għat-titjib fil-kompetizzjoni u għat-tnaqqis tal-kostijiet tal-qafas regolatorju ppjanat isiru liġi wara proċessi ta' konsultazzjoni pubblika jew inkorporati f'regolamenti li jinħarġu mill-Awtorità Regolatorja tas-Servizzi Legali.

    (13)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Irlanda u ppubblikat din l-analiżi fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hi vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Irlanda fis-snin preċedenti. Ikkunsidrat mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali sostenibbli u soċjoekonomika fl-Irlanda iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika ġenerali tal-UE tal-Unjoni Ewropea billi tipprovdi input fuq livell tal-UE f'deċiżjonijiet nazzjonali tal-futur. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) hawn taħt.

    (14)

    Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (15)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (3) hawn taħt.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fl-2016 u fl-2017 biex:

    1.

    Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, tikseb aġġustament fiskali annwali ta' 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2016 u fl-2017. Tuża qligħ mhux mistenni minn kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji b'saħħithom, kif ukoll minn bejgħ ta' assi, għat-tħaffif tat-tnaqqis tad-dejn. Tnaqqas il-vulnerabbiltà ta' fluttwazzjonijiet ekonomiċi u xokkijiet, fost l-oħrajn bit-twessigħ tal-bażi tat-taxxa. Ittejjeb il-kwalità tan-nefqa, b'mod partikolari biż-żieda tal-kosteffettività tal-kura tas-saħħa u bl-għoti ta' prijorità għal nefqa kapitali mill-gvern f'R&Ż u f'infrastruttura pubblika, b'mod partikolari fit-trasport, is-servizzi tal-ilma u d-djar.

    2.

    Tespandi u tħaffef l-implimentazzjoni ta' politiki ta' attivazzjoni għal żieda fl-intensità tax-xogħol ta' unitajiet domestiċi u l-indirizzar tar-riskju ta' faqar għat-tfal. Issegwi miżuri għal inċentivi ta' impjieg bit-tnaqqis gradwali ta' benefiċċji u pagamenti supplementari. Ittejjeb il-provvista għal kura tat-tfal ta' kwalità, affordabbli u kontinwa.

    3.

    Tiffinalizza soluzzjonijiet ta' ristrutturar durabbli għal tnaqqis ta' self improduttiv u tiżgura sostenibbiltà tad-dejn ta' unitajiet domestiċi u tinkoraġġixxi mutwanti biex jagħtu d-daqs tajjeb tad-dejn għal negozji b'ingranaġġ eċċessiv iżda li huma vijabbli. Tħaffef l-introduzzjoni ta' reġistru tal-kreditu ċentrali operazzjonali li jkopri l-kategoriji kollha ta' mutwanti u obbliganti.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. KAŽIMÍR


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  ĠU C 96, 11.3.2016, p. 1.

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (5)  Il-bilanċ strutturali huwa kkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-Programm ta' Konverġenza, b'segwitu tal-metodoloġija miftiehma b'mod komuni.

    (6)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top